ONOR. JOSEF BONNICI: Mr Chairman, on a point of order. Jiena hawnhekk nattakka l-argument u qatt ma nattakka lill-persuna. Li wieħed jgħidli li jiena professur tal-bużullotti jew ma nafx x'qal, ma naċċettahiex. (Interruzzjonijiet) Jekk hu kapaċi, jattakka l-argument tiegħi b'argumenti loġiċi, imma dan it-tip ta' insult m'għandux isir. M'għandux jattakka lill-individwu personalment. Wara kollox, jien ukoll naf nattakka personalment, imma noqgħod lura.
THE DEPUTY CHAIRMAN:Issa kulħadd għamel l-intervent tiegħu u jekk jista jkun nagħlqu dan l-argument. Il-Ministru Dalli.
ONOR. JOHN DALLI: Mr Chairman, l-intervent tiegħi huwa sempliċi ħafna. Li tkun qed titkellem hawnhekk, tagħti eżempju billi tuża ċifri ħalli tagħmel il-kalkolu malajr u kulħadd jifhem l-eżempju, imbagħad jiġi interpretat li qed tikkwota xi ħaġa speċifika ... Jiena m'għidtx li hemm xi ħaġa speċifika li qed tinxtara b'Lm100, li għandha 20% dazju jew li għandha 100% mark-up. Jiena sempliċement ħadt eżempju bħalma jieħu eżempju kull min ikun qiegħed jispjega fi kwalunkwe ħaġa li ssir. Jien ħadt very rounded figures u tajt eżempju ta' xi ħaġa li tkun importajtha b'Lm100, b'20% dazju biex nagħmel il-kalkolu malajr. Pero' l-istess argument japplika b'rati differenti ta' dazju u b'rati differenti ta' mark up u l-argument jibqa' l-istess. Jekk irridu nagħmlu l-istess argument b'mark-up ta' 10%, japplika xorta waħda. Jekk timporta xi ħaġa b'Lm100 u għandha fuqha 20% dazju, jiġifieri tiġi Lm120, u mbagħad tagħmel mark-up ta' 10%, il-prezz finali jkun ta' Lm132. Kieku l-10% għamiltha fuq il-Lm100 mingħajr id-dazju, il-prezz kien ikun Lm110. Jiġifieri d-differenza hija Lm12 li hija l-20% dazju. (Interruzzjonijiet) Hekk tiġi għax Lm100 plus Lm20...
THE DEPUTY CHAIRMAN: Saru interventi miż-żewġ naħat u ma nistax nippermetti li nibqgħu sejrin hekk! Jekk jogħġobkom, inkomplu d-diskussjoni fuq klawsola 11.
ONOR. ALFRED SANT: Qalilna li din hija biċċa matematika elementari u bdew isiru allegazzjonijiet u stqarrijiet min-naħa l-oħra li bdew jagħtu ad intendere li minn din in-naħa m'aħniex inkunu realistiċi. Imbagħad daħal il-Ministru Dalli u qal li kien se jagħtina xi ħaġa bbażata fuq dak li jiġri f'pajjiżna u beda jgħid li hija matematika elementari. Għalhekk hija bużullotta għax inti, Profs. Bonnici, kont qed tappoġġja dak li kien qed jgħid. (Interruzzjonijiet) Sur President, ħalli ngħidlek fejn hi l-bużullotta u qed inkellem lis-Sedja wkoll, Sur Ċumpaq. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Ippermettuli. Inżommu d-dekor ta' kull membru. (Interruzzjonijiet)
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, l-unika ħaġa li se nirtira hija fejn indirizzajt lill-Onor. Spiteri bħala "Sur Ċumpaq". Ħalli nkompli bl-argument. Qalulna li se jagħtuna ftit matematika elementari u affarijiet li huma realistiċi ħerġin mill-ħajja ta' kuljum. L-argument tiegħi x'kien mill-bidu? L-argument tiegħi kien li 15% VAT fuq xi ħaġa importata hija ekwivalenti, f'ħafna mill-każijiet, għal 35% jew 40% dazju. U biex ħareġ il-Ministru Dalli? Ħareġ bil-punt li jekk timporta xi ħaġa Lm100, tħallas 15% dazju fuqha u mbagħad tagħmel mark up ta' 100% u ssib li l-VAT hija iktar baxxa. Din hija matematika elementari? Jekk qed titkellem fuq margin ta' 100% mhux tidħak bin-nies tkun qiegħed? Fejn huwa aċċettabbli f'dan il-pajjiż ... (Interruzzjonijiet) Inti bdejt tgħid li qed tagħti eżempju mill-ħajja ta' kuljum. Jekk trid tagħti eżempju mill-ħajja ta' kuljum agħti eżempju fejn il-margins ikunu korretti, inkella tkun qed tqarraq, jew - jekk taf x'qed tagħmel - aktar minn hekk tkun qed tilgħab il-bużullotti! Dan huwa l-punt. L-argument hemm jibqa'. Din hija l-matematika elementari, li 15% VAT hija ekwivalenti fil-parti l-kbira tal-każijiet, għal 35% jew 40% ta' dazju! Dan li qal il-Ministsru m'hux matematika elementari, imma bużullotta li ħadd ma jista' jiċħad.
THE DEPUTY CHAIRMAN: M'iniex se naċċetta iktar interventi jekk ma jkunux fuq klawsola 11. Aktar rimarki? L-Onor. Edwin Grech. Jekk jogħġbok, żomm l-argument tiegħek relatat ma' klawsola 11 u l-iskedi tagħha. Toħroġx barra mis-suġġett għax m'iniex se naċċetta iktar diskussjonijiet li m'għandhomx x'jaqsmu mal-klawsola li suppost li qed niddiskutu.
ONOR. EDWIN GRECH: Nixtieq nappella lill-Ministru għall-aħħar darba biex il-kontraċettivi kollha jiġu esklużi mill-VAT u biex ma jagħmilx distinzjoni bejn kontraċettiv u ieħor. Dawn il-kontraċettivi huma konsidrati bħala mediċinali u huma wżati bħala servizz soċjali. Jekk se nagħmlu l-VAT fuqhom, allura nkunu qed nagħmlu xi ħaġa anti-soċjali. Barra minn hekk, l-ebda pajjiż fl-Ewropa fejn hemm il-VAT - il-Ministru dejjem ftaħar kemm hawn pajjiżi li jużaw il-VAT - m'għamel taxxa tal-VAT fuq il-kontraċettivi. Għalhekk jien nappella lill-Ministru biex ineħħi din id-differenza bejn kontraċettiv u ieħor. Għandu jiftakar ukoll li wara kollox is-servizz ta' l-ippjanar tal-familja huwa mogħti fiċ-ċentri tas-saħħa li joffri l-Gvern. Jiġifieri dan huwa servizz soċjali u allura meta nagħmlu taxxa fuqu se nkunu qed nagħmlu x ħaġa anti-soċjali.
THE DEPUTY CHAIRMAN: L-Onor. Vincent C. Moran.
ONOR. VINCENT C. MORAN:Jista' l-Ministru jgħidilna jekk l-istrumenti u affarijiet li jintużaw fil-prattika tal-professjoni medika li llum m'humiex dazjabbli, humiex se jkunu wkoll soġġett għall-VAT? Hawnhekk nixtieq insaħħaħ dak li qal sieħbi, l-Onor. Edwin Grech, li huwa importanti, speċjalment illum meta qed issir kampanja daqshekk sfiqa u iebsa għall-użu tal-kontraċettivi - dawn huma wżati bħala servizz soċjali - li la qed jintużaw fil-professjoni medika u huma mediċinali, jiġu kkonsidrati bħall-affarijiet mediċinali oħra li huma esklużi mill-VAT.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Is-Segretarju Parlamentari.
ONOR. JOSEF BONNICI: Peress li l-istrumenti li semma l-Onor. Membru huma inputs għat-tobba, dawn huma kollha claimable, jiġifieri l-VAT li titħallas fuqhom tiġi refunded. Jiġifieri finalment mhux se jkun hemm effett fuq il-prezz tagħhom, fis-sens li t-taxxa hija nil.
ONOR. VINCENT C. MORAN: Illum ma teżistix duty fuq dawn l-istrumenti. Mr Chairman, aħna nafu x'jiġri f'dawn l-affarijiet; malli jidħlu u titħallas il-VAT fuqhom, biex dak li jkun iġib l-ispiża li jkun għamel, jispiċċa jgħolli l-fees, kif qal tajjeb l-Onor. George Vella aktar kmieni. Jiġifieri kollox se jiġi kkalkolat, mhux biss l-aħħar prezzijiet, imma anke l-initial prices.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Lino Spiteri. Onorevoli, nitolbok biex iżżomm fuq klawsola 11.
ONOR. LINO SPITERI: Mr Chairman, jien dejjem inżomm fejn għandi nżomm minħabba d-delikatezza tal-qagħda ta' dak li qed niddiskutu u nitlob lill-Onor. Carm Lino Spiteri biex ma joqgħodx dahru lejna, għax dawk huma ċirkostanzi ftit perikolużi. Hawnhekk wasalna għall-buco nell'argomento u wieħed irid joqgħod attent ħafna, aktar u aktar meta ġiet stabbilit li hemm diversi pożizzjonijiet kif tista' tittrattah! Il-punt tal-kontraċettivi bilfors li jrid jiġi trattat iżjed fit-tul, għax kważi fl-istess nifs qed nittrattaw item 9 u item 10 tat-Tieni Skeda , li huma "Food" u "Pharmaceutical goods". Kif tista' taħt item 9 teżenta ċ-chewing gum - ovvjament, jekk il-Gvern irid jagħmel hekk, jista' u min iħobb iċ-chewing gum se jieħu gost b'dan - mid-dazju u mill-VAT, u mbagħad ma teħux miżura biex taħt item 10 teżenta l-french letters, jiġifieri l-condoms, mid-dazju u mill-VAT? Irid ikun hemm loġika fl-argument. Fil-każ taċ-chewing gum toqgħod tħaddem ħalqek b'kapriċċ u it is not a means to an end, mentri taħt il-kategorija tal-farmaċewtiċi qed titkellem dwar xi ħaġa li hija a means to an end.
Mr Chairman, bl-akbar serjeta' nappella lill-Onor. Carm Lino Spiteri biex ma joqgħodx dahru lejna. (Interruzzjonijiet) Jiddispjaċini li avżajtu li wasalna għall-buco nell'argomento u mhux qed jagħti kas. Issa ma joqgħodx jikkontribwixxi għall-argument b'dak il-mod, għax ikun qed jagħmel id-deni lil din il-Kamra! U teskludix li din il-Kamra hija varjata u variegata ħafna fil-gosti tagħha! Kieku ma kienx hekk, ma naħsibx li konna nkunu qegħdin hawnhekk, ngħidu u nagħmlu ċerti affarijiet.
Il-punt tiegħi hu li jrid ikun hemm konsistenza fil-miżuri li jieħu l-Gvern. Jekk kemm-il darba, bla ma jgħid għaliex, se jagħmel miżura bħal din, fejn jikklassifika ċ-chewing gum bħala ikel u jneħħilu d-dazju - sal-lum għandu d-dazju - u jeżentah mill-VAT, kif jista' ma jittrattax bl-istess manjiera xi ħaġa li għandha anke skopijiet mediċinali, jiġifieri l-condoms u kontraċettivi oħra? Jekk il-Ministru ma jagħtix tweġiba maħsuba ħafna għal dan il-punt, juri li mhux veru qed jagħmel ippjanar tajjeb, imma iżjed qed jibbaża fuq metodi li bilkemm tista' tgħid li għandhom ritmu ġo fihom u allura ma jkunx qed jersaq biex jipperswadi lil din il-Kamra kif għandu jipperswadiha.
Rigward l-argument matematiku ...
THE DEPUTY CHAIRMAN: Onorevoli, żomm l-argument tiegħek fuq klawsola 11.
ONOR. LINO SPITERI: Mr Chairman, tant qed inżomm l-argumenti tiegħi fuq klawsola 11, li wrejt b'mod inkontrovertibbli l-link li hemm bejn item 9 tat-Tieni Skeda, li hija "Ikel" li jinkludi ċ-chewing gum, u item 10, "Oġġetti farmaċewtiċi" li jinkludu l-condoms. Allura mhux fuq il-klawsola qed nitkellem? Qed inżomm eżattament mas-suġġett. U bilfors li tidħol fil-persentaġġi biex tillustra m'hux minnu dak li qed jgħid il-Gvern li meta jneħħi d-dazju minn fuq il-kontraċettivi f'forma ta' condoms u jimponi fuqhom il-VAT, dawn se jorħsu. Dan m'hux il-każ. Il-Gvern qed jagħmel assumption li mhux bilfors treġi; il-ħin kollu qed jagħmel assumptions dwar kif taħdem il-VAT skond il-ktieb tiegħu, li mhux bilfors li huwa korrett. Bħalma hemm diversi pożizzjonijiet, hemm ukoll diversi kotba. Ħalli nieħdu eżempju u ngħidu li jiġu mportati b'Lm100 minn dawn il-prodotti li għidtu li għandhom fuqhom 23% dazju, u li min jirċevihom se jagħmel profitt ta' 50% fuqhom, biex ma nesaġerawx. Mela dan ifisser li s-CIF cost tagħhom huwa Lm100, id-dazju fuqhom huwa ta' Lm23, li b'kollox jiġi Lm123, il-profitt jammonta għal Lm61.50 u allura s-selling price jiġi Lm184.50. Ħalli naraw x'se tkun is-sitwazzjoni bil-VAT, li qed tinsistu li ddaħħlu. Intom qed tassumu li jekk qabel kien hemm 50% profitt fuq dak il-prodott, issa l-profitt se jkun biss ta' Lm50 u allura l-prezz jiġi Lm150. Imbagħad tiċċarġjaw 15% fuq dak il-prezz u s-selling price jiġi Lm172.50 u mhux Lm184.50 kif kien bil-customs duty. Imma hemmhekk qed issir assumption. Il-Ministru qed jgħid: Why not? Jien ngħidlu: Why should it be like that? Dejjem hemm il-possibilita' l-oħra li l-importatur jiddeċiedi li ma jnaqqas xejn mill-qliegħ li kellu. Dak hu l-argument tagħna dwar il-kwestjoni li l-prezzijiet ikun sticky 'l isfel. Jekk kemm-il darba f'dan il-pajjiż għad m'hawnx għarfien tal-fatt li parti mis-sħana tad-dibattitu li għaddej - mhux f'din il-Kamra, imma barra, u mhux mal-Labour Party jew mal-General Workers' Union, imma ma' ħaddieħor - ġejja minħabba li l-Gvern qed jgħid lill-importaturi li jridu jnaqqsu l-maġini tal-profitti tagħhom, allura no wonder li barra minn din il-Kamra hemm sħana u turbulanza iżjed milli hawn f'din il-Kamra. Għaliex il-Gvern għandu jippreżumi li min qed ibigħ se jaċċetta li jnaqqas l-ammont ta' profitt li għandu bħalissa? Mela d-dinja titkellem bil-marġini? L-ekonomisti jitkellmu at the margins, imma d-dinja titkellem fuq ir-realta'. Min fir-realta' llum, skond l-eżempju li ġibt, qed jaqla' Lm61.50 - nerġa' ngħid li dan qed ngħidu bħala eżempju biss, għax jista' jkun inqas u jista' jkun iżjed - bilfors li jistaqsi għaliex il-Gvern għandu jippreżumi li għandu jaqla' inqas minn hekk. F'dawn l-affarijiet trid tikkalkola fuq l-outlay li jkun għamel dak li jkun, u jkun aħjar jekk nitkellmu bil-kwiet u b'appreciation ta' l-argument, milli a priori nkunu hasty ħafna u naslu għal konklużjonijiet li mhux bilfors li fil-prattika jkunu korretti. Trid tara x'se jiġri fil-prattika u mhux tassumi u tipotizza. Nista' nagħmel assumption u ipotesi li jien twil għaxar piedi, imma b'daqshekk ma jfissirx li jien twil għaxar piedi. Jien dak li jien u r-realta' wkoll hi dak li hi. U fil-kultura tal-prezzijiet fejn il-marġini tal-profitt ikun applikat kif inhu xieraq - mhux fejn dak li jkun ikun qed jisraq; mhux fuq dawk qed nitkellem - tistennewx li se jiġri mod ieħor. Jekk in-naħa tal-Gvern m'hix qed tifhem li huwa għalhekk li hawn ċertu murmuring fil-pajjiż, allura verament qed nidħlu f'xi forma ta' confrontation, mingħajr m'hemm dak li għandu jsir in the first instance, jiġifieri li wieħed jifhem il-qagħda tan-naħa l-oħra.
Rigward pharmaceutical goods u prodotti importati, irrid nirreġistra l-fatt li f'din il-Kamra fil-kors tad-diskussjoni dwar dan l-Abbozz, sew fis-Second Reading kif ukoll fl-istadju tal-Kumitat, tlabna lill-Gvern iżjed minn darba biex jagħtina l-informazzjoni sħiħa li għandu jagħtina. Illejla, iżjed kmieni waqt is-seduta, irreferejt għall-workings li permezz tagħhom il-Gvern wasal għall-konklużjoni li se jkun hemm tnaqqis medju ta' 6% fil-prezz ta' l-ikel ikkonsmat mill-poplu Malti. Pero' dawk il-workings ma kenux available, lanqas f'dan l-istadju. Jidhirli li l-bieraħ, kemm jien kif ukoll ħaddieħor tlabna li jkollna aktar tagħrif dwar il-levies li l-Gvern qed jipproponi li jżomm - għax nafu li qal li ċerti levies se jitneħħew, hemm oħrajn li se jinżammu, u ma nafx jekk hux se jidħlu xi levies oħrajn ukoll - u anke dwar kif se tiġi mdaħħla l-common external tariff, jiġifieri d-dazju fuq non-Eueopean Union imports. Imma din il-Kamra ma ngħatat xejn minn dan it-tagħrif. Sadanittant, jien naf - bħalma persważ li jafu Membri Parlamentari oħra - li diversi operaturi ekonomiċi f'pajjiżna rċevew informazzjoni mingħand il-Gvern dwar il-miżuri li qed jipproponi li jdaħħal. Fil-fatt irċevew tables intitolati "Indirect Taxation Comparative Rates 1994 - 1995". Issa aħna nafu li summary tables ta' dawn il-proposti kienu inklużi fl-istudju li għamel il-Ministeru tal-Finanzi fuq is-social impact - kif kejlu hu - tad-dħul tal-VAT. Dak l-istudju ġie mqassam anke lilna, imma issa qed nitkellem fuq amplifikazzjoni ta' dawk it-tables konċentrati li hemm f'dak l-istudju. Dawk kienu summary tables, imma minn dak iż-żmien 'l hawn - proprju fl-aħħar jiem - il-Gvern qassam id-dettalji ta' diversi items, bl-HS Code tagħhom, li qed jipproponi li fl-1995 jiġu trattati b'mod differenti, jew anke bl-istess mod, meta tidħol il-VAT. Jien nerġa' nistaqsi: Imma possibbli li ma jinħassx li dan il-Parlament, li qed jipprova kemm jista' - għallinqas meta jitħalla - jiddiskuti bis-serjeta' din il-liġi daqstant relevanti u b'daqstant implikazzjonijiet għall-ħajja soċjo-ekonomika ta' pajjiżna, għandu jingħata għallinqas dak it-tagħrif li ngħata lil ħaddieħor, fosthom lill-korpi kostitwiti, lill-importaturi u lill-operaturi ekonomiċi? Ma jinħassx dan il-bżonn? S'issa ma nħassx, Mr Chairman. Jien ma nifhimx għaliex ma nħassx hekk u fil-verita' jkollok tikkundanna dawn l-ommissjonijiet. Mela l-Parlament qiegħed hawnhekk biex jekk ikun qed jipprova jiddiskuti bis-serjeta' u qed itawwal għax diskussjoni bis-serjeta' bilfors li tieħu fit-tul, jittieħdu miżuri li jaqilbu ta' taħt fuq l-arranġamenti parlamentari, b'mod li nispiċċaw qisna qatta' Ċiniżi, kulħadd irewwaħ? Jien m'iniex inrewwaħ għax m'iniex imdorri, imma napprezza li kieku hawn xi ħadd irewwaħ maġenbi. (Interruzzjonijiet) M'iniex inrewwaħ għax f'ħajti dejjem nipprova nberred u mhux inrewwaħ. Dak ma kienx mod kif jiġi trattat il-Parlament, Mr Chairman. Meta għadna qed nipprovaw niddiskutu bis-serjeta', anke fis-sigħat li baqa' - u għad baqa' madwar ħames sigħat oħra ta' diskussjoni dwar id-dettalji, imma minkejja s-sigħat kollha li ħadna, xorta m'humiex biżżejjed - u meta qed nagħtu dan il-ħin kollu, m'huwiex il-każ li għallinqas ikollna l-informazzjjoni kollha biex inkunu nistgħu ngħarblu dak li għandna ngħarblu?
Fost l-informazzjoni kollha li ġiet f'idejja, ħarist lejn xi ħaġa li kont għamilt referenza għaliha f'diskussjoni li saret barra minn dan il-Parlament qabel ma beda d-dibattitu dwar dan l-Abbozz f'din il-Kamra. Fl-4 ta' Lulju, kien ħareġ l-istudju li għamel il-Gvern dwar l-impatt soċjali tal-VAT, imma qabel kienet ħarġet press release b'ċerti dettalji u fl-idejn kien hawn anke xi ftit tagħrif ieħor. Fid-diskussjoni li semmejt, li kienet saret fuq it-television, kont osservajt li kien hemm bidla fil-mod kif se jkunu trattati n-nuċċalijiet, li huma xi ħaġa importanti għal ħafna nies. Forsi m'humiex importanti daqs il-condoms, imma huma importanti wkoll, dejjem skond il-ħin u ċ-ċirkostanzi li wieħed ikun qed jitkellem dwarhom. F'ħin u ċirkostanzi fejn wieħed ma jkunx qed juża l-condoms, żgur li n-nuċċalijiet huma ħafna iżjed importanti in the society at large. Meta kont għamilt dik l-osservazzjoni, kien hemm bidla fil-ħsieb tal-Gvern u kien inkluda ċerti nuċċalijiet mal-prodotti mhux soġġetti għall-VAT. Sussegwentement osservajna dan u l-Gvern ma rrimarka xejn. Naturalment il-Gvern kien ħieles li jbiddel fehemtu sa l-aħħar minuta. Imma mbagħad milli jidher, il-Gvern reġa' biddel fehemtu anke wara l-aħħar minuta. Għaliex? Għaliex issa skond l-informazzjoni li xterdet - parti minnha ġiet f'idejja, imma m'għandix l-informazzjoni kollha u allura rrid inkun selettiv - insibu li waqt li fuq lenses, contact lenses u affarijiet bħal dawn mhux se jkun hemm dazju jew VAT, jekk kemm-il darba tixtri nuċċali eżattament bħal dan li għandi jien, li huwa wkoll photomatic, jiġifieri barra li jintuża for corrective purposes - diġa' indikajt li qed ikolli nikkorreġi ħafna affarijiet; m'iniex nieħu pjaċir b'dan u nispera li jifdalli affarijiet oħra li ma jkollix għalfejn nikkorreġihom - jintuża wkoll bħala nuċċali tax-xemx, u tixtri l-frame u l-lenses separatament, ikun hemm trattament mod, mentri jekk tixtri n-nuċċali sħiħ ikollok tħallas 15% VAT. Il-Gvern jidher li reġa' bidel l-opinjoni fuq dan ukoll. Qed nirreferi għal item No. 90.04, spectacles, goggles and the like - corrective, protective or other. Ara l-Gvern x'fissazzjoni għandu; kull ħaġa li hija protettiva jrid iċapċpilha l-VAT! Il-condoms għax huma protettivi jrid jagħmlilhom il-VAT, u n-nuċċalijiet għax huma protettivi, barra li huma corrective, irid iċapċpilhom il-VAT ukoll! Mhux aħjar tkunu daqsxejn aktar koerenti u konsistenti magħkom infuskom u ma tagħmlux affarijiet bħal dawn? Jien qed insemmi eżempju wieħed biss li ma jikkorrispondix ma' dak li hemm f'Part 3 tat-Tieni Skeda, fejn kienet ingħatat l-impressjoni - imbagħad milli jidher, inbidlet - li dawn se jkunu eżenti mill-VAT. Qed nuża dan l-eżempju mhux biex niffoka fuqu - bl-għajnuna ta' dan in-nuċċali korrettiv li għandi - imma bħala eżempju ta' kemm kien ikun xieraq kieku aħna ngħatajna dawn id-dettalji, għax kieku fil-forum ta' din il-Kamra konna nkunu nistgħu nagħmlu osservazzjonijiet bħal dawn. Il-qagħda tagħna tibqa' konsistenti; aħna nopponu l-VAT kompletament. Pero' waqt li nibqgħu nopponuha, waqt li nibqgħu ngħidu li m'intomx tinformaw lill-poplu b'mod korrett, anzi qed timmiżinformawh ukoll, waqt li ngħidu li jekk inkunu fil-gvern - naħseb li sentejn u nofs oħra nkunu fil-gvern - inneħħu l-VAT, ladarba l-liġi bħalissa qiegħda għall-konsiderazzjoni ta' din il-Kamra, irridu nagħmlu mill-aħjar biex fejn għandha affarijiet li wieħed jista' jitkellem dwarhom ħalli jiġu korretti, fil-fatt jiġu korretti. Allura meta l-Gvern mhux qed jagħti lill-Kamra d-dettalji li qed jagħti lill-operaturi ekonomiċi barra minn din il-Kamra, qed jagħmel xi ħaġa li m'għandux jagħmilha.
Nixtieq insemmi punt ieħor, ladarba qed nitkellem. Nirreferi għal Taqsima Tnejn tat-Tieni Skeda li tittratta dwar "Eżenzjonijiet oħra". Eżenzjonijiet oħra f'dan il-kontest tfisser eżenzjonijiet imma mhux with credit. Skond item 17:
"the letting of or the provision of accommodation in any premises which for the purpose of the said letting or accommodation is required to be licensed in virtue of the Hotels and Catering Establishments Act or of the Guest Houses and Holiday Furnished Premises Act or in a holiday camp or camping site;",
mhux se jkun eżenti. Hawnhekk hawn preżenti l-Ministru responsabbli mit-turiżmu, l-Onor. Bonello Du Puis; l-ex Segretarju Parlamentari responsabbli minn dan is-settur, il-Ministru Michael Refalo, u s-Segretarju Parlamentari attwalment responsabbli mit-turiżmu, l-Onor. Joe Psaila Savona. Dawn jafu li l-esklużjoni li hawn hawnhekk tirrigwarda proprjeta' li fil-parti l-kbira tagħha tinkera għal skopijiet turistiċi. Allura qed jingħad li s-sidien ta' dik il-proprjeta' se jkollhom jiġbru l-VAT bir-rata ta' 10%, waqt li l-esportazzjoni ta' prodotti, korrettement, se tkun eżentata mill-VAT. Imma hawnhekk ma tidhirx il-kontradizzjoni? Ma jkunx hemm xi ħadd min-naħa tal-Gvern li jitkellem biex din il-kontradizzjoni titneħħa? Jekk kemm-il darba ngħidu li fil-pajjiż irridu ekonomija diversifikata, u din id-diversifikazzjoni ekonomika tikkomprendi s-setturi tal-manifattura, tat-turiżmu, tax-ship repairing - u forsi kultant tax-shipbuilding - is-settur ta' servizzi oħrajn, fosthom servizzi finanzjarji, u s-settur ta' l-agrikoltura - għax inbiddlu kemm inbiddlu l-ħsieb ekonomiku tagħna, dawn jibqgħu l-ħames setturi li nibnu fuqhom - ... Illum qed nibbażaw aktar fuq is-settur ta' other services, partikolarment is-servizzi finanzjarji. Imma ċertament li s-settur tat-turiżmu jibqa' settur ewlieni f'pajjiżna. Alla tana l-lokazzjoni, tana ċerta sbuħija - nagħmlu kemm nagħmlu biex naqluha - u tana x-xemx u l-baħar, li jekk nieħdu ħsiebu jkun inqas polluted minn ta' postijiet oħra. Mhux hemmhekk għandna żgur comparative advantage fuq ħaddieħor? Mhux proprju għalhekk li aħna jkollna daqstant turisti? Mhux proprju għalhekk li sa minn 70 sena ilu, meta kien għad lanqas għandna s-self-government, kienu qed isiru attentati biex jippromwovu t-turiżmu u kull gvern kompla jipprova jippromwovih? Naturalment din l-industrija daqqa tintlaqat minn suċċessi akbar mis-soltu u daqqa tintlaqat minn fatturi li jibagħtuha lura, imma t-trend dejjem hija li kull gvern jipprova jippromwovi t-turiżmu, bħalma dejjem hija t-trend li kull gvern jipprova jippromwovi l-esportazzjoni tal-manifattura. Fid-dawl ta' dan kollu, għaliex qed issir din id-diskrimnazzjoni kontra l-akkommodazzjoni fis-settur turistiku? Allura jekk tbigħ par imsielet lil xi ħadd fl-Amerika, ma titħallasx VAT f'Malta, imma jekk dak l-istess Amerikan jiġi hawn Malta u sempliċement qagħad f'kamra li hija liċenzjata taħt il-Hotels and Catering Establishments Act, jiġifieri f'lukanda, f'furnished flat jew inkella f'guest house, irid iħallas il-VAT. Imma dan jagħmel sens? Dawn il-kontradizzjonijiet jagħmlu sens? Issa jien, sew bħala xi ħadd li qiegħed fis-settur ekonomiku, kif ukoll bħala xi ħadd li kont parti minn gvern, nifhem li l-Gvern tal-ġurnata jrid jittappja s-sorsi kollha li hemm bżonn biex ikabbar it-tax take tiegħu. Jien nifhem li jekk il-Gvern ma jkollux revenue, ma jistax jonfoq. Imma li jkollok sitwazzjoni diskriminatorja kontra settur ewlieni, ma nifhimhiex u ma naċċettahiex. Jien anzi niskanta kif tiġi aċċettata min-naħa tal-Gvern stess; I will not single out anybody, imma niskanta kif tiġi aċċettata, iżjed u iżjed meta fl-istess nifs qed jiġu eżentati mill-VAT is-servizzi finanzjarji, inkluż dawk li jaqgħu taħt l-Investment Services Act. Allura l-industrija tat-turiżmu hija l-bagħla ta' l-ekonomija u mhux il-vara ta' l-ekonomija! Mela daħħalna sitwazzjoni fejn il-manifattura għall-esportazzjoni, korrettement, hija eżentata mill-VAT. Jien kont għamilt argument - napprezza li l-Ministru u l-Gvern apprezzawh - fis-sens li l-eżenzjoni saħansitra għandha tiġi estiża, għax dak huwa settur ewlieni. Imma mhux hu biss huwa settur ewlieni. Is-servizzi finanzjarji kemm għall-konsum f'Malta - jikkonsmahom min jikkonsmahom - kif ukoll dawk maħsuba għal barra mill-pajjiż qed jiġu eżentati, u nifhem għal xiex qed isir dan. Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi hekk jagħmlu u fejn qed jipproponu li jdaħħlu xi taxxa fuq dawn is-servizzi, qed iqajmu ħafna ripples. Qed nirreferi għall-Ġermanja li, to counteract l-influwenza tal-Lussemburgu li ma jimponix VAT jew taxxi fuq dħul u allura qed jattira ħafna kapital mill-Ġermanja li l-Ġermaniżi qed jiddejqu li qed jitilfu, trid tipperswadi lill-Unjoni Ewropea - reġgħu qajmu l-argument li kienu telqu sentejn ilu - biex tintroduċi withholding tax fuq depożiti li jsiru fl-Unjoni Ewropea kollha. Imma min hu responsabbli f'dan il-qasam għadu mhux qed jagħti kas ta' dan.
Il-punt huwa li hawn Malta qed neżentaw mit-taxxa tal-VAT dak is-servizz mhux biss għal-lokal, imma anke għall-offshore u nifhem li qed neżentawh bl-iskop li ninkoraġġuh bħalma rridu ninkoraġġixxu l-esportazzjoni. Mela se jkollna sitwazzjoni fejn qed neżentaw l-esportazzjoni ta' prodotti manifatturati lokalment, qed nagħtu exemption with credit lill-esportazzjoni ta' financial services, imma mbagħad m'aħniex neżentaw l-esportazzjoni tas-servizzi li għandhom x'jaqsmu mal-qasam turistiku. Imma dan jagħmel sens? Din hija ħaġa tajba? Għandu jkun hekk? GĦaliex li ma neżentawx lit-turist milli jħallas it-taxxa lokali meta jikkonsma xi ħaġa lokalment, nifhimha. Għax bħalma l-Gvern irid li l-VAT iħallasha kulħadd, jekk turist, per eżempju, jidħol f'restaurant irid iħallas it-taxxa daqskemm hu obbligat li jħallasha Malti jew GĦawdxi. U allaħares kellna nagħmlu kif kienu jagħmlu fir-Russja minħabba l-foreign exchange, jiġifieri li jekk turist jidħol f'ħanut ma jħallasx taxxa! Imma li mbagħad niddiskriminaw fuq il-parti tal-pakkett tat-turist li hija komposta mill-akkommodazzjoni, kif qegħdin nagħmlu f'dawn ix-schedules li għandna quddiemna, ma nifhimhiex. Inħoss li l-Gvern din għandu jirrikonsidraha, anke jekk ma jridx jieħu pożizzjoni dwarha llejla. Naf li din id-deċiżjoni tiswielu ċertu forgone income, imma wara kollox l-eżenzjoni ta' l-esportazzjoni tal-manifattura u ta' l-esportazzjoni li tiġi fil-forma ta' servizzi finanzjarji għall-barranin ukoll qed jiswewlu forgone income.