THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Joseph Falzon.
ONOR. JOSEPH FALZON: Sur President, ħidma prinċipali ta’ dan il-ministeru bla dubju ta’ xejn tirrigwarda l-iżvilupp tat-teknoloġija. Hawn irridu nirrimarkaw x’riżultati tajbin qed ikollna fl-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija u fejn poġġejna lil Malta f’dan ir-rigward. Illum il-ġurnata Malta qiegħda titqies bħala mudell ta’ suċċess u dan jawgura tajjeb kemm lil pajjiżna kif ukoll lill-komunità kollha. Huwa tajjeb li pajjiżi oħrajn jaraw lil Malta bħala mudell fuq xiex huma jistgħu jibnu l-infrastruttura tat-teknoloġija tagħhom għax dan huwa l-aqwa ċertifikat li pajjiżna jista’ jieħu.
Sur President, meta nsemmu l-iżvilupp tat-teknoloġija ma nistgħux ma nsemmux il-proġett tal-ismart meters u hija sfortuna li l-membri tal-oppożizzjoni kkritikaw dan l-iżvilupp tat-teknoloġija wkoll. L-iżvilupp tat-teknoloġija mhux biss huwa għal qalbna imma huwa parti mill-viżjoni 2015. Kemm l-Oppożizzjoni Laburista u saħansitra anke l-GWU ikkritikaw il-proġett tal-ismart meters għax kull investiment li jagħmel dan il-gvern iqisuh bħala tberbiq. Hawnhekk nixtieq nirrimarka li dan hu investiment li dan il-gvern jarah kruċjali u importanti ħafna għal pajjiżna biex nilħqu dawk il-viżjonijiet li nixtiequ nwasslu lill-familji ta’ pajjiżna. Għal dawn l-investimenti l-oppożizzjoni Laburista kull darba tgħidilna li dak hu tberbiq ta’ flus u li qed immorru f’direzzjonijiet ħżiena. Jiddispjaċini ngħid ukoll li tan-naħa l-oħra jonqsu milli jagħtu jew jipproponu soluzzjonijiet oħra. Kemm huwa aktar tberbiq li nħallu kollox kif inhu u nħallu għaddej is-serq u t-telf fit-tqassim tal-ilma u l-elettriku! Hija ekonomija falza li tħalli kollox jeqdiem biex imbagħad jiġi jiswielek ħafna u ħafna aktar meta tiġi biex tibdlu. Fl-istess ħin jiswielek ħafna u ħafna aktar meta tikkalkula l-ammont ta’ ineffiċjenzi u serq li jistgħu jġibulek sistemi antikwati.
Sur President, fil-preżent qed issir analisi ta’ proġett pilota ta’ madwar 5,000 stallazzjoni ta’ smart meters u probes għall-meters tal-ilma li saru matul dawn l-aħħar ħames xhur. L-analisi u sussegwentement ir-rakkmandazzjonijiet li jsiru jagħtuna indikazzjoni ċara jekk għandniex nipproċedu bil-proġett nazzjonali minn Jannar li ġej jew inkella jekk ikunx hemm bżonn aktar żmien sabiex isiru aktar testijiet tekniċi. Sur President, l-ismart meters se jgħinu wkoll lill-konsumatur b’mod dirett. Sal-lum kull min għandu meter tad-dawl ma jkunx jista’ jimmoniterja eżatt kemm qed jaħli. Din it-teknoloġija se tgħinek biex tevalwa eżatt kemm qed taħli elettriku u liema appliance qed taħlilek l-aktar. Se tevita wkoll li l-meter reader joqgħod jiġi jħabbatlek id-dar u fuq kollox il-kontijiet kollha li jaslu jkunu attwali u mhux aktar estimi. L-ismart meters iwasslu wkoll sabiex jinqata’ l-abbuż. Irrid ngħid ukoll li matul il-proċess tal-proġett pilota biex l-ismart meters jibdew jiġu ttestjati f’pajjiżna, l-Enemalta diġà sabet djar li kienu bil-meter imbagħbas jew, b’xi mod jew ieħor, ikunu qegħdin jisirqu d-dawl. Dan huwa wieħed mill-fatturi prinċipali li rridu naraw.
Permezz ta’ dan l-investiment se nagħtu gwida tajba lill-familji sabiex huma jekonomizzaw. L-impatt dirett finanzjarju tat-tariffi fuq il-familji jġib kritika kbira però fl-istess ħin irridu nirrikonoxxu li jkun tajjeb li l-familji jdaħħlu mentalità li kemm jista’ jkun jagħmlu użu mill-enerġija b’mod effiċjenti. Din hija xi ħaġa marbuta mal-ambjent għaliex irridu nifhmu wkoll li meta aħna nikkonsmaw l-enerġija nkunu qed inħallu impatti ambjentali li sussegwentement ikollhom l-effetti fuq is-saħħa. Sur President, huwa kkalkolat ukoll li s-serq tal-elettriku jammonta għal bejn €12 miljun u €15 miljun fis-sena. Għalhekk wieħed mill-akbar benefiċċji ta’ dawn l-ismart meters huwa appuntu li jikkontrollaw is-serq tal-elettriku. L-abbuż huwa inġustizzja ma’ min iħallas il-kontijiet fil-ħin. Fuq kollox ħadd ma jieħu pjaċir iħallas għall-ineffiċjenzi u għalhekk korporazzjonijiet bħall-Enemalta ma jistgħux jieqfu jinvestu fit-tagħmir u t-teknoloġija biex jaqtgħu l-ħela, is-serq u l-ineffiċjenzi.
Nixtieq nagħmel rimarka wkoll dwar il-proġetti kapitali. Dawn irrefera għalihom l-Onor. Francis Zammit Dimech li elenka numru ta’ proġetti li għamel dan il-gvern. Dan il-gvern qed jagħmel dak kollu li jista’ biex isiru proġetti finanzjati mill-gvern kif ukoll qed jagħti mbottatura sabiex jinċentiva l-proġetti mis-settur privat. L-Onor. Zammit Dimech għamel riferenza għall-proġett tad-daħla tal-Belt però aħna ħeġġiġna wkoll lis-settur privat sabiex jinvesti kemm jista’ jkun fi proġetti ta’ tisbiħ. Dawn il-proġetti ħolqu mhux biss ħafna impjiegi imma jagħtu dehra ġdida ta’ ambjent tajjeb għal pajjiżna. Meta dan il-gvern poġġa x-xogħol, l-edukazzjoni u l-ambjent bħala t-tliet pilastri prinċipali kien jaf x’qed jgħid u dawn huma kollha parti mill-viżjoni 2015.
Sur President, dawn il-proġetti, l-investimenti mill-privat u l-investimenti mill-gvern bil-fatti u mhux bil-paroli qegħdin jikkontribwixxu għall-ġid kbir f’pajjiżna. Jiddispjaċini ngħid – hawnhekk forsi l-kritika tiegħi hija lejn l-oppożizzjoni – li filwaqt li aħna nħarsu lejn dawn il-proġetti minn lenti ta’ ħolqien ta’ xogħol u minn lenti ta’ ambjent aħjar sfortunatament l-oppożizzjoni dejjem għażlet it-triq li taqta’ qalb in-nies u t-triq li tikkritika dawn il-proġetti. L-oppożizzjoni naqset ukoll li tirrikonoxxi x’ġid ġabu dawn il-proġetti għal pajjiżna. Irrid ngħid ukoll li l-urban regeneration projects li huma kollha marbutin mad-dawra tal-Belt, minn Marsamxett sal-Marsa, mill-Marsa sa Bighi huma kollha parti mit-twettiq tal-viżjoni tagħna għall-2015.
Irrid ngħid li parti kbira oħra tax-xogħol ta’ dan il-ministeru huwa dak li għandu x’jaqsam ma’ bini ta’ toroq ġodda. Dawn rajnihom jiġu mibnija minn Ħal Far sa San Lawrenz Għawdex, jiġifieri prattikament qed tgħid min-naħa ta’ isfel ta’ Malta san-naħa ta’ fuq ta’ Għawdex. B’dawn il-proġetti kbar ta’ toroq tajna mhux biss dimensjoni kbira lil pajjiżna imma qed nagħtu ġieħ lil pajjiżna kif jixraqlu. Irridu ngħidu li l-kritika fuq it-toroq illum il-ġurnata naqset ħafna. Bla dubju għad fadal ħafna x’nagħmlu però rridu ngħidu kemm veru nħoloq ġid bil-bini ta’ toroq grazzi għall-fondi tal-protokoll Taljan li ġie bis-saħħa tal-viżjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kif ukoll bil-proġetti li huma finanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Jien hawnhekk irrid nagħmel mistoqsija ġenwina lill-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni llum se tivvota kontra l-investiment li aħna għamilna fis-snin li għaddew? Se tivvota kontra l-budget li qed iħejji dan il-gvern sabiex jiġu investiti flus, ħiliet, enerġija, dedikazzjoni u workforce sabiex iseħħu dawn il-proġetti kollha f’pajjiżna? L-Oppożizzjoni se tivvota kontra l-proġetti tal-ICT f’Malta? Forsi se tivvota kontra s-suċċess li Malta għamlet fl-ICT? Malta hija l-mudell ta’ pajjiżi oħrajn fl-ICT imma madankollu għadna naraw daqstant diżapprovazzjoni min-naħa tal-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward.
Sur President, jien nieħu ħafna pjaċir nisma’ proposti mill-Oppożizzjoni għax ġieli jkollok proposti jew ideat li wieħed jista’ jiżviluppahom però tajjeb li nħarsu lejn l-affarijiet minn lenti kostruttiva. Irridu naċċettaw kritika minn kulħadd u hawnhekk kulħadd huwa soġġett għall-kritika però rridu wkoll li minbarra l-kritika, min-naħa tal-Oppożizzjoni jkollna wkoll proposti konkreti li verament jistgħu jiġu mwettqa. Jien irrid ngħid ukoll li l-ġid li se jinħoloq bil-ħidma ta’ dan il-gvern, partikolarment bil-ħidma ta’ dan il-ministeru u bil-viżjoni 2015 fl-aħħar mill-aħħar mhux se jitgawda min-Nazzjonalisti biss. Hija viżjoni għall-pajjiż kollu u mhix viżjoni tal-Gvern Nazzjonalista. Hija verament viżjoni li ġejja minn politika maħduma mill-Partit Nazzjonalista fil-gvern però hija viżjoni ta’ politika għal Malta u Għawdex kollu. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, fil-ħin li ġej se ngħaddi xi kummenti dwar dan il-ministeru li għandu ħafna influwenza f’dik li hija dehra ta’ pajjiżna. Dan huwa ministeru li m’hemmx dubju li l-ħidma tiegħu trid tiġi apprezzata mill-persuni li joqogħdu hawn Malta u minn dawk li jżuruna. Naħseb li dan il-ministeru flimkien mal-ministeru tar-riżorsi u affarijiet rurali huma ż-żewġ ministeri li jistgħu jagħtu dik id-dehra li ilna naħdmu għaliha ta’ pajjiż aktar organizzat. Sur President, barra minn hekk dan huwa l-ministeru responsabbli mill-komunikazzjoni li mingħajrha ma nistgħux navvanzaw u nimxu ‘l quddiem. Huwa tajjeb li aħna l-membri ta’ din il-Kamra qed napprezzaw il-qabżiet kbar li saru f’dan is-settur matul l-għaxar snin li għaddew. Dawn il-qabżiet wasslu lil Malta fuq quddiem nett, fl-ewwel pożizzjoni f’dik li hija teknoloġija tal-informazzjoni. U wasalna biex inkunu fl-ewwel post grazzi għall-investimenti li saru mill-gvern ta’ pajjiżna, investimenti mhux biss finanzjarji imma wkoll, forsi aktar importanti, investimenti fir-regolamentazzjoni ta’ dan il-pajjiż li fuqha mbagħad setgħet tinbena l-bqija tat-telekomunikazzjoni.
Sur President, dan il-ministeru huwa wkoll responsabbli mill-korporazzjonijiet b’mod partikolari l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemalta, żewġ korporazzjonijiet li mingħajrhom dan il-pajjiż ma jistax jgħix jew jiżviluppa. Dawn il-korporazzjonijet fl-aħħar mill-aħħar huma l-bażi tal-livell tal-għajxien tagħna u l-bażi ta’ dak kollu li aħna niddependu fuqu. Huma wkoll il-kejl ta’ meta niġu biex inqisu jekk imxejniex biżżejjed ‘il quddiem u jekk hux se nkomplu nimxu ‘l quddiem bil-pass li wieħed jistenna. Irrid ngħid li l-parti l-kbira tad-diskors se nikkonċentrah fuq it-toroq u fuq dawn il-korporazzjonijiet però jkun tajjeb li wieħed isemmi wkoll il-ħidma li ssir mill-kumpaniji tat-telefonija privati li huma l-GO u l-Melita li t-tnejn għandhom l-infrastruttura tagħhom għaddejja fit-toroq tagħna u li t-tnejn jagħmlu ċertu użu mill-faċilitajiet li għandna fit-toroq tagħna. It-tnejn minn żmien għall-ieħor ikollhom il-ħtieġa li jagħmlu xogħlijiet f’dawn it-toroq.
Imbagħad taħt dan il-ministeru jaqa’ wkoll ir-reġistru tal-artijiet. F’paġna 118 tal-estimi hemm li s-sena d-dieħla se ndaħħlu €40,000 minn bejgħ ta’ pjanti tal-Land Registry. Jien mhux se nitkellem fuq l-ammont fih innifsu. Dan huwa ammont żgħir u f’ċertu sens insinifikanti fil-perspettiva tal-miljuni kbar li hemm fil-budget però nieħu din l-okkażjoni biex nagħmel riflessjoni żgħira dwar dan l-uffiċċju tal-Land Registry. M’hemmx dubju li kulmin imur f’dan l-uffiċċju jsib persuni li jagħmlu ħilithom kollha biex jaqdu lil dak li jkun bl-aħjar mod possibbli. Jien nirringrazzjahom tax-xogħol li jipprovaw jagħmlu però wieħed isib ma’ wiċċu wkoll sitwazzjoni fejn il-pjanti ilhom numru ta’ snin ma jkunu aġġornati.
Sur President, f’pajjiżna għandna entità kważi governattiva, li hija l-MEPA, li għandha l-pjanti ta’ pajjiżna aġġornati. F’mistoqsija parlamentari li wieġeb aktar kmieni matul is-sena, il-ministru ta indikazzjoni li se jkun hemm kollaborazzjoni bejn il-Land Registry u l-MEPA rigward din il-ħaġa wara li jsir l-overhaul neċessarju ta’ dan id-dipartiment. Jien ngħid li jkun tajjeb li dan il-pass isir kemm jista’ jkun malajr. Nafu li r-reġistrazzjoni tal-artijiet hija xi ħaġa serja. Nafu li jekk ma ssirx reġistrazzjoni korretta jistgħu jinħolqu numru ta’ diffikultajiet għal persuni li jistgħu jikklejmjaw li għandhom l-istess art. Jekk fil-pjanti li jagħti dan l-uffiċċju lanqas biss hemm ċerti toroq li ilhom mibnija numru ta’ snin ikun diffiċli biex wieħed jorbot binja ma’ xi kantuniera partikolari. Fl-opinjoni tiegħi l-proċess ta’ amalgamazzjoni li hemm riferenza għalih għandu jsir kemm jista’ jkun malajr. Għandna nużaw il-pjanti tal-MEPA biex la noħolqu diffikultajiet għal min qed jirreġistra u lanqas għal dawk li huma l-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur.
Sur President, nixtieq nagħmel żewġ mistoqsijiet lill-ministru marbutin mad-dħul li għandu jsir matul is-sena d-dieħla mill-motor registration tax u mill-annual circulation licence fees. Dan huwa mod kif il-gvernijiet ta’ pajjiżna u gvernijiet oħrajn idaħħlu ammont ta’ flus. Inħoss li għandu jkun hemm spjegazzjoni kif fl-estimi ta’ din is-sena qegħdin ngħidu li se ndaħħlu bejn wieħed u ieħor €96.5 miljun u għas-sena d-dieħla se ndaħħlu €31 miljun aktar minn hekk. Minn fejn u għaliex se jkun hemm din it-tip ta’ żieda f’dak li huwa dħul? Nixtieq ukoll nagħmel punt marbut mad-dħul minn ħlasijiet li jsiru għar-right of way. Dan se jonqos sew u hawnhekk ukoll wieħed irid jipprova jagħti xi forma ta’ spjega għal dan it-tnaqqis. Sur President, qed jingħad li fil-Malta Freeport bejn wieħed u ieħor se jkun hemm nefqa - bejn ħlas ta’ imgħaxijiet u nefqa kapitali oħra - ta’ €29 miljun. Wieħed irid jara dawn it-tip ta’ investimenti fiex se jissarrfu, għaliex qegħdin isiru u kif, bħala pajjiż, se nkomplu nibbenefikaw mill-ħidma kbira li tagħmel il-Malta Freeport. Huwa tajjeb li investiment bħal dan isir imma jkun tajjeb ukoll li jkun hemm indikazzjoni ċara ta’ kif se jintnefqu dawn il-fondi.
Kif għedt, il-parti kbira tad-diskors se niddedikah għal dak li huwa xogħlijiet fit-toroq ta’ pajjiżna. Jekk jara paġna 47 tad-diskors tal-budget wieħed isib li matul is-sena li ġejja se jiġu investiti €43.7 miljun fit-toroq ta’ pajjiżna. Wieħed jista’ jgħid li x-xogħol fit-toroq ta’ pajjiż – hu liema hu dak il-pajjiż – ma jispiċċa qatt. Meta mingħalik li tkun spiċċajt tirrealizza li trid terġa’ tibda minn postijiet oħrajn. Meta inti mingħalik li tkun lestejt parti sostanzjali minn dak ix-xogħol li tkun ippjanajt issib li jkun hemm xogħlijiet oħrajn li jkunu meħtieġa kemm fit-toroq arterjali kif ukoll fit-toroq lokali. Hawnhekk wieħed irid ikompli jagħraf preċiżament x’inhuma l-funzjonijiet li għandhom it-toroq ta’ pajjiżna. Sur President, it-toroq għandhom funzjoni kbira x’jaqdu lejn l-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna.
Matul is-snin saru investimenti ta’ ammonti sostanzjali ta’ flus u wieħed irid jerġa’ jenfasizza l-ħtieġa mhux biss li nagħmlu l-investiment neċessarju marbut mat-toroq imma rridu wkoll nagħmlu investiment marbut mal-infrastruttura l-oħra li mingħajrha t-toroq ma jistgħux jaqdu d-doveri prinċipali tagħhom. Barra minn hekk, jekk kemm-il darba s-servizzi li jkunu għaddejjin minn triq ma jkunux ta’ kwalità tajba nistgħu nispiċċaw biex l-investiment li jkun għamel il-pajjiż fil-qasam tat-toroq jispiċċa jiġi mkisser minħabba xogħlijiet li jsiru mill-korporazzjonijiet responsabbli mill-istess servizzi. Ħalli nagħmilha ċara, mhux qed nalludi ruħi li xi darba se jkollna sitwazzjoni fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma jkollhiex bżonn taqla’ xi waħda mit-toroq ta’ pajjiżna. M’għandix dubju li nagħmlu x’nagħmlu u nagħmlu kemm nagħmlu, dejjem se jkollok bżonn taqla’ minħabba ħsarat, minħabba connections, minħabba upgrading u anke minħabba l-mixja demografika li qed ikollna f’pajjiżna.
Sur President, tajjeb wieħed jgħid illi din il-korporazzjoni llum mhijiex biss responsabbli mit-twassil tal-ilma fid-djar tagħna imma hija responsabbli wkoll minn dak li huwa d-drenaġġ ta’ pajjiżna. Matul is-sena li għaddiet saru investimenti qawwija anke f’dan il-qasam. Fid-diskors tal-budget hemm riferenza għall-fatt li matul is-sena li ġejja se nkomplu bl-investiment tagħna biex nassiguraw li d-drenaġġ kollu ta’ pajjiżna jiġi trattat qabel ma’ jispiċċa fil-baħar jew inkella x’imkien ieħor. U ngħid x’imkien ieħor għaliex anke fl-istess diskors tal-budget hemm riferenza għall-possibbiltà li l-ilma li jiġi msoffi fis-sistema tad-drenaġġ jiġi wżat aktar għall-agrikoltura. Nixtieq li qabel ma naslu għal sitwazzjoni fejn ikollna dan it-tip ta’ ilma wżat għall-agrikoltura aktar milli huwa llum, ikollna ċ-ċertezza li dan jitwassal għand il-bidwi. Id-drenaġġ ta’ pajjiżna qed jispiċċa f’post wieħed f’Għawdex u tnejn f’Malta, il-Mellieħa u x-Xgħajra. F’dawn il-postijiet jinġabar ammont sostanzjali ta’ ilma maħmuġ li mbagħad jitnaddaf u jiġi msoffi, u biex isir użu minn dan l-ilma għal skop agrikolu jrid ikun hemm ukoll firxa ta’ mains ġodda li jwasslu lura l-ilma lejn l-għelieqi tagħna.
Nifhem u napprezza li l-investiment neċessarju huwa kbir ħafna u allura ma nistgħux nippretendu li dan għandu jsir f’xi sena finanzjarja partikolari. Dan irid isir bilfors fuq firxa ta’ snin biex ikollna ċ-ċans nippjanaw u nfasslu l-mod kif nistgħu nagħmlu użu minn parti sostanzjali ta’ dan l-ilma għal diversi skopijiet, xejn inqas għall-użu agrikolu. Minn żmien għal ieħor ikollna diskussjoni dwar l-ammont ta’ ilma li jiġi estratt minn pajjiżna u dwar l-ammont li jiġi kkonsmat għal skop agrikolu. Tajjeb li hawnhekk wieħed jagħmel parentesi u jfakkar illi kieku l-bdiewa tagħna ma jkollhomx ċertu ammont ta’ ilma, ma kienx ikollna l-produzzjoni agrikola li kellna sal-lum. Naturalment l-ilma jista’ jintuża wkoll għal skopijiet industrijali. Huwa importanti li l-WSC tara li jkollna l-aħjar użu finali tal-ilma li jiġi msoffi għax dan huwa wieħed mir-riżorsi l-aktar skarsi u l-aktar importanti għal pajjiżna. Għaldaqstant irridu nkomplu nenfasizzaw il-ħtieġa li matul iż-żmien li ġej nibżgħu għalih għax nafu l-limitazzjonijiet tas-sorsi ta’ ilma naturali li għandu dan il-pajjiż u allura rridu naraw kif l-affarijiet nagħmluhom b’mod serju u tajjeb.
Għal darb’oħra nerġa’ nagħmel l-appell tiegħi dwar l-importanza li l-WSC tassigura li l-interventi li tagħmel fit-toroq tagħna, tagħmilhom b’mod tajjeb, fis-sens li ma jitħallewx ċerti ħsarat fit-toroq wara li jkun sar ix-xogħol meħtieġ b’inkonvenjenza kbira għar-residenti u għal kulmin jgħaddi minn dawk l-inħawi. Din hija waħda mill-affarijiet bażiċi li żgur trid tibda ssir illum qabel għada, speċjalment issa li għall-grazzja ta’ Alla għandna ċerti entitajiet li jaqgħu taħt l-istess ministeru, fosthom il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, id-Dipartiment tad-Drenaġġ u entitajiet oħrajn. Dan għandu jwassal biex id-diffikultajiet li nħolqu matul is-snin u li kien diffiċli ferm li jiġu sorvolati, ma jibqgħux jinħolqu minn żmien għal ieħor. Għaldaqstant meta jsir reinstatement fit-toroq tagħna, huwa importanti li ma nerġgħux nużaw l-istess materjal li joħroġ meta jkun hemm il-ħsarat imma jintuża materjal ġdid, jiġi compacted kif suppost u jingħata wiċċ suret in-nies. Dan huwa importanti ħafna. Jekk ma nagħmlux hekk, inkunu qegħdin naħlu l-flus, inkunu qegħdin nipperpetwaw il-ħsarat u nkunu qegħdin noħolqu aktar diffikultajiet għal min b’xi mod ikun f’qagħda li jrid jagħmel użu minn dawn l-istess servizzi.
Fid-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla intqal li se jkun hemm investiment ta’ €14 miljun għat-toroq lokali, li huma parti mit-€43 miljun li għamilt riferenza għalihom aktar kmieni. Għandna numru ta’ toroq arterjali illi x-xogħol se jinbeda u jitkompla fuqhom matul is-sena li ġejja. Nafu x’investimenti kbar saru fuq it-toroq prinċipali ta’ pajjiżna tul is-snin li għaddew u għandna numru ta’ eżempji fejn l-investiment kien ta’ suċċess. Dan ix-xogħol se jitkompla wkoll matul is-sena li ġejja. L-Onor. Falzon għamel riferenza għall-fondi li ġew mill-Protokoll Taljan. Nista’ ngħid li kien diffiċli ferm biex il-gvern Taljan jaċċetta illi parti mill-fondi li jagħti jintnefqu fuq it-toroq ta’ pajjiżna però aħna għamilna użu minn dawn il-fondi b’mod tajjeb u m’hemmx dubju li x-xogħol ta’ toroq fejn sar dan l-investiment qed iħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.
L-Onor. Falzon għamel riferenza wkoll għall-investimenti li jsiru taħt l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea. Tajjeb li wieħed ifakkar li t-transport infrastructural network assessment sar wara l-1998, proprju biex seta’ jsir l-investiment fuq numru ta’ kilometri ta’ toroq f’pajjiżna permezz tal-fondi tal-Unjoni Ewropea. Irridu nassiguraw li dan l-investiment, li jilħaq miljuni ta’ ewro, jibqa’ jsir b’mod korrett proprju biex nassiguraw illi t-toroq arterjali li f’pajjiżna għadhom ma sarux, ikunu jistgħu jsiru bl-aħjar mod possibbli. Hemm sezzjoni oħra ta’ toroq li minn żmien għal ieħor issir kritika dwarhom fil-ġurnali ta’ pajjiżna però għal darb’oħra rrid nagħmel enfasi dwarhom. Qed nirriferi għal dawk li huma identifikati bħala local roads with a linking function, li għandhom il-funzjoni li b’mod partikolari fil-kampanja tagħna jgħaqdu punti strateġiċi fin-network aktar importanti. Dawn it-toroq huma identifikati u għandhom ammont kbir ta’ xogħol li jrid isir fihom. Dan ifisser li jridu jintnefqu miljuni kbar ta’ euros fuqhom. Għaldaqstant l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta trid tkompli tippjana biex matul iż-żmien li ġej, filwaqt li tkompli għaddejja bix-xogħlijiet fuq it-toroq arterjali u distributorji, tibda tħares ukoll lejn dawn it-toroq u tassigura li jkunu aħjar milli huma llum.
Fid-diskors tal-budget saret ukoll riferenza għall-fondi li se jingħataw mid-dipartiment responsabbli mill-kunsilli lokali proprju biex ikun hemm kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali, il-gvern ċentrali u l-kuntratturi li għandna f’pajjiżna. Numru sostanzjali ta’ toroq li jridu jsiru matul iż-żmien li ġej, ikunu jistgħu jitħaffu l-proċeduri fuqhom jekk kemm-il darba l-inizjattiva li qed jieħu l-gvern għas-sena li ġejja tkun suċċess. Jekk jiġu ddedikati €1 miljun flimkien mal-kondizzjoni li l-kunsill lokali li japplika biex jagħmel użu minn dawn il-fondi joħroġ nofshom, inkunu f’qagħda li dawn il-fondi jiġu wżati b’mod tajjeb. Tajjeb li wieħed jagħmel riferenza wkoll għall-fatt li diġà għaddejna minn din l-esperjenza numru ta’ snin ilu meta l-kunsilli lokali kellhom il-possibbiltà li jagħmlu xogħlijiet li dak iż-żmien kienu jammontaw għal Lm75,000 u li riedu jitħallsu lura fi żmien tliet snin lill-kuntratturi partikolari li kienu qegħdin jagħtu sehemhom. Naħseb li din is-sena se mmorru pass aktar ’il quddiem - ma nafx għal kemm snin huwa maħsub li jdum biex jitħallas il-kuntrattur flimkien mal-kunsilli lokali - u żgur li b’din il-proċedura, fejn il-kuntratturi flimkien mal-kunsilli lokali u mal-gvern ċentrali jagħmlu x-xogħol illum u jitħallsu għalih wara perjodu ta’ żmien, inkunu f’qagħda illi n-numru ta’ toroq li r-residenti ilhom jitolbu li jiġu rranġati, ikunu jistgħu jsiru qabel għall-benefiċċju tar-residenti u tal-infrastruttura ta’ pajjiżna.
Imbagħad hemm ukoll punti li ħafna drabi tisma’ lin-nies jitkellmu dwarhom u li ma jkunux marbutin ma’ infrastruttura daqshekk kbira. M’għandix dubju li r-residenti ta’ kull lokalità għandhom xi tip ta’ lment li jikkonċerna sleeping policemen, pelican lights, traffic lights u speed cameras li huma forsi l-aktar kontroversjali f’pajjiżna. Dawn huma kollha għodda li permezz tagħhom isir użu aħjar mill-investiment fit-toroq ta’ pajjiżna. Ħafna drabi, meta triq tkun saret tajba u l-persuni li jkunu qegħdin isuqu l-vetturi jgħaddu minnha b’ċerta veloċità, ir-residenti ta’ dik it-triq jippretendu li hemmhekk ikun hemm sleeping policeman. Din mhijiex dejjem possibbli li ssir għax fl-aħħar mill-aħħar l-iskop li tagħmel triq tajba u tneħħilha l-ħofor minnha mhuwiex biex imbagħad tagħmel il-muntanji fiha imma jista’ jkun hemm postijiet fejn ikun addattat li fihom isiru dawn it-tip ta’ affarijiet.
Hemm ukoll numru sostanzjali ta’ pelican lights li ġew mitluba li jsiru mill-kunsilli lokali u wħud minnhom ilhom saħansitra x-xhur li ġew approvati mill-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta. Jien nappella biex dawk is-signs li ġew approvati, jiġu stallati kemm jista’ jkun malajr għax mhuwiex biżżejjed li dawn ikunu approvati fuq il-karta imma mbagħad ma jitwaħħlux. Ngħid dan b’mod partikolari meta nafu xi tkun ir-reazzjoni tan-nies meta jkorri jew imut xi ħadd f’inċident tat-traffiku. Isir ħafna diskors, anke fuq il-ġurnali lokali, nikkritikaw u nilmentaw dwar is-sitwazzjoni tal-qagħda speċifika f’xi triq partikolari, imma mbagħad ikun għalxejn li noqogħdu nibku wara. Għaldaqstant huwa importanti li dawn is-sinjali tat-traffiku, aktar u aktar dawk li diġà hemm l-approvazzjoni tagħhom, jiġu mplimentati kemm jista’ jkun malajr fejn huma meħtieġa.
Matul is-snin li għaddew sar investiment biex inkomplu nagħmlu upgrading tas-signage f’pajjiżna u huwa tajjeb li nkomplu b’dan il-mod proprju biex nassiguraw li mhux biss niffaċilitaw il-mod kif naslu minn destinazzjoni għal oħra imma nnaqqsu wkoll id-diffikultajiet li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom. Kif diġà għedt, dan il-ministeru jrid ikompli bil-ħidma tiegħu f’dik li hija infrastruttura f’pajjiżna u m’hemmx dubju li l-investiment li sar matul is-snin ta’ qabel, huwa bażi soda li fuqha nkomplu nibnu matul iż-żmien li ġej. Kif qal tajjeb l-Onor. Falzon aktar kmieni, illum hemm il-kollaborazzjoni tal-fondi lokali ma’ dawk li ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Tajjeb jew ħażin irridu nagħmlu l-aħjar użu minn dawn il-fondi biex proprju nassiguraw li l-investiment neċessarju jkompli jsir għall-benefiċċju tal-infrastruttura. Fl-aħħar mill-aħħar nafu li meta jkollna infrastruttura aħjar, din tirrendi s-servizzi tagħha b’mod aktar qawwi. Fl-aħħar mill-aħħar din ingawdu minnha aħna l-Maltin u dawk li jiġu jżuruna u flimkien nistgħu ngħidu li bil-ħidma ta’ dan il-ministeru qegħdin intejbu wkoll il-livell ta’ għajxien ta’ dan il-pajjiż.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimaki? L-Onor. David Agius.
ONOR. DAVID AGIUS: Sur President, naħseb li min sema’ ħafna mid-dibattiti li kellna f’dan il-budget bħali ħa l-impressjoni li d-deputati taż-żewġ naħat tal-Kamra ġew ippreparati, tkellmu fuq diversi suġġetti relatati mal-ministeri konċernati u naħseb li dan huwa tajjeb ħafna għall-parlament Malti. Veru li kultant wieħed jiġbed sieq dak u l-ieħor għax tkun intqalet xi ħaġa, li dak li jkun m’għamel xejn, li s-sewwa jirbaħ żgur jew li xi ħadd ma jkunx qal l-affarijiet kif inhuma, però naħseb li fil-maġġoranza tal-każi d-deputati tagħna kienu ppreparati u din hija xi ħaġa pożittiva għal dan il-parlament.
Sur President, il-ministeru taħt it-tmexxija tal-Ministru Austin Gatt huwa vast ħafna u allura hemm diversi suġġetti li wieħed irid jiffoka fuqhom. Xtaqt ngħid xi ħaġa mill-ewwel fuq it-trasport. Saru u qed isiru bidliet u anke riformi f’dan ir-rigward u dawn huma bżonjużi għax bla dubju ta’ xejn jaffettwawna lkoll kemm aħna. Tul din l-aħħar sena kien hemm riformi oħrajn f’dan il-ministeru, fosthom servizz innovattiv li beda tul is-sajf li għadda u li nistgħu nibdew narawh iseħħ quddiem għajnejna. Qed nirriferi għas-servizz tal-water taxi. Hawnhekk fhimna li dan il-gvern irid jagħti servizz ta’ trasport pubbliku effiċjenti li jiġi offrut bi prezz baxx u b’mezzi tal-ogħla livelli. S’issa nista’ ngħid li diġà hemm żewġ operaturi li qed jipprovdu s-servizz u hemm l-interess ukoll tat-tielet wieħed.
F’servizz aktar wiesgħa tat-trasport il-gvern jista’ jilħaq il-mira tiegħu għall-bidla mill-użu tal-karozza privata għall-użu tat-trasport pubbliku, fejn il-konċett li kull wieħed għandu f’moħħu li jrid jasal bil-karozza tiegħu eżatt quddiem il-post fejn irid imur, għal wieħed li forsi jrid jimxi daqsxejn imma li b’daqshekk ma jkun ġara xejn. Ir-riforma narawha wkoll fil-mod kif tiġi trasportata l-merkanzija f’pajjiżna. Jekk nużaw it-teknoloġija b’mod tajjeb u jkun hemm management tajjeb ta’ kif isir il-proċess kollu, nevitaw ħafna trakkijiet fit-toroq tagħna għax dawn joħolqu konfużjoni u wġigħ ta’ ras għal min irid jittrasporta jew jistenna l-merkanzija. Fi ftit kliem, diversi ditti jistgħu jaslu għal ftehim fil-mod kif jimmaniġġjaw il-merċa tagħhom. Is-settur privat hawnhekk għandu jkollu sehem kbir.
Għalhekk nappella lill-gvern biex jistudja kif jista’ jgħin biex tikber l-effiċjenza fil-mod kif jopera, jonqos it-tniġġis, tonqos il-konġestjoni u jonqsu l-ispejjeż u l-piżijiet fuq l-attività ekonomika tagħna. Apparti li tul din is-sena saret riforma fit-trasport, kien hemm ukoll riforma fir-regolatur tat-trasport f’Malta. Hawnhekk mhux qed nirriferi biss għat-trasport bl-art, iżda anke għal dak marittimu u bl-ajru. Il-liġi għal din l-awtorità l-ġdida ta’ trasport kienet approvata minn dan il-parlament u l-awtorità se tibda tiffunzjona mis-sena d-dieħla. Hawnhekk għandna bżonn inkabbru l-effiċjenza fl-operat pubbliku billi nisfruttaw sinerġiji bejn kapaċitajiet li s’issa kienu sparpaljati f’entitajiet differenti, filwaqt li nippermettu ristrutturar finanzjarju li jnaqqas il-piż fuq in-nefqa pubblika. Eżempju intern hu l-possibbiltà ta’ ippjanar u argumentazzjoni integrata tat-trasport pubbliku f’Malta, kemm jekk fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. Għalkemm żgur hemm konsiderazzjonijiet partikolari meta tirregola taxi li topera fl-ilma, il-prinċipju tas-servizz pubbliku tat-trasport minn post għall-ieħor jibqa’ l-istess. Din hija awtorità waħda li tista’ tassew tipproteġi lill-konsumaturi tagħna fi vjaġġ li jagħmlu indipendentement mill-mezz tat-trasport li jużaw.
Minn barra s-sinerġiji fuq livell ta’ policy, il-ħsieb għal awtorità ġdida hu li jkollna magna effiċjenti ta’ implimentazzjoni ta’ policies ta’ trasport u ta’ infurzar ta’ liġijiet. Il-problemi li kellna sal-lum ma kenux biss ta’ nuqqas ta’ ċarezza fil-policies imma forsi aktar ta’ nuqqas fil-mod kif inwettqu dawn il-policies. Nixtieq ngħaddi wkoll għall-komunikazzjoni li taqa’ taħt dan il-ministeru, fosthom it-telefonija ċellulari. Matul l-2009, il-ministeru li qed nitkellmu dwaru llum ħa l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tkompli tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq tat-telefonija ċellulari. Illum għandna 98% tal-Maltin bil-mobile phone, b’erba’ kompetitturi fis-suq ibbażati fuq tliet networks u l-kompetizzjoni waslet ukoll għal traħħis fil-prezzijiet biex issa nqabblu tajjeb ma’ pajjiżi Ewropej. Ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea se jkomplu jgħinu biex il-prezzijiet ikomplu jorħsu u jikkontrollaw it-tariffi tar-roaming. Issa nissuġġerixxi li nimxu għall-pass li jmiss, dak li s-servizz tad-data permezz tal-mobile ikun jista’ jilħqu kulħadd. Qed nirriferi għas-servizz tal-e-mail u l-internet fuq il-mobile phones. Jien inħeġġeġ lill-ministru biex ikompli għaddej f’dan is-settur u flimkien mal-proġett fibre to the home ikompli jinċentiva lill-operaturi biex jinvestu fis-soċjetà tagħna.
Sur President, jien informat li bħalissa għaddejjin bl-ittestjar u l-provi għal-liċenzja ta’ xandir permezz tas-satellita. Dan jippermetti kumpaniji tal-media biex jipprovaw teknoloġija ġdida u servizzi minn u lejn Malta. Bħalma ddikjara l-ministru tal-finanzi, aħna qegħdin nerġgħu naraw il-liġijiet tagħna biex nassiguraw l-aktar inċentivi attraenti anke f’dan l-investiment għal xandir permezz tas-satellita. Matul is-sena d-dieħla pajjiżna jrid ikompli jaħdem biex ikollna qafas tajjeb fuqiex naħdmu u b’hekk nintegraw mudelli ġodda ta’ kummerċ u nattiraw ukoll dan it-tip ta’ investiment. Is-sena 2010 se ġġib fis-seħħ il-liġi l-ġdida li tirregola s-servizzi postali f’pajjiżna. B’hekk il-liġi Maltija issa se tkun konformi ma’ dik Ewropea. Dan ifisser li l-proċessi kollha ta’ utilizzazzjoni u l-piżijiet amministrattivi se jitħaffu. Liġi bħal din trid twassal għal-liberalizzazzjoni kompluta sa mhux aktar minn Diċembru 2012. Imbagħad fl-2013, is-suq tal-posta se jkun miftuħ u se tiżdied l-innovazzjoni biex fl-aħħar mill-aħħar igawdu l-konsumaturi. Il-liġi postali tinvolvi regoli ddisinjati apposta għat-tqassim ta’ kwalunkwe tip ta’ posta f’pajjiżna u tassigura li ma jkun hemm l-ebda abbuż mill-operatur.
Sur President, se nagħti ħarsa wkoll lejn il-qasam marittimu. Aktar ma jgħaddi ż-żmien il-yachting qiegħed aktar isir parti integrali mill-istil ta’ ħajja ta’ komunità li kulma jmur qiegħed dejjem jikber. Il-gvern jemmen li l-prospetti f’dan is-settur huma kbar. Malta qed tinvesti bil-kbir f’din l-industrija kemm bil-privatizzazzjoni tal-marinas eżistenti kif ukoll bl-iżvilupp ta’ marinas ġodda biex tiġi sodisfatta t-talba għal irmiġġi ġodda. Aktar kmieni din is-sena l-Malta Maritime Authority ħarġet dokument għall-konsultazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ yacht marinas. Wara dan il-proċess, l-istess awtorità ħarġet rapport li fih ġew identifikati żoni li potenzjalment jistgħu jiġu żviluppati f’yacht marinas. L-MMA bħalissa qiegħda tagħmel environmental impact assessment fuq il-marina ġdida ta’ Sa Maison. Din iż-żona kienet identifikata bħala waħda mill-aktar siti rakkmandati biex fiha tiġi żviluppata marina ġdida. F’din il-marina għandhom jinħolqu madwar 310 irmiġġ ġdid, iżda l-istudji għandhom juru l-aħjar mod kif dawn għandhom jiġu organizzati u effettivament jiġi determinat in-numru ta’ irmiġġi.
Ir-reġistrazzjoni tal-vapuri taħt il-bandiera Maltija hija bla dubju pilastru importanti għall-industrija tax-shipping f’pajjiżna. Jien informat li anke fi żmenijiet diffiċli li l-ekonomija globali għaddejja minnhom, il-MMA kompliet tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha bħala wieħed mil-leaders ewlenin fid-dinja f’dan il-qasam. Fil-fatt nista’ ngħid illi sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena n-numru ta’ vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija kien ta’ 5,207 b’tunnellaġġ gross ta’ 35,700,000 . Dan ifisser żieda ta’ 7% fuq l-istess perijodu fis-sena li għaddiet. Huwa importanti ngħid li l-istrateġija li l-MMA imbarkat fuqha li tiddiversifika l-kompożizzjoni tal-bandiera Maltija, qed tagħti riżultati inkoraġġanti. Taħt il-bandiera Maltija illum insibu mhux biss tankers u vapuri tal-merkanzija, iżda wkoll ammont ta’ cruise liners kif ukoll super yachts. Din is-sena, fir-rigward ta’ yachts li huma akbar minn 24 metru iżda iżgħar minn 50 metru, kellna żieda ta’ kważi 30%, filwaqt li fir-rigward ta’ yachts li huma ta’ daqs iżgħar minn 24 metru, kellna żieda ta’ kważi 5%.
Il-gvern jemmen li l-passi ta’ ġgant li saru fl-MMA bl-iżvilupp ta’ reġistru internazzjonali tal-vapuri jista’ wkoll jiġi replikat fil-qasam tal-avjazzjoni, din id-darba iżda bl-esperjenzi u s-suċċessi tal-imgħoddi taħt rasna. Is-suq qiegħed jurina li hemm opportunità għalina f’dan il-qasam u rridu naħtfuha u nittrasformawha f’aktar investiment u xogħol lejn pajjiżna. Wara li matul din is-sena saret konsultazzjoni wiesgħa biex inħolqot il-liġi li tirregola r-reġistru ta’ avjazzjoni, hemm bżonn li fil-ġimgħat li ġejjin il-Ministru Gatt jiġi fil-parlament bi proposta ta’ liġi għar-reġistrazzjoni tal-ajruplani, liġi li nemmen li għandha tgħin biex tiffaċilità u tagħmilha iktar attraenti biex din l-attività l-ġdida tersaq lejn il-gżira tagħna u tikkontribwixxi fl-ekonomija Maltija. Il-pjani tal-gvern għas-settur tal-avjazzjoni huma ambizzjużi. Dan il-gvern jemmen li d in l-industrija għandha tikber fl-oqsma diversi tagħha. Il-framework li għandu jinħoloq permezz tal-leġislazzjoni l-ġdida għar-reġistrazzjoni tal-ajruplani se tkun il-pjattaforma li minnha jrid jitlaq dan il-proġett li l-gvern jemmen li għandu jkollu tliet oġġettivi prinċipali; li jiġi stabbilit reġistru għar-reġistrazzjoni tal-ajruplani ta’ reputazzjoni internazzjonali, li tiġi stimulata attività ġdida u tkabbar l-industrija tal-avjazzjoni ta’ pajjiżna u li jinħolqu l-linkages settorali bejn l-avjazzjoni, l-industrija finanzjarja u dik tal-yachting.
Din il-viżjoni ambizzjuża li hija pjuttost ġdida għal pajjiżna se tkun waħda mill-prijoritajiet tal-awtorità li semmejt aktar kmieni. B’hekk, dan ikun b’saħħtu daqs dak marittimu. Sal-lum ir-reġistrazzjoni tal-avjazzjoni tinkludi 80 ajruplan. Ma jistax jonqos li f’dan il-ministeru ma nitkellmux ukoll dwar il-portijiet u l-freeport għax ma jidhirlix li ssemmew daqstant fid-dibattitu tal-lum. Bħala parti mill-ftehim bejn il-gvern u l-Malta Freeport Terminals Limited li sar fi Frar tal-2008, din is-sena l-Malta Freeport Terminals Limited għamlet investiment ta’ €24.5 miljun f’erba’ super post-Panamax quay cranes biex tiżdied il-kapaċità bi 30% u tagħmilha possibbli li jingħata servizz lill-vapuri li jġorru aktar minn 13,500 TEU. Dan l-investiment kif ukoll investimenti oħrajn ippjanati kemm fl-iżvilupp tal-infrastruttura u xiri ta’ makkinarju modern, qed jigġeneraw opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, b’mod partikolari fil-qasam tal-operations. Minkejja r-riċessjoni li ddominat ix-xena internazzjonali, l-attività fil-freeport baqgħet għaddejja bl-istess ritmu tas-sena l-oħra. Fil-fatt it-traffiku fl-ewwel sitt xhur kien fuq l-istess livelli. Dan fil-kontest li portijiet oħrajn fil-Mediterran involuti f’din l-industrija sofrew tnaqqis ta’ madwar 20% matul din is-sena. Dawn ir-riżultati pożittivi qegħdin jagħtu aktar kuraġġ lil Malta Freeport Terminal Limited li jsostni l-programm ta’ espansjoni biex b’hekk tibqa’ tiżdied il-produttività u effettivament tintlaħaq il-mira ta’ aktar minn 3,000,000 TEUs sal-2011.
Sur President, naħseb li huwa importanti wkoll li ngħidu xi ħaġa żgħira dwar il-park & ride li semma’ l-kollega tiegħi l-Onor. Charles Buhagiar. Mhu veru xejn li se jkun hemm ħlas għal dawk li jużaw il-park & ride. Dan kien b’xejn, għadu b’xejn u se jibqa’ b’xejn, jiġifieri nista’ nserraħ ras dawk kollha li jużaw dan is-servizz. Nirringrazzja lill-ħaddiema kollha li qegħdin f’dan il-ministeru għax-xogħol qawwi li għaddej u ejja nkomplu naħdmu ħalli finalment ix-xogħol f’pajjiżna nkattruh.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Aktar rimarki? Il-Ministru Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, nhar it-Tnejn li għadda, b’riferenza għad-diskors li għamel il-Prim Ministru biex jagħlaq il-budget, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal – u se nikkwota – dan il-kliem:
“Sur Prim Ministru, fi skola tal-knisja li morna kemm int u jien, kienu għallmuna l-valuri tal-onestà. F’din il-biċċa xogħol kollha ma jiena qed nara l-ebda onestà.”.
Fid-diskors tiegħi, filwaqt li se nirrispondi għall-punti saljenti li ssemmew mill-oppożizzjoni waqt dan id-dibattitu, se nuri li kultant l-onestà aktar naqset fid-diskors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni milli naqset minn x’imkien ieħor. Ovvjament is-settur li għandi f’idejja huwa wieħed vast u allura ma nistax nitkellem fuq kollox. Għaldaqstant se nagħżel l-aktar affarijiet importanti li wieħed jista’ jsemmi.
Ma nistax nifhem, per eżempju, kif il-Kap tal-Oppożizzjoni meta qara d-diskors tiegħu f’dan il-parlament – għax għalih saret ukoll drawwa li jħejji d-diskors minn qabel permezz ta’ noti u mbagħad jintqal hawnhekk viva voce, kontra t-tradizzjonijiet li għandna f’dan il-parlament - ma sabx iktar minn minuta biex jitkellem fuq ir-riformi kbar li qegħdin nagħmlu fit-trasport. Dawn ilhom snin twal biex isiru u issa qegħdin jimxu b’pass mgħaġġel mhux ħażin. Infakkar li din is-sena għalaqna r-riforma tal-unscheduled. Din hija liġi ġdida, b’regolamenti ġodda u teknika ġdida li tkopri l-coaches, il-vannijiet ex-ħomor, il-vannijiet ex bojod u tkopri wkoll area li kienet nebuluża u llum ftaħniha għal kull min irid jipparteċipa. Dik hija magħluqa.
Rigward it-taxis, imxejna ħafna ’l quddiem, mhux kif qal l-Onor. Buhagiar, li ma nafx minn fejn ikkwota. U għandna ħafna minn dawn il-kwotazzjonijiet ħżiena. Skambjajna ħafna leġislazzjoni u proposti u jien ċert li bi ftit volontà miż-żewġ naħat, nagħlqu s-sena d-dieħla. Nistgħu nimponu, nixtiequ ma nimponux, però issa ma tiġix in-naħa l-oħra u toqgħod tgħajjarna li ma għalaqniex sempliċement għax id-djalogu nżommuh miftuħ. Aħna gvern li d-deċiżjonijiet neħduhom meta għandna neħduhom, però jekk jista’ jkun naslu bid-djalogu, l-ewwel naslu bid-djalogu. Wara kollox jikkuppjaw is-slogans tagħna kemm iridu però l-kliem “is-sewwa jirbaħ żgur” u “id-djalogu” aħna għamilnihom, bħala parti mill-politika ta’ dan il-pajjiż u ħadd aktar.
Għaddejjin ukoll bir-riforma l-aktar importanti, dik tal-karozzi tal-linja. Issa anke hawnhekk, wieħed faċli jasal għall-konklużjoni malajr però l-gvern jixtieq jasal għall-konklużjoni li hi miftiehma. Aħna kommessi li nagħtu kumpens xieraq lill-operaturi preżenti. Tkellimna, għamilna laqgħat fuq laqgħat u dan jistgħu jixhduh huma. Mhux se ngħid fejn qegħdin jew mhux qegħdin però ftehemna fuq ċerti affarijiet u naħseb li ma ftehemniex fuq xi ħaġa importanti, li huma l-flus. Wasalna biex nagħmlulhom offerta u naħseb li nkun f’pożizzjoni li nagħmlilhom offerta finali fil-ġimgħat li ġejjin. L-intenzjoni tal-gvern u anke tal-assoċjazzjoni tat-trasport hi li nagħlqu sal-aħħar tas-sena. U se nagħmlu minn kollox biex dan nagħmluh però kif qal sew il-Prim Ministru, irridu sistema moderna.
Min jitla’ fuq il-karozza tal-linja hawn Malta, m’għandu jkollu xejn inqas minn kull min jitla’ fuq karozza tal-linja barra minn Malta. Għalhekk nesiġu li jkollna karozzi tal-linja li jkunu minimu Euro 3 u f’erba’ snin ikunu Euro 4. Nesiġu li jkollna karozzi tal-linja tal-elettriku jew għallinqas hybrid imma lil hinn irridu mmorru. Nesiġu l-puntwalità u ma naqbilx mal-Onor. Mizzi li ma tistax tipprevedi l-puntwalità. Fid-dinja kollha, fl-Ingilterra, fl-Italja u fi Franza tibgħat SMS u jgħidulek li l-karozza tal-linja ġejja fit-tali ħin. Għaliex? Għax hemm sistemi kif jitħaddmu. Kulma qegħdin nagħmlu nikkuppjawhom, Onor. Mizzi, m’aħna qegħdin nivvintaw xejn! (Interruzzjonijiet) Jien ma nterrompejtekx. Oqgħod bi kwietek. Jien lanqas minuta ma qomt. Issa agħlaq ħalqek.
THE CHAIRMAN: Ippermettuli ftit. Ministru dak huwa xogħli issa li nara li ma jkunx hawn interruzzjonijiet. Onor. Mizzi, ħalli lill-Ministru jagħmel il-kummenti tiegħu.
ONOR. AUSTIN GATT: Nistgħu nipprevedu fi x’ħin jaslu l-karozzi tal-linja għax hemm sistemi kif tipprevedi l-flow tat-traffiku llum. M’aħna qegħdin nivvintaw xejn. Qegħdin sempliċement nikkupjaw dak li jagħmlu fl-Ingilterra, fl-Amerka, fi Franza, fil-Ġermanja u kullimkien. Irridu aktar rotot. Irridu aktar frekwenzi. Irridu aktar kumdità! X’jiġifieri fis-sajf tagħna ma jkollniex l-air conditioners fil-karozzi kollha! Dawn huma affarijiet li jeżistu madwar id-dinja kollha u f’Malta hekk irridu nagħmlu wkoll. Però l-Kap tal-Oppożizzjoni ma sabx il-ħin biex jitkellem dwar dawn l-affarijiet kollha. Veru li ried jittratta l-gvern kollu u nifhimha, imma possibbli l-Kap tal-Oppożizzjoni, fl-onestà kollha li tgħallem, ma sabx ċans isemmi u jikkummenta dwar riforma li ilha biex issir 40 sena, li ilna nieklu ’l hawn u ’l hemm minnha ż-żewġ partiti meta konna fil-gvern! Kif ma qal xejn ladarba t-tender ħarġet u dawn l-affarijiet kollha huma mniżżlin fiha!
Ħalq magħluq kellna mill-Partit Laburista kollu! Kif ma jsemmux li dan kollu qed isir meta aħna qegħdin ngħidu li prattikament il-fare se tibqa’ l-istess! Mela aktar kumdità, aktar rotot, aktar frekwenza, aktar prevedibilità, karozzi tal-linja aħjar u bejn wieħed u ieħor ċenteżmu ’l hawn u ċenteżmu ’l hemm, tħallas l-istess.
Din hija s-serjetà tal-politika, Sur President! Dan huwa partit fil-gvern b’viżjoni. Tista’ ssemmi li ma wasalniex fit-taxis din is-sena. Tista’ ssemmi li għadna ma ftehemniex mal-assoċjazzjoni. Mela xi ħadd fil-gvern jagħmel kollox bil-perfezzjoni? Dażgur li le! Però veru jew mhux veru illi qlibna ta’ taħt fuq il-mod ta’ kif wieħed iħares lejn it-trasport? Veru jew mhux veru li qegħdin fit-triq biex dak li qegħdin ngħidu li se nagħmlu, attwalment nagħmluh? Għax it-tender qiegħed barra wara kollox u l-offerti ntefgħu minn nies serji ħafna! Però ħalli nkompli nitkellem dwar it-trasport. Mis-sitt kelliema li tkellmu llejla ħadd minnhom ma semma li biddilna l-metodu kollu tal-liċenzjar. Ħadd ma qal illi llum il-liċenzji tal-karozzi u tat-trakkijiet tagħna huma kollha mibnijin fuq il-premessa li inqas ma tniġġes, inqas tħallas! Din hija riforma radikali mill-qiegħ ta’ kif inti tħaddem il-liċenzji! Ħadd ma jitkellem fuqha din! Ħadd ma jgħid xi ħaġa dwarha din! Ħadd ma jgħid jekk hijiex tajba, jekk hijiex ħażina jew jekk kienx imissna għamilniha differenti! Ħadd ma qal xejn li għall-ewwel darba daħħalna liċenzjar tal-persuni, li dawn ikollhom ċertifikat ta’ kompetenza! Għall-ewwel darba daħħalnihom dawn! Mis-sena d-dieħla qegħdin nipprovaw inbiddlu għall-ewwel darba l-mod kif isiru t-testijiet tal-liċenzji!
Ħalli naqbad ma’ xi ħaġa li qal l-Onor. Mizzi. Jien l-ewwel wieħed li naqbel mal-Onor. Mizzi. Agħtini tant biex ninvestiga u ninvestigah mija fil-mija. M’għandix problemi. Aħna bgħatna 23 allegazzjoni li rċevejna lill-pulizija biex jinvestigaw u s’issa tnejn investigawlna. Però malli l-Onor. Mizzi jagħtina xi ħaġa, nassigurah li la jien u lanqas iċ-chairman ma niddejqu xejn ninvestigaw lil xi ħadd, hu min hu. Jien ħaġa waħda nappellalu, biex ma jippretendix li kulħadd jisma’ d-diskorsi f’dan il-parlament. Ara ma jippretendix, kif qalli llum, li nhar it-Tnejn jew ma nafx meta, il-pulizija tal-frodi se jmorru jkellmuh! Jekk mhuwiex se jkellem lill-pulizija tal-frodi hu, huma mhux se jiġu jkellmuh għax mhumiex qegħdin jisimgħu d-diskors tiegħu żgur. Iridu jkunu mbeċilli biex joqogħdu jisimgħu l-parlament fis-6.00 p.m.! Jekk hemm logħba football tajba, immur nara lilha u mhux noqgħod nisma’ lil Joe Mizzi jew lil Austin Gatt jitkellmu!
Kumbinazzjoni llum kien hawn iċ-chairman tal-ADT u meta smajt id-diskors tal-Onor. Mizzi, bgħattu jkellmu biex jgħidlu dwar il-pjanċi u hekk għamel. Jekk jgħaddilu l-informazzjoni nassigurah li ninvestigaw u ngħaddilu kopja tar-rapport. Ma nsib l-ebda problema li nagħmel hekk. Iċ-chairman qalli li l-Onor. Mizzi qallu li l-istorja qiegħda fuq il-ġurnal “KullĦadd”. Għada naraw dan il-ġurnal u ninvestigaw, m’hemmx problema. Però ejja ma nilludux ruħna li meta nitkellmu aħna hawn ġew ...
THE CHAIRMAN: Ippermettili ftit. Bil-permess tal-ministru, l-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Mhux l-istorja hemm fuq il-ġurnal imma l-ittra li kitbet l-ADT!
ONOR. AUSTIN GATT: Kollox sew. Imma hemm riferenza għal dawn il-famużi pjanċi li waħda minnhom kienet fl-2001! (Interruzzjonijiet) Jekk l-Onor. Mizzi ma jridx jgħaddilna n-numru tal-pjanċi, ħalli naraw x’hemm fil-ġurnal “KullĦadd” u nimxu minn hemmhekk, no problem. Id-disponibbiltà tiegħi hija waħda, li jagħtuni l-informazzjoni u ma nsib l-ebda problema biex ninvestiga.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Mizzi, on a point of order,
ONOR. JOE MIZZI: Jien kont ħriġt in-numri tal-pjanċi ta’ karozzi li kienu ġew scrapped u dawn dehru fuq karozzi li kienu qegħdin jiġru u qabduhom bil-cameras. Dan ġara din is-sena u mhux fl-2001! Apparti dan il-każ, jien semmejt karozzi li għandhom pjanċi li ma jeżistux, jiġifieri ma kenux ta’ karozzi li ġew scrapped.
THE CHAIRMAN: Grazzi. Ikompli l-ministru.
ONOR. AUSTIN GATT: Qed nagħmel talba waħda u sempliċi. Nitolbu jagħtini n-numri tagħhom biex ninvestigawhom kollha. M’għandix problema li nagħmel dan. Kif ħafna drabi talabni ħafna affarijiet oħra u għamilniehom, jien qed ngħidlu li d-disponibilità sħiħa tagħna hi li nagħmluha, punto e basta.
THE CHAIRMAN: On a point of order, l-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Jien ma ddubitajtx lill-Ministru u ma waħħaltx fih imma lill-uffiċjali tal-ADT kont għedtilhom u kellimthom anke wara li raw il-programm fuq it-television. U permezz ta’ ittra li dehret fuq il-ġurnal “KullĦadd” irrispondewni sempliċement li huma jgħaddu dawn il-każijiet lill-pulizija. Jiġifieri dawn ma nvestigaw xejn! Dik hi r-raġuni!
THE CHAIRMAN: Dan mhuwiex point of order. Ikompli l-Ministru.
ONOR. AUSTIN GATT: Jien qed nerġa’ nuri d-disponibilità tagħna. Jekk jagħtini l-informazzjoni mmexxu. Tafu x’għoġobni ħafna dwar it-trasport meta kien qiegħed jitkellem l-Onor. Mizzi? Meta qal li allaħares insemmu ta’ x’għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ korruzzjoni li kien hemm taħt Gvern Laburista. Jekk irridu niċċajtaw u nsemmu l-każijiet ta’ korruzzjoni ta’ Gvern Laburista ... (Interruzzjonijiet) Mela Gvern Laburista kien biss bejn l-1996 u l-1998? Mela ma kienx qabel ukoll! U jekk nibda nsemmi l-każijiet ta’ korruzzjoni li saru bejn l-1996 u l-1998 ma nilħaqx insemmihom kollha għax kulma baqagħli kważi tliet kwarti għad-dispożizzjoni tiegħi. Il-lista ta’ korruzzjoni li kien hemm bejn dan il-perijodu tieħu almenu sagħtejn u nofs jew tliet siegħat biex insemmiha kollha. Imma ejja naqbżu dawn l-affarijiet.
Dostları ilə paylaş: |