Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 1,01 Mb.
səhifə9/16
tarix03.04.2018
ölçüsü1,01 Mb.
#46780
1   ...   5   6   7   8   9   10   11   12   ...   16

THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. John Vella.
ONOR. JOHN VELLA: Ħalli nieħu l-eżempju ta' kif il-VAT se tolqot lili bħala tabib u se nieħu l-ispejjeż li jkollhom it-tobba. L-ispejjeż fuq il-petrol jew id-diesel jitilgħu għal madwar Lm500, Lm600 jew Lm700 fis-sena, u fuq dawn mhux se titħallas VAT, bħalma mhux se titħallas VAT fuq it-telephone jew fuq l-elettriku. L-ispejjeż li se tħallas iktar għall-mechanic se teħodhom lura. Barra minn hekk, fuq il-mediċini li nagħtu m'hemmx VAT. L-Onor. Spiteri qal li issa jibda jkollna bżonn inqabbdu accountant, li nikkalkola li forsi jitħallas Lm1000 fis-sena, spiża li tinvolvi Lm150 VAT fis-sena. Mr Chairman, hawn xi ħadd jaħseb li għal Lm150 fis-sena tabib għandu jgħolli l-ħlas għas-servizz tiegħu u jitħallas iktar?
ONOR. EDWIN S. GRECH: Jiena mhux qed ngħid li s-servizz se jogħla imma qed nistaqsi jistax jogħla. Il-mistoqsija kienet għaliex il-Ministru ddeċieda li jeżentahom bi kreditu.
ONOR. MICHAEL FALZON: Biex il-VAT li tħallas fuq spejjeż lill-mechanic, per eżempju, teħodhom lura.
ONOR. EDWIN S. GRECH: X'differenza se tagħmel lill-pazjenti?
ONOR. MICHAEL FALZON: Lill-pazjent ma tagħmillu l-ebda differenza
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Ministru Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Jien naħseb li l-Onor. Vella għamel over-valuation ta' l-accountants; jidher li m'għandux esperjenza tagħhom. Allaħares biex iżommlok biċċa ktieb jiċċarġjak Lm1,000 għax ikun qed jisirqek sew!
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Lino Spiteri.
ONOR. LINO SPITERI: Nispera li jien ma nftiehemtx li għidt li qed nistenna li t-tobba jgħollu l-fees tagħhom.
ONOR. JOHN DALLI: Hekk inħobb nisma' jien - u din bis-serjeta' qed ngħidha - ħalli nagħmlu l-affarijiet ċari hawn ġew.
ONOR. LINO SPITERI: Irrid nenfasizza li jien m'għidtx li t-tobba għandhom jgħollu l-fees tagħhom. Jien għidt li nispera li peress li se jkollhom compliance costs għax jista' jkun li se jibdew jimlew b'mod iżjed mimli l-income tax return, ma jkunx hemm l-effett fuq dak li se jħallas il-pazjent. Imma żgur li mhux qed ngħid li għandhom jgħollu l-fees. Jekk l-Onor. Vella fehemni hekk, ma fissirtx ruħi tajjeb biżżejjed.
ONOR. JOHN DALLI: Jien xtaqt nagħmel punt u qed nieħu gost li l-Onor. Lino Spiteri għamel dan il-kumment speċifiku, għaliex huwa kumment li jien smajt barra minn din il-Kamra u qrajt anke f'gazzetti. Qed jgħidu li għax issa min jagħti servizz bħala self-employed se jkollu jħallas it-taxxa, se jgħolli l-prezz. Fl-opinjoni tiegħi hija vilta' - u hawn se nkun iebes kemm nista' ma' kulħadd - li wieħed jipprova jgħid u jiddeduċi li l-evażjoni ta' taxxa hija xi servizz soċjali li qed jgħaddi lill-konsumatur. Qisna qed ngħidu li jekk wieħed qed jevadi t-taxxa b'daqshekk mhux qed jiċċarġja kemm għandu jiċċarġja lill-konsumatur imma qed jiċċarġjah inqas. Qed jiċċarġja kemm għandu jiċċarġja u fuq dak li qed jiċċarġja u qed jaqla', għandu jaqdi dmiru billi jħallas l-income tax bħal ħaddieħor. (Interruzzjonijiet) Jien nirraġuna li d-dħul huwa dħul u ħadd m'għandu jittama jew jispera li jista' jkollu argument validu jekk jgħid: Issa qed inħallas l-income tax, fejn qabel kont naħrab minnha u għalhekk dan huwa cost għalija. Jekk verament nemmnu li l-income tax hija taxxa li tagħmel ġustizzja soċjali għax tagħmel income distribution - issa qed nitkellmu fuq konċetti u prinċipji - allura ma nistgħu qatt naċċettaw li l-income tax hija cost li trid tgħaddiha lill-klijent. Dan huwa argument żbaljat u fallaċi għal kollox, u jmur kontra kull argument li t-taxxa ta' l-income hija taxxa ġusta u li qiegħda hemm biex tagħmel distribution of income. It-taxxa ta' l-income qiegħda biex tikkontribwixxi mill-income tiegħek - u mhux mill-prezz li taparsi tkun qed tagħti lill-pazjent, fil-każ ta' tabib - lis-soċjeta' għar-redistribution, u jekk b'xi mod naċċettaw l-argument li jekk wieħed se jħallas it-taxxa, din irid jgħaddiha lill-klijenti tiegħu, lanqas inkunu għadna fhimna t-tifsira bażika ta' l-income tax.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Mr Chairman, ħalli nispjega kemm dak li qed jgħid il-Ministru m'huwiex korrett għall-finijiet tad-diskussjoni. Il-Gvern jirritjeni li din it-taxxa fuq il-konsum tolqot l-iktar lil min għandu dħul pjuttost qawwi. Allura bit-teorija tal-Gvern stess, il-professjonisti u dawk kollha f'dan l-income group bilfors li jridu jgħollu l-fees tagħhom minħabba l-piż addizzjonali li t-taxxa tal-VAT se timponi fuqhom. GĦaliex? (Interruzzjonijiet) Il-Gvern argumenta - u din in-naħa ma qablitx miegħu - li min għandu income baxx b'din it-taxxa se jiggwadanja għax il-persentaġġ li jonfoq fuq il-konsum huwa relattivament iżgħar. Ergo min m'għandux income baxx se jbati b'din it-taxxa għax il-persentaġġ li jonfoq fuq il-konsum huwa ikbar. (Interruzzjonijiet) Mhux qed ngħid li qed tagħmel ħażin. M'hux dak l-argument! Tiżvijanix! Issa qbadt l-argument tiegħek u rrid insammrek bih! Jien qed ngħid li l-kelliema tan-naħa tal-Gvern jargumentaw u jsostnu li t-taxxa tal-VAT se tolqot l-iktar lil dawk li għandhom income pjuttost over the middle range, u li dawn se jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' taxxa li se tinġabar minn fuq il-lower income group. Għaliex ladarba dawk fil-lower income group se jiffrankaw bit-tneħħija tad-dazji u minħabba li jonfqu anqas fuq il-konsum tas-servizzi, allura l-Gvern se jkollu revenue anqas minnhom u dan irid iġibu mis-sezzjoni l-oħra tal-popolazzjoni. Issa jekk it-tobba u l-professjonisti kollha huma mas-settur li se jġorr piż akbar milli qed iġorr issa permezz tas-sistema tad-dazju għaliex se jkollhom taxxa anke fuq il-konsum tas-servizzi - fost dawn in-nies hemm dawk li qed iċapċpu u jappoġġjaw l-impożizzjoni ta' din it-taxxa - bilfors li l-piż iridu jgħadduh lil ħaddieħor. (Interruzzjonijiet) L-income tax ma tidħolx hawn. Kull darba jdaħħlu l-argument ta' l-income tax biex jiżvijaw id-diskussjoni. X'għandha x'taqsam l-income tax, bl-argumentazzjoni tagħkom stess? Issa jekk intom ma temmnux dan li qed tgħidu - u naħseb li veru ma temmnuhx - allura din l-argumentazzjoni tiegħi hija żbaljata, imma hija żbaljata għaliex hija mibnija fuq il-premessa żbaljata tagħkom. Mhux jien qiegħed nagħmilha l-premessa, għamiltuha intom. Pero' jekk issostnu l-premessa, din hija l-konklużjoni.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Mr Chairman, jien għamilt l-argument fuq l-income tax għaliex tqajjem l-argument ta' l-income. Jien weġibt fuq il-punt li tqajjem u għamilt il-pożizzjoni ċara. Jien kuntent li jidher li l-pożizzjoni ta' l-Oppożizzjoni - almenu konċettwalment - hija li ħadd ma jista' jġib l-iskuża ta' l-income tax u jirraġuna li għax issa se jibda jħallasha, allura din irid jgħaddiha lill-konsumatur.
Fuq dan li qed jgħid l-Onor. Karmenu Mifsud Bonnici issa, irrid ngħid li ma jistax joqgħod jiġi bl-argumenti ta' x'qed ngħidu aħna imma jrid jieħu pożizzjoni. Ma jistax ikollok il-kejk u tieklu wkoll. (Interruzzjonijiet) Inti issa trid tibni argument fuq pożizzjoni u mhux tieħu l-ipotesi li jaqbillek. Issa trid tieħu pożizzjoni u tgħid jekk il-VAT hijiex dik li qed nieħdu aħna, jiġifieri taxxa ġusta u ħafna aħjar mit-taxxa tad-dazju f'dik li hi distribuzzjoni. Fil-fatt huwa veru li aktar ma jkollok income, aktar se jkollok tħallas VAT. Aħna qegħdin ngħidu li hekk se jkun. Naturalment jiddependi mill-income li wieħed ikollu u mit-tip ta' servizzi li jikkonsma. Pero' biex tagħmel dan l-argument u tgħid li allura se jkun hemm effett, trid taċċetta dan l-argument u din il-pożizzjoni. Inkella trid tibqa' ssostni l-pożizzjoni li ħadtu li dan m'hux veru, li ż-żgħir se jħallas daqs il-kbir bil-VAT u allura mhux se jkun hemm dawn l-effetti. Pero' l-konklużjoni tiegħek trid tkun jew waħda jew l-oħra. Ma jistax ikollok il-konklużjoni li jaqbillek għall-argument li qed tagħmel. (Interruzzjonijiet) Jien ħadtha l-pożizzjoni.
ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: .... irid jasal għall-konkluzjoni li t-tabib li allura issa se jħallas aktar taxxa minħabba din it-taxxa u mhux minħabba l-income tax, bilfors se jkollu jgħaddi l-piż lill-pazjent. (Interruzzjonijiet) Din il-pożizzjoni l-Gvern irid jeħodha, inkella jrid jirroftaha ...

THE DEPUTY CHAIRMAN: Onorevoli, ippermettuli ftit. Erġajna qed nitkellmu fuq il-prinċipju ta' din il-liġi meta qegħdin fl-istadju tal-Kumitat.
L-Onor. George Vella.

ONOR. GEORGE VELLA: Mr Chairman, jien xtaqt nagħmel xi kummenti qosra fuq dan l-exchange li għaddej hawnhekk. Veru li hawn is-sħana hawn ġew, pero' - bir-rispett kollu lejn iż-żewġ naħat - dan m'hu xejn ħlief hot air, huwa biss arja sħuna. Qed ngħid dan għar-raġuni li meta qed nitkellmu fuq dan is-settur li nappartjeni għalih jien, naraw ħafna dikjarazzjonijiet ta' rieda tajba imma ħadd - la l-Gvern ta' qabel u lanqas dan - m'għamel xi ħaġa biex jikkontrolla li l-pazjent ma jiġix misruq kif qed jiġi misruq illum minn ħafna tobba. U dan qed ngħidu b'responsabilita'. Ħafna tobba qed jisirqu lill-pazjent, u l-ebda Gvern - la dan u lanqas ta' qabel dan nerġa' ngħid - ma kellu l-guts li jagħmel it-tariffi li ilhom imdendlin żmien twil ħalli l-pazjent għallinqas ikun jaf kemm għandu jħallas. Issa jien dan mhux qed ngħidu biex nikkastiga lit-tobba u lanqas biex naqbeż għall-pazjenti. Pero' jekk aħna se nitkellmu fuq il-kwestjoni tal-VAT jien ngħid li naf b'tobba li diġa' qalu li se jkollhom jgħollu l-fee għaliex se jkollhom spejjeż żejda. U jgħid x'jgħid il-Ministru - bir-rispett kollu - jekk mhux se jagħmel miżuri ta' kontroll effettivi, dan se jiġri. U jekk irid ikun jaf kemm huma onesti t-tobba f'dak li jiddikjaraw, jaqbad l-aħħar ktieb li ppubblikajna aħna - mhux t'issa se nsemmi - u jara jekk huwiex verosimile li dawn it-tobba jaqilgħu biss dak li hemm dikjarat hemmhekk. Jien ngħidlu biex jekk isib ħames minuti ċans, jara dan il-ktieb u jara jidħakx. Għax tidħak meta tara dawn il-figuri. Jiġifieri jien qed nassumi li mhux se jiddikjaraw bis-serjeta' ..... (Interruzzjoni-jiet) Qed tidħak? Qed tara kif qed tidħak! J'Alla tkompli tidħak għaliex m'għandekx li hemmhekk se jkollok dikjarazzjoni serja mill-biċċa l-kbira minnhom. Qed ngħid dan b'dispjaċir, imma qed ngħidu għax dan inħossu. U wieħed m'għandux jassumi li dawn tant se jkunu law abiding - kif qed jassumi l-Ministru - li n-nies, li tliet kwarti minnhom lanqas biss jafu meta niltaqgħu fil-Parlament, aħseb u ara kemm jafu x'qegħdin ngħidu hawn ġew jew li qegħdin nidħlu f'dawn id-dettalji ta' kif tolqothom jew ma tolqothomx il-VAT ... In-nies se jkunu jafu biss li malli jibdew iħallsu 15% fuq ċerti affarijiet, ċerti tobba u speċjalisti se jbellgħuhielhom li għollew il-miżata għaliex daħlet il-VAT. Issa jien mhux se noqgħod nidħol fl-argumenti ta' kif din se tolqot setturi oħra tal-ħajja u l-cost of living li argumentajt fuqhom fid-diskors li għamilt, pero' jien konvint li jekk il-Ministru jrid verament jipproteġi lill-pazjent, dan jista' jagħmlu liberalment, l-ewwelnett billi jkun hemm aktar informazzjoni dwar il-fatt li l-pazjent m'għandux jitlaqat biż-żidiet li t-tabib se jkollu fl-ispejjeż tiegħu għaliex huwa exempt with credit u allura suppost li jieħu lura kull ħlas ta' VAT li jkollu jagħmel waqt il-qadi ta' dmirijiet, lura kolllha mingħand il-Gvern. Pass tajjeb biex jipproteġi lill-pazjenti jkun li l-Gvern joħroġ it-tariffi ħalli għallinqas ikun hemm idea darba għal dejjem .... (Interruzzjonijiet) Imma kien diffiċli, Onor. Galea. Jien għadni kemm għidt qabel dħalt inti, li lanqas il-Gvern ta' qabel ma kellu l-guts jagħmilha din il-biċċa xogħol. Imma jekk mhux se nagħmluha, il-pazjent se jibqa' jinsteraq kif qed jinsteraq illum, kemm mit-tobba, kif ukoll mill-ispiżjara.
Mr Chairman, xtaqt li l-Ministru jispjegalna kif - dan għidtu fis-Second Reading u nixtieq nerġa' ngħidu hawnhekk - issa qed niftaħru li s-servizz mediku huwa exempt with credit - u allura t-tobba m'għandhom l-ebda raġuni għaliex jgħollu l-ħlas tas-servizz għaliex dak li se jikklejmjaw bħala input tax fuq is-servizzi li jikkonsmaw, bħas-servicing tal-karozza u affarijiet oħra, se jeħduh lura u allura ma jgħadduhx lill-pazjent - meta nafu li fl-Ewropa kollha dan it-tip ta' servizz huwa exempt without credit. U jekk verament in-naħa l-oħra tal-Kamra temmen - kif jgħidu l-Onor. De Marco u l-kollegi tiegħu - li ma ndumux ma nidħlu fl-Ewropa, allura jkollha tammetti li bilfors li dan is-servizz minn zero rating, jiġifieri exempt with credit, se jsir exempt without credit. Allura kif se nipprovaw nilqgħu kontra din il-biċċa xogħol li se jkun hemm irċevuti mingħand it-tobba li għandhom jiġu ... (Interruzzjonijiet) Le, mhux bili tagħmel "hekk", Onor. Dalli. Faċli tagħmel "hekk" - u naf li qed taqbel miegħi - imma fil-prattika .... Dawn bħall-każ ta' l-ispiżjara li semmejtu hawnhekk kemm-il darba. Jaħsbuni li għandi kontra tagħhom imma jien m'għandix kontra tagħhom. Min qed jikkontrolla ż-żidiet bla sens fil-prezzijiet tal-mediċini? Hawn nies biex jipprovaw jikkontrollaw il-prezzijiet fil-ħwienet u fis-suq fejn forsi xi ħadd ikun qed ibigħ ftit kappar, imma għand l-ispiżjara ħadd ma jmur biex jara s-sitwazzjoni tal-prezzijiet. Il-pazjenti - u l-Onor. Psaila Savona jaf daqsi x'qed ngħid - jiġu jeqirdu għand it-tabib u jgħidulu li l-prezz ta' ċerti mediċini żdied b'30c jew 40c. Jien hawnhekk qed nitkellem minn qalbi għax dawn l-affarijiet narahom kuljum bħalma jarawhom il-kollegi tiegħi kollha u ħafna drabi nsibu diffikulta' mhux dwar x'se tagħti lill-pazjent biex ifiq, imma x'se tagħtih at the lowest cost biex tilħaq il-potenzjal tal-but tiegħu. Hawnhekk, nerġa' ngħid, mhux qed nitkellem b'ton politiku, imma qed nitkellem minn qalbi għaliex dan huwa settur li jekk mhux se nipproteġuh se jieħu daqqa biż-żieda tal-VAT. U jekk tridu li l-VAT - li jien nawgura li ma tidħolx - ma tidhirx kerha aktar milli se tkun, għallinqas għandkom tipproteġu dan is-settur.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Psaila Savona.
ONOR. JOSEPH PSAILA SAVONA: Jien m'għandi xejn x'inżid ma' dak li qal l-Onor. Vella. Naqbel miegħu mija fil-mija, imma dan imur eżattament kontra dak li kien intqal qabel, għaliex il-prinċipju li tabib se jżid il-miżata tiegħu minħabba li se jkollu jonfoq aktar fi ħlas ta' VAT, ma jreġix. Jekk it-tabib irid li meta tidħol il-VAT jibqa' jlaħħaq ma' l-ispejjeż tal-prodotti u s-servizzi kollha li qed jikkonsma bħalissa, ikollu jaħdem aktar. Imma m'għandux jeħodha minn dik it-taxxa li jkun inqabad biha u li ma jkunx jista' jevita.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Mr Chairman, waħda mill-affarijiet li qed ninnota hawnhekk hija li dak li għidt jien u ma xtaqtx nerġa' nirrepetih, se jkolli nerġa' nirrepetih. Se nirrepeti biss sentenza waħda. L-affarijiet diġa' bdew jogħlew. M'għandniex għalfejn noqogħdu nsemmu biss lit-tobba. Il-mechanics - għaliex issemma l-ħlas għas-servizz li tabib jieħu mingħand il-mechanic - diġa' qed jgħollu l-fee tagħhom u għada pitgħada din ikun hemm il-VAT fuqha li qed ngħidu li se tiġi rifuża lilhom. Jiġifieri fil-fatt il-prezzijiet ta' diversi setturi tas-soċjeta' qegħdin jogħlew. Din hija r-realta' tal-ħajja u ma nistgħux naħarbu minnha jew niċħduha. Dawn l-affarijiet diġa' qed insibuhom ma' wiċċna u għalhekk nibżgħu li mill-1 ta' Jannar li ġej se jkun hawn splużjoni ta' prezzijiet minn diversi setturi. Għalhekk ukoll jagħmel sens dak li qal sieħbi l-Onor. George Vella, issapportjat ukoll minn sieħbi l-Onor. Psaila Savona, dwar il-bżonn li joħorġu ċerti tariffi li jagħtu guidelines dwar kemm wieħed għandu jiġi ċċarġjat għal ċerti servizzi li jingħata.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Edwin Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Jien qed nieħu gost bix-xejra li ħadet id-diskussjoni. Lil sħabi t-tobba hawnhekk nirrispettahom u naf li jagħmlu x-xogħol tagħhom bl-akbar serjeta' imma, kif qal il-Ministru, hemm ukoll ħafna li jabbużaw. GĦalhekk irridu nfiehmu lin-nies li meta qed ngħidu li s-servizzi mediċi huma exempt with credit, din tista' ma tfisser xejn għax fil-fatt jekk ma noqogħdux attenti s-servizzi se jogħlew. U dan mhux biss għax il-mara tad-dar tkun qed tħallas aktar għal ċerti oġġetti, imma għax anke fejn jidħlu servizzi mediċi mogħtija fi clinics li jaħdmu minn fil-għodu sa fil-għaxija, li minnhom għandna tlieta jew erbgħa, ikun hemm żieda fil-prezzijiet. Għax biex dawn joħorġu rċevuta għal kull servizz li jingħata hemmhekk matul il-jum, iridu jimpjegaw lil xi ħadd u biex jirkupraw il-ħlas lil din il-persuna, ikollhom jgħollu l-prezzijiet. Nispera li ma jsirx hekk, bħalma qed jgħidu sħabi hawnhekk. (Interruzzjonijiet) Lili qed tistaqsi? Jien ma nafx. Jien m'għandix clinic tiegħi. Inti taf li għandhom min iżommilhom il-kotba? GĦax li jżommulhom il-kotba huwa mod u li joħorġu l-irċevuti huwa mod ieħor; dawn huma żewġ affarijiet differenti. Pero' jien għadni ma ħadtx risposta fuq iż-żewġ domandi li għamilt. Jien staqsejt jekk il-laboratorji mediċi u l-kontraċettivi humiex se jiġu affettwati bil-VAT. (Interruzzjonijiet) Jien għandi argumenti serji għaliex il-kontraċettivi għandhom jiġu inklużi taħt pharmaceuticals. Ħalli ma nsemmux il-kontraċettivi orali, jiġifieri l-pill - issa nispera li ħadd m'hu se jiskumnikani talli qed ngħid dan hawnhekk; wara kollox hawn ħafna tobba li jużawhom bħala hormones għal affarijiet oħra u sħabi t-tobba jafu għal xiex qed nirreferi - imma hemm ukoll il-mechanical contraceptives. U dan il-metodu s-Sanita' qed jippromwovih bħala miżura biex jitnaqqas il-periklu ta' l-inċidenza ta' l-AIDS. Allura għaliex dawn se nisseparawhom mill-pharmaceuticals? Mela lin-nies qed ngħidulhom biex meta jkun hemm riskju jużaw il-kontraċettiv mekkaniku u l-Ministru dan se jagħmillu l-VAT fuqu!
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. JOHN DALLI: Ħalli nibdew mil-laboratorji mediċi. Dawn jaqgħu taħt medical services li huma zero rated, jiġifieri m'hemmx VAT fuqhom. Dwar il-kontraċettivi qed jgħiduli li pills or spermicides li huma taħt HS code partikolari, mhux se jkunu soġġetti għall-VAT għalkemm illum fuqhom hemm dazju ta' bejn 10% u 20%. Jiġifieri dawn se jmorru aħjar. Kontraċettivi oħrajn, bħall-condoms per eżempju, se jkollhom il-VAT fuqhom, imma dawn illum għandhom fuqhom dazju ta' bejn 23% u 37%. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Edwin Grech.
ONOR. EDWIN S. GRECH: Dan imur kontra l-policy tas-Sanita' li qed jagħti parir lin-nies li fejn ikun hemm riskju jużaw il-kontraċettivi. GĦaliex se nimponu l-VAT fuq il-condoms?
ONOR. ALFRED SANT: Ir-rata li għadu kemm ta għall-VAT, 15% vis-a-vis 37% jew 23%, hija ekwivalenti jew ogħla minn 35% dazju .... L-argument determinanti f'din il-ħaġa - issa kkonvinċieni aktar l-Onor. Grech - huwa proprju dan: Kif jista' l-Gvern ikun koerenti miegħu nnifsu meta min-naħa għandna lill-Onor. Louis Galea li qed jibni u jippompja kampanja kontra l-Aids fejn jiġi promoss l-użu tal-kontraċettivi, u min-naħa l-oħra għandek sistema li biha anke fuq biċċa waħda biss mill-ispettru kontraċettiv possibbli, qiegħed effettivament jinċidi kontra l-kontraċezzjoni anke vis-a-vis il-kampanja ta' l-Aids? 15% VAT bħala taxxa, hija ogħla minn 35% dazju.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Ministru.
ONOR. JOHN DALLI: Jiena ma naqbilx ma' dan. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Il-Ministru għadu kemm qal li qed inkun misleading. Mhux talli dak li għidt m'hux misleading, talli jekk il-kontraċettiv jiġi minn barra l-Unjoni Ewropea, l-ispiża tiegħu aktar se togħla.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Mr Chairman, kemm-il darba għamilna dan l-istatement. Jekk il-Kap ta' l-Oppożizzjoni jrid jibqa' jsostni l-pożizzjoni tiegħu, affari tiegħu. Il-pożizzjoni spjegajtha kemm-il darba minn din in-naħa u m'hemmx għalfejn noqogħdu nispjegaw ad nauseam. Bis-sistema li llum għandna fil-pajjiż, 23% jew 27% dazju jirrifletti ruħu fi 23% jew 27% aktar fuq is-sales price, minħabba l-cascading effect tas-sistema ta' kif jinħadmu l-prezzijiet. Dik hi r-realta' u min jaf kif jiġu kkalkolati l-prezzijiet jaf li bil-cascading effect li għandna bis-sistema tad-dazju - fis-Second Reading spjegajt kif id-dazju jeħel mal-cost tal-prodott, huwa kkonsidrat bħala cost tal-prodott u allura kull perċentwali ta' margin ta' profitt jiġi applikat fuqu - kull rata u kull one per cent dazju li jitħallas on the cost price, jirrifletti ruħu f'one per cent sales tax fil-prezz finali. Dik hija r-realta' tas-sitwazzjoni llum. Il-VAT ma taħdimx hekk għax m'hijiex parti mill-cost tal-prodott. Allura meta qegħdin nitkellmu dwar il-kwestjoni tal-condoms, jekk dawn huma ġejjin mill-Ewropa, it-23% dazju li hemm illum se jispiċċa u jkun hemm biss 15% VAT, bil-konsegwenza li l-prezzijiet ta' dawn l-oġġetti għandu jorħos. Dik hi l-pożizzjoni tagħna.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Nerġa' ngħid li qed tingħata spjega ħażina ta' kif se taħdem il-VAT. Il-VAT hija 15% fuq il-prezz li jħallas il-konsumatur. Il-prezz huwa magħmul minn dak li qed jitħallas bħala cost barra u minn dawk l-affarijiet kollha li jidħlu bejn il-cost barra sakemm jasal għand il-konsumatur, jiġifieri 15% fuq il-valur kollu li jmur għand il-konsumatur. F'dak li għandu x'jaqsam mad-dazju, dan jaħdem fuq il-valur li jiġi minn barra. Il-mark-ups li jkun hemm anke fuq dak id-dazju, jekk taħdimhom - nittama li l-Ministru jaħdimhom għax ma ħadimhomx - issib li f'ħafna każijiet 15% VAT hija ekwivalenti għal 35% jew 40% dazju.
ONOR. JOHN DALLI: Skużi ftit, jiena ħdimthom; hu ma jafx kif eżattament taħdem is-sistema. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni qed jgħid ħmerija hawn ġew. Mhux veru li l-VAT taħdem kif qed jgħid hu. (Interruzzjonijiet) Ftit matematika elementari għandha turih li jiena għandi raġun. (Interruzzjonijiet)
ONOR. ALFRED SANT: Din hija parti mill-miżinformazzjoni li l-Ministru ilu jxerred fuq din il-kwestjoni. Ir-rata ta' 15% VAT hija ekwivalenti għal 35% jew 40% ta' dazju fuq il-maġġoranza tal-prodotti.
ONOR. JOHN DALLI: Ħalli nagħmlu ftit matematika elementari. Jekk ikollok xi ħaġa li tiswa Lm100 u tagħmel 20% dazju fuqha, li tiġi Lm120, imbagħad tbigħha kollha b'100% profit, il-prezz jiġi Lm240. Jiġifieri kieku dak il-profitt għamiltu fuq Lm100, il-prezz kien ikun Lm 200, mentri għax għamiltu fuq Lm120 il-prezz tal-prodott ġie Lm240. Dawk l-Lm40 żejda fuq Lm200 jibqgħu l-20% li ħallast fil-bidu fuq l-importazzjoni. Din hija matematika elementari tal-mod kif isiru l-affarijiet.
ONOR. ALFRED SANT: Tant hija elementari li tikkonsisti f'bużullotta elementari, għax huwa faċli li tgħid li jkun hemm 100% profit margin. Fejn huma l-margins ta' 100%? (Interruzzjonijiet) Ngħidlek fejn qaluli l-Awstralja! Dan bużullotti qed jagħmel.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Jekk jogħġobkom, żommu l-ordni.
ONOR. ALFRED SANT: Mr Chairman, f'daqqa waħda daħħlilna profit margin ta' 100%. (Interruzzjonjiet) Bħala eżempju! Dan bużullottiżmu ngħidlu jien.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Daqshekk fuq dan l-argument. Irridu naqtgħuh xi darba.
ONOR. ALFRED SANT: Mr Chairman, ir-realta' hija - għalhekk qed jagħmel bużullotti matematiċi biex jidħak bil-poplu - li 15% VAT hija ekwivalenti għal 35% u 40% dazju jekk il-margins jiġu osservati kif suppost. U jekk mill-Awstralja jew minn Ħal Qormi jiġu jdaħħlulna margins ta' 100%, ikunu qed iqarrqu bil-poplu! U dak li ilu jagħmel f'dawn ix-xhur kollha, iqarraq bil-poplu! (Interruzzjonijiet) Meta jgħid li ħafna drabi l-VAT hija irħas mid-dazju, qiegħed iqarraq bil-poplu. Dak li qiegħed jagħmel. Fejn hi l-100% profit margin? (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Erġajna morna fuq il-prinċipju ta' l-Abbozz, li suppost li ddiskutejnieh fit-Tieni Qari.
ONOR. ALFRED SANT: Imissu jistħi l-Ministru! Din hija bużullotta elementari fil-matematika! Smajtu, Sur President; fuq din qed jibbaża l-argument tiegħu, fuq il-premessa ta' 100% profit margins! Fuq din qed jibbaża l-argument tiegħu! Ħalli jaħdimha b'margin ta' 20% u jara kemm dak li qed jgħid huwa elementari.
THE DEPUTY CHAIRMAN: M'iniex se nippermetti iżjed argumenti fuq dan il-punt. Onor. Sant, jekk jogħġbok, inkomplu niddibattu l-klawsola li għandna quddiemna. Nerġgħu lura għal klawsola 11. (Agħjat) Onor. Sant, poġġi bil-qiegħda, jekk jogħġbok, u m'hemmx aktar interruzzjonijiet. (Interruzzjonijiet) Onor. Josef Bonnici, għidtilkom li fuq dan l-argument ma rridx nisma' aktar. Agħmel l-intervent tiegħek u nagħlqu din id-diskussjoni fuq il-prinċipju ta' l-Abbozz.
Yüklə 1,01 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   5   6   7   8   9   10   11   12   ...   16




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin