MINUTI
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 167 li saret it-Tnejn 23 ta’ Novembru, 2009 ġew konfermati.
MR SPEAKER (Onor. Louis Galea): Skont il-Mozzjoni ta’ Proċedura Nru. 115 tat-28 ta’ Ottubru, 2009, il-ħin tal-mistoqsijiet ta’ din is-seduta mhux se jittieħed u l-mistoqsijiet kollha li dehru fuq l-aġenda se jingħataw tweġiba bil-miktub. Ngħaddu għal Tqegħid ta’ Karti.
TQEGĦID TA’ KARTI
ONOR. AUSTIN GATT (Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni): Sur President, f’isem il-Prim Ministru nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar l-għadd ta’ kontravvenzjonijiet maħruġa mill-gwardjani lokali matul l-2008, flimkien mal-għadd li ġew kontestati fit-Tribunali u l-Bord dwar il-Petizzjonijiet, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11836; u
Lista li turi l-professjoni tas-sindki tal-kunsilli lokali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12716.
INFORMAZZJONI
MR SPEAKER: Grazzi. Nixtieq ninforma lill-Kamra li skont il-paragrafu (4) tal-artikolu 120B tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi ta’ nhar l-Erbgħa, 25 ta’ Novembru, 2009, l-Onor. George Pullicino se jissostitwixxi lill-Onor Austin Gatt.
Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA KUMITAT TA’ PROVVISTA ESTIMI ĠENERALI 2010 IS-SEBA’ JUM STABBILIT MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI
L-ordni għall-Kumitat ġie moqri.
FIL-KUMITAT
L-Onor. Carmelo Abela, President tal-Kumitat, jippresjedi
THE CHAIRMAN: Illum il-Kumitat għandu quddiemu biex jiġu diskussi l-voti tal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni. Nixtieq ninforma lill-Kumitat li skont il-Mozzjoni ta’ Proċedura Nru. 115 tat-28 ta’ Ottubru, 2009, il-ħin tad-diskussjoni tal-lum huwa ta’ erba’ sigħat u nofs u għandu jinqasam indaqs bejn kelliema tal-gvern u kelliema tal-oppożizzjoni, bl-aħħar nofs għall-gvern.
Jekk jogħġbu, il-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni jressaq ir-riżoluzzjonijiet tiegħu.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, inressaq dawn ir-Riżoluzzjonijiet:
VOT 15 - MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn €65,931,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 15 – Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, kif dettaljata fl-Abbozz tal-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2010.
VOT 16 - AVJAZZJONI ĊIVILI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn €2,448,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 16 – Avjazzjoni Ċivili, kif dettaljata fl-Abbozz tal-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2010.
VOT 17 - DIVIŻJONI TAL-ARTIJIET U REĠISTRU PUBBLIKU
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn €2,535,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot 17 – Diviżjoni tal-Artijiet u Reġistru Pubbliku, kif dettaljata fl-Abbozz tal-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2010.
VOT IV - MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI
Illi s-somma ta' mhux iżjed minn €121,988,000 li titħallas mill-Fond Konsolidat tiġi applikata taħt il-Vot IV – Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, kif dettaljata fl-Abbozz tal-Estimi Ġenerali ta' Nefqa għas-sena 2010.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Chris Cardona.
ONOR. CHRIS CARDONA: Sur President, nipproponi din l-emenda:
VOT 15 - MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI
Personal Emoluments
Item 11 - Holders of Political Office
Ħassar iċ-ċifra “€42,003” u ssostitwixxi minflok iċ-ċifra “€42,000”.
Delete the figure “€42,003” and substitute therefor the figure “€42,000”.
THE CHAIRMAN: Rimarki? L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, illum se nitkellem fuq żewġ oqsma għalkemm jien shadow minister ta’ tliet oqsma li huma l-avjazzjoni ċivili, it-trasport u l-qasam marittimu. Fuq l-avjazzjoni ċivili m’hemm għalfejn ngħid xejn għax kulħadd jaf li kien il-Gvern Laburista li tah pedamenti soda. Jien nawgura – kif jidher li se jkun hemm - li dan il-qasam ikollu futur. Rigward il-qasam tat-trasport qiegħda tissemma ħafna r-riforma imma hawnhekk nixtieq nagħmel mistoqsija waħda: Kif tista’ tagħmel riforma serja fit-trasport meta m’għandniex pjan għat-trasport? Kif jista’ jkun? Per eżempju, il-pjan għat-trasport jorbot ħafna mhux bħala trasport biss imma jorbot ukoll mal-pjan tal-enerġija. Għaldaqstant irid ikun hemm koordinament tal-pjani. Imbagħad niġu hawnhekk, pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, mingħajr dawn il-pjanijiet u qisna se nagħmlu xi riforma fit-trasport li se tkun suċċess mija fil-mija! Kif tista’ tkun suċċess mija fil-mija meta m’għandekx pjanijiet?
Jien nixtieq li din ir-riforma tkun suċċess mija fil-mija imma mhux hekk. Tant mhux hekk li meta konna qegħdin nitkellmu fuq l-estimi tal-ADT, konna għedna li hemm il-problemi. Per eżempju, ma tistax tagħti garanzija li l-karozzi se jaslu fil-ħin. Mhux veru! X’infrastruttura tgħid li hemm bżonn isir fil-pajjiż biex ma jkunx hemm dewmien? M’hemm xejn. M’hemmx pjanijiet. Inti mhux sempliċement tikteb fuq karta l-ħinijiet fi x’ħin jaslu l-karozzi. Anke fir-riforma tat-trasport hemm min se jweġġa’ għalkemm kien wiegħed lin-nies li jaħdmu f’dan il-qasam li jistgħu jserrħu rashom. Naċċertakom li hemm min se jweġġa’. Hawnhekk qiegħed nirriferi għall-qasam tat-trasport pubbliku kollu, għalkemm il-gvern qalilna li ftiehem ma’ tat-taxis imma jien ma nafx kemm ftiehmu!
Jien ma nistax nifhem kif jista’ jkun li niġu ngħidu ċerti affarijiet li fil-prattika ma jistgħux iseħħu għax m’hemmx pjanijiet. U aktar u aktar imbagħad issib li min hu responsabbli, jiġifieri l-Awtorità dwar it-Trasport, ħlief taħwid, korruzzjoni, abbużi u ħneżrijiet mhux qiegħed ikun hemm fiha. Issa jien mhux qiegħed nivvinta l-affarijiet. L-awtorità li suppost hija r-regolatur u li suppost tara li kulħadd jieħu dak li ħaqqu, tagħmel l-affarijiet mod ieħor. Hawnhekk insemmi l-kwestjoni tal-open top buses, fejn l-awtorità mxiet mod ma’ individwu u mxiet mod ieħor ma’ ħaddieħor. Meta l-individwu mar fejn kellu jmur, jiġifieri mar għand entità li tara li jkun hemm fair trading – hawnhekk qiegħed nirriferi għall-Fair Trading Commission – tatu raġun u ċanfret lill-ADT billi qaltilha li x-xogħol tagħha mhuwiex dak li tipprova timmanipula s-suq tat-trasport pubbliku. Il-viltà hi li wara li tat raġun lil dan l-individwu, l-ADT marret biex tipprova tinqeda mill-ġudikatura sabiex tipprova tkisser dik id-deċiżjoni li tat entità tal-gvern li qiegħda hemmhekk biex tissalvagwardja l-interessi ta’ kulħadd. Issa meta tara dawn l-affarijiet mill-ADT x’jibqagħlek? L-ironija u l-ipokrisija tal-gvern hi li wara li ħarġet stqarrija min-naħa tal-Partit Laburista fuq din il-kwestjoni, insibu li fil-blog tal-ġurnal “The Times” kien hemm ukoll min ikkummenta fuq din il-biċċa. Fost dawk li kkummentaw kien hemm Michael Seychell, l-ex-chairman tal-ADT. Dan fil-kummenti tiegħu fuq dan il-blog qal hekk:
“Whilst I do not want to believe that ADT is responsible for political corruption, it is unfortunate that all indications are pointing that way and if this is the case, I will condemn it without any reservation.”.
Aktar tard Michael Seychell talab lill-Prim Ministru sabiex jinvestiga. Allura tistgħu tgħiduli x’investigazzjonijiet għamlu? Dan mhux jien qed ngħidu li forsi jgħiduli li jien partiġġjan imma qed jgħidu Michael Seychell li tgħidx kemm faħħruh u għollewh mas-smewwiet għax kien mal-GWU u ġġieled għad-drittijiet tiegħu kif iħoss hu. Imma mbagħad għax tkellem kif ħass li kellu jitkellem, minħabba li jidher biċ-ċar li hemm riħa ta’ korruzzjoni, qisu Micheal Seychell ma jeżistix. Din se npoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra ħalli nuri kif inhuma mexjin l-affarijiet.
Illum ġiet għandi persuna li qaltli li ilha tistenna mill-inqas ġimagħtejn sabiex jiffirmawlha xi karti ħalli jkollha l-permess iġġorr il-merkanzija bit-trakk tagħha. Qaltli wkoll li meta marret hemmhekk bdew jgħidulha li lil min riedet tkellem ma kenux qegħdin hemm. lllum stess din il-persuna għandha tiġi hawnhekk u jien se ngħaddiha lill-ministru ħalli jara li jekk għandha raġun, tieħu dak li hu tagħha. Issa jien ma nemminx li għandi niġi hawnhekk noqgħod ngħajjar u nagħmel il-propaganda imma meta jkun hemm il-korruzzjoni u l-inġustizzji u dawn ma jiġux irranġati jew ma jitteħdux il-passi meħtieġa kontrihom, ma jkollix għażla oħra ħlief li niġi hawnhekk u nagħmel xogħli. Xi ngħidu mbagħad għal dak li għandu x’jaqsam mar-responsabilità tat-toroq?
L-awditur ġenerali ċanfar lill-ADT u qalilha li huma affarijiet tal-mistħija li jkollok toroq li jiġu jiswew ħafna aktar milli suppost, li jitħallsu tax-xogħol li għadu ma sarx u affarijiet bħal dawn. Issa hawnhekk mhux jien qiegħed nagħmilha din il-kritika imma l-awditur ġenerali. Mela mhux jien qed nipprova nkun partiġġjan. Dan l-awtorità suppost li qiegħda hemmhekk biex tipproteġi u biex tara li l-affarijiet isiru kif suppost. Issa jien kont qajjimt każ dwar il-pjanċi tar-reġistrazzjoni tal-karozzi għax kien hemm xi karozzi li l-pjanċi tagħhom suppost li ġew scrapped imma dawn il-pjanċi għadhom jidhru fuq il-karozzi għaddejjin fit-toroq. Meta jien kont qajjimt dan il-każ ma kenux taw kasi. Meta mbagħad erġajt qajjimt il-każ u deher artiklu fuq il-gazzetta “KullĦadd”, l-ADT irrispondietni u qaltli li xi ħaġa bħal din kienet vera għax dawk il-pjanċi ta’ dik il-karozza li semmejt kienu ġew scrapped. Kulma għamlet l-ADT fuq din il-kwestjoni kien li bagħtet ir-rapport lill-pulizija. Imma kif m’għamlitx investigazzjoni hi stess ħalli tara jekk hemmx xi ħadd fl-ADT li qed jagħmel il-pjanċi foloz?! Jien m’għedtilhomx biex imorru jirrapportaw lill-pulizija għax kont diġà għamiltha jien dik il-biċċa tax-xogħol. Żgur li m’għandix bżonn lilhom biex imorru jagħmlu rapport lill-pulizija. Din hi l-ispjegazzjoni li tajtu?
Sur President, hawnhekk nesiġi mal-ministru li jekk irid jitwemmen, meta tinġibed għall-attenzjoni xi ħaġa bħal din, jaqbad u jieħu l-passi meħtieġa. Jien nesiġi li fi żmien 48 siegħa jagħtini r-rapport tal-investigazzjonijiet li saru konnessi ma’ din il-kwestjoni ta’ pjanċi ta’ karozzi li ġew scrapped u li għadhom qegħdin jiġru fit-toroq. Nistenna li jgħidli kemm inqabdu, x’għamlu bihom u x’investigazzjonijiet għamlu fl-ADT ħalli jaraw kif qegħdin iseħħu dawn l-affarijiet. Imbagħad x’qaluli? Jien kont semmejt ukoll li kien hemm numru ta’ karozzi li waħlulhom ċitazzjoni meta dawn ma jeżistux. Għalhekk talbuni nagħtihom il-lista ta’ dawn il-karozzi. Madwar ġimagħtejn ilu tkellimt fil-parlament wara li kien deher dan il-kumment min-naħa tal-ADT. U minn hawnhekk għedtilhom sabiex l-ewwel jagħmlu dak ir-rapport fuq il-pjanċi li suppost ġew scrapped, jgħadduli dak ir-rapport u mbagħad jien nagħtihom din il-lista.
Nerġa’ ngħid li hekk kif il-ministru jagħtini r-rapport, fi żmien 48 siegħa, fuq x’sar u ma sarx fl-investigazzjoni, jien ngħaddilu l-lista ta’ dawk il-karozzi li semmejt. Imma mbagħad komplew jitolbuni nagħtihom dettalji tal-allegazzjonijiet li kont għamilt fil-parlament dwar it-test tat-teorija u tal-prattika. F’Ġunju meta fil-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi konna qegħdin niddiskutu l-liġi tat-trasport kont għedtilhom li għad għandhom l-abbużi u l-ħmieġ. Għedtilhom li kieku kont naf li kien minnhom li ġej ma kontx niġi ngħid lilhom imma kont ngħid fil-parlament għax lilhom ma kontx nafdahom. Jien tajthom iċ-ċans biex jaraw l-affarijiet huma wkoll. Għalhekk qiegħed nitlob biex fi żmien 48 siegħa jagħtuni rapport fuq l-investigazzjonijiet li għamlu fuq dak id-diskors li għamilt jien.
Hawnhekk irrid ngħid xi ħaġa oħra. Jagħtuni jew ma jagħtunix ir-rapport fi żmien 48 siegħa, hekk kif nispiċċa d-diskors tiegħi, se nitlob lill-pulizija ta’ kontra l-frodi sabiex jiġu għandi u nagħtihom l-informazzjoni li għandi fuq kif qed iseħħ il-frodi. Din l-informazzjoni se ngħaddiha lill-pulizija u mhux lilhom għax m nafdahomx! Imbagħad wara ara min se jirriżenja minnhom! Dawn l-affarijiet huma tal-mistħija. Kif jista’ jitwemmen dan il-gvern meta tara wkoll x’qed jiġri fl-MMA. Dan l-aħħar smajt bil-kwestjoni li qajjem Captain Grech li jaħdem mal-Gozo Channel dwar l-irregolaritajiet li hemm fuq il-bastimenti. Għalhekk l-ewwel ħaġa li rrid ngħid hi li jien għandi fiduċja f’Captain Grech. Għandi fiduċja fih għax ħdimt miegħu meta hu kien għadu kadett u nista’ ngħid li huwa wieħed mill-aktar persuni kwalifikati fil-qasam marittimu li għandna fil-pajjiż. Ħadd ma jista’ jiċħadha din. Għalkemm mhuwiex tal-kulur politiku tiegħi naf li huwa serju jiġifieri ħalli ħadd ma jista’ jgħid li jien qed ngħid dawn l-affarijiet għax Captain Grech iħaddan l-istess kulur politiku tiegħi.
Sur President, lill-Captain Grech ħadd ma jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru u jekk qed jgħid li hemm l-irregolaritajiet nemmnu għax jaf xogħlu sew. Issa suppost li l-MMA, meta tisma’ kelma taqbad u tinvestiga. X’għamlet l-MMA? Ħaslet idejha u m’għamlitx xogħolha. X’għamel l-ispettorat li jmur jispezzjona? Imma l-aktar waħda vili hija din. Issemmew każi ta’ ċertifikati foloz. Jien fuq l-MMA kemm-il darba tkellimt fil-parlament dwar dawn iċ-ċertifikati foloz imma intom qatt ma ħadtu passi! Ma rajtux kemm inċidenti saru? Bastimenti telgħu l-art u ma rajna l-ebda riżultati. Bastiment ħabat ma’ ieħor barra mill-port u ma nafu xejn x’ġara. Kien jidher biċ-ċar li ħafna minnhom jew kienu nies blacklisted għax dejjem fis-sakra u affarijiet bħal dawn jew kienu nies li għandhom ċertifikati minn barra foloz. Imma għalkemm nitkellem jien, qatt ma jagħtu kas.
Meta tkellimt fuq il-Gozo Channel – din fittxuha fid-debate ħalli ssibu dak li għedt jien – għedtilhom bl-abbużi u n-nuqqasijiet li kien hemm fuq il-bastimenti. Għedtilkom biċ-ċertifikati foloz li kien hemm u allura kif qatt ma sibtu wieħed?! Kellu jkun Captain Grech li jiġi jsemmi dawn l-affarijiet?! U mhux hu biss semma li hemm ċertifikati foloz. Insomma Alla jaħfrilhom lil oħrajn għax issa spiċċaw. Issa kien hemm aktar minn hekk. Hemmhekk mhux kemm inti kapaċi u xi kwalifiċi għandek biex taħdem fuq il-bastimenti li jġorru l-passiġġieri jgħodd imma kemm taf lill-Ministru Giovanna Debono u kemm twegħedha li se tagħtiha l-vot! Dawk huma l-affarijiet! Din serjetà? X’serjetà hi din?! Nispera li l-MMA tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha għax għandha l-obbligu li tagħmilha skont l-IMO. La għandha xi ħaġa fid-dubju trid tinvestiga. Nerġa’ ngħid x’serjetà hi din?
Jien aktar u aktar ma nistax nemmen bihom l-awtoritajiet u lanqas nista’ nafdahom. Kif nista’ nafdahom l-awtoritajiet meta tara dawn l-affarijiet? X’għamlet l-MMA fuq il-każ tal-liċenzji tal-baħar? L-ewwel taparsi għamlet investigazzjoni interna, ħbiet kemm setgħet, ittippjat lin-nies kemm setgħet u wara li mbagħad għaffġu li kellhom jgħaffġu, daħħlet lill-pulizija. Ara l-poplu jafx b’dak li għamiltu? L-ewwel dħaltu intom għaffiġtu u ħawwadtu, imbagħad daħħaltu l-pulizija wara. U għalhekk jien kont qbiżt niġri nitkellem għax li kieku ma tkellimtx kien jilħaq jispiċċa kollox. Kollox kien jispiċċa! Allura dawk li taw il-flus biex jingħataw liċenzja u dawk li ħarġulhom liċenzja, ħadd ma nqabad minnhom?! Ma tafux b’xi wieħed minn dawn in-nies? Ara jien naf. Imma għax huwa Nazzjonalist ferventi qattgħulu kollox! Tal-mistħija. Dawn huma l-affarijiet li jinsabu għaddejjin fl-awtoritajiet tagħna u l-poplu qiegħed iħallas it-taxxi għalihom. Suppost li l-poplu qiegħed iħallas it-taxxi biex l-affarijiet isiru bis-serjetà. Il-poplu qiegħed iħallas it-taxxi biex il-qasam marittimu mmexxuh ‘il quddiem għax bħala gżira dan huwa qasam importanti għall-għajxien tagħna. Imma minflok qegħdin naraw li l-affarijiet isiru skont il-kulur politiku ta’ dak li jkun, bl-abbużi jseħħu left, right and centre.
Sur President, l-agħar waħda hija li minkejja li niftaħru li l-qasam marittimu huwa qasam importantissimu, fir-realtà meta mmorru naraw lill-MMA insibu – għalkemm din m’għadhiex issir daqskemm kienet issir qabel minn mindu nbidel il-ministeru - li kien hemm nies li jafu jsuqu l-ħmara u tawhom isuqu bastiment filwaqt li min kien jaf isuq bastiment tawh isuq il-ħmara. Dawn x’affarijiet huma? Dawn huma affarijiet tal-biki; nies kwalifikati li telqu għax sabu li dak li jixtiequ joffru ma jistgħux joffruh. Allura dawn in-nies mhux pajjiżna tilifhom? Kull awtorità fil-pajjiż suppost li qiegħda hemm biex tirregola l-affarijiet imma fir-realtà fihom qed isiru abbużi sfaċċatament u mtlew kollha korruzzjoni. Meta mbagħad tipprova tiġbed l-attenzjoni jdaħħlu lilek fin-nofs! U jekk ma jsallbukx jgħidu li inti qiegħed tivvinta. Jibqgħu ma jinvestigawx l-affarijiet bl-iskuża tkun dik li inti ma tajthomx informazzjoni. Dawn x’affarijiet huma? Kif jista’ jkollok fiduċja f’dan il-gvern?!
Per eżempju, meta seħħ dak l-inċident fil-power station tal-Enemalta, ipprovat tgħid li kien hemm xi sabutaġġ meta jafu li t-tort kien fil-maintenance u minħabba li m’għamlux investiment. Imbagħad ipprovaw jgħidu li l-Enemalta għandha dritt tinvolvi awtoritajiet oħrajn biex tinvestiga. Għandha dritt? L-awtorità dwar ir-riżorsi bilfors kellha tidħol fil-biċċa, mhux biss biex tinvestiga għax waqt li tkun qiegħda tinvestiga ssib x’nuqqasijiet hemm fil-qasam tal-enerġija u li għal dawn in-nuqqasijiet qed iħallas il-poplu. Dawn waħda tgħatti lill-oħra u kollha qed iservu ta’ paraventu tal-gvern minflok jiddefendu lill-konsumatur u jiddefendu s-sewwa. Dawn l-affarijiet ma jistgħux jiġu aċċettati f’dan il-pajjiż. Spiċċajna bil-korp tal-pulizija li ġie korrott, il-qorti ġiet korrotta, l-ADT ġiet korrotta, id-dipartiment tal-VAT ġie korrott, l-ADT ġiet korrotta u l-MMA ukoll. Imma qisu mhu qed jiġri xejn. Mela mhux ta’ b’xejn li pajjiżna qiegħed jersaq dejjem ‘il quddiem lejn dawk il-pajjiżi li huma l-aktar pajjiżi korrotti.
Sur President, tajjeb ngħidu li dawn l-affarijiet qatt ma kienu taħt Gvern Laburista. Suppost li aktar ma jgħaddi ż-żmien wieħed għandu aktar jitgħallem fuq li jkun trasparenti u allura l-korruzzjoni tonqos. Bejn l-1996 u l-1998 iġġelidna l-korruzzjoni u żammejnilha. U minkejja li l-Prim Ministru ħareġ jgħid li se jkun hemm tolleranza żero fuq dawn l-affarijiet nafu li bil-paroli ngħidu mod u bil-fatti ngħidu mod ieħor. Qabel nagħlaq irrid nagħmilha ċara u tonda. Nispera li fi 48 siegħa ningħata kopja tal-investigazzjonijiet u r-rapporti li saru mill-ADT dwar iż-żewġ każi li qajjimt. Nispera li min huwa responsabbli mill-frodi jċempilli ħalli ngħidlu x’informazzjoni għandi fuq kemm qed isiru frodi fl-ADT.
Nagħlaq billi nitlob il-permess biex inqiegħed dokument fuq il-Mejda tal-Kamra.
THE CHAIRMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja ta’ artiklu li deher fis-sit elettroniku ta’ timesofmalta.com tal-1 ta’ Settembru 2009 intitolat PL accuses ADT of irresponsible behaviour, flimkien mal-kummenti magħmula fuq dan l-artikolu.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Chris Cardona.
ONOR. CHRIS CARDONA: Sur President, is-settur tal-komunikazzjoni, li llum il-ġurnata huwa settur li jinvolvi ħafna setturi oħra, huwa settur mill-aktar b’saħħtu fil-qasam ekonomiku internazzjonali. Dan is-settur qiegħed jara tibdiliet kbar, tibdiliet kontinwi, tibdiliet li jekk wieħed iqis dak li jkun ingħad matul is-sena li għaddiet jirrealizza li ftit li xejn ikun għadu japplika - fuq livell tekniku - għal-lum. Fil-fatt għaddiet sena oħra mill-budget tal-2009 u llum qegħdin naraw x’se tkun in-nefqa pubblika għall-2010. Għaldaqstant irrid nikkummenta wkoll fuq id-diversi setturi li jaqgħu taħt id-dekasteru li jien il-kelliem ewlieni fuqhom min-naħa tal-oppożizzjoni.
Huwa tajjeb li naraw il-ħidma tal-gvern u nanalizzaw kif inhu marbut il-gvern għas-sena d-dieħla. Mhux kollox ħażin u mhux kollox tajjeb. Fl-opinjoni tiegħi d-diskors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni kien wieħed indikattiv għall-mod ta’ kif qiegħda ġġib ruħha l-oppożizzjoni fil-konfront tal-gvern. Irridu naraw x’tip ta’ budget għandna quddiemna. Ma rridux naraw biss il-pjan finanzjarju għad-diversi ministeri u dekasteri imma l-gvern għandu wkoll l-obbligu parlamentari li jagħti rendikont serju ta’ dak li qal qabel u ta’ dak li llum jista’ jgħid li wettaq. Irridu nkunu moderati u rridu nkunu intelliġenti għax in-nies illum tgħallmu jevalwaw. Dan huwa settur li b’xi mod jew ieħor qiegħed jolqot kważi l-ħajja ta’ kulħadd u allura rridu nkunu ċerti li dak li ngħidu jkun qiegħed jagħmel sens. Nispera li l-Ministru Austin Gatt ma jagħmilx kif dejjem jagħmel u ċioè, iħalli parti sostanzjali mid-diskors tiegħu għal tgħajjir politiku lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, dak iż-żmien lejn l-Onor. Alfred Sant u llum lejn l-Onor. Joseph Muscat!
Jgħidilna li aħna kollha inkompetenti u li qegħdin hawnhekk biex naħlu l-arja ta’ din il-Kamra, li ma nafu xejn, ma nifhmu f’xejn u li dejjem we trail behind bħallikieku l-gvern Nazzjonalista vvinta l-kompjuters hawn Malta u ġab lil dan il-pajjiż kompjuterizzat bis-saħħa tar-riformi li għamel hu biss. Jien nixtieq infakkarkom fi smart island fejn kollox kien se jkun smart. Fil-budget tas-sena l-oħra sentenza waħda kien hemm fuq “smart” filwaqt li f’dan il-budget ma ssemmiet imkien. Is-sena li għaddiet il-Ministru Gatt, b’ħafna pompa qal, u se naqra testwalment ħalli ħadd ma jgħid li qiegħed nikkwotah ħażin:
“Mexjin ukoll b’ritmu mgħaġġel sabiex lejn l-aħħar tas-sena noħorġu l-electronic ID cards li tkun iċ-ċavetta għal kull ċittadin biex ikollu l-informazzjoni tiegħu personalizzata.”.
Il-Ministru kien qiegħed jirriferi għall-aħħar tal-2009. Allura fiex waslet l-electronic ID card għax safejn naf jien għadna ‘l bogħod milli din isseħħ? Il-commitment tal-gvern kien sal-2009. Din il-problema hija sorvolata.
Oħra tal-Ministru Austin Gatt fid-diskors tiegħu tas-sena li għaddiet. Wara li tkellem fuq l-electronic ID card qalilna li wasal iż-żmien li naraw kif Malta tibda l-implimentazzjoni tat-teknoloġija magħrufa bħala fibre to home, pass importantissimu jekk irridu npoġġu lil pajjiżna fost l-aqwa fit-teknoloġija. Tajjeb li nistaqsu x’sar s’issa in konnessjoni mal-istrateġija tal-ICT 2008/2010? Huwa minnu li din l-istrateġija hija sal-2010 imma wieħed jista’ jgħid li t-targets li għadhom ma ntlaħqux u għadna snin ‘il bogħod biex nilħquhom, kif se nilħquhom matul is-sena d-dieħla? Dan il-gvern jista’ jagħti l-commitment tiegħu sabiex dik l-istrateġija li tagħlaq fl-2010 nilħqu dawk l-objettivi li ma ntlaħqux matul is-sena li ġejja? Huwa realistikament possibbli li dawn l-objettivi li ma ntlaħqux s’issa, jintlaħqu fl-2010?
Aktar ‘l isfel fl-istess paġna l-ministru kien qalilna li nhar it-Tlieta, 25 ta’ Novembru se titqiegħed l-ewwel ġebla tal-proġett SmartCity, li hu l-akbar investiment barrani għal pajjiżna u li se jipprovdi 6,000 post tax-xogħol għall-Maltin. Imbagħad hawnhekk konna smajna ħafna tisbit u qalulna li se joħolqu eluf ta’ impjiegi f’dan is-settur. Imma x’sar minnu sal-lum dan il-proġett? X’nistgħu ngħidu li għamel realistikament il-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni sabiex jara li dawn l-objettivi jintlaħqu? Nisimgħu lill-ministru tal-finanzi jgħidilna li aħna qegħdin ngħixu fil-qamar għax qisna ma nafux li hawn kriżi ekonomika internazzjonali. Iva aħna nafu b’dan kollu għax aħna wkoll naqraw il-gazzetti u nsegwu l-aħbarijiet fuq l-internet, forsi b’sorpriża għal xi wħud minn tan-naħa l-oħra. Imma meta nġibu dan il-paragun, nagħmluh għax il-kriżi internazzjonali qiegħda taffetwana u mbagħad meta jkun hemm xi ħaġa li tagħti preġju lill-gvern f’dan il-qasam, ma nsemmux l-effetti tal-iżvilupp qawwi fis-setturi tat-teknoloġija li qegħdin iseħħu fid-dinja industrijalizzata kollha. Hemmhekk ikun il-gvern biss li jieħu l-mertu!
Mela għall-kriżi jbati l-pajjiż u għall-ġid tajjeb biss Gonzi PN! Dik hija l-attitudni li jieħu dan il-gvern. Jekk wieħed jara s-setturi li qegħdin iżommu l-ekonomija Maltija fil-wiċċ isib li hemm is-servizzi finanzjarji li ma jaqgħux taħt id-dekasteru ta’ dan il-ministeru u li kibru b’7.5%. Dan huwa stat ta’ fatt u l-oppożizzjoni tirrikonoxxih dan u tgħid prosit. Għandek is-settur tal-kiri li jekk m’iniex sejjer żball żdied bi kważi 4% u għandek ukoll l-online gaming li wkoll kiseb suċċess. Hawnhekk lill-gvern ngħidlu prosit tal-inizjattivi li ħa f’dan il-qasam. Naturalment hemm aktar inizjattivi li nistgħu naraw li jittieħdu. Ngħidulu wkoll sabiex issa jżomm ir-riedni. Huwa tajjeb li nkunu kuntenti li hemm settur li kien suċċess imma rridu noqgħodu attenti għax dan is-settur huwa volatili, fejn bidla żgħira min-naħa tagħna jew min-naħa ta’ pajjiżi oħrajn jista’ jħalli effetti katastrofiċi fuq dan is-settur.
Għalkemm huwa tajjeb li l-gvern qiegħed jinvesti f’dan il-qasam – u aħna naqblu miegħu u ngħidulu prosit għax dan huwa settur li ta l-frott, ħalla l-flus u ħalla lill-gvern b’saħħtu aktar minn qabel ma kellna dan is-settur - huwa għaqli li nikkonċentraw il-mijiet tagħna kollha f’settur wieħed jew fi proġett wieħed? Hawnhekk bilfors li jkolli nsemmi l-proġett ta’ SmartCity għax għalkemm dan ukoll huwa proġett immexxi mill-privat, is-sena li għaddiet issemma fil-budget filwaqt li matul din is-sena ma ssemma xejn. Alla jbierek l-akbar proġett li qatt kien hawn f’dan il-pajjiż, li se jimpjega nies, li se jħalli tant ġid fil-finanzi tal-pajjiż u li se jħalli tant finanzi fil-fond ta’ Malta u f’dan il-budget għażilna li ma nsemmu xejn dwaru. Issa ma niġux bl-iskuża li t-TECOM hija privata. Per eżempju, il-proġett ta’ SmartCity intuża minn dan il-gvern qabel l-elezzjoni li għaddiet. Mela issa l-gvern irid iżomm l-obbligi li għandu u jassigura li dak li wiegħed fuq SmartCity jitwettaq. Jien se ngħid x’qal il-Ministru Austin Gatt f’intervista li għamel mal-ġurnal “The Times” fis-6 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet. Il-Ministru qal hekk:
“For us SmartCity is a corner stone of our strategy. It is clearly defined as being a landscape determinant on the entire strategy. Having said that we’re already looking beyond SmartCity even now.”.
Jiġifieri hemm ukoll il-ħsieb li nkomplu naraw x’nistgħu nagħmlu aktar minn SmartCity. Ikompli jgħid hekk:
“The strategy wants to target the American and EU market.”.
Imbagħad ikompli jitkellem fuq il-grouping ICT clusters. Bir-rispett kollu anke hawnhekk kien hemm min ipproponielu l-clusters fuq il-maritime ICT imma s’issa min ħareġ b’din il-proposta s’issa għadu bla risposta. Għandek il-financial services, id-digital media u l-hospitality segments. Il-ministru f’dik l-intervista kompla jgħid hekk:
“We are seeking to cultivate ICT start-ups and help establish Maltese companies to grow. Clearly what we are looking at is taking all the benefit as a nation from being the hosts of SmartCity.”.
Prosit naqblu, imma x’se jgħidilna llum il-ministru? Issa ma jiġix jgħidilna li dan huwa proġett privat. X’sar sal-lum? Ħalli nagħmilha ċara u din għedtha ad nauseam; l-oppożizzjoni taqbel ma’ dan il-proġett u rridu naraw is-suċċess tiegħu. Konna prudenti ħafna meta kien hemm ammont ta’ riżenji li ħolqu ċerti problemi interni fil-proġett ta’ SmartCity. Aħna rriaffermajna l-commitment tagħna imma issa ma rridux ninsew li din kienet l-akbar wegħda li għamel il-gvern qabel l-elezzjoni tal-2008.
Wegħda politika hija rabta ċoff mal-elettorat u min iwiegħed irid iżomm kelmtu. Ma nistgħux noqogħdu nwaħħlu fil-kriżi internazzjonali għax dik kulħadd jaf biha u allura mhijiex ġustifikazzjoni. Tistgħu tgħidu għax it-TECOM u mhux it-TECOM imma dik kien imisskom rajtuha qabel, imisskom rajtu l-forecast tagħkom u mhux niġu bl-iskuża li dan huwa proġett b’maġġoranza privata. In-nies jinteressahom li l-gvern iżomm kelmtu u joħloq ix-xogħol għal dawk l-intrapriżi li kellhom il-commitment u ġabu finanzjament mill-bank sabiex jidħlu għal proġett bħal dan, għal dawk il-mijiet ta’ studenti li daħlu biex jistudjaw l-ICT u suġġetti relatati oħrajn fl-MCAST u fl-università ta’ Malta, li sal-lum minħabba dak il-commitment li għamlu baqgħu b’xiber imnieħer u għal dawk il-ħaddiema kollha li ilhom jistennew li jiftħu l-applikazzjonijiet għax-xogħol għal dawn l-aħħar xhur jekk mhux snin. Aħna għadna ma nafux u għalhekk ikun tajjeb li l-Ministru jwieġeb min huma l-kumpaniji li se jimpenjaw ruħhom b’mod konkret sabiex jidħlu bħala l-ewwel sħab fin-negozju s-sena d-dieħla. Veru li dan huwa proġett tal-privat imma l-gvern xorta waħda għandu interess finanzjarju f’dan il-proġett. Nixtieq inkun naf jekk għadhiex tgħodd l-aħbar li ngħatajna s-sajf li għadda li SmartCity kienet se tikber fl-akbar shopping centre ta’ Malta. Kienu qalulna li dan il-proġett se jkun akbar minn Tas-Sliema. Dan huwa commitment politiku ta’ gvern.
Qalulna li l-gvern qiegħed jipproġetta li SmartCity se żżid il-viżibilità internazzjonali ta’ dan il-pajjiż u se sservi ta’ milestone fl-iżvilupp ekonomiku ta’ gżiritna. Prosit, aħna naqblu magħha, imma x’għamel realment il-gvern sabiex dan il-proġett jagħmlu aktar viżibbli fis-suq internazzjonali? Kien hemm ukoll biżgħat kbar li tant se jinħolqu mpjiegi – li aħna naqblu magħhom - li kien se jkun hawn xi brain drain jew inkella kien se jkollna nimportaw il-ħaddiema minn barra. Imbagħad meta l-Partit Laburista kien wera t-tħassib tiegħu fuq kemm dan il-proġett kien se jwassal sabiex jinħolqu l-impjiegi fl-ICT daqskemm kien ġie mwiegħed ... Per eżempju, fil-festa tal-Indipendenza tas-sena l-oħra l-Prim Ministru Gonzi kien qal li SmartCity kienet se timpjega 5,000 ruħ, li minnhom 3,000 kienu se jkunu relatati mal-IT. Imbagħad il-Ministru Austin Gatt kien ħareġ bil-famuża ċifra ta’ 6,000 impjieg. Dawn huma l-mistoqsijiet li qegħdin jistaqsu n-nies fit-triq.
Sur President, jekk min-naħa tal-gvern qatgħu l-kuntatt ma’ min qiegħed jistenna dik it-tmexxija kif se tissarraf, aħna żammejnih il-kuntatt, għadna niltaqgħu u nitkellmu man-nies u din l-aspettattiva qiegħda tagħmel ħafna ħsara lil diversi persuni li huma relatati ma’ dawn is-setturi li jixtiequ li l-gvern jagħti b’mod dettaljat dak li qiegħed jistenna minn dan l-iżvilupp. Mill-ġdid irrid nirriafferma l-impenn tal-oppożizzjoni sabiex tikkoopera mal-gvern fuq dan il-proġett ħalli jiġi assigurat li SmartCity tirnexxi u jkollna livell għoli f’dan il-qasam u jinħolqu aktar impjiegi, aktar u aktar meta nafu li fiż-żmien li ġej se jkun Gvern Laburista, immexxi minn Joseph Muscat, li se jaħsad dawn l-opportunitajiet kollha. Din għandha sservina ta’ tagħlima għax ma nistgħux nibbażaw strateġija nazzjonali fuq proġett wieħed, tajjeb kemm hu tajjeb dak il-proġett. Issa meta titkellem ma’ min huwa involut fl-industrija tal-ICT x’jgħidulek?
Naturalment dawn jaqblu ma’ proġett bħal dan imma għandhom erba’ punti li fil-fehma tagħhom il-gvern irid jara x’se jagħmel fuqhom. Irid ikollok bilfors infrastruttura ta’ telekomunikazzjoni tajba u soda. Irid ikollok istituzzjoni edukattiva li tkun in touch mal-industrija u li tipproduċi ħiliet differenti. Fl-istess ħin trid tipprovdi wkoll edukazzjoni li tkun cost-effective u re-training tal-workforce għax għalxejn ikollok bniedem trained u tħallih hemm f’din l-industrija. Irid ikollok ambjent fejn ikun hemm finanzjar ta’ start-ups u prodotti innovattivi bħal, per eżempju, il-funding li joħroġ mill-Malta Enterprise. Jidher li l-funding li jmur fl-ICT huwa wieħed marġinali ħafna. Jekk wieħed jikkompara l-funding li joħroġ mill-Malta Enterprise u jara settorjalment x’qed jieħu minnu l-ICT isib li dan huwa persentaġġ baxx ħafna. Jekk il-ministru għandu statistika differenti jpoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra u aħna nbaxxu rasna imma jien naf li m’għandux din l-istatistika. Imbagħad għandu bżonn boost mill-gvern. Anke hawnhekk nisimgħu ħafna kliem sabiħ.
Dan l-aħħar kellna l-MITA li qiegħda tniedi pjan strateġiku għal tliet snin oħra. Jiġifieri għandek l-ismart strategy li se tispiċċa s-sena d-dieħla u l-MITA li bdiet bi strateġija ta’ tliet snin oħra. Din naqblu magħha imma għandna wkoll x’nikkritikaw fiha għax jekk wieħed iħares lejn il-MITA llum isib li din saret awtorità politika. Fil-fatt il-ministeru u n-nies li kienu jaħdmu fih emigraw għal ġol-MITA u llum, id-deċiżjonijiet politiċi, minflok jittieħdu minn fejn għandhom jittieħdu, qegħdin jittieħdu mill-MITA! Kienet tkun xi ħaġa sabiħa li jkollok is-settur pubbliku jew awtorità li qiegħda tagħti boost lil dan is-settur imma meta tanalizza l-kontenut issib biss il-baħħ. Dan l-aħħar il-Ministru Gatt qal li l-MITA ħarġet madwar 40 tender matul din is-sena. Dan huwa minnu imma inti trid tara wkoll x’kienu t-tenders. Jien dħalt fil-website tal-MITA u qgħadt nara x’kienu dawn it-tenders u sibt li żewġ tenders biss kellhom rilevanza diretta mas-settur. Issa jekk tgħiduli li tender biex isir it-tindif tat-toilets hija relatata ma’ dan is-settur, allura ngħidilkom li ma tafux x’intom tgħidu u se jkollkom problema kbira! Nerġa’ ngħid li żewġ tenders biss minn 40 huma relatati ma’ dan is-settur tal-ICT.
Dan l-aħħar smajna kif irrankajna fl-Unjoni Ewropea għal dak li għandu x’jaqsam mal-e-government. Ta’ dan ngħidlu prosit lill-gvern. Aħna wkoll kuntenti b’dan ir-riżultat u nassigurah li aħbar bħal din nilqgħuha bi pjaċir. Imma issa se nieqfu hemm? Ilna ħafna nkantaw li ġejna l-ewwel fl-e-government. Prosit! Issa ejjew immorru pass ieħor. Fil-fatt jien stennejt li l-gvern se jiġi hawnhekk u jgħid li f’din l-istatistika ġejna l-ewwel fuq dak li għandu x’jaqsam mal-e-government, mela ejjew naraw kemm fir-realtà qiegħed isir użu minnha. Jien nemmen li hemmhekk l-istatistika turi mod ieħor. Jekk tara l-istatistika – u din ma jsemmuhiex - li toħroġ mill-Unjoni Ewropea dwar l-internet users in the European Union issib li Malta ġiet ikklassfikata fis-sitt post mill-aħħar, jiġifieri hemm 21 pajjiż qabilna. Minn popolazzjoni ta’ 405,000 għandna 49.4% li għandhom penetration tal-internet filwaqt li user growth hija ta’ 400% li mhuwiex tajjeb lanqas jekk tikkomparah ma’ pajjiżi oħrajn bħal, per eżempju, l-Ungerija, il-Latvja u l-Litwanja. Allura aħna ma narawx l-e-government min qed jużah fir-realtà? Ħalli nsemmi l-eżempju tal-passaporti.
Inti għandek l-aċċess, tidħol imma xorta trid tmur hemmhekk. Jiġifieri aħna qegħdin naraw kemm iċ-ċittadini qegħdin ikunu aġevolati b’dan is-servizz sabiex jinqdew aħjar. U kif nistgħu nkejluh l-operat? Liema strata tas-soċjetà qiegħda tagħmel użu minn dan is-servizz? Qegħdin noħolqu digital divide? Ħsibna għaliha jew inkella aħna tajbin biss biex noqogħdu nkantaw, nifirħu, ngħollu l-bandieri u nitilgħu fuq l-ispallejn tan-nies u ngħidu: Ara kemm aħna bravi għax ġejna l-ewwel fl-e-government?! Ejjew nimxu ‘l quddiem u minflok il-pompa u l-ferħ naraw kif se nagħmlu biex dawn is-servizzi jnaqqsu l-burokrazija. Kif se ntejbu s-servizzi? Jekk per eżempju, wieħed jara l-kwalità tad-digital broadband f’Malta jsib li aħna waqajna lura u minn 66 pajjiż ninsabu fis-63 post jew inkella fir-raba’ post mill-aħħar. Issa dan mhux qed ngħiduh aħna imma ġie rrapportat fil-ġurnali kollha. Jien għandi xi dokumenti li fl-aħħar tad-diskors se npoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra. Hawnhekk għandi rapport li ħareġ mis-sit elettroniku “timesofmalta.com” intitolat “Malta fails badly in broadband quality test”.
Sur President, sar studju minn diversi istituzzjonijiet fejn dawn qalulna li pajjiżna ġie r-raba’ mill-aħħar minn fost 66 pajjiż. Dan l-istudju sar fuq il-pajjiżi kollha tad-dinja imma xi ħaġa bħal din ma nsemmuhiex! U din hija l-ipokrezija ta’ dan il-gvern, li jieħu snippet żgħira, jikkwotaha out of context, blows it out of proportion u mbagħad ir-realtajiet u x’qiegħed iseħħ fil-verità ma jsemmihomx. Ħalli niġi biex insemmi diversi objettivi li għamel il-Ministru Austin Gatt fl-istrateġija dwar l-ICT 2008/2010. Irrid ngħid ukoll li ħafna mill-informazzjoni ma tingħatax u ma nistax nifhem għalfejn ma ningħatax! Qisu għandna xi misteru minn ta’ Fatima. Anke meta tistaqsi mistoqsija parlamentari m’għadekx tingħata risposta bħal qabel. Jien niftakar żmien meta l-Onor. George Vella kien il-ministru responsabbli mill-affarijiet barranin. Il-Kummissarju Malti fl-Unjoni Ewropea, li dak iż-żmien kien fil-parlament, kien staqsa madwar 500 mistoqsija parlamentari fuq ir-relazzjonijiet bejn pajjiżna u l-Botswana u l-Burkina Faso. U dak iż-żmien l-Onor. George Vella, bħala ministru bejn l-1996 u l-1998, kellu jweġibhom kollha. Ara mbagħad il-mistoqsijiet parlamentari li qegħdin nagħmlu llum min-naħa tal-oppożizzjoni mhumiex rilevanti jew inkella jgħidulna li huma ta’ natura privata jew mhumiex fl-interess tal-poplu li jkunu jafu dik l-informazzjoni. Dawk qishom il-misteri ta’ Fatima!
Anke f’dan il-kontest ikun tajjeb li l-ministeru jibda jippubblika - jekk ikun hemm bżonn - perjodiku annwali dwar il-progress tal-objettivi li jkunu ntlaħqu. Madankollu naħseb li ma jaqbillux jagħmel hekk għax jinqabad. Jekk wieħed jara b’mod kronoloġiku, naħseb li wieħed mill-objettivi li ntlaħqu kien li Malta jkollha l-erba’ international submarine connections. Dawn jeżistu u fil-fatt hemm tnejn tal-GO, wieħed tal-Vodafone u l-ieħor tal-Melita. Imma nistgħu ngħidu li dan wassal sabiex ikollna broadband services orħos? Per eżempju, hemm pajjiżi oħrajn li qegħdin jirrikorru għal sharing fl-infrastruttura tat-Telecoms. Qegħdin iġibu l-operating costs irħas u din hija xi ħaġa li fl-aħħar mill-aħħar se tirrifletti fil-prezz tal-konsumatur. Hemm ukoll il-kwestjoni tal-ismart meters fejn għandek il-wire. Din qalilna min hu tekniku fejn għandek il-wire li jgħaddi għall-meter u li minnu tista’ tgħaddi l-informazzjoni. Allura jikkonsidra l-gvern li jagħmel research & development ħalli jara jekk jistax jipprovdi l-internet ukoll permezz ta’ din is-sistema? Din hija vijabbli? Għamiltuh dan l-istudju? Jekk le tgħid xejn.
Objettiv ieħor tal-istrateġija kien li mhux inqas minn 20% tal-households ikunu connected man-next generation network u dan għamilt riferenza għalih aktar kmieni. Din għadha prijorità li ssir? Se jagħti rendikont illum il-Ministru Austin Gatt fiex wasal dan l-objettiv? Sas-sena d-dieħla dawn suppost iridu jkunu lesti. Il-privat ma jidhirx li għandu xi pjan li jagħmilha hu. Hawnhekk irrid nagħmel mistoqsija oħra: Hemm xi prijorità anke fil-kontest tal-fatt li hemm bottlenecks għal speed għoli għall-konsumatur li mhuwiex predominanti fl-aċċess lokali imma f’dak internazzjonali? Għadha prijorità din jew le? Objettivi oħrajn – issa ġejjin għal kliem sabiħ tal-objettivi tal-iSmart project – huma r-regional leader in EU law, is-secure service u l-IP protection. Dawn x’sar minnhom? Ma smajnihomx la fil-budget u niddubita kemm se jwieġeb fuqhom il-Ministru Austin Gatt. Ma rridx nerġa’ nqajjem l-issue li ddibattejna s-sena li għaddiet imma anke f’dan il-kontest naħseb li jkun aħjar jekk naraw li jkollna d-dar tagħna in order kif suppost qabel ma nibdew nippjanaw li mmexxu d-dinja jew ir-reġjun tagħna u li nsiru r-regional leaders. L-istess għal dak li ntqal li 80% - wieħed mill-objettivi dan – tad-djar se jkollhom broadband connectivity. S’issa jidher li hemm 60% li għandhom broadband connectivity. Allura se nilħqu t-80% sal-2010 kif suppost għandu jkollna? S’issa r-rata tat-tkabbir fil-broadband connectivity ma jidhirx li se twassal sabiex nilħqu dan il-persentaġġ.
Qalulna wkoll li 75% tal-popolazzjoni se tkun ICT literate meta mill-istess statistika tal-Unjoni Ewropea jidher li s’issa internet users għandna mal-200,000, jiġifieri 50% tal-popolazzjoni. Il-persentaġġ tal-internet users u l-user growth persentage ma jindikawx li se nilħqu dan l-objettiv. Min hu responsabbli minnhom dawn? Nispera li mhux qbadna dokument u tfajna l-persentaġġi kif ġieb u laħaq ħalli nidhru smart meta fir-realtà m’aħniex! Per eżempju, m’hemmx definizzjoni ta’ x’inhu ICT literate. Għandek ftit ħafna mill-programmi msemmija li fil-fatt inbdew. Nerġa’ ngħid li d-digital divide għadha hemm u hija realtà li ħadd ma jista’ jiċħadha. Hemm bżonn li neħduha bis-serjetà l-aktar fost dawk il-persuni li għandhom ‘il fuq minn 40 sena u fost dawk li għandhom livelli ta’ edukazzjoni baxx. Hemm ukoll suġġett ieħor li jidħol f’dan l-aspett u hawnhekk qiegħed nirriferi għall-kwestjoni tal-persuni bi bżonnijiet speċjali.
Is-sena li għaddiet ġejt mistieden sabiex nindirizza konferenza organizzata mill-FITA, il-Foundation Information Technology Accessibility. Jidher li hemm diversi problemi f’dan ir-rigward għax peress li t-tagħmir li jużaw il-persuni bi bżonnijiet speċjali huwa wieħed sofistikat, allura l-prezz tiegħu huwa pjuttost għoli, anke minħabba s-suq pjuttost ċkejken ta’ pajjiżna. Barra minn hekk l-importaturi jsibuha diffiċli li joffru dan it-tagħmir fuq is-suq ħalli jsiru l-evalwazzjonijiet neċessarji għall-bżonnijiet individwali. Dan kollu qed iwassal sabiex persuni bi bżonnijiet speċjali qed ikollhom jew jixtru t-tagħmir li sa dak il-ħin ma jkunux evalwaw jew inkella jkollhom isiefru u jipprovaw dan l-apparat għand il-providers speċjalizzati li joffru dak l-apparat. Naħseb li waħda mis-soluzzjonijiet - u din qed nagħmluha bħala suġġeriment min-naħa tagħna – għal din il-problema hija dik li l-gvern jara li permezz tas-servizzi u bl-għajnuna li tagħti l-FITA, ikun hemm tagħmir bħal dan li jkun jista’ jintuża bħala demonstration equipment.
Fl-istess kontest xtaqt nagħmel riferenza qasira għal dak li għandu x’jaqsam mas-settur ta’ min iħaddem u l-perspettiva tiegħu. Sfortunatament min iħaddem ftit li xejn ikun informat bl-għodda, bl-apparat u bl-ICT speċjali li huma disponibbli għall-persuni bi bżonnijiet speċjali u li jwasslu lill-istess sabiex ikunu aktar employable u aktar produttivi. Apparat għall-wiri f’ċentri apposta naħseb li jkun qed jagħti aċċess għal aktar informazzjoni u edukazzjoni akbar. Il-kwestjoni tal-prezz hija wkoll fattur determinanti fix-xiri u fl-użu ta’ dan l-apparat. Ovvjament dan l-apparat jiswa ferm aktar minn apparat konvenzjonali u allura l-gvern jagħmel tajjeb li – bħalma jagħmel f’setturi oħra - jikkonsidra inċentivi fiskali jew inċentivi oħrajn lil dawk l-employers li jkunu jeħtieġu jixtru dan it-tip ta’ apparat.
Sur President, ħalli nerġa’ mmur lura għall-objettivi tal-proġett 2008/2010. Qalulna li se jkollna 1,500 gradwat fis-sena fl-ICT. F’Mejju tal-2009 il-Profs. Jaunito Camilleri, li kif jaf kulħadd huwa r-rettur tal-università, qalilna ċar u tond li l-industrija lokali teħtieġ aktar gradwati f’dan is-settur. Qalilna wkoll – xi ħaġa interessanti – li the university’s output currently stands at 40 or 50 graduates a year. Issa nafu li dawn wiegħdu 1,500 gradwat fis-sena fl-ICT. Allura kif qed ngħidu li għandna 40 jew 50? Hawnhekk għandna diskrepanza ta’ 1,350. Per eżempju, jekk wieħed jara r-rapport tal-MCAST li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra jirriżulta ċar li n-numru ta’ studenti f’dan is-settur bejn Jannar 2008 u Diċembru 2009 huwa ta’ madwar 1,200 jiġifieri bejn wieħed u ieħor għandek 400 student li ggradwa fis-sena. Dan hu ‘l bogħod mill-1,500 li ħabbar il-gvern fl-istrateġija li se jkollu sal-2010. Għandna fuq l-1,000 gradwat diskrepanza. Din x’se jwieġeb għaliha l-gvern?
Qalulna wkoll li se joħolqu 4,000 impjieg fl-ICT u jġibu 200 kumpanija ġdida f’Malta. Hawnhekk nagħmel parentesi li hemm bżonn li jibda jsir due diligence f’din il-ħaġa għax ħaddiema qegħdin jitilqu impjieg biex jidħlu f’ieħor u wara ġimgħa tfalli l-kumpanija. Qalulna li se jkun hemm 250 impjieg f’Għawdex f’dan is-settur. X’sar minnhom dawn l-impjiegi? Jien għamilt mistoqsija parlamentari 12651 lill-Ministru Austin Gatt relatata mal-ICT li mill-ewwel ġiet bounced fuq il-Ministru John Dalli. Staqsejt jekk jistax jgħidilna kemm inħolqu impjiegi relatati mal-ICT matul dawn l-aħħar sentejn u jgħid x’impjiegi kienu sena b’sena. Dawn wiegħdu 4,000 impjieg, 250 minnhom f’Għawdex.
Minn din il-mistoqsija parlamentari rriżulta li fis-settur tal-computer and related activities bejn Ġunju 2007 u Ġunju 2009 kellna biss żieda ta’ 295 persuna. Imbagħad jgħid x’inhuma s-setturi u biex jagħlaq – u din hija ċ-ċirasa fuq il-kejk – jgħid hekk:
“Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li dan huwa n-numru ta’ nies full-time kif ukoll part-time u mhux numru ta’ impjiegi.”.
Mela f’sentejn iż-żieda kienet ta’ 295 impieg, ħafna bogħod mill-4,000 li suppost kellna. Din hija kritika li l-gvern qed jieħu mhux biss mill-oppożizzjoni imma ftit tal-ġranet ilu l-editorjal ta’ “The Times” ikkritika bil-qawwa n-nuqqas tal-gvern li jgħid li għandu ambizzjoni li jsir ċentru ta’ eċċellenza tal-ICT. F’dan l-editorjal jingħad hekk:
“It is facing serious threats that could lead to only a partial realisation of the goals it has set out to achieve.”.
Aħna forsi ma nkunux hawn però l-kliem tagħna jibqa’ mniżżel. Id-diskors itir imma l-kitba tibqa’ u min hu responsabbli politikament irid jagħti rendikont serju ta’ dak li qal u ta’ dak li m’għamilx. Din bħal tal-e-learning. Kumment ta’ għalliem li bagħatli e-mail kien li kulma sar fl-e-learning kien li tawhom laptop li diġà huwa outdated, żewġ in-service courses li huma basic imma ma tawhomx affarijiet bħal, per eżempju, interactive board. Mill-kliem għandna ngħaddu għall-fatti! Mela l-wegħdi li qegħdin isiru fil-budget!
Tajjeb li fl-istess budget jgħid x’sar bejn l-2008 u fl-2009 u min se jiddeċiedi, per eżempju, il-prijoritajiet li semma l-Ministru tal-Finanzi f’paġna 50. Per eżempju, semmejna prijoritajiet, attendance verification system u integrated health information system. Probabbilment dawn se nsibuhom fil-budgets li ġejjin ta’ tliet snin sħaħ. Dawn huma kollha tajbin. Is-sistema tal-identità elettronika erġajna semmejniha fil-budget ta’ din is-sena meta sieħbu l-Ministru Gatt qal li sal-aħħar tas-sena jkunu lesti. Semmejna wkoll id-dwana u l-e-learning. Min se jieħu ħsieb li jagħmilhom dawn? Min se jkun responsabbli? Se tkun il-MITA li tiddeċiedi liema huma l-prijoritajiet? Qabel, għallinqas, kien hemm rappreżentanza ta’ diversi dipartimenti tal-gvern u ministeri li kienu jgħidu x’inhuma l-prijoritajiet tagħhom imma llum lanqas dik m’hemm. Illum il-MITA tiddeċiedi kollox u fuq kulħadd, u dan żgur li mhux tajjeb.
Nagħlaq billi ngħid li aħna mhux biss nikkritikaw imma nagħmlu s-suġġerimenti wkoll u qegħdin nitolbu lill-gvern, partikolarment lill-Ministru Austin Gatt, biex dawn is-suġġerimenti jikkonsidrahom mhux bl-arroganza imma b’ġenwinità. Aħna nemmnu li pajjiżna m’għandux jikkuntenta bil-medjokrità u m’għandux ikollu l-mentalità li kollox jgħaddi. Nemmnu li pajjiżna jixraqlu aħjar u ma jixirqilniex inkunu fil-qiegħ tal-klassifiċi Ewropej. L-ambizzjoni tagħna hi, kif qal l-Onor. Joseph Muscat, li nkunu l-aqwa fl-Ewropa imma biex nagħmlu dan mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti.
Sur President, nitlob il-permess biex inqiegħed xi dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dostları ilə paylaş: |