THE DEPUTY CHAIRMAN (Onor. Frederick Azzopardi): Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata
ONOR. CHRIS CARDONA: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta’ artiklu li deher fuq is-sit elettroniku ta’ timesofmalta.com tas-6 ta’ Diċembru 2007 intitolat “The Smart Island” is in the making;
Kopja ta’ artiklu li deher fuq is-sit elettroniku ta’ timesofmalta.com tal-1 ta’ Ottubru 2009 intitolat Malta fares badly in broadband quality test, flimkien mal-kummenti magħmula fuq dan l-artikolu;
Statistika dwar internet users fl-Unjoni Ewropea maqsuma għal kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea;
Kopja tal-editorjal ta’ The Times of Malta Optimising use of the country’s ICT resources tat-12 ta’ Novembru 2009; u
Kopja ta’ mistoqsija parlamentari numru 12651 li tweġiba għaliha ngħatat fid-19 ta’ Novembru 2009, dwar impjiegi relatati mal-ICT.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Charles Buhagiar.
ONOR. CHARLES BUHAGIAR: Sur President, meta għamel il-kritika tiegħu għall-budget il-Kap tal-Oppożizzjoni ppreżenta lista ta’ proġetti li ssemmew is-sena li għaddiet fil-budget u li reġgħu ssemmew din is-sena. Jien se nsemmi proġetti li mhux issemmew is-sena li għaddiet u reġgħu ssemmew din is-sena imma proġetti li ilhom jiġu mwiegħda snin twal li jaqgħu taħt dan il-ministeru però ma saru qatt.
Nibda bl-ewwel proġett, Sur President, li jaffettwa lilek ukoll. Nemmen li l-proġett tat-terminal ġewwa ċ-Ċirkewwa huwa proġett ta’ importanza għal dan il-pajjiż b’mod partikolari għal Għawdex. Illum, kif inhuma l-affarijiet, jekk tmur iċ-Ċirkewwa m’għandek imkien fejn tistkenn mill-elementi. Dan huwa proġett li ilu mwiegħed mill-1993 jiġifieri 16-il sena. Dakinhar qalulna li kellu jsir u jitlesta sas-sena 1996. Naturalment ma sar xejn, imbagħad fis-sena 2004 kienu qalulna li l-proġett ġie delayed. M’għandniex għalfejn ngħidu, ma sar xejn u kellu jiġi ridimensjonat u riedu jsiru pjanti ġodda. Mela, l-ewwel kienu saru pjanti fl-1993 imbagħad saru pjanti ġodda fis-sena 2004. Għaddew sentejn u ma sar xejn. Fis-sena 2006 qalulna li se jagħmlu applikazzjoni ġdida lill-MEPA u se jbiddlu l-pjanti. Mela din kienet se tkun it-tielet verżjoni tal-proġett tat-terminal ta’ Ċirkewwa. Wara dan il-Prim Ministru kien qalilna li se japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett u f’Jannar 2008 reġgħet saret l-applikazzjoni oħra lill-MEPA, ir-raba’ waħda. Meta saret din l-applikazzjoni f’Settembru 2008 kienu qalulna li x-xogħol kellu jibda f’Lulju fis-sena 2009 u kellu jitlesta sas-sena 2011. Huwa veru li ma tantx immur iċ-Ċirkewwa imma jidhirli li ma sar xejn minn dakinhar ‘il hawn.
Proġett ieħor li ilu jiġi mwiegħed is-snin huwa dak tal-baċir numru 1. Dan huwa proġett li jaf il-bidu tiegħu fl-1996, jiġifieri 13-il sena ilu meta l-ministru tal-finanzi dakinhar kien qal li hemmhekk kien se jagħmel lukanda u yacht marina. Għaddew is-snin u ma sar xejn, imbagħad f’Jannar tas-sena 2004 kienu qalulna li se jippreparaw development brief għal dan il-proġett. F’Lulju 2004 il-ministru ta’ dakinhar, l-Onor. Jesmond Mugliett, kien qalilna li d-development brief kien se jiġi ppubblikat dalwaqt u jinħareġ f’Settembru. Fil-verità f’Novembru l-MEPA kienet approvat development brief u kienu nħarġu t-tenders għax-xogħol tal-baċir numru 1 li kellhom jinħarġu f’Jannar tas-sena 2005. Il-kuntratt kellu jiġi ffirmat fis-sajf tas-sena 2006 u x-xogħol jibda fis-sena 2007. Meta vara d-development brief il-gvern qalilna li l-proġett kellu jqum Lm12 miljun. F’Awissu tas-sena 2005 kellha tingħalaq id-data tal- expression of interest imbagħad ħarġu t-tenders u saru żewġ offerti mir-Romagas u mill-kumpanija Cottonera Waterfront Group.
F’Jannar tas-sena 2006 qalulna li l-kuntratt kellu jiġi ppreżentat lil dan il-parlament f’Lulju tas-sena 2006. Sadanittant baqgħu għaddejjin bid-diskussjonijiet mar-Romagas u f’Jannar tas-sena 2007 qalulna li fis-sajf tas-sena 2007 kellhom jippreżentaw riżoluzzjoni fil-parlament ħalli jsir ix-xogħol. Qalulna wkoll – din hija importanti u se ngħid għalfejn – li kien fi Frar tas-sena 2007 li l-gvern aċċetta fil-prinċipju l-proġett tar-Romagas. Dan huwa proġett li kien innegozja l-Onor. Jesmond Mugliett ma’ dan il-consortium, proġett li kien jinkludi l-bini ta’ 200 appartament. Imbagħad f’Ottubru tal-2007 kienu qalulna wkoll li apparti affarijiet oħrajn kienu ddeċidew li jinkludu l-car park li kellu jsir f’Santa Margerita, Bormla. Dejjem nisimgħu li l-affarijiet mexjin u f’daqqa waħda f’Mejju ta’ din is-sena qalulna li d-diskussjonijiet ma’ Romagas fallew. Il-Ministru Austin Gatt qalilna li l-gvern ma qabilx ma’ dak il-proġett li kien qed jipproponi r-Romagas u minflok se jagħmlu crafts village fil-baċir numru 1 ġewwa Bormla.
Sur President, meta fi Frar 2007 kien irrapportat li l-gvern kien aċċetta l-proposta tar-Romagas, l-Onor. Austin Gatt kien ministru wkoll dakinhar. Kif jiġi issa u jgħidilna li l-gvern ma qabilx mal-proposta tar-Romagas? Nittama li jirrispondini. Issa ma’ dan il-proġett żidna biċċtejn oħra u qed ngħidu li se nagħmlu landscaping tal-promenade li se jibqa’ sejjer sal-Isla. Qed ngħidu wkoll li dan il-proġett ta’ landscaping għandu jibda s-sena d-dieħla u qed ngħidu wkoll li fil-proġett ta’ baċir numru 1 irridu naraw x’użu se nsibu għall-British building u għan-Knights building. Suppost f’Ottubru li għadda l-gvern kellu jgħidilna x’iddeċieda jagħmel f’dawn il-binjiet. Qalulna li l-proġett se jqum bejn €10 miljun u €11 miljun u kellu jibda f’Jannar tas-sena d-dieħla. Dan skont il-Ministru Gatt. Nittama li meta jagħmel id-diskors tiegħu jgħidilna jekk dan il-proġett huwiex se jibda s-sena d-dieħla.
Sur President, ma’ dan il-proġett tal-baċir numru 1 hemm proġett ieħor importanti, il-proġett tal-car park. Għaliex huwa importanti? Huwa importanti għax f’dik l-area qegħdin ibatu mis-suċċess li kellu l-proġett tal-Kottonera. Dak li sar s’issa fil-proġett tal-Kottonera kien suċċess però fisser ukoll li qed ikun hemm ħafna karozzi neżlin f’dik l-area u qed ikun hemm problemi serji ta’ parking. Din hija xi ħaġa li ġiet prevista meta sar il-master plan għall-Birgu u fil-fatt kien maħsub li kellu jsir car park fin-naħa ta’ Santa Margerita sabiex ikun jista’ jieħu ftit mill-parkeġġ tan-nies li jżuru l-waterfront. Fil-fatt f’Marzu kien tħabbar li se jsir dan il-car park u kienet saret applikazzjoni lill-MEPA li ġiet approvata f’Awissu tal-2003. Sal-lum baqa’ ma sar xejn u reġgħet saret applikazzjoni biex inġeddu l-outline permit li kien hemm qabel.
Sur President, irrid ngħid ukoll li l-gvern għamel korporazzjoni ġdida, il-grand harbour regeneration corporation, li x-xogħol tagħha huwa li tieħu ħsieb dawn it-tip ta’ proġetti bħal mhu tal-baċir numru 1 u f’dan il-każ naħseb li anke tal-car park. L-ewwel proġett li għamlet din il-korporazzjoni kien il-proġett ta’ Boiler Wharf li huwa l-moll li kellha t-tarzna fil-passat. It-tarzna telqitu u l-gvern iddeċieda tramite l-korporazzjoni li jagħmel upgrading ta’ dan il-moll biex jorbtu miegħu l-cruiseliners. Fil-fatt nefqu €400,000 biex sar ix-xogħol u fid-19 ta’ Awissu li għadda intrabat l-ewwel cruiseliner hemmhekk. Dan huwa tajjeb ħafna però kien hemm problema żgħira. Meta għamlu x-xogħlijiet m’applikawx għall-permessi tal-MEPA. Qabdu għamlu x-xogħlijiet u baqgħu għaddejjin. Naturalment il-MEPA ħarġitilhom stop notice, il-korporazzjoni qed tgħid li m’għandhiex bżonn permessi biex tagħmel ix-xogħol imma fil-verità nstab li kien hemm bżonn permess biex isiru dawn ix-xogħlijiet u issa qed jgħidu li se japplikaw.
Sur President, fost il-proġetti li din il-korporazzjoni ġdida trid tagħmel huwa l-proġett ta’ Sant’Iermu. Għal min ma jafx Sant’Iermu huwa area kbira, bejn wieħed u ieħor 20% tal-land area tal-peninsula tal-Belt, li tħalliet fi stat diżastruż għal ħafna snin taħt amministrazzjonijiet differenti. Il-Forti Sant’Iermu tant jinstab fi stat diżastruż li sab ruħu fuq il-lista ta’ 100 most endangered heritage sites fid-dinja. Wasal iż-żmien, anzi ngħid li ilu li għadda ż-żmien li jsir xi ħaġa ħalli din il-forti tant importanti għalina mmexxuha ‘l quddiem. Din il-korporazzjoni ħasbet sabiex tqabbad perit ħalli jagħmel masterplan għal din il-forti. Jien kont staqsejt lill-ministru jekk qabbadx perit u kemm se nħallsuh lil dan il-perit. Fir-risposta li kien tani fil-11 ta’ Marzu li għadda qalli li se nagħmlu capping tal-expenditure tal-perit għal €36,000. Imbagħad fid-19 ta’ Ottubru li għadda staqsejt lill-ministru: Kemm ħallasnih lill-perit minn dawn is-€36,000 li kellna nħallsuh? Taf kemm ħallasnih? Suppost we capped it għal €36,000 imma ħallasnih €275,785. Mhux €36,000, ftit iktar! Naħseb li ħadna daqsxejn ta’ żball.
Fost il-proġetti li hemm marbuta ma’ Sant’Iermu kien hemm proġett li joħroġ mill-viżjoni tal-gvern, Vision 2015 għall-portijiet, li kellu jsir breakwater f’Marsamxett taħt Sant’Iermu biex jorbtu l-cruise liners miegħu. Damu jgħidu fuq dawn il-cruise liners u breakwater żmien twil imma f’daqqa waħda kwieti kwieti qalulna li l-breakwater mhux se jagħmluh għax skont studji tekniċi li għamlu ma jistax isir. Sur President, proġett li donnu se jagħmlu għax ħarġet tender għalih huwa l-proġett tal-bridge. Fil-passat taħt Sant’Iermu kien hemm bridge tal-ħadid li kien jinqata’ mal-breakwater u dan huwa proġett li donnhom se jmexxuh ‘il quddiem. Dan il-bridge se jqum €2.5 miljun. Fid-diskors tal-budget li għadda meta kien qed jitkellem dwar kif ninvestu flusna, il-Ministru Austin Gatt - u naqbel miegħu - kien qal dawn il-preċiżi kelmiet: Flusna għandna nużawhom fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fit-trasport, fl-ambjent, fir-retraining, fl-investiment produttiv u fuq proġetti kapitali li jrendu.
Għalhekk nixtieq nistaqsi lill-Ministru Gatt: Dawn iż-€2.5 miljun li se nonfqu biex nagħmlu bridge li ma jmur imkien, jista’ jgħidilna eżattament kemm se jrendu? Jidhirli li dan il-pajjiż għandna fejn inpoġġu €2.5 miljun bħalissa mingħajr ma npoġġuhom f’dan il-bridge, però ħalli nkompli nsemmi l-proġetti ta’ din il-korporazzjoni. F’Lulju li għadda din il-korporazzjoni għamlet wirja ta’ pjanti għall-iżvilupp tal-area tal-Menqa. Prosit, tajjeb ħafna, jalla jsir il-proġett tal-Menqa. Qalilna li dan se jqum bejn €130 miljun u €150 miljun u se jibda fis-sena 2011. Jalla niġu hawnhekk is-sena dieħla u naraw li sar progress fuq dan il-proġett. Nittama li ma jibqgħux proġetti fuq il-karta biss.
Proġett ieħor li ssemma minn din il-korporazzjoni kien il-lift tal-Barrakka. Huwa importanti li jsir dan il-proġett. Jekk fil-Belt u madwar il-portijiet irridu nnaqqsu l-problema tat-traffiku għandna bżonn immorru għas-sistema ta’ trasport pubbliku bil-baħar u naħseb li l-lift huwa importanti għax jgħaqqad ix-xatt ta’ Lascaris maċ-ċentru tal-Belt. Hawnhekk ukoll qalulna li dan il-proġett se jqum madwar €2 miljun biex jitlesta u kellu jkun lest fis-sena 2011. Dħalt fil-website tal-MEPA ħalli nara fiex waslet l-applikazzjoni għall-permess għal dan il-lift u nsib li ntefgħet applikazzjoni però ma kien hemm l-ebda progress. Ejjew nagħmluh bis-serjetà dan il-lift għax huwa xi ħaġa li hemm bżonn li ssir. U ladarba qed nitkellmu fuq it-trasport bil-baħar irrid ngħid li meta kien qed jitkellem fuq il-lift il-Ministru Gatt kien qal ukoll li f’Mejju kien se jiġi introdott servizz ta’ water taxis u water ferries. Issa li Mejju ta’ din is-sena għadda jista’ jgħidilna jekk ġiex introdott dan is-servizz ?
Sur President, niġi issa għall-aktar proġett ambizzjuż li trid tagħmel din il-korporazjzoni, il-proġett ta’ Bieb il-Belt u tas-sit tat-Teatru Rjal. Dan huwa proġett ieħor li ilna nisimgħu fuqu ħafna snin. Huwa proġett marbut ħafna mal-elezzjonijiet f’dan il-pajjiż. Kif tgħaddi leġislatura u tibda waħda ġdida nsemmu dan il-proġett. Per eżempju, fl-1988, jiġifieri 21 sena lura, Renzo Piano kien ippreżenta - dan l-istess perit li tqabbad issa – master plan għall-Belt u kien għamel il-proposti tiegħu ta’ x’għandna nagħmlu bit-Teatru Rjal u City Gate. Dakinhar niftakar li kont għadni kemm dħalt fil-parlament l-ewwel darba meta kienet qamet kontroversja enormi fuq il-pjanijiet ta’ Renzo Piano. Fil-fatt kien ġie scrapped kollox u ma sar xejn. Gvern Laburista bejn l-1996/1998 ukoll kien ipprova jagħmel xi ħaġa dwar dan is-sit, imbagħad wara l-elezzjoni tal-1998, fil-21 ta’ Ottubru, Eddie Fenech Adami, dakinhar Prim Ministru, kien qal li l-gvern huwa impenjat li jasal f’soluzzjoni dwar dan il-proġett fi żmien qasir.
Kien tah f’idejn l-Onor. Francis Zammit Dimech, dakinhar ministru responsabbli mix-xogħlijiet pubbliċi, kienu ħarġu tender, kien hemm żewġ consortia li kienu applikaw għalih imma fl-10 ta’ Marzu, 2002 l-Onor. Zammit Dimech kien qalilna li l-proġett kellu jiġi mwaqqaf. Resqet elezzjoni oħra, dik tas-sena 2003, u fis-sena 2004 taħt il-Prim Ministru ġdid, Lawrence Gonzi kienu qalulna: Project to be taken in hand urgently. Dakinhar kien waqa’ f’idejn il-Ministru Mugliett. Fost l-affarijiet li qalulna kien hemm li riedu jibnu parlament fuq is-sit tat-Teatru Rjal. Naħseb li kulħadd jiftakar l-oppożizzjoni kbira li kienet qamet għal din l-idea li jinbena parlament f’dik l-area. Imbagħad kienu qalulna li l-proġett se jqum €40 miljun u l-Prim Ministru Gonzi f’Ġunju tal-2005 kien qalilna li l-gvern irid imexxi dan il-proġett ‘il quddiem però għaddiet leġislatura sħiħa u ma sar xejn.
Sur President, issa erġajna bdejna leġislatura ġdida u erġajna semmejna dan il-proġett. Naħseb li din kienet is-sitt darba wara xulxin li nsemmu l-proġett ta’ City Gate u t-Teatru Rjal. Qalulna li l-gvern reġa’ mar għand Renzo Piano u reġa’ talbu biex jieħu over dan il-proġett li kien beda 20 sena qabel u erġajna morna għall-istess ideat għax il-gvern qal lil Renzo Piano li kellu jagħmel parlament fuq is-sit tat-Teatru Rjal. Renzo Piano kellu ideat aħjar milli kellu l-gvern. Għallinqas neħħa l-parlment minn fuq it-Teatru Rjal u tefgħu ġo Freedom Square u t-Teatru Rjal qed jipproponi li jagħmlu an open air theatre. Ġew ippreżentati l-pjanti lill-pubbliku fid-29 ta’ Ġunju li għadda u l-Prim Ministru qalilna li jittama li l-proġett jibda s-sena d-dieħla, jiġifieri fis-sena 2010. S’issa lil Renzo Piano ħallasnih €1.320 miljun talli għamel id-disinn. Apparti minn hekk, bħala spejjeż kellna €46,341 oħra bħala marketing għax nafu x’pubbliċità tajna lil dan il-proġett meta ġie launched.
Sur President, il-budget li kellha l-Grand Harbour Regeneration Corporation is-sena li għaddiet kien ta’ €500,000. Din is-sena reġa’ għandna budget ta’ €500,000. Issa insa l-budget tas-sena d-dieħla, dak nitkellem fuqu aktar tard, però jekk nikkalkula x’nefqet il-korporazzjoni fuq konsulenti, fuq Sant’Iermu, fuq il-Menqa u x’tajna lil Renzo Piano żgur li l-ammont huwa aktar minn €2 miljun. Jista’ l-ministru jgħidilna kif din il-korporazzjoni nefqet €2 miljun meta kellha budget ta’ €0.5 miljun? Għallinqas jista’ jgħidilna kif ġew il-flus għandha? Din is-sena fil-budget insibu li l-gvern qed jipproponi li jagħmel fond għall-investiment għal proġetti ta’ dan it-tip li tieħu ħsieb din il-korporazzjoni.
Jekk fhimt tajjeb dan il-fond se jkun magħmul mill-kirjiet kummerċjali ta’ proprjetajiet tal-gvern li se jgħaddu għand din il-korporazzjoni biex permezz tal-flus li jkollha, tagħmel dawn il-proġetti. Il-ministru qal li se nagħmluha b’dan il-mod biex ma ngħabbux piż ta’ taxxi fuq in-nies. Jien għedt: Kif jista’ jkun? Erġajt mort infittex l-estimates u sibt li bħalissa mill-proprjetjaiet kummerċjali l-gvern idaħħal bejn wieħed u ieħor €10 miljun fis-sena. Ma nafx jekk humiex qed jgħidu għal dawn l-€10 miljun fis-sena imma jekk huma dawn il-flus, tajjeb li jingħad li dawn normalment jgħaddu fil-fond konsolidat mingħand il-Lands Department biex jintnefqu fis-saħħa u f’affarijiet oħrajn. Jiġifieri hawn se nkunu biss qed nitfgħu flus minn but għal ieħor u m’aħna qed nagħmlu xejn ġdid.
Sur President, xtaqt nagħmel ukoll ftit osservazzjonijiet fil-qosor ħafna anke b’mod professjonali rigward il-proġett ta’ Renzo Piano għal City Gate. Żgur ma naqbel xejn ma’ dak li qed jipproponi Renzo Piano li jagħmel fid-ditch fejn qed jgħid li jrid jagħmel cafeterias u dan il-famuż panoramic lift li jitla’ mill-faċċata tas-swar. Jidhirli li s-swar tagħna m’għandhomx ikollhom dik it-tip ta’ żieda magħhom, jiġifieri l-panoramic lift u wisq inqas għandu jkun hemm cafeterias fid-ditch. In-nies irridu ndaħħluhom il-Belt mhux inħalluhom fid-ditch. It-tieni punt hu li żgur ma naqbilx li s-swar jinfetħu u ma jsirx gate. Aħna qegħdin nitkellmu fuq il-Belt bħala a fortified city u allura nippretendi li l-Belt ikollha gate. Jekk irridu nagħmlu xi ħaġa f’City Gate għandha tkun xi ħaġa li mhux neċessarjament tkun gate kif nifhmuha, imma tkun xi ħaġa li għallinqas is-swar minn fuq jingħalqu.
Sur President, irrid infakkar li meta l-Amministrazzjoni Laburista fis-snin tmenin kienet għamlet l-istess ħaġa u waqqgħet biċċa sur biex fetħet għat-triq fejn kien hemm in-Knights Hall, illum is-sala tal-konferenzi, kienu qamu rwiefen kbar kontra l-gvern ta’ dakinhar li kkundannawh għax waqqa’ parti mis-swar biex joħloq triq. Tant hu hekk li l-istess gvern għandu proġett, safejn naf jien, biex dak il-gap li hemm fis-swar jingħalaq. Allura issa kif se nagħmlu gap ieħor f’Bieb il-Belt? Aktar minn hekk jekk nagħmlu dan il-gap, it-triq li għandna bħalissa li tgħaddi fuq City Gate se tispiċċa u se noħolqu problema kbira biex indaħħlu n-nies u t-traffiku ġewwa l-Belt. B’dan il-mod it-traffiku kollu jidħol minn toroq dojoq ħafna bil-konsegwenza li se jkollna diffikultajiet kbar ġewwa l-Belt. Nitlob lill-gvern biex jerġa’ jaħseb din il-parti tal-proposta.
Barra minn hekk, diġà ġiet żviluppata Pjazza San Ġorġ fejn intilfu ħafna parking spaces u kif tiġi żviluppata Freedom Square se jintilfu aktar. Nikkalkula li ntilfu jew se jintilfu ‘l fuq minn 800 parking space ġewwa l-Belt. Din hija xi ħaġa li tinkwieta lil tal-ħwienet. Fil-fatt tal-ħwienet matul dan is-sajf għamlu kampanja biex jiġbdu l-attenzjoni tal-gvern dwar din il-problema ta’ nuqqas ta’ parking spaces li hawn fil-Belt u li naħseb li trid tiġi indirizzata. Il-ministru forsi jgħidli li din se tiġi indirizzata billi nkabbru l-park and ride. Kollox sew, jien ngħid li l-park and ride hija sistema tajba ta’ kif tagħmel il-parkeġġ, però rrid ngħid ukoll li mis-sena d-dieħla biex tuża l-park and ride trid tħallas għax hija parti mir-riforma tat-trasport pubbliku. In-nies jafu li biex jużaw il-park and ride mis-sena d-dieħla se jibdew iħallsu €2.30 kuljum? Niftakar li meta ġiet introdotta s-sistema tal-park and ride xi sitt snin ilu l-gvern kellu din l-idea li għandu bħalissa li kien jiċċarġja fee biex tintuża l-park and ride. Meta dakinhar ġara hekk kienet qamet kontroversja sħiħa. Tant kienet kbira l-kontroversja u kienu tkellmu unions u kulħadd kien kontra tagħha li l-gvern kellu jiskrappja l-pjanijiet li kellu li jagħti lill-operatur u kellu jmexxiha u jiffinanzjaha hu stess.
Sur President, il-park and ride ma setgħetx taħdem bit-tariffa. Allura kif qed niġu hawnhekk u ngħidu li jekk innaqqsu l-parkeġġi ġewwa l-Belt in-nies jipparkjaw fil-park and ride u nagħmlulhom fee ta’ €2.30 kuljum? Naħseb li din hija unfair u jien verament nitlob lill-ministru biex iħares ftit lejha. L-ewwel nett għandek nies li jużaw il-faċilità tal-park and ride biex jipparkjaw, mingħajr ma jużaw il-minibuses, għax jaħdmu fil-viċinanzi tal-istess park and ride, għandek nies li jaħdmu l-MEPA, nies li jaħdmu mal-GO, nies li jaħdmu mal-ADT u nies li jaħdmu Gattard House. Dawn kollha jipparkjaw hemmhekk u ma jużawx it-trasport. Se mai jekk trid tagħmel xi tariffa agħmilha fuq it-trasport mhux fuq il-parking innifsu. Din hija xi ħaġa li rridu nħarsu lejha.
Imbagħad għandna s-sistema tas-CVA ġewwa l-Belt li hija congestion charge. Meta kienet ġiet introdotta din is-sistema tas-CVA l-idea tal-gvern dakinhar kienet li d-dħul, li dakinhar kien stmat li se jammonta għal €3.5 miljun, ikun jista’ jħallas kemm l-ispejjeż tas-CVA innifisha, għax għal min ma jafx aħna nħallsu fee lill-operaturi tas-CVA ta’ madwar €2 miljun fis-sena u wkoll il-gvern irid jirkupra dak li kien tilef mill-V-licence plate li kien neħħa. Mhux talli m’aħniex inkopru dawn it-€3.5 miljun, imma skont l-estimi li għandna quddiemna, id-dħul rikorrenti mis-CVA il-gvern qed jistmah – u hekk hu – madwar €1miljun, jiġifieri shortfall ta’ €2.5 miljun. Mela biex inħaddmu s-CVA qegħdin nonfqu ‘l fuq minn €2 miljun, jidhirli €2.2 miljun u minnha qegħdin indaħħlu €1 miljun.
Sur President, jiddispjaċini ngħid li din is-sistema tas-CVA ma ħadmitx. Din suppost kellha toħloq ammont ta’ parking spaces ġewwa l-Belt Valletta għal min ikun irid jiġi hawnhekk biex jagħmel xi qadjiet imma fil-verità la ħadmet ambjentalment għax aktar ma jkollok vetturi jidħlu l-Belt iktar għandek pollution u lanqas ħadmet fis-sens li kienet ippjanata. Aħna ġewwa l-Belt Valletta għandna 3,000 parking space. Tafu kemm-il vettura għandhom reġistrati fuqhom ir-residenti tal-Belt Valletta? Ir-residenti tal-Belt Valletta għandhom 4,154 vettura reġistrati fuqhom. Mela għal 3,000 parking space diġà għandek 4,000 residenti tal-Belt Valletta. Nies li ma jħallsux is-CVA meta jidħlu l-Belt li huma authorised għandek 12,000 vettura. Mela jekk inti għandek 3,000 parking space u għandek 4,000 residenti l-Belt Valletta u 12,000 vettura li jistgħu jidħlu mingħajr ma jħallsu s-CVA, kif tista’ taħdem is-CVA? Din hija xi ħaġa li l-gvern irrealizzaha – u nieħu pjaċir li rrealizzaha – u issa qegħdin jgħidulna li se jagħmlu review tas-sistema biex jaraw kif tista’ tiġi mtejba.
Sur President, fil-ftit minuti li fadalli nixtieq nitkellem fuq it-toroq u rrid nibda billi nsemmi l-proġett tal-bypass tax-Xemxija. Dan huwa proġett li kien qala’ ħafna kontroversja minħabba l-impatt ambjentali li għandu u li minn dakinhar li konna tkellimna fuqu fis-snin 2006 u 2007 donnu ntesa. Irrid nistaqsi lill-ministru x’sar minn dan il-famuż proġett tal-bypass tax-Xemxija u jekk kienx hemm xi progress fuqu. Proġett ieħor li wkoll għandu impatt ambjentali kbir huwa dak tal-bypass tal-Għadira. Matul din is-sena l-ministru qalilna li jrid jagħmel dan il-proġett. Irrid infakkar li fis-sena 2005 il-ministru preċedenti, l-Onor. Jesmond Mugliett, diġà kellu proġett għall-bypass tal-Għadira li kien anke ġie approvat mill-EU però l-Ministru Austin Gatt, bħalma għamel f’ħafna proġetti oħrajn, iddeċieda li dak li għamel il-Ministru Mugliett ma kienx tajjeb biżżejjed. Dan bħalma għamillu f’baċir numru 1, fil-każ ta’ Ta’ Qali u f’ħafna proġetti oħrajn. U ħareġ b’erba’ alternattivi oħrajn li kollha jgħaddu mill-permessi u naturalment imbagħad qalgħu problemi kbar min-naħa ambjentali minħabba l-impatt li joħolqu. Tant inħolqu problemi li dan il-proġett spiċċa biex kellu jiġi abbandunat u issa qalulna li l-fondi tal-EU minflok se nonfquhom fuq dan il-proġett se nonfquhom fuq il-junction tal-Kappara, proġett ieħor li hemm bżonn li jsir.
Sur President, għandi ħafna xi ngħid fuq it-toroq ta’ pajjiżna. Forsi jkolli ċ-ċans nitkellem fuqhom meta nitkellmu fuq l-estimi tal-ADT. Li rrid ngħid biss hu li hemm bżonn li ninvestu. J’Alla matul is-sena d-dieħla f’dan il-parlament nitkellmu fuq il-proġetti li jkunu saru. J’Alla dawk il-proġetti kollha li ssemmew u li huma fuq il-karta jitwettqu però ejjew naraw, bħalma qal il-ministru, li l-proġetti li nagħmlu huma dawk il-proġetti li jrendu. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Joe Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Sur President, dan li se ngħid m’għandux x’jaqsam mal-Ministru Austin Gatt imma xtaqt nagħmel pubblika xi ħaġa li ftit li xejn il-gvern għamel propaganda dwarha. Qed nirriferi għall-kwestjoni tal-imħallfin fil-Kunsill tal-Ewropa. F’sentejn sħaħ il-Gvern Nazzjonalista, kull meta kienu jibagħtulu biex jinnomina tliet persuni biex ikun hemm imħallef fuq il-Kunsill tal-Ewropa, dejjem innomina tliet irġiel u l-Kunsill tal-Ewropa ma riedx jaċċetta jekk ma jkunx hemm mara. Il-Gvern Nazzjonalista ħadem biex ma nibagħtux mara u saħansitra l-ministru tela’ biex jgħidilhom li m’għandniex nisa kapaċi biex nibagħtuhom bħala imħallef fil-Kunsill tal-Ewropa.
Kemm jien kif ukoll l-Onor. Coleiro Preca konna ngħidu li dan mhux veru għax aħna għandna avukati, maġistrati u anke mħallfin nisa li huma kapaċi. Jien u l-Onor. Coleiro Preca - jien kont fil-bureau tas-Soċjalisti u l-kollega tiegħi fuq il-legal committee – ġġelidna u bqajna sal-aħħar ninsistu u in the long run għaddiet tal-Partit Laburista għax tan-naħa l-oħra kellhom jinnominaw mara. Sur President, il-gvern baqa’ jinsisti għal sentejn sħaħ u qed ngħid dan biex tibqa’ reġistrata li kien bis-saħħa tar-rappreżentanti tal-Partit Laburista li llum fuq il-Kunsill tal-Ewropa ġiet nominata mara. Jien stħajt meta din l-issue tqajmet fil-bureau tas-Soċjalisti u ntqal li l-gvern Malti m’għandux mara kapaċi biex taġixxi bħala imħallef għall-Kunsill tal-Ewropa. Iċ-chairman tal-bureau staqsieni jekk dan kienx veru u jien għedtlu biex ma jaċċettawx dak li qed jgħid il-gvern. Kemm jien kif ukoll sħabi qatt ma kellna xi ngħidu fuq dawn l-affarijiet għax hemmhekk inħoss li għandna nippreżentaw lil Malta.
Sur President, irrid ngħid li fil-Kunsill tal-Ewropa aħna dejjem iddefendejna lil Malta. Biżżejjed ngħid li meta kellna l-kwestjoni tat-tanker “Erika” iddefendejna kontra l-Franċiżi u rbaħniha. Imma f’din tal-imħallfin la jien u lanqas l-Onor. Coleiro Preca ma ħassejniex li kellna nipproteġu lill-gvern. Jien nemmen li għandna nisa mħallfin u maġistrati li ilhom iservu u huma tajbin daqs l-irġiel. Anke avukati tal-affari tagħhom għandna. Jiġifieri l-gvern kellu minn fejn jagħżel u fl-aħħar bagħat mara għax il-bqija ma kenux se jaċċettaw li ma jkunx hemm mara fost dawk li nipproponu. Irrid ngħid ukoll li kellna wkoll kwestjoni fuq ir-rappreżentanti tal-Kunsill tal-Ewropa. Mis-sitt rappreżentanti tagħna ma kienx hemm mara u kellna nirranġaw għax il-bqija kienu jneħħulna l-vot. Dwar din veru m’għandux x’jaqsam il-Ministru Gatt, imma ħassejt li kelli nsemmiha hawnhekk biex tibqa’ mniżżla għaliex bilkemm il-gvern ma pprovax jidher sabiħ meta ppubblika l-aħbar li se nibagħtu mara. Jiġifieri qed nagħmilha ċara li dan seħħ bis-saħħa tal-Partit Laburista. Issa nixtieq nitkellem fuq suġġett differenti.
Nixtieq nitkellem fuq il-pont ma jwassal imkien tal-breakwater li semma sieħbi l-Onor. Charles Buhagiar. L-istorja tirrepeti ruħha. Ħafna żgħażagħ ma jiftakrux però darba n-Nazzjonalisti riedu jonfqu l-miljuni tal-liri biex jagħmlu pont mis-Siġġiewi għas-Siġġiewi stess. Sieħbi l-Onor. Austin Gatt issa se jagħmel pont li mill-breakwater jieħdok għan-naħa l-oħra tal-breakwater. Dan ikun tajjeb għax il-pajjiż mar il-baħar u għallinqas nibqgħu għaddejjin minn hemmhekk! Hekk spiċċajna taħt dan il-gvern! Jien ma nistax ngħid li ma sarux affarijiet tajbin fil-portijiet. Jekk ngħid li ma sarux inkun qed nigdeb però jistgħu jsiru aktar affarijiet. Sur President, ħaġa waħda li ma naqbilx magħha hija li l-Malta Maritime Authority se tingħaqad mal-bordijiet l-oħra kollha li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ din l-awtorità, m’għandhom x’jaqsmu xejn mas-sigurtà tal-port u m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dawn l-affarijiet. Per eżempju, fil-budget smajna li n-nies tal-Marsa se jirranġawlhom il-Menqa. Issa din tafu kemm ilna nisimgħuha!
Jien kemm ili hawn ġew dejjem nisma’ li se jsir Bieb il-Belt u li se jirranġaw it-teatru mbagħad nerġgħu nibdlu. Għalfejn jiftaħar il-gvern li se jagħmel Bieb il-Belt? Bieb il-Belt mhux hu kissru biex jgħaddu l-karrijiet? Kellna bieb suret in-nies u kissru biex jgħaddu l-karrijiet u issa se jipprova jirranġa dak li kisser hu. Sur President, irrid ngħid ukoll li Gvern Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998 mar jitħabat mal-MEPA biex nagħmlu t-terminal taċ-Ċirkewwa. Taf għaliex ma saritx? Dak iż-żmien ġew tal-ambjent u qaluli li ma nistax nagħmel dredging hemmhekk għax jekk nagħmel id-dredging konna neqirdu xi speċi ta’ dud. Qalu li jekk dan tħalltu mad-dud li hemm l-Għadira - għax konna se nitfgħu r-ramel l-Għadira - dan l-ispeċi jispiċċa. Din hija waħda mill-bużullotti li kienet għamlet il-MEPA, dak iż-żmien il-planning authority. Rigward il-Port ta’ Marsaxlokk hija ħaġa tajba li saru l-extensions imma x’se jiġri minnu dan il-kuntratt jekk kif qed jgħidu, din il-kumpanija li qed tieħu ħsieb il-Port Ħieles, tfalli? Għall-istorja rrid ngħid li kien il-Partit Laburista li kien beda l-Port Ħieles. Fi żmien, Alla jaħfirlu Dr George Borg Olivier, fis-snin sittin kienu ilhom ħafna jtellgħu u jniżżlu li se jagħmlu port ħieles però kellu jkun Gvern Laburista li jagħmlu. Veru li kabbruh u rranġawh tal-Partit Nazzjonalista imma ma nippretendix li f’20 sena ma jagħmlu xejn.
Sur President, il-Partit Laburista fl-ewwel ħames snin li kien ilu fil-gvern, mill-1971, beda jirranġa t-toroq u beda jirranġa l-imbarazz li kien ħalla l-Gvern Nazzjonalista bejn l-1962 u l-1971. Dawn l-affarijiet għamilnihom fl-ewwel ħames snin. Dawn issa ilhom 20 sena u kif għedt, jekk taqra l-budgets tagħhom dejjem issib l-istess affarijiet. Jien nibda ngħid: Imma dawn veru jemmnu lilhom infushom? Dawn l-affarijiet li qed jgħidu li se jagħmlu veru se jsiru? Niftakar li meta nbeda l-port tal-Imġarr kienu għamlu pompa kbira mbagħad serqu kulma kien hemm u meta tela’ l-Gvern Laburista tal-1971 lanqas l-ewwel ġebla ma kien hemm. Meta tlesta, biex taparsi għamlu l-Partit Nazzjonalista, kien hemm ġebla li tfakkar li dan għamlu l-Partit Laburista u qalgħuha u minflokha waħħlu irħama li fuqha qalu li dan beda fi żmien il-Gvern Nazzjonalista u spiċċa fi żmien il-gvern Nazzjonalista. Xi spiċċa fi żmien Gvern Nazzjonalista! Ma kien sar xejn dakinhar!
Mhux hekk biss imma min kien qed jieħu ħsieb hemmhekk ġie arrestat u weħel il-ħabs għax lanqas jafu t-taħwid li kien hemm. Fuq il-Port tal-Imġarr kienu qalu li dan se jiġi jiswa Lm1 miljun u llum ara x’sewa! Ta’ min igħid ukoll li l-Port tal-Imġarr u l-Port taċ-Ċirkewwa kienu nkorporati flimkien però fuq il-Port taċ-Ċirkewwa għadna ma spiċċajniex u qed nerġgħu nagħmlu l-pjanti biex naraw kif inhuma ġejjin! U kollox jibqa’ għaddej qisu ma ġara xejn! Sur President, kellna wkoll il-kwestjoni tal-Gozo Channel. Hemmhekk keċċew lil min ġibed l-attenzjoni li fil-Gozo Channel kien hemm affarijiet li mhumiex safe għan-nies u issa ndunaw li kellu raġun imma ma daħħluhx lura. Hemmhekk għandna nies li ċ-ċertifikati tagħhom mhumiex tajbin u nafu kif saru ċ-ċertifikati ta’ ħafna minnhom. Inutli noqogħdu ngħidu: Grazzi talli wżajt il-Gozo Channel biex tmur Għawdex. Biex trid tmur hemmhekk?! Bil-għawm?! Mhux bilfors bil-Gozo Channel trid tmur?! Bqajna għaddejjin u qisu ma ġara xejn imma hemmhekk m’intix safe.
Sur President, meta tlajna fil-gvern sibna li tal-Gozo Channel iffirmaw kuntratt biex jinbnew tliet vapuri li kellhom jiswew Lm24 miljun. Dan ġie ffirmat fis-26 ta’ Ottubru 1996 filgħodu. Issa din kienet kumpanija falluta, ma kellhiex flus u aħna ħadniha - u hawn sieħbi l-Onor. Leo Brincat li kien ministru tal-finanzi li jiftakar – b’Lm2 miljun dejn. Il-ħmieġ li sibt hemmhekk ma sabu ħadd. Biżżejjed ngħid li shaft ta’ wieħed mill-vapuri nxtara sitt darbiet u qatt ma nbidel. Imbagħad dan ix-shaft insibu f’garaxx! Dawn huma l-affarijiet li sibna ma’ wiċċna. Forsi jkun hawn min jgħidli x’għandu x’jaqsam il-Ministru Gatt? Mela m’għandux. Mela din mhix kontinwazzjoni? Dan mhux illum. Fl-1996 kien hemm inkjesta fuq il-Gozo Channel u sal-lum għadha ma saritx.
Sur President, nixtieq li kelli aktar ħin imma hawn sieħbi li aħjar ma nafx x’tgħidlu milli tkomplilu u taqbiżlu l-ħin. Nirringrazzja lil kulħadd u nixtieq suċċess lill-ħaddiema kollha li jaħdmu taħt dan il-ministeru. Nirringrazzjak.
Dostları ilə paylaş: |