ONOR. EMANUEL MALLIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li inkwistjoni, għandu jingħad li l-investigazzjoni tal-Pulizija ġiet konkluża fil-bidu ta’ Lulju 2014 u ma nstabet ebda indikazzjoni li tħallsu xi commissions sabiex jiffaċilitaw jew jinfluwenzaw fix-xiri tal-enfitewsi rimanenti fuq l-entità li l-isem tagħha ġie mgħoddi separatament.
TWINNING PROJECTS – MANDATED BODIES
10788. L-ONOR. MARTHESE PORTELLI staqsiet lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali: Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid min huma l-mandated bodies ta’ Malta li jistgħu jidħlu għal proġetti tal-Unjoni Ewropea magħrufa bhala Twinning Projects?
ONOR. LOUIS GRECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ mandated bodies li jistgħu jidħlu għall-proġetti tal-Unjoni Ewropea magħrufa bħala Twinning Projects huma l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta’ Malta (MCA).
INFRINGEMENT PROCEEDINGS
10789. L-ONOR. MARTHESE PORTELLI staqsiet lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali: Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm-il infringement proceeding għandha Malta preżentement?
ONOR. LOUIS GRECH: Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 26 proċedura ta’ ksur miftuħin kontra Malta.
AWTORITÀ GĦAS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ - FIRE ENGINEERS
10790. L-ONOR. MARTHESE PORTELLI staqsiet lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà għandhiex reġistru ta’ fire engineers?
ONOR. HELENA DALLI: Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
SPTAR MATER DEI – SPIŻA GĦAL OPERAZZJONI CAESAREAN SECTION
10812. L-ONOR. LUCIANO BUSUTTIL staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiġi tiswa operazzjoni caesarean section meta sseħħ fl-Isptar Mater Dei?
ONOR. KONRAD MIZZI: It-tagħrif mitlub f’din il-mistoqsija parlamentari ma jistax jingħata minħabba li hu ta’ natura kummerċjali.
FONDAZZJONI GĦAL SERVIZZI EDUKATTIVI – KAP EŻEKUTTIV
10814. L-ONOR. JOSEPH CASSAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jikkonferma li nbidel il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi? Se ssir sejħa pubblika biex jintgħażel Kap Eżekuttiv ġdid, kif wara kollox suppost hija l-prassi?
ONOR. EVARIST BARTOLO: B’riżultat tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta’ Inkjesta, liema rapport ġie ppubblikat, il-Ministeru ħatar lis-Sur Charles Micallef li għandu esperjenza vasta ta' tmexxija maniġerjali, għal perjodu definit.
SKEJJEL PRIMARJI – RATA NAZZJONALI TAL-ASSENTEIŻMU
10815. L-ONOR. JOSEPH CASSAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jipprovdi r-rati nazzjonali tal-assenteiżmu mill-iskejjel tal-primarja mill-Year 1 sal-Year 6 jew ekwivalwenti, mis-sena skolastika 2003-2004 sas-sena skolastika 2013-2014, għat-tliet setturi, dak Statali, dak tal-Knisja u dak Indipendenti, f’kull każ għall-bniet u s-subien separatament?
ONOR. EVARIST BARTOLO: It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-iskejjel tal-primarja Statali, minn meta bdiet tinżamm ċentralment din l-istatistika, jiġifieri mis-sena skolastika 2008/09, hu kif jidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Bħall-iskejjel tal-Istat, l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti huma mistennija li jissottomettu l-Formoli SEWO7 (School Education Welfare Office), li fihom għandhom jiġu rrappurtati każijiet ta’ studenti li jkunu fallew skola għal aktar minn tlitt ijiem matul xahar partikolari mingħajr ma pprovdew ġustifikazzjoni valida lill-iskola.
Filwaqt li jeżisti l-obbligu għall-iskejjel kollha rreġistrati biex jimxu ma' dawn il-proċeduri, jidher li dan ix-xogħol min-naħa tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti jieqaf fil-livell ta’ skola u għaldaqstant id-data mitluba mhix disponibbli għall-Ministeru.
Tajjeb wieħed ifakkar li politika nazzjonali dwar l-attendenza se tkun varata fil-futur qrib mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
SKEJJEL SEKONDARJI – RATA NAZZJONALI TAL-ASSENTEIŻMU
10816. L-ONOR. JOSEPH CASSAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jipprovdi r-rati nazzjonali tal-assenteiżmu mill-iskejjel tas-sekondarja li m’għandhomx il-bniet u s-subien imħalltin, mill-Form 1 sal-Form 5 jew ekwivalenti, mis-sena skolastika 2003-2004 sas-sena skolastika 2013-2014, għat-tliet setturi, dak Statali, dak tal-Knisja u dak Indipendenti, f’kull każ għall-bniet u s-subien separatament?
ONOR. EVARIST BARTOLO: It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-iskejjel sekondarji Statali, minn meta bdiet tinżamm ċentralment din l-istatistika, jiġifieri mis-sena skolastika 2008/09, hu kif jidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Bħall-iskejjel tal-Istat, l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti huma mistennija li jissottomettu l-Formoli SEWO7 (School Education Welfare Office), li fihom għandhom jiġu rrappurtati każijiet ta’ studenti li jkunu fallew skola għal aktar minn tlitt ijiem matul xahar partikolari mingħajr ma pprovdew ġustifikazzjoni valida lill-iskola.
Filwaqt li jeżisti l-obbligu għall-iskejjel kollha rreġistrati biex jimxu ma' dawn il-proċeduri, jidher li dan ix-xogħol min-naħa tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti jieqaf fil-livell ta’ skola u għaldaqstant id-data mitluba mhix disponibbli għall-Ministeru.
Tajjeb wieħed ifakkar li politika nazzjonali dwar l-attendenza ser tkun varata fil-futur qrib mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
IMPJANT TA’ SANT’ANTNIN – BIBIEN TAT-TINDA
10825. L-ONOR. CHARLÒ BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-bibien tat-tip fast roller shutter li bihom hija mgħammra t-tinda fl-impjant ta’ Sant’Antnin, fejn jiġi pproċessat l-iskart tal-borża s-sewda qed jitħallew miftuħa waqt li tkun għaddejja l-operazzjoni b'kawża li l-irwejjaħ joħorġu barra l-impjant, kuntrarju għal kif kien isir qabel? Jekk dan huwa l-każ, għal-liema raġuni qed isir dan?
ONOR. LEO BRINCAT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, mhux minnu li qed issir xi ħaġa li qabel ma kinitx issir. Mgħarraf li l-konsultenti tas-saħħa u sigurtà fil-WasteServ jagħmlu spezzjonijiet regolari mal-impjant ta’ Sant Antnin u jirrikmandaw rimedji immedjati fejn tinħass il-ħtieġa. Kien hemm diversi okkażjonijiet fejn ir-roller shutters kellhom jinżammu miftuħin għal intervalli qosra meta nħass li jista’ jkun hemm periklu għall-impjegati fl-impjant. Dan ma jsirx fuq bażi regolari imma skont il-ħtieġa kif mistenni fl-interess tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Minħabba li dawn huma miżuri temporanji u okkażjonali meħuda għar-raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà, ma jinħassx il-bżonn li l-WSM toqgħod tinforma lill-MEPA.
M’hemm l-ebda ħsieb li ttul din il-prattika għaliex qed jittieħdu miżuri oħra kemm ta’ manutenzjoni fil-makkinarju tal-impjant kif ukoll fis-sistemi li jintużaw biex tiżdied l-effiċjenza u jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ambjent u tal-arja fl-impjant.
IMPJANT TA’ SANT’ANTNIN – ĦINIJIET TAL-OPERAT
10826. L-ONOR. CHARLÒ BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijiet tal-operat tal-impjant ta’ Sant’ Antnin?
ONOR. LEO BRINCAT: Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, il-ħinijiet tal-operat tal-impjant ta’ Sant’Antnin matul il-ġimgħa huma skont il-permess tal-MEPA, jiġifieri mis-06:30 sal-22:30 għall-Mechanical Treatment Plant/Anaerobic Digestion u mis-06:30 sas-18:30 għall-Materials Recovery Facility.
WASTESERV – ĦADDIEMA
10827. L-ONOR. CHARLÒ BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta’ ħaddiema assenjati xogħol mal-WasteServ? Jista’ jindika n-numru ta’ kull kategorija ta’ ħaddiema u f’liema sezzjoni tal-kumpanija jaħdmu?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tabella bl-informazzjoni miġbura skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat- Tqegħid ta’ Karti.
IMPJANT TA’ SANT’ANTNIN – SKART RDF
10828. L-ONOR. CHARLÒ BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu twil il-perjodu ta’ żmien li fih l-iskart RDF qed jitħalla maħżun fl-Impjant ta’ Sant’Antin qabel ma jinbiegħ skont il-politika kurrenti ta’ dan il-Gvern?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, il-perjodu medju li fih il-materjal RDF jitħalla maħżun fl-impjant ta’ Sant’Antnin huwa dak ta’ ġimgħa.
WASTESERV – BEJGĦ TAL-ISKART RDF
10829. L-ONOR. CHARLÒ BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tender ħarġet il-WasteServ minn Marzu 2013 ’l hawn biex jinbiegħ l-iskart RDF iġġenerat? Jista’ jindika d-dati li fihom ħarġu dawn is-sejħiet għall-offerti, jekk fil-fatt ħarġu?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, minn Marzu 2013 ’l hawn inħarġu tliet tenders. Id-dati rispettivi kienu fis-26 ta’ Lulju 2013, fit-23 t’Awwissu 2013 u fit-13 ta’ Ġunju 2014.
TA’ QALI – CA SITE
10830. L-ONOR. CHARLÒ BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-CA site li kellha tinfetaħ f’Ta’ Qali f’Diċembru 2013 għadha ma nfetħitx?
ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien infurmat mill-WasteServ li għalkemm ix-xogħlijiet fuq il-kuntratt prinċipali tas-CA site ġie konkluż, baqgħu jsiru ċertu xogħlijiet ta’ importanza b’żieda ma’ dak meħtieġ, bħal per eżempju stallazzjoni ta’ traffic barriers u sistema ta’ CCTV, twaħħil ta’ madum mal-ħajt fil-binja tal-composter għall-fini ta’ iġene u tisbiħ permezz ta’ siġar u pjanti.
MALTA FREEPORT - IMPJEGATI
10863. L-ONOR. LUCIANO BUSUTTIL staqsa lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar: Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati full-time jew part-time fil-Malta Freeport mid-19 ta’ Settembru 2013 sal-lum? Jekk daħlu xi impjegati, jista’ jgħid dawn minn liema lokalitajiet huma?
ONOR. CHRIS CARDONA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
ANNIVERSARJU TAL-50 SENA MILL-INDIPENDENZA - TIŻJIN F’GĦAWDEX
10864. L-ONOR. CHRIS SAID staqsa lill-Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-50 sena mill-Indipendenza, f’Għawdex ma sar l-ebda tiżjin kif isir is-soltu fil-festi nazzjonali, la fi Triq ir-Repubblika, la fi Pjazza San Franġisk u lanqas fi Pjazza Indipendenza? Min ħa din id-deċiżjoni li ma jsir l-ebda tiżjin u armar?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
MALTA RACING CLUB – ASSISTENZA MILL-KUNSILL MALTI GĦALL-ISPORT
10942. L-ONOR. ROBERT CUTAJAR staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar l-assistenza li ngħatat lill-Malta Racing Club min-naħa tal-Kunsill Malti għall-Isport bejn Jannar 2009 u Awwissu 2014?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar l-assistenza li ngħatat lill-Malta Racing Club tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
KUMMISSARJU TAL-ARTIJIET – ITTRA TA’ RIŻENJA
10970. L-ONOR. RYAN CALLUS staqsa lill-Prim Ministru: B’referenza għal rapporti fil-mezzi tax-xandir, jista’ l-Prim Ministru jpoġġi kopja tal-ittra tar-riżenja sottomessa mill-Kummissarju tal-Artijiet li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: Il-kopja tal-ittra msemmija tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, qatt m’avviċinat lis-Segretarju Permanenti Ewlieni dwar id-diffikultajiet li allegat li kienet qed issib, qabel ma kitbet l-ittra li tpoġġiet fuq il-Medja tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Fl-istess ħin iżda, wara li bagħat din l-ittra, l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, wassal messaġġ lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, permezz ta’ terzi persuni, dwar il-ġejjieni tiegħu fi ħdan iċ-Ċivil.
PJANIJIET GĦAL ZUNTIERI ĠODDA
10971. L-ONOR. RYAN CALLUS staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tlieta, 30 ta’ Settembru 2014, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-pjan ta’ zuntieri ġodda, il-Gvern hux beħsiebu jinkludi wkoll iz-zuntier tas-Siġġiewi?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-talba qed tiġi kkonsidrata flimkien ma’ talbiet oħra għall-pjanijiet futuri ta’ xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
IS-SIĠĠIEWI – PJANTI GĦAZ-ZUNTIER
10972. L-ONOR. RYAN CALLUS staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Fid-dawl li l-pjanti għaz-zuntier tas-Siġġiewi tlestew mill-Gvern preċendenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li dan ikun mibni mill-ġdid mill-Gvern, hekk kif qed jiġu rranġati numru ta’ zuntieri?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-passat kien sar xi xogħol fuq pjanti u stimi relatati maz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi. Jien infurmat li kien sar dan ix-xogħol preparattiv:
-
fl-2007 kienu saru pjanti tal-erba’ turġien żgħar tondi ta’ mal-portiku tal-Knisja;
-
fl-2012 saret talba mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fuq iz-zuntier kollu. Minħabba li l-istima preliminari biex isir il-proġett kollu bil-ġebel tal-qawwi kienet waħda konsiderevoli, kien ġie deċiż li jsiru stimi tat-taraġ ta’ fuq biss, li kien ġie stmat li jiswa madwar €133, 594.
Minn dawn l-pjanijiet jirriżulta li qatt ma mmaterjalizza xejn .
SKEJJEL - ASSENTEIŻMU MINĦABBA KUNDIZZJONIJIET MEDIĊI
10973. L-ONOR. ETIENNE GRECH staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Fl-isfond tat-tibdiliet riċenti fil-mod ta’ kif it-tfal qed jiġu ċċertifikati għall-assenza minħabba mard biex jitnaqqas l-assenteiżmu, jista’ l-Ministru jgħid x’għandu x’joffri d-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jgħin lil dawk it-tfal li jbatu minn school refusal li tfisser li student ma jkunx irid imur l-iskola minħabba li din tikkawżalu/ha distress emozzjonali?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn din is-sena skolastika (2014-15), il-ġenituri huma obbligati jagħtu raġuni valida ta’ kull ġurnata li l-istudenti jfallu l-iskola. Din hi waħda mill-miżuri li tnedew dan ix-xahar bl-għan li jitnaqqas l-assenteiżmu. Meta l-iskola tinduna li hemm studenti li qed ifallu minħabba li jbatu minn school refusal, dawn jiġu riferuti lis-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali fi ħdan il-Kulleġġ partikolari. Wara li jsir assessment tal-istudent li ġeneralment isir mill-ħaddiema soċjali, dawn jiġu riferuti lill-psikologi tal-Kulleġġi jew ma’ professjonisti barra mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, li qed jaħdmu mal-istudent. F’dawn il-każijiet, il-ħaddiema soċjali jaħdmu id f’id ma’ dawn il-professjonisti, li jinkludu ċ-Child Guidance Clinic, psikjatri, psikologi u psikoterapisti. Isir ukoll ħafna xogħol mal-ġenituri.
Meta l-istudent jiġi riferut direttament lill-psikologi tal-Kulleġġi, dawn jiġbru informazzjoni dwar l-interventi li jkunu saru qabel kif ukoll l-attendenza tal-istudent fl-aħħar snin u s-sitwazzjoni preżenti tal-familja tal-istudent.
F’ħafna mill-każijiet isir pjan mal-istudent, il-ġenitur, l-iskola u l-professjonisti involuti biex l-istudent jersaq lejn l-iskola. B’hekk jinħoloq pjan edukattiv individwali għall-istudent li l-għan tiegħu hu li l-istudent jiġi integrat fl-iskola ftit ftit.
SPTAR ĠENERALI T’GĦAWDEX – PROĠETT TA’ MMODERNIZZAR
10974. L-ONOR. FREDRICK AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid meta hemm il-ħsieb li jitkompla l-proġett estensiv ta' mmodernizzar tal-kurituri u soqfa tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, liema xogħol kien inbeda taħt l-amministrazzjoni preċedenti?
ONOR. KONRAD MIZZI: L-ewwel fażi tal-proġett estensiv bdiet taħt din l-amministrazzjoni u issa tinsab lesta. Għalkemm l-amministrazzjoni preċedenti jidher li kellha l-intenzjoni li timmodernizza l-kurituri u s-soqfa tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, il-ftit xogħol li kien twettaq lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2013 kien xogħol kosmetiku u mhux ta’ kwalità.
DEPOŻITI U SELF MILL-BANEK
10975. L-ONOR. FREDRICK AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għall-Finanzi: Jista' l-Ministru jgħid preżentament:
a) kemm huma d-depożiti fil-banek;
b) kemm hu s-self mill-banek f'Malta u Għawdex separatament; u
c) kemm huma l-kontijiet ta' depożiti u ta' self rispettivament?
Jista' jagħti breakdown tas-self maqsum f'overdrafts, home loans u self ieħor, f'Malta u Għawdex separatament?
ONOR. EDWARD SCICLUNA: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
SKEJJEL F’GĦAWDEX – POSTIJIET VAKANTI TA’ HEADS U ASSISTANT HEADS
10976. L-ONOR. FREDRICK AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx postijiet vakanti ta' Heads u Assistant Heads fl-iskejjel primarji, sekondarji u post sekondarji f' Għawdex?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninsab infurmat li fil-preżent m’hemmx postijiet vakanti ta’ Heads u Assistant Heads fl-iskejjel primarji, sekondarji u post sekondarji f’ Għawdex.
EMERGENCY AMBULANCE RESPONDENT
10977. L-ONOR. FREDRICK AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Għar-rigward tas-sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta' Emergency ambulance respondent, jista' l-Ministru jgħid:
a) Meta hemm il-ħsieb li jsiru l-intervisti biex issir l-għażla għal dan il-post;
b) Kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw għal dan il-post;
c) Kemm hemm postijiet vakanti f'Malta; u
d) Hemmx postijiet vakanti f'Għawdex?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninsab infurmat li l-proċess beda u l-intervisti se jkunu qegħdin jibdew din il-ġimgħa stess. It-total ta’ applikanti kien ta’ 373 u dawk magħżula se jitqassmu skont il-ħtieġa.
TAXXA TAL-VAT MIĠBURA
10978. L-ONOR. FREDRICK AZZOPARDI staqsa lill-Ministru għall-Finanzi: Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret taxxa tal-VAT minn Malta u minn Għawdex fl-2013 u din is-sena sal-lum?
ONOR. EDWARD SCICLUNA: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
ĦATRIET FUQ BORDIJIET - SPIŻA
10979. L-ONOR. FREDRICK AZZOPARDI staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża ta' ħatriet fuq bordijiet fis-sena 2012 u kemm hu stmat li tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?
ONOR. JOSEPH MUSCAT: L-informazzjoni mitluba għadha qiegħda tinġabar.
Tajjeb li l-Onor. Interpellant jiftakar illi kien hemm tibdil fid-dekasteri bejn l-2012 u l-2014 u għalhekk ir-responsabilità għal numru ta’ bordijiet li kienu jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012 issa taqa’ taħt Ministeri oħrajn diversi.
ĦAL LUQA – XOGĦOL FUQ IZ-ZUNTIER
10996. L-ONOR. RYAN CALLUS staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tlieta, 30 ta’ Settembru 2014, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-pjan ta’ zuntieri ġodda, il-Gvern hux beħsiebu jinkludi wkoll iz-zuntier ta’ Ħal Luqa?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret l-ebda talba biex isir xogħol fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa. Kull talba li ssir tiġi kkunsidrata flimkien ma’ talbiet oħra għall-pjanijiet futuri ta’ xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL – ĦIDMA MILL-PATRIJIET KAPUĊĊINI
11101. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Wara ħidma pastorali ta’ 120 sena mill-patrijiet Kapuċċini fir-Residenza San Vinċenz de Paul u li issa ġiet fi tmiemha ftit tax-xhur ilu, jista’ l-Ministru jikkonsidra li xi sala jew grupp ta’ swali tissemma għall-patrijiet Kapuċċini bħala turija ta’ apprezzament għall-ħidma twila li fis-skiet wettqu dawn il-patrijiet?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu se jkunu kkunsidrati.
TRASPORT PUBBLIKU - SERVIZZ DIRETT MIL-LOKALITAJIET LEJN ISTITUZZJONIJIET EDUKATTIVI
11108. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jikkunsidra li jerġa’ jdaħħal is-servizz ta’ trasport dirett mil-lokalitajiet ewlenin għall-istituzzjonijiet tal-MCAST, l-Università, Junior College u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi?
ONOR. JOE MIZZI: L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li fil-preżent, l-istudenti tal-Università għandhom rotot diretti minn kull lokalità inkluż iċ-Ċirkewwa. Mill-banda l-oħra, hemm ukoll rotot diretti mill-Belt Valletta lejn l-istituzzjonijiet edukattivi l-oħra bħal MCAST, Junior College, Higher Secondary u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Dawn ir-rotot iwasslu l-istudenti ħdejn jew qrib ta’ dawn l-istituzzjonijiet.
Infurmat ukoll li fir-rotot il-ġodda li ġew proposti hemm kontemplati rotot ġodda diretti għal Junior College, filwaqt li nżammu r-rotot eżistenti lejn l-Università. Qed tiġi proposta wkoll rotta ġdida diretta li miċ-Ċirkewwa tmur l-Università u l-kumpless tal-MCAST ġewwa Raħal Ġdid, kif ukoll jinżammu r-rotot eżistenti mill-Belt Valletta lejn l-istituzzjonijiet edukattivi l-oħra.
MCAST BUSINESS AND COMMERCE – AĊĊESS GĦALL-ISTUDENTI
11109. L-ONOR. ANTOINE BORG staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Minħabba li kif jirriżulta, l-aċċess għall-fakultà l-ġdida tal-MCAST Business and Commerce qed jingħata minn blokk biswit wieħed li qed jitlesta, u jeħtieġ li l-istudenti (anke dawk b'diżabilità) jitilgħu tliet sulari taraġ, jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jingħata l-aċċess lil dawn l-istudenti għal-lift tal-istess fakultà?
ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninsab infurmat li aċċess għall-blokk imsemmi jeżisti b’mod sħiħ għall-istudenti b’diżabilità permezz tal-użu ta’ lift. Studenti b’diżabilità li għandhom bżonn jużaw dan il-lift jingħataw card apposta sabiex ikollhom aċċess għal-lift.
SPIŻA FUQ L-EDUKAZZJONI TA’ STUDENTI
11111. L-ONOR. ETIENNE GRECH staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiġi tiswa lill-Istat l-edukazzjoni ta’ student jew studenta fi skola tal-Gvern f’sena waħda meta jkun Year 1, meta jkun Year 6, Form 1 u Form 5 bejn wieħed u ieħor?
Dostları ilə paylaş: |