Dibattiti tal-kamra tad-deputati



Yüklə 0,86 Mb.
səhifə9/12
tarix13.12.2017
ölçüsü0,86 Mb.
#34668
1   ...   4   5   6   7   8   9   10   11   12

ONOR. EVARIST BARTOLO: Ninsab infurmat li minn eżerċizzju li sar dwar in-nefqa fl-iskejjel tal-Istat għas-sena skolastika 2012-2013, irriżulta li n-nefqa ras għal ras fuq kull student hija ta’ €2,267 kull student fi skola primarja (irrispettivament jekk hux f’Year 1 jew Year 6) u €3,952 kull student fi skola sekondarja (irrispettivament jekk hux f’Form 1 jew f’Form 5).

SPIŻA GĦAL ĊERTU OPERAZZJONIJIET
11112. L-ONOR. ETIENNE GRECH staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid bejn wieħed u ieħor kemm jiġi jiswa lill-Istat meta jinħadmu l-ispejjeż kollha sabiex pazjent issirlu operazzjoni tal-marrara (open cholecystectomy), kollox inkluż (mid-dijanjożi sakemm ikun liċenzjat il-pazjent)? Jista’ jgħid ukoll kemm tiġi tiswa lill-Istat operazzjoni tal-ftuq (inguinal hernia), u għal pazjenta biex tagħmel hysterectomy għall-fibromi mill-ewwel vista tal-konsulent sakemm tiġi liċenzjata?
ONOR. KONRAD MIZZI: It-tagħrif mitlub f’din il-mistoqsija parlamentari ma jistax jingħata minħabba li hu ta’ natura kummerċjali.

MINISTERU GĦAL GĦAWDEX - FONDI GĦAT-TURIŻMU
11138. L-ONOR. ROBERT ARRIGO staqsa lill-Ministru għal Għawdex: Jista' l-Ministru jgħid fiex intefqu n-nofs miljun ewro allokati lill-Ministeru għal Għawdex kull sena għat-turiżmu f'Għawdex?
ONOR. ANTON REFALO: Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodi li għalih qed jitlob din l-informazzjoni.

AIR MALTA – QAGĦDA FINANZJARJA
11143. L-ONOR. ROBERT ARRIGO staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Peress li huwa fatt li l-Air Malta għandha diffikultà finanzjarja kbira, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu t-telf f’din is-sena? L-Unjoni Ewropea hija konxja minn dan? Jaħseb li l-poplu għandu jkun jaf is-sitwazzjoni attwali?
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Hekk kif jaf ben tajjeb l-Onor. Interpellant li ġej mid-dinja tal-kummerċ u l-Kumpaniji, l-Air Malta se xxandar il-qagħda finanzjarja tagħha fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-kumpanija li se ssir nhar it-28 t’Ottubru 2014. Bħal kif kien isir taħt l-amministrazzjoni preċedenti, il-Gvern jibgħat rapporti b’mod regolari lill-Kummissjoni Ewropea skont it-termini tal-pjan ta’ ristrutturar.

AIR MALTA - IMPJEGATI
11146. L-ONOR. ROBERT ARRIGO staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati f’kull dipartiment tal-Air Malta f’dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm kienu full-time u kemm kienu part-time? Taħt liema kundizzjonijiet ġew ingaġġati?
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

AIR MALTA – BEJGĦ TAL-KUMPANIJA
11147. L-ONOR. ROBERT ARRIGO staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Peress li qed isiru sforzi fis-swieq Asjatiċi biex tinbiegħ il-kumpanija Air Malta, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm laqgħat ma’ kumpaniji varji dwar l-Air Malta? F’liema stadju waslu dawn it-taħditiet?
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju m’hemm l-ebda pjan li tinbiegħ l-Air Malta kif hu qed jallega fil-mistoqsija tiegħu.


GĦAWDEX – KORSIJIET FL-ISTITUT TAL-ISTUDJI TURISTIĊI (ITS)
11148. L-ONOR. ROBERT ARRIGO staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jinforma meta reġgħu bdew il-korsijiet fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) ġewwa Għawdex? X’korsijiet huma offruti u kemm hemm studenti li qed jattendu għal dawn il-korsijiet?

ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sena skolastika tal-ITS bdiet fid-29 ta’ Settembru 2014. Hemm kors wieħed li beda fuq bażi full-time bl-isem ta’ Diploma in Food Preparation and Production, b’total ta’ 13-il student. Qegħdin naħdmu sabiex nibdew il-korsijiet part-time bl-isem ta’ Kitchen and Larder u Pastry and Baking fil-livelli bażiċi u intermedji.

MTA – POSTIJIET VAKANTI
11149. L-ONOR. ROBERT ARRIGO staqsa lill-Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jinforma kemm hemm postijiet tax-xogħol vakanti fl-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta? X’postijiet hemm vakanti? Se jkun hemm calls for applications biex jimtlew dawn il-postijiet? Jekk fl-affermattiv, meta ser isiru?
ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.

INTERCONNECTOR MA’ SQALLIJA
11151. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-interconnector ma’ Sqallija? Meta se jibda jopera?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-interconnector ma’ Sqallija jinsab fi stadju avvanzat ħafna, minkejja l-problemi ta’ dewmien kbar li nstabu fuqu.

NATIONAL RENEWABLE ENERGY ACTION PLANSOLAR FARMS
11152. L-ONOR. GEORGE PULLICINO staqsa lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jgħid kif is-sejħa li ħarġet il-MEPA għas-solar farms fuq art privata se tinfluwenza n-National Renewable Energy Action Plan (NREAP) li Malta għandha mal-Kummissjoni Ewropea?
ONOR. KONRAD MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan se jiġi affettwat għaliex il-pjanijiet ta’ wind farms ta’ Gvern preċedenti kienu mibnija fuq pjan fallut li ma kienx feasible.
Dan il-Gvern kellu jaqleb għas-solar energy u proprju għalhekk qed jikkonsulta mal-istakeholders. Dan il-Gvern qed jilħaq it-targets u l-miri kif ġara din is-sena.

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – ĦADDIEMA TAL-GVERN LI QED JISKONTAW SENTENZA
11172. L-ONOR. DEO DEBATTISTA staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm individwi li skontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġew impjegati mal-Gvern dawn l-aħħar ħames snin?
ONOR. EMANUEL MALLIA: Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN – PERSUNI LI ĦARĠU MILL-ĦABS U SABU XOGĦOL
11173. L-ONOR. DEO DEBATTISTA staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-individwi li ħarġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minnhom ma reġgħux spiċċaw ġewwa? Kemm minnhom sabu xogħol u ma’ min ġew impjegati?
ONOR. EMANUEL MALLIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 3,044 individwi li ħarġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn 1,871 minnhom ma reġgħux daħlu ġewwa l-istess Faċilità.
Dwar l-aħħar domanda, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

MCCAA – TWAQQIF TA’ HELPLINE GĦALL-KONSUMATUR
11174. L-ONOR. DEO DEBATTISTA staqsa lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: Tikkunsidra l-Ministru li toħloq speċi ta’ consumer helpline fejn dan ikun focal point biex jieħu ħsieb kull xorta ta’ lment li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-konsumatur irrispettivament ta’ jekk l-ilmenti għandux x’jaqsam ma’ xi liġi amministrata mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) jew minn xi awtorità oħra pubblika, biex b’hekk tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-konsumatur jista’ jiġi riferut minn awtorità għall-oħra sakemm jinqeda?
ONOR. HELENA DALLI: Il-Gvern qed jaħdem sabiex iwaqqaf one-stop-shop fejn il-konsumatur ikun jista’ jressaq l-ilment tiegħu.

DIRETTIVA EWROPEA DWAR IL-CREDIT MORTGAGE – IMPLIMENTAZZJONI
11175. L-ONOR. DEO DEBATTISTA staqsa lill-Ministru għall-Finanzi: Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu mill-Gvern biex jinbeda l-proċess ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2014/17/UE dwar il-credit mortgage?
ONOR. EDWARD SCICLUNA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

MCCAA – ESPERTI FL-OQSMA TAL-CONSUMER CREDIT U HOME LOANS
11176. L-ONOR. DEO DEBATTISTA staqsa lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: Tista’ l-Ministru tgħid jekk fl-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) hemmx xi nies professjonali li għandhom expertise fl-oqsma tal-consumer credit u tal-home loans li allura qed jieħdu ħsieb il-liġijiet amministrati mill-istess uffiċċju dwar dawn l-oqsma?
ONOR. HELENA DALLI: Il-leġiżlazzjoni fuq il-consumer credit u ta’ self fuq djar ġiet fis-seħħ f’Ottubru 2010 u f’Jannar 2012, rispettivament. Ma kienu ddaħlu l-ebda esperti meta l-legiżlazzjonijiet ġew fis-seħħ. Għaddej proċess biex insaħhu din l-Awtorità sabiex nindirizzaw anke din il-materja.

MCCAA – REGOLAMENT DWAR SELF GĦAL DJAR
11177. L-ONOR. DEO DEBATTISTA staqsa lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili: Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ttieħdu passi mid-Direttur Ġenerali tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir rigward tal-allegat ksur ta’ L.S. 378.10 (ir-regolament dwar self għal djar) mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-lum? Kemm minnhom ġew konklużi u b’liema riżultat?
ONOR. HELENA DALLI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju ma rċieva ebda lment u s’issa ma ttieħdu l-ebda passi mid-Direttur Ġenerali tal-Konsumatur taħt l-Att imsemmi.

ANZJANI - SODOD GĦALL-KURA FIT-TUL
11179. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu sodod ġodda għall-kura fit-tul għall-anzjani minn wara l-elezzjoni sal-lum? Jista' jgħid fejn żdiedu dawn is-sodod?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

ANZJANI LI DAĦLU FIR-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL
11180. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn April 2013 sal-lum?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.


ANZJANI LI DAĦDU FIR-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL
11181. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid, minn April 2014, minn fejn daħlu dawn l-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul jekk hux mill-komunità, mill-Isptar Karen Grech, minn djar tal-anzjani, mill-Isptar Mater Dei jew minn postijiet oħra?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

DĦUL FID-DJAR RESIDENZJALI TAL-ANZJANI
11182. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani f'kull dar residenzjali minn April 2013 sal-lum? Jista’ jgħid minn liema lokalità kien kull anzjan/a li daħal/daħlet f'dawn id-djar?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL - ACTIVE AGEING
11183. L-ONOR. MARIO GALEA staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fl-Active Ageing Unit (qabel magħruf bħala Entertainment Section) fir-Residenza San Vinċenz de Paul u x'inhu l-grad tagħhom?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB

ĦAL-QORMI – PJAN GĦALL-IMMANIĠĠAR TAT-TRAFFIKU
W228. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Peress li kull deċiżjoni fl-immaniġġar tat-traffiku li qed tittieħed mingħajr pjan serju qed taffettwa ħażin lil Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha ta’ esperti li għandha l-Awtorità dwar it-Trasport u li għandu l-Gvern, dwar id-deċiżjoni li ttieħdet li tingħalaq parti minn Triq l-Mdina (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) għal min irid imur lejn il-Marsa u li qed jirriżulta li aktar kompliet tiżdied il-konġestjoni fi Triq Manwel Dimech, b’mod partikolari, ħdejn il-Monument ta' Pinto (diġà b’konġestjoni minħabba l-karozzi tal-linja) li b' konsegwenza qed jimblokka Ħal Qormi kollu?
ONOR. JOE MIZZI: Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10545, nixtieq inserraħlu moħħu li kull deċiżjoni li tittieħed, tiġi deċiża minn nies serji u professjonali fuq xogħolhom.

ĦAL QORMI – PJAN GĦALL-IMMANIĠĠAR TAT-TRAFFIKU
W229. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Peress li bis-sistema tat-traffiku kif inhi llum, Ħal Qormi qiegħed kulma jmur isir passaġġ regolari għal numru dejjem akbar ta' karozzi u vetturi tqal li qed jaqsmu minn naħa għall-oħra ta' Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jfassal pjan ħolistiku u studjat għall-immaniġġar tat-traffiku f’Ħal Qormi biex ma jħallix lil Ħal Qormi jitkisser u li l-kwalità ta' ħajja tar-residenti tiegħu tittiekel ftit ftit minħabba dħaħen, storbju u issues ta’ saħħa u sigurtà?
ONOR. JOE MIZZI: Niskanta kif l-Onor. Interpellant ma ndunax li din is-sitwazzjoni ilha għal diversi snin, sa minn żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Taħt din l-amministrazzjoni, jien ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Trasport bdiet taħdem fuq diversi pjanijiet u proġetti ħolistiċi għal Malta kollha, inkluż Ħal Qormi, li jindirizzaw il-problema tal-emissjonijiet, ħsejjes u saħħa u sigurtà li huma kif ġej:


  • tniedet in-National Road Safety Strategy u National Road Safety Council li se jibda jopera fil-ġimgħat li ġejjin

  • qed titħejja n-National Transport Plan

  • qed titħejja n-National Intelligent Transport Plan

  • qed jiġi implimentat il-proġett tal-MODUS li huwa bbażat fuq Intelligent Traffic Management Systems

  • ġew implimentati bus lanes ġodda u se jibda x-xogħol fuq bus lanes oħra ġodda fil-jiem li ġejjin

  • ġew riveduti r-Riforma tat-Trasport Pubbliku, liema riforma kienet oriġinarjament imnedija f’Lulju tas-sena 2011. Din ġiet riveduta minħabba li din kienet falliet u hija l-kaġun ta’ ħafna mill-problemi li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant.



ĦAL QORMI – KONĠESTJONI TAT-TRAFFIKU
W230. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Peress li l-konġestjoni tat-traffiku issa qed joħnoq u jifga t-toroq ta' Ħal Qormi, prinċipali u mhumiex, bħal Triq l-Imdina, Triq il-Ħelsien, Triq il-Wied, Triq Valletta, Triq il-Vitorja, Triq San Dwardu, Triq il-Mitħna, Triq il-Kbira, Triq San Bastjan u Triq San Bartilmew, u peress li issa anke bl-aħħar tibdiliet fi Triq l-Mdina u Triq Manwel Dimech (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) is-sitwazzjoni tat-traffiku f’Ħal Qormi issa saret waħda insopportabbli minħabba li t-traffiku qed jeħel bosta drabi għal tul ta’ ħin f’numru ta’ postijiet b’konsegwenzi għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti tal-lokal, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet se jwettaq biex speċjalment it-toroq interni ta’ Ħal-Qormi ma jibqgħux passaġġ għal kull min irid jaqsam min-naħa għall-oħra ta’ Malta?
ONOR. JOE MIZZI: Jien infurmat li l-Awtorità tat-Trasport ma rċeviet l-ebda talba rigward problemi tat-traffiku fit-toroq residenzjali.

ĦAL QORMI – BINI TA’ TOROQ ĠODDA
W231. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb li jibni toroq ġodda f’Ħal Qormi?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Ħal Qormi, Transport Malta tibni t-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tagħha, ċjoè dawk li qed isiru l-ewwel darba, filwaqt li tagħmel manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji eżistenti.

ĦAL QORMI – TRIQ MIR-RABAT GĦAL ĦAŻ-ŻEBBUĠ
W232. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb jew hux jistudja serjament xi pjan biex jibni triq li tiddevja t-traffiku li ġej min-naħa tar-Rabat u Ħaż-Żebbug lil hinn mit-toroq taċ-ċentru u nħawi residenzjali ta’ Ħal Qormi, billi jibagħtu direttament għall-bypass?
ONOR. JOE MIZZI: Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traffiku li jkun ġej mir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ sejjer lejn Ħal Qormi jgħaddi minn triq arterjali u ċjoè minn Mdina Road.

ĦAL QORMI – TRAFFIKU F’TOROQ RESIDENZJALI
W233. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: Peress li Ħal Qormi diġà maqsum f'biċċiet minħabba arterji prinċipali li għaddejjin minn nofsu bħal Triq l-Imdina u Triq is-Sebħ, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri għandu l-ħsieb li jieħu biex it-traffiku f’toroq residenzjali bħal Triq il-Ħelsien, Triq il-Wied, Triq Valletta, Triq il-Vitorja, Triq San Dwardu, Triq il-Mitħna, Triq il-Kbira, Triq San Bastjan, Triq San Bartilmew, Triq il-Milied u oħrajn, ma jibqgħux jiġu użati regolarment bħala passaġġ għal min id-destinazzjoni tiegħu mhijiex Ħal Qormi?
ONOR. JOE MIZZI: Jien infurmat li l-Awtorita tat-Trasport ma rċeviet l-ebda talba rigward problemi tat-traffiku fit-toroq residenzjali.
TFAL ĠERMANIŻI LI NĦARĠU MINN MALTA MINGĦAJR AWTORIZZAZZJONI
W234. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10381 u jgħid x'passi se jieħu dwar il-każ ta' żewġ subien Ġermaniżi taħt ordni ta’ ħarsien li telqu minn pajjiżna mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa tal-awtoritajiet Maltin?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija mressqa hija s-suġġett ta’ inkjesta mill-Imħallef Emeritus Dr Philip Sciberras u li r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-inkjesta se jkunu evalwati u jittieħdu l-passi meħtieġa. Ir-rapport tal-inkjesta se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-jiem li ġejjin.
(Informazzjoni addizzjonali: Ara d-dokument Nru 3353 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-Seduta 186 tat-Tlieta, 14 ta' Ottubru 2014)

TFAL ĠERMANIŻI LI NĦARĠU MINN MALTA MINGĦAJR AWTORIZZAZZJONI
W235. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10382 u jgħid meta huwa ġie infurmat li ż-żewġ subien Ġermaniżi taħt ordni ta’ ħarsien kienu ħallew pajjiżna mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari W234.

TFAL ĠERMANIŻI LI NĦARĠU MINN MALTA MINGĦAJR AWTORIZZAZZJONI – RAPPORT LILL-PULIZIJA MILL-AĠENZIJA APPOĠĠ
W236. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10383 u jgħid meta l-Aġenzija Appoġġ kienet infurmata li t-tfal kienu nieqsa? Jista' jgħid meta l-Aġenzija Appoġġ għamlet rapport lill-Pulizija li dawn iż-żewġt itfal Ġermaniżi taħt ordni ta’ ħarsien kienu nieqsa?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari W234.


TFAL ĠERMANIŻI LI NĦARĠU MINN MALTA MINGĦAJR AWTORIZZAZZJONI –KORRISPONDENZA MAL-AWTORITAJIET ĠERMANIŻI
W237. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10384 u jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza li kien hemm bejn l-Aġenzija Appoġġ u l-awtoritajiet soċjali Ġermaniżi dwar iż-żjara minn żewġ social workers Ġermaniżi?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li jista’ jara l-korrispondenza b’mod kunfidenzjali minħabba kawżi pendenti fil-qorti.


FONDAZZJONI TAL-ĦARSIEN SOĊJALI – INVESTIGAZZJONI
W238. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10385 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference tal-investigazzjoni li qed tagħmel il-Fondazzjoni tal-Ħarsien Soċjali? Jista' jgħid jekk twaqqafx bord ta' investigazzjoni, u jekk iva, min hemm fuq dan il-bord? Jekk ma twaqqafx Bord, jista' jgħid min qed jagħmel l-investigazzjoni?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti investigazzjonijiet minn persuni minn dipartimenti differenti, saret inkjesta mmexxija minn ex-Imħallef.

TFAL ĠERMANIŻI LI NĦARĠU MINN MALTA MINGĦAJR AWTORIZZAZZJONI – PROĊEDURI MID-DIPARTIMENT TAL-ISTANDARDS TAL-ĦARSIEN SOĊJALI
W239. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10386 u jikkonferma jekk id-Dipartiment tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali kienx beda proċeduri fil-Qrati Maltin dwar il-każ taż-żewġ subien Ġermaniżi li huma taħt ordni ta’ ħarsien?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif id-DSWS irċieva l-applikazzjoni mill-awtorità ċentrali tal-Ġermanja, id-dipartiment, bħala l-awtorità ċentrali ta’ Malta, beda l-proċeduri billi wara li l-awtorità ċentrali tal-Ġermanja effettivament bagħtet id-dokumenti kollha necessarji skont il-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-Aspetti Ċivili fis-Sekwestru Internazzjonali ta’ Minuri, ħa l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jinkiseb ir-ritorn volontarju tal-minuri skont kif jeżiġi l-artikolu 7(c) u l-artikolu 10 tal-istess Konvenzjoni. Il-Ġimgħa, 4 ta’ Lulju 2014, l-omm iddikjarat li kienet qed tirrifjuta r-ritorn volontarju ta’ uliedha. Sadanittant, id-dipartiment kellu kollox lest sabiex jippreżenta r-rikors ġenerali quddiem il-Qorti t’Għawdex għar-ritorn tal-minuri fil-jum tax-xogħol li kien imiss, jiġifieri it-Tnejn, 7 ta’ Lulju 2014. L-aħwa Albrecht ittieħdu minn Malta matul il-weekend.
TFAL ĠERMANIŻI LI NĦARĠU MINN MALTA MINGĦAJR AWTORIZZAZZJONI INKJESTA
W240. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10378 u wara d-dikjarazzjoni tassew iebsa tal-Qorti dwar il-każ u n-nuqqas tal-aġenzija governattiva li hu responsabbli minnha, jista’ l-Ministru jgħid jekk issa jħossx li għandu jsejjaħ għal inkjesta tassew indipendenti ħalli jiġu stabbiliti l-fatti kollha ta’ dan il-każ bl-aktar mod trasparenti?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li kienet twaqqfet inkjesta biex tistabbilixxi l-fatti u r-responsabilitajiet.

TFAL ĠERMANIŻI LI NĦARĠU MINN MALTA MINGĦAJR AWTORIZZAZZJONI PARIRI LEGALI
W241. L-ONOR. CLYDE PULI staqsa lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali: Fil-każ taż-żewġt itfal Ġermaniżi, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tfal ħallewx il-pajjiż mingħajr ma ġew segwiti l-proċeduri stabbiliti skont il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal ta’ The Hague? Jista’ jgħid jekk staqsiex għal pariri legali dwar dan? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed il-pariri legali li għandu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk fin-negattiv, jista’ jgħid jekk għandux ħsieb li jitlob pariri legali dwar dan?
Yüklə 0,86 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   4   5   6   7   8   9   10   11   12




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin