MOZZJONIJIET ABBOZZ TA’ LIĠI BIEX JIPPROVDI GĦAD-DRITTIJIET, APPOĠĠ U L-PROTEZZJONI TA’ VITTMI, U BIEX JIPPROVDI GĦAL KULL ĦAĠA KONNESSA MA’ JEW INĊIDENTALI GĦAL DAN
ONOR. OWEN BONNICI: Sur President, nipproponi l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jipprovdi għad-drittijiet, appoġġ u l-protezzjoni ta’ vittmi, u biex jipprovdi għal kull ħaġa konnessa ma’ jew inċidentali għal dan”.
MR SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. CARMELO ABELA: Nissekonda.
MR SPEAKER: Il-mistoqsija hija li l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jipprovdi għad-drittijiet, appoġġ u l-protezzjoni ta’ vittmi, u biex jipprovdi għal kull ħaġa konnessa ma’ jew inċidentali għal dan” ikun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR IS-SIGURTÀ SOĊJALI Social Security (Amendment) Bill
MR SPEAKER: Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Sur President, għandi messaġġ mingħand il-President ta’ Malta.
MR SPEAKER: Se naqra dan il-Messaġġ:
MARIE LOUISE COLEIRO PRECA
PRESIDENT
Il-President wara li kienet informata dwar is-suġġett tal-Abbozz ta’ Liġi “li jemenda l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, Kap. 318”, tirrakommandah għall-konsiderazzjoni tal-Kamra tad-Deputati.
1 ta' Awwissu 2014
Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Sur President, nipproponi t-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att li jemenda l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318)”.
MR SPEAKER Min jissekonda?
ONOR. CARMELO ABELA: Nissekonda.
MR SPEAKER Rimarki? Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Sur President, l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna huwa relattivament qasir u bażikament, apparti t-titolu, fih biss żewġ klawsoli. L-ewwel waħda temenda l-artiklu 2 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, Kap. 318. Dan sabiex tinbidel it-tifsira tat-tielet pensjoni li bħalissa tfisser il-pjan ta’ pensjoni volontarja msemmija fl-artiklu 64D tal-Att prinċipali biex din tiġi “skema tal-irtirar imwaqqfa bħala skema personali tal-irtirar skont id-dispożizzjonijiet tal-Att li jirregola Fondi Speċjali jew tal-Att dwar il-Pensjoni”.
It-tieni klawsola ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi se tkun qed temenda l-artiklu 64D tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Dan sabiex minflok il-kliem “il-Ministru jista’, bi ftehim mal-Ministru responsabbli għall-finanzi, jipprovdi dwar eżenzjonijiet mit-taxxa fuq l-income għar-rigward ta’ kontribuzzjonijiet li jsiru minn persuna fil-fondi tat-Tielet Pensjoni li jipprovdu għall-ħlas ta’ dħul regolari jew benefiċċji oħra lil dawk il-persuni u, jew lid-dipendenti tagħhom wara jew meta jilħqu l-età tal-pensjoni,” jidħol dan li ġej:
“Il-Ministru jista’, bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-finanzi, jipprovdi għal eżenzjonijiet, tnaqqis kontra dħul taxxabbli, jew ħelsien mit-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet magħmula minn kwalunkwe persuna lit-Tielet Pensjoni illi jipprovdu għal ħlas ta’ dħul regolari jew benefiċċji oħra lil tali persuni u, jew id-dependenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Att li jirregola Fondi Speċjali jew tal-Att tal-Pensjonijiet tal-Irtirar.”.
Bażikament hemm tibdil żgħir mil-liġi kif inhi miktuba. Fl-ewwel parti qegħdin nagħtu aktar definizzjoni għal klawsola 2 filwaqt li f’artiklu 64D (1) kif propost taħt klawsola 3. qegħdin inwessgħu aktar il-mod ta’ ħelsien mit-taxxa għal min jikkontribwixxi fit-tielet pensjoni. Infakkar li t-tielet pensjoni hija volontarja u hija wkoll fil-linja ta’ kemm-il darba l-Prim Ministru tkellem dwar il-bżonn li f’pajjiżna tidħol aktar il-kultura ta’ tfaddil. Irrid insemmi wkoll li l-komputazzjoni tal-pensjoni mhux se tiġi affettwata. Mela kwalunkwe dħul mill-benefiċċji li joħorġu mit-tielet pensjoni bl-ebda mod mhu se jkollu xi impatt negattiv fuq il-pensjoni tal-irtirar imma din hija żieda ma’ dik il-pensjoni.
Barra minn hekk, tajjeb li wieħed jgħid li fil-Baġit li għadda, minbarra li kien hemm referenza għat-third pillar pension, kien hemm ukoll vot ta’ madwar €1.5 miljun li se jmorru biex ikunu jistgħu jingħataw inċentivi relatati ma’ din il-pensjoni privata volontarja li jagħmel l-individwu. Naħseb ikun tajjeb li wieħed jgħid ukoll li min-naħa tal-Ministeru għall-Finanzi diġà sar xogħol konsiderevoli biex id-dħul tat-third pillar pension ikun marbut ma’ numru ta’ inċentivi li se jkunu qed jiġu mdaħħla fil-ġimgħat li ġejjin. Fil-fatt it-tnedija ta’ dawn l-inċentivi hija riżultat tal-ħidma tal-Gvern wara li l-Ministeru għall-Finanzi kien waqqaf grupp ta’ tekniċi għal dan il-għan. Fil-fatt il-Gvern ikkonsulta mal-għaqdiet ewlenin fil-qasam tal-pensjonijiet privati f’pajjiżna fosthom il-Malta Insurance Association, il-Malta Association of Retirement Scheme Practitioners u l-Malta Funds Industry Association.
Wieħed jista’ jgħid li dan l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna huwa an enabling law li, eventwalment, tagħti l-possibilità li sal-lum ma kienx jagħti l-Abbozz ta’ Liġi eżistenti biex wieħed ikun jista’ jdaħħal inċentivi varji, iwessa’ l-possibilitajiet kollha ta’ inċentivi li jistgħu jingħataw u biex f’pajjiżna jidħol aktar sens ta’ tfaddil. B’hekk wieħed ma jħarisx biss għal-lum imma jaħseb ukoll għall-bżonnijiet futuri tiegħu u tal-familja tiegħu.
Naħseb li wieħed irid iħares ukoll lejn din it-tnedija ta’ inċentivi finanzjarji għall-pensjonijiet volontarji tat-tielet pilastru bħala parti minn kullana ta’ inizjattivi li qed jieħu dan il-Gvern sabiex isaħħaħ il-qasam tal-pensjonijiet. Tajjeb li wieħed ifakkar li dan il-Gvern nieda numru ta’ inizjattivi li jikkumplimentaw lil xulxin, fosthom it-twaqqif tal-pensions strategic group bl-iskop li jiffinalizza strateġija ħolistika sabiex tkun indirizzata l-adegwatezza u s-sostenibilità tal-pensjonijiet taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Kien hemm ukoll it-twaqqif tal-istrateġija għall-anzjanità attiva u l-inizjattivi marbutin magħha, flimkien mal-politika nazzjonali għall-impjiegi u l-aħħar u fuq kollox l-istrateġija dwar il-faqar.
Irrid infakkar li f’pajjiżna teżisti sitwazzjoni fejn persentaġġ relattivament għoli ikkomparat tal-popolazzjoni ta’ persuni li huma anzjani, minkejja li jieħdu l-pensjoni, xorta qegħdin f’riskju ta’ faqar. Forsi nikkonslaw meta nqabblu pajjiżna mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u nsibu li aħna qegħdin taħt il-medja imma xorta trid tkompli ssir ħidma sabiex jitnaqqas in-numru ta’ anzjani li qegħdin f’dan ir-riskju. Fil-preżent, għaddejjin minn eżerċizzji ta’ kif l-ewwel nett, insaħħu l-pensjoni ta’ dawn l-anzjani b’inizjattivi li se jkunu qegħdin jitħabbru fix-xhur li ġejjin u anke nħarsu lejn id-dħul u l-politika ta’ pensjoni minima nazzjonali li eventwalment tgħin lill-persuni ta’ ċerta età li għaddew mill-perijodu tal-ħidma tagħhom meta kienu żgħar. Irridu naraw kif lil dawn nistgħu nsostnuhom aktar ħalli jingħataw opportunità ta’ ħajja diċenti fl-aħħar snin ta’ ħajjithom.
Naħseb li jkun tajjeb li wieħed iħares lejn background importanti għal ċerti deċiżjonijiet li ttieħdu. Bħala benchmark se nkun qed inħares lejn l-aħħar eżerċizzju li għamel il-Bank Ċentrali msejjaħ Household Finance and Consumption Survey li sar f’Malta fl-2010 u li minnu ħarġu dawn ir-riżultati. Il-medja ta’ holdings of financial assets fl-2010 kien ta’ €26,229. Il-households li fihom kien hemm impjegat kienu ta’ 36% u kellhom financial assets b’medja ta’ €29,769. Il-medja ta’ financial asset holdings għal persuni rtirati kienet ta’ €28,906. Bħala medja, ir-rata ta’ tfaddil f’Malta hija ta’ 4% tal-median annual household savings li huwa ta’ €3,000. Meta mqabbel mal-medja ta’ tfaddil ħames snin qabel, wieħed isib li kien hemm tnaqqis drastiku ta’ persuni li kienu qegħdin ifaddlu. Fil-fatt filwaqt li fis-snin disgħin ir-rata ta’ tfaddil ta’ household saving rate f’Malta kienet madwar 18% tad-dħul, huwa stmat li fl-2010 ir-rata ta’ tfaddil kienet niżlet għal 4% li turi li kien hemm tnaqqis fit-tfaddil tal-familji Maltin u Għawdxin. Familji b’livell ta’ edukazzjoni primarja kellhom financial assets b’valur ta’ medja ta’ €17,015.
Dawk li kellhom edukazzjoni sekondarja – hawnhekk ikun tajjeb li wieħed jgħid li dawk li kellhom livell ta’ edukazzjoni primarja kienu jlaħħqu 23% tal-familji kollha u dawk li kellhom livell ta’ edukazzjoni sekondarja kienu jlaħħqu 62% tal-familji kollha - kellhom financial assets b’valur medju ta’ €25,407. Dawk li kellhom degree universitarja jew edukazzjoni post-sekondarja kellhom financial assets b’valur medju kien ta’ €54,029. Il-maġġoranza tal-familji ffinanzjaw ix-xiri tad-dar tagħhom permezz ta’ self mill-banek b’medja ta’ €63,560 għal repayment period ta’ 26 sena u nofs. Ir-rata ta’ interess kienet ta’ 4.1% li tfisser li l-medja ta’ ħlas kull xahar kienet ta’ €296, filwaqt li l-medja tal-ammont li għad irid jitħallas kienet ta’ €44,003 fuq is-self li kien hemm mill-banek biex tinxtara l-proprjetà. Il-ħlasijiet li qed isiru bħala investiment huwa asset prinċipali f’Malta u huma aktar indirizzati biex wieħed isir sid ta’ daru u dan juri li n-nies huma sinjuri fil-kapital imma foqra fid-dħul tagħhom. Dan ifisser li d-dħul li wieħed qed idaħħal anke minn xogħol li jagħmel wara l-ħin qed inaqqaslul-ħin mal-familja. Wieħed isib problemi wkoll meta t-targets li jkun irid jilħaq ma jintlaħqux. Ta’ min isemmi wkoll il-kera għolja li ħafna drabi qegħdin insibu fis-suq li hija diżinċentiv. Dawn il-familji, speċjalment dawk li ġejjin minn familji tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta jew bi dħul medju jew baxx, qed ikollhom id-diffikultajiet. Il-problema mhijiex li dawn huma fil-livell ta’ riskju ta’ faqar imma dawn in-nies qed ikollhom dħul baxx minħabba l-ħlas ta’ imgħaxijiet li jkollhom iħallsu biex jixtru l-proprjetà tagħhom u din qed tagħmilha impossibbli biex jagħmlu ċerti bżonnijiet ta’ kuljum. Għalhekk qed naraw li kulma jmur dejjem qed tiżdied ir-rata ta’ dawk li ma jistgħux jagħmlu ċerta attività li hija meqjusa normali skont iż-żmenijiet li qed ngħixu fihom illum.
Naħseb li jkun tajjeb li wieħed jgħid li fl-2010, 56.2% tal-persuni kienu jemmnu li d-dħul mill-pensjoni u investimenti mhux se jkunu biżżejjed biex jgħixu ħajja diċenti, filwaqt li 70% qalu li d-dħul prinċipali tagħhom ġej mill-pensjoni. Imbagħad 34.6% qalu li qed jippreparaw sew għall-irtirar mix-xogħol. Fil-fatt dan juri tnaqqis ta’ dawk li qed jippreparaw sew għall-irtirar mix-xogħol fuq l-2005. Minkejja li l-pension working groups fl-2005 u fl-2010 kienu evalwaw id-dħul mill-pensjonijiet u t-tfaddil għall-futur, irriżulta deterjorament fil-perċezzjoni dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Fiż-żewġ studji li kienu l-Final Report wara l-White Paper li kienet ħarġet fl-2005 u tal-iStrategic Review fl-2010, ġie suġġerit li t-triq ’il quddiem kienet l-introduzzjoni tat-third pillar pension li l-Gvernijiet preċedenti, minkejja li kellhom dan is-suġġeriment, m’għamlux dawk l-inċentivi neċessarji biex jiżdiedu aktar persuni li jfaddlu għall-futur. Fil-fatt dawn huma l-inċentivi li se nkunu qegħdin inressqu għall-poplu Malti u Għawdxi biex jinvesti f’inizjattivi privati ħalli meta l-individwi jilħqu ċerta età - li mhux bilfors tkun l-età tal-irtirar, imma wieħed ikun jista’ jiġbed parti minn din is-somma, dejjem skont l-investiment li jkun għamel wara li jkun laħaq il-50 sena - ikollhom dħul adegwat u aħjar li jkun jista’ jgħinhom biex ’il quddiem ikunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar u aktar diċenti.
Fil-fatt wieħed jista’ jgħid li l-inizjattivi li kienu ttieħdu mill-Gvern preċedenti ma kienu xejn għajr li l-età tal-irtirar telgħet għal 65 sena u li din tilħaq il-massimu fl-2027. Naħseb li wieħed irid jgħid ukoll li filwaqt li l-Gvern preċedenti kien qed iħares lejn il-possibilità, wara pressjoni li kienet ilha ssir anke mill-Unjoni Ewropea, biex l-età tal-irtirar togħla fl-iqsar żmien possibbli u li tkun pegged ma’ kemm persuni jgħixu f’pajjiżna, baqa’ m’għamel xejn dwarha. F’diversi diskussjonijiet li kien hemm bejn il-Gvern preżenti u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, irriżulta li dawn fehmu li se jkun hemm sostenibilità tal-pensjonijiet f’pajjiżna u li m’hemmx għalfejn ngħaġġlu l-proċess biex naslu għall-età tal-irtirar ta’ 65 sena qabel l-2027. Urejniehom ukoll kif mill-istatistika rriżulta li d-demografija tal-popolazzjoni tagħna se tkun differenti minn dak li kien maħsub fis-snin ta’ qabel u li ċerti targets qegħdin nilħquhom qabel dak li kien ippjanat. Il-fatt li f’pajjiżna teżisti immigrazzjoni legali ta’ numru ta’ persuni mil-lvant tal-Ewropa, speċjalment minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u numru ta’ asylum seekers li spiċċaw f’pajjiżna minn immigrazzjoni illegali qed jingħataw l-opportunità li jistgħu jsibu xogħol f’pajjiżna jfisser li d-demografija ta’ persuni li qegħdin jaħdmu jew se jkunu jistgħu jaħdmu f’pajjiżna se jkun ogħla minn dak li kien previst. Għalhekk minħabba dan il-fatt u minħabba żviluppi ekonomiċi oħrajn li għaddejjin f’pajjiżna, jagħmilha possibbli li l-età tal-irtirar ma taqbiżx il-65 sena qabel l-2027 u jekk nistgħu nibqgħu bl-età ta’ irtirar ta’ 65 sena, jiġifieri se nkunu differenti minn kif inhuma bħalissa diversi pajjiżi oħrajn fl-Ewropa.
Dan iwassalni biex ngħid li permezz ta’ dan l-understanding li hemm bejn pajjiżna u l-entitajiet fl-Unjoni Ewropea, aħna qegħdin inżommu mal-wegħda elettorali li ma ngħaġġlux il-proċess biex naslu għall-età ta’ 65 sena qabel dak li kien maħsub u lanqas mhu se nkunu marbutin li l-età tal-irtirar tkun pegged mal-età medja li wieħed jgħix.
Naħseb li jkun tajjeb li nsemmi wkoll xi punti importanti oħrajn. L-ewwel nett it-teorija ekonomika tradizzjonali titkellem fuq il-fatt li persuna tissellef meta tkun ta’ età żgħira, iġġemma’ fl-età medja u tgawdi kollox meta ssir anzjan. Ir-realtà hija waħda kompletament differenti meta tiġi biex tippjana fit-tul. Il-behavioural science tissuġġerixxi li n-nies jidddeċiedu skont il-ġurnata u turi b’mod ċar li fil-maġġor parti tal-każi li wieħed iġemma’ għal meta jirtira ma tantx tirnexxi għaliex wieħed jara ż-żmien tal-pensjoni bħala xi ħaġa li hija fil-bogħod. Barra minn hekk, wieħed jonfoq u jagħmel il-kalkoli għall-futur qarib, jiġifieri wieħed aktar jara jekk hux qed jirnexxielu jlaħħaq mal-ispejjeż tal-lum milli jaħseb fuq l-investimenti għal għada. In vista ta’ din il-behavioural science, policy designers madwar id-dinja - għax din ma tinstabx fost il-Maltin u l-Għawdxin biss - raw kif jistgħu jsibu soluzzjoni għal din il-kultura ta’ tfaddil jew aħjar, biex ngħidu hekk, kultura ħażina ta’ kif wieħed iħares lejn il-futur. Għalhekk dawn il-policy designers bdew jissuġġerixxu li jiġu introdotti inċentivi speċjali tat-taxxa. Dawn l-inċentivi jistgħu jitqiesu wkoll bħala żieda fir-rate of return tal-investiment li jkun sar, b’mod speċjali minħabba li skemi simili jiġu meqjusa bħala tax credit. Meta kien qed jiġi ddisinjat it-tax incentive framework kienet ingħatat importanza li l-incentive tax instrument għandu jħajjar lill-individwi biex imorru minn taxed għal non-taxed assets. Ngħid ukoll li l-pensjoni tat-third pillar tiddifferixxi ruħha mill-pensjonijiet finanzjarji oħrajn li s’issa jinbiegħu fis-suq. Fil-fatt illum f’ċerti investimenti li jsiru, wieħed jista’ jaqbad u jiġbed kollox fl-età tal-perijodu li jkollu biex jagħmel l-investiment. Il-konċett irid jinbidel biex meta wieħed jiġi biex jirtira jkun jista’ jiġbed persentaġġ minn dak li huwa tiegħu, imbagħad il-bqija jkunu miġbuda matul perijodu abbażi ta’ annuity jew annual programmed withdrawals u eventwalment is-somma tkun qed tkompli ssostni l-pensjoni tal-individwu.
Sur President, irridu nħarsu wkoll lejn x’ġara f’pajjiżi oħrajn, fosthom fl-Ingilterra, fejn attwalment ipprovaw idaħħlu ċerti sistemi li sfortunatament ma rnexxewx. Għalhekk aħna m’għandna l-ebda ħsieb li ndaħħlu affarijiet simili li jistgħu jirriżultaw negattivament għal pajjiżna. Apparti minn hekk, tajjeb li wieħed jgħid li aħna għandna kunfidenza kbira fl-MFSA li tassigura governanza tajba u regoli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Supplementary Retirement Schemes (SRS). Naħseb li wieħed irid iħares ukoll lejn x’inhu għaddej bħalissa f’dak li għandu x’jaqsam mal-pensjonijiet u l-adegwezza tagħhom u wieħed irid iqabbel ukoll ma’ diversi inizjattivi oħrajn li għaddejjin fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Sal-lum ħafna drabi, diversi persuni kienu jħarsu lejn il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħala benniena li tibda f’ħajtek u tispiċċa f’ħajtek u in between ma jkun hemm l-ebda break minn dawn il-benefiċċji. Però fil-Baġit li għadda ttieħdu diversi inizjattivi li eventwalment jagħtu l-opportunità lil dawk il-persuni li ilhom jirreġistraw sentejn f’dawn l-aħħar tliet snin, li jekk jirritornaw għax-xogħol ikun hemm il-konċett ta’ tapering fejn wieħed ma jitlifx il-benefiċċji kollha f’daqqa imma ovvjament dawn jiġu mnaqqsa fuq medda ta’ tliet snin. Fil-fatt fl-ewwel sena wieħed jieħu 65% tal-benefiċċju tal-qgħad li kien qed jieħu, fit-tieni sena wieħed jieħu 45% tal-benefiċċju tal-qgħad u fit-tielet sena wieħed jieħu 25%. Bħalissa qed nikkonkludu diskussjonijiet dwar x’se jiġri wara t-tielet sena, jiġifieri mir-raba’ sena ’l quddiem. Se nkunu qegħdin naraw ukoll diversi inizjattivi oħrajn li għandhom x’jaqsmu mas-single mothers u ma’ koppji fejn ir-raġel jew il-mara qed jaħdmu full time biex naraw kif nistgħu nħajru lill-parti l-oħra biex tidħol fid-dinja tax-xogħol, aktar u aktar meta dawn ikollhom it-tfal. Dawn huma inizjattivi intenzjonati mhux biss biex naraw li wieħed ma jibqax jgħix fuq il-benefiċċji jew biex inżidu l-impjiegi u allura jkun hemm aktar ħlas ta’ bolla u taxxa biex nassiguraw is-sostenibilità tal-welfare state ġewwa pajjiżna imma huma intenzjonati għaliex nixtiequ li b’mod speċjali l-koppji jagħrfu r-realitajiet tal-ħajja li qed ngħixu fihom illum. Riċentement ġew għandi numru ta’ persuni ta’ ċerta età li qatt ma ħadmu t-tnejn li huma għaliex ibbażaw id-dħul tagħhom – se nitkellem b’mod tradizzjonali biex ma noqgħodx ngħid kull darba hu jew hi – fuq il-paga tar-raġel u meta waslu għall-età ta’ 52 sena nqalgħet problema fil-familja bil-konsegwenza li ma kellhomx żmien biżżejjed biex jaħdmu ħalli eventwalment iħallsu biżżejjed bolol u b’hekk ikunu jistgħu jgawdu xi forma ta’ pensjoni adegwata. Ħafna drabi dawn in-nies jispiċċaw b’pensjoni minima għall-aħħar għax jekk jibdew jaħdmu ta’ ċerta età, meta jiġu biex jilħqu l-età ta’ 62 sena, 63 sena jew 65 sena, isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn minkejja li kienu qed jippjanaw li jkollhom moħħhom mistrieħ li r-raġel se jkollu pensjoni li se jgawduha tul il-bqija ta’ ħajjithom, dan ma jseħħx fir-realtà. Din hija xi ħaġa importanti li l-koppji jridu jifhmu, li fil-ħajja tista’ tippjana ħaġa li mhux bilfors isseħħ fir-realtà meta tilħaq ċerta età.
Ilkoll nafu x’inhi r-realtà u l-konsegwenzi li ġġib magħha. Ma nistgħux naħarbu r-realtà u lil parti mill-koppja ngħidulha biex tibqa’ d-dar u ma tersaqx lejn ix-xogħol. Naħseb li jkun tajjeb li r-realtà tal-ħajja tiftaħ għajnejn dawn il-persuni. Qed ngħid dan mhux biex ikollna aktar nies jaħdmu u nżidu l-employment rate, mhux biex naraw aktar nisa jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol imma biex dawn il-persuni jagħrfu sew x’inhi r-realtà tal-ħajja. Fil-fatt meta nħarsu lejn il-persuni f’riskju ta’ povertà nsibu li ħafna mill-anzjani li qed ikollhom il-problemi huma fost dawk li ħasbu li l-ħajja kollha ward imma mbagħad sfortuntament fl-aħħar ta’ ħajjithom sabu x-xewk. Issa jien bl-ebda mod ma rrid infisser li l-investiment tat-third pillar se jsolvi l-problemi kollha għax ir-realtà tal-ħajja ma nistgħux naħarbu minnha.
Sur President, jien inħoss li huwa importanti li nsemmi xi ċirkostanzi li qegħdin niltaqgħu magħhom. Jien ilni fil-politika u f’dan il-Parlament aktar minn 22 sena u ilni tabib għal madwar 32 sena, jiġifieri ltqajt ma’ diversi problemi ta’ nies li jew mort għandhom jien jew ħabbtu l-bieb tal-uffiċċju tiegħi. Illum bħala Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali qed niltaqa’ ma’ diversi problemi ta’ persuni li jibdew jirrealizzaw li r-realtà tal-ħajja hija differenti minn dak li forsi ħasbu. Proprju għal dawn ir-raġunijiet ukoll, qegħdin naraw kif nistgħu nelevaw u ngħinu persuni li f’ħajjithom kienu jaħdmu, għal xi raġuni telqu mix-xogħol u reġgħu bdew jaħdmu. Lil dawn in-nies nistgħu ngħinuhom billi ntejbulhom il-pensjoni tagħhom, speċjalment jekk m’għandhomx biżżejjed ħlasijiet ta’ kontribuzzjoni li eventwalment iwasslu biex ikollhom il-massimu tal-pensjoni. F’ċerti każi mhux bilfors nistgħu nlaħħquhom imma f’każi oħrajn nistgħu ntejbulhom il-pensjoni billi jkun hemm arranġamenti fuq numru ta’ kontribuzzjonijiet li ma jkunux tħallsu. Sal-lum nafu li wieħed jista’ jħallas il-kontribuzzjonijiet tal-aħħar ħames snin li jkollu b’lura imma għandek terminu, jiġifieri jekk fl-aħħar ħames snin inti kellek kontribuzzjonijiet biżżejjed imma għaxar snin ilu inti kont tlaqt minn fuq ix-xogħol għal diversi raġunjiet, forsi minħabba problemi tal-familja, biex ħadt ħsieb lil ommok jew lil missierek jew inkella minħabba t-tfal, imbagħad wara erġajt dħalt fid-dinja tax-xogħol, sal-lum ma tista’ tagħmel xejn dwar dawk il-kontribuzzjonijiet nieqsa għax il-liġi timpedik. Allura aħna qegħdin naraw u nevalwaw kif nistgħu naħdmu biex dawn il-kontribuzzjonijiet li jkollok b’lura ntejbuhom ħalli wieħed ikollu pensjoni aħjar meta jiġi biex jirtira.
Nista’ ngħid li bħalissa għaddejjin minn proċess ta’ diversi preparamenti dwar inizjattivi li jistgħu jittieħdu fix-xhur u fis-snin li ġejjin ħalli jekk inhu possibbli nassiguraw li wieħed jgħix ħajja aħjar meta jkun għadu qed jaħdem għax nafu li diversi persuni u familji għandhom bżonn aktar għajnuna biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar diċenti. Se nipprovaw noħorġu ċerti persuni mir-riskju ta’ faqar anke billi nagħtuhom inċentivi u opportunitajiet ta’ tagħlim li jwassluhom biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Eventwalment anke l-pensjonanti jkunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar meta jaslu biex jirtiraw.
Sur President, jien ipprovajt nagħti background tad-diversi raġunijiet għalfejn qed inressqu dan l-Abbozz ta’ Liġi biex ikollna firxa wiesgħa ta’ inċentivi li nistgħu nagħtu taħt it-third pillar pension. Eventwalment inkunu nistgħu nassiguraw li diversi persuni jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar waqt li jkunu qegħdin jaħdmu kif ukoll aktar tard fil-ħajja, meta jiġu biex jirtiraw. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Aktar rimarki? L-Onor. Clyde Puli.
ONOR. CLYDE PULI: Sur President, bħala shadow minister għall-familja u s-solidarjetà soċjali u allura kelliem fuq il-pensjonijiet, jien ukoll nixtieq li nagħti l-kontribut tiegħi f’din id-diskussjoni. Innotajt ukoll li fil-ktejjeb li bih ikkommemorajna u sellimna l-memorja ta’ Dr Alexander Cachia Zammit - aħna hawnhekk insellmu billi nerġgħu nikkommemoraw u nippubblikaw il-maiden speech ta’ dak li jkun - fil-maiden speech tiegħu dan kien għażel proprju li jitkellem fuq il-pensjonijiet. Fil-fatt kien qal li filwaqt li japprova li kien hemm bżonn kbir li tiżdied il-pensjoni tax-xjuħ - qed nikkwota minnu - għax il-ħajja kienet għoliet ħafna u l-pensjoni tax-xjuħ kienet inadegwata - fil-fatt kienet qed tiżdied b’erba’ xelini, jiġifieri minn 12-il xelin għal 16-il xelin - iż-żieda ma kenitx biżżejjed għal ċerti nies. Dan id-diskors sar fl-1955. Sa ċertu punt, din it-tip ta’ kritika tista’ tiġi repetuta llum fuq il-kwestjoni tal-liġi li qed niddiskutu dwar it-third pillar pension. Fil-fatt il-Gvern, kif spjega tajjeb il-Ministru Farrugia, qed iressaq numru ta’ emendi għal dan l-Abbozz ta’ Liġi li għandna quddiemna llum u li se nkomplu niddiskutu nhar l-Erbgħa li ġej, billi nemendaw l-Att dwar l-Income Tax. Ovvjament b’dawn l-emendi l-Gvern qiegħed jagħmel ftit streamlining ta’ dawn il-liġijiet biex eventwalment jintroduċi dik li hija msejħa t-third pillar pension u jkun jista’ wkoll jagħti benefiċċji fiskali lil min jagħmel investiment għal dan il-għan. Issa ġaladarba l-Partit Nazzjonalista, meta kien qiegħed jiddiskuti r-riforma fil-pensjonijiet u kien qed jgħaddi liġijiet f’dan ir-rigward, kien ippropona li jkun hemm third pillar pension, mhux se nkunu aħna llum li ngħidu li ma naqblux ma’ din il-liġi. Għall-kuntrarju aħna naqblu u se nkunu qed napprovaw u nivvotaw favur din il-liġi, biss ma nistgħux ma ngħaddux ukoll il-kummenti tagħna.
Sur President, filwaqt li aħna napprovaw li għandha tidħol din it-thrid pillar pension, m’aħniex konvinti li din se tindirizza l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Aħna naħsbu li dan it-tielet pilastru waħdu, li qed iseħħ mingħajr ebda konsultazzjoni partikolari u mingħajr ma tiġi ppreżentata xi strateġija ħolistika, mhux se jsolvi l-problema tal-adegwatezza tal-pensjonijiet li għandu l-pajjiż illum u li beda jindirizza sa mill-2005.
Wieħed jista’ jargumenta, kif għamel il-Ministru Scicluna, li llum il-pensjonijiet huma sostenibbli imma probabbilment huma proprju sostenibbli għaliex mhumiex adegwati. Kieku għandek pensjonijiet aktar adegwati allura ovvjament l-ispiża tal-Gvern se togħla. Wieħed mill-ewwel irid jgħid li din il-problema tal-pensjonijiet mhijiex biss problema tal-lum. Filwaqt li llum diġà għandek pensjonijiet li mhumiex adegwati għallinqas mal-miri li qegħdin nistabilixxu, jidher ukoll li jekk mhux se ndaħħlu r-riformi meħtieġa se jkollna problema akbar għall-pensjonanti ta’ għada, jiġifieri għal dawk li huma żgħażagħ illum. Dan ifisser li l-problema tal-pensjonijiet hija għall-anzjani tal-lum imma jekk ma tiġix indirizzata se tkun problema akbar għall-pensjonanti ta’ għada.
Jekk inħarsu lura lejn ir-riforma li kienet ġiet triggered fl-2005 u baqgħet għaddejja anke sal-2010, insibu li dakinhar din ir-riforma kienet saret wara diskussjoni estensiva u qbil mal-imsieħba soċjali fejn kien jidher ċar u tond li konna qed naqblu li hemm bżonn ta’ arranġamenti dwar il-pensjoni tal-lum, jiġifieri l-first pillar pension. Minkejja n-nuqqas ta’ popolarità, dawk l-arranġamenti saru u waħda minnhom kienet proprju li tawwalna l-età tal-pensjoni. Dan għamilnieh gradwalment. Fil-fatt il-proċess għadu qed jidħol fis-seħħ sal-lum, fejn l-età qed titla’ minn 61 sena sa 65 sena għall-irġiel u minn 60 sa 65 sena għan-nisa. Mela dawn it-tip ta’ riformi bdejna naħsbu għalihom minn dakinhar. Biss dakinhar kien hemm il-ħsieb ukoll li ndaħħlu s-second pillar pension li llum mhu qed jissemma xejn dwarha. Issa la semmejna l-ewwel pilastru, b’mod naturali taħseb fit-tieni pilastru, imma hija stramba ħafna kif dan il-Gvern qed jinjora t-tieni pilastru u jmur direttament għat-tielet pilastru. Mhux biss hija stramba li ma nitkellmux fuq it-tieni pilastru imma hija inkwetanti wkoll għaliex dan it-tielet pilastru tal-pensjonijiet bażikament huwa xi ħaġa volontarja, jiġifieri mhux bħall-ewwel pilastru li huwa obbligatorju. Li xi ħadd iħallas xi ħaġa volontarja huwa tajjeb u aħna naqblu li għandek tinċentivah imma dan ifisser ukoll li la wieħed għandu biex ifaddal allura qed jaqla’ biżżejjed biex ifaddal għal għada.
Sur President, il-fatt li qed jinqabeż pass huwa inkwetanti għax it-tielet pilastru kif donnu qed jiġi ppreżentat mill-Gvern, mhuwiex se jsolvi l-adegwatezza tal-pensjonijiet għall-maġġoranza tan-nies. Għall-kuntrarju, numru ta’ nies li bażikament jaqilgħuha u jikluha, jiġifieri dawk li huma f’riskju ta’ povertà, żgur li m’għandhomx biex iħallsu din it-third pillar pension, mela allura dawn se jibqgħu fis-sitwazzjoni li jinsabu fiha llum. Issa rridu nfakkru li l-Gvern għandu programm elettorali u li meta kien fl-Oppożizzjoni kien għamel żewġ wegħdiet partikolari li jorbtu ma’ dan li qed niddiskutu llum. L-ewwel wegħda hija proprju dwar il-faqar, fejn il-Partit Laburista dak iż-żmien kien wiegħed li jekk ikun fil-gvern, f’dawn il-ħames snin tiegħu, se jeradika l-faqar mill-għeruq. Biss s’issa għadna rajna biss green paper. Issa rridu ngħidu li dawk li huma f’riskju ta’ faqar normalment jiġu kkalkolati li bħala dħul ma jilħqux is-60% tal-paga medja nazzjonali. Din jien ngħaqqadha mat-tieni wegħda li għamel il-Partit Laburista li se jibda proċess biex il pensjoni minima nazzjonali tkun ekwivalenti għal 60% tal-paga nazzjonali medja. It-third pillar pension ma tagħmel xejn biex tindirizza dawn iż-żewġ wegħdi imma b’mod volontarju - nerġa’ ngħid li jien naqbel magħha - se tindirizza faxxa ta’ nies li kapaċi joħorġu l-flus biex ifaddlu għall-futur tagħhom. Nerġa’ ngħid, hija stramba ħafna, mhux biss b’mod strateġiku li mill-ewwel tarġa taqbeż għat-tielet tarġa u tinjora t-tieni tarġa, imma li jkollok partit li dejjem jiftaħar li huwa taż-żgħir u tal-fqir li jinjora proprju l-problema tan-nies li qegħdin fil-faxxa ta’ taħt.
Issa ovvjament jien nifhem li s-second pillar pension fiha l-isfidi tagħha, kif spjega aktar kmieni llum l-Onor. Tonio Fenech, u għalhekk ridna nqisu li meta nagħmluha għandna ndaħħluha mingħajr skossi u naraw li l-klima ekonomika tkun waħda tajba mhux kif kienet fil-ħames snin li għaddew fejn kellek klima ekonomika ta’ maltemp barra minn Malta u allura ridna noqogħdu attenti li ma neħdux passi mgħaġġlin iżżejjed. Imma fi klima internazzjonali li hija aktar trankwilla, wieħed jistenna li Gvern ikollu l-kuraġġ li jibda jindirizza problemi li jaf li se jkollna niffaċċjaw fil-futur, kif qed ibassru l-istudji. Pereżempju jekk tara l-mudell Norveġiż - il-Gvern kultant iħobb jikkwota lil dan il-pajjiż għallinqas f’affarijiet li jogħġbuh – issib li dawn għamlu fond fejn id-dħul miż-żejt, minflok qed jisparparljawh u jonfquh, qed jużawh għall-fond tal-pensjonijiet biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom pensjoni adegwata. Illum wara nofsinhar aħna għedna li ġaladarba issa daħlet din l-iskema infami taċ-ċittadinanza, minflok noqogħdu nisparparljaw il-flus fuq affarijiet varji u fuq lil min se ndaħħlu jaħdem mal-Gvern, nistgħu nitfgħu dawn il-flus jew għallinqas parti minnhom, f’fond ta’ pensjonijiet biex naraw li min ma jiflaħx iħallas u min għada mhux se jkollu pensjoni adegwata għallinqas jiġi megħjun. Jien konvint li l-Gvern jista’ jagħtina mudelli oħrajn ta’ kif jista’ jassigura li jkollna pensjoni adegwata. Irrid nerġa’ nfakkar li din il-problema tal-pensjoni hija problema tal-lum u problema akbar ta’ għada.
Sur President, b’dak li konna qed nindirizzaw mill-2005 lil hawn fir-riforma proposta dwar il-pensjonijiet, aħna konna qed nitkellmu fuq sistema ta’ sigurtà soċjali mħaddma fuq il-mekkaniżmu ta’ pay as you go, li allura jiġbor il-kontribuzzjonijiet tal- bolla biex il-Gvern jipprovdi għall-pensjoni tal-lum. Fir-realtà ma tkunx qed tħallas għall-pensjoni tiegħek imma tkun qed tħallas għall-pensjoni ta’ ħaddieħor. L-istudji kienu diġà qed jindikaw bl-aktar mod ċar li dan il-metodu ma kienx se jissalvagwarda pensjoni adegwata lill-ġenerazzjonijiet futuri. Fil-fatt din diġà ma kenitx qed tilħaq il-miri li aħna nixtiequ nilħqu fejn il-pensjoni tkun minimament 60% tad-dħul medju nazzjonali. L-istudji kienu diġà qed juruna li filwaqt li dak iż-żmien kellna erba’ persuni biex iġorru l-piż ta’ pensjonant, fis-snin li ġejjin se jkollna żewġ persuni li jridu jġorru l-piż ta’ persuna rtirata. Fil-fatt aħna m’aħniex nifhmu eżatt kif se tkompli din l-istrateġija. Illum smajt dikjarazzjoni tal-Ministru fejn donnu qal li se juża, b’xi mod jew ieħor, l-immigrazzjoni lejn Malta biex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ ħaddiema, imma ovvjament ma kienx hemm ċarezza dwar dan.
Jien ma naħsibx li f’dan il-mument l-immigrazzjoni waħedha se ssolvi din il-problema ta’ kemm-il ħaddiem se jġorr kull pensjonant. Fil-prattika dan ifisser li jekk qabel ir-riforma tal-2007, l-average replacement rate, jiġifieri kemm tieħu pensjoni b’kuntrast mal-paga li kellek, kienet se tibqa’ nieżla ftit ftit u titnaqqar għal 18% sal-2060, bir-riforma din kienet diġà telgħet għal 45%. Jiġifieri li kieku ma sar xejn, l-average replacement rate kienet se tibqa’ titnaqqar u tiġi 18% u allura bażikament kienet se tispiċċa f’pensjoni insinifikanti. Biss bir-riforma din telgħet għal madwar 45%. Issa ġaladarba qegħdin ngħidu li fil-programm elettorali tal-Partit Laburista għandna wkoll il-wegħda li f’dawn is-snin se ntellgħu l-pensjonijiet għal 60% tad-dħul nazzjonali medju, mela allura hawnhekk għandna gap ta’ bejn 10% u 15%. Dan il-gap żgur ma tistax timlih bit-third pillar pension. Għalhekk aħna qed ngħidu li hemm bżonn li tiddaħħal is-second pillar pension. Bil-pensjoni kif inhi llum, skont l-istudji li saru għas-sena 2013, hemm nies li diġà għandhom problema biex ilaħħqu mal-ħajja - m’hemmx għalfejn tara studji, konna qed nitkellmu fuq it-tislima li tajna lil Dr Alexander Cachia Zammit u kemm kien viċin in-nies, kif għandu jkun kull politiku – u min bħalna qiegħed fil-politika u jitkellem man-nies, fosthom anzjani u dawk li waslu fl-età ta’ qabel il-pensjoni, jaf tajjeb li ċerti nies isibu diffikultajiet aktar minn oħrajn biex ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-ħajja. Issa hawn mhux qed nirreferi għall-kapriċċi imma għan-neċessitajiet. Jekk tara kif dan id-diskors jikkompara mal-istħarriġ li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-istudju SILC ibbażat fuq il-kriterju tal-Unjoni Ewropea u li l-Oppożizzjoni Laburista ta’ ftit tas-snin ilu tant kienet tikkwotah, tinduna li ma nbidel l-ebda kriterju ta’ kif isir il-kejl illum. Fil-fatt fl-istudju SILC issib li 22% minn 105,000 anzjan li għandna f’Malta, – kważi tibda taħseb li ma jfissru xejn imma hawn qed nitkellmu fuq 24,000 ruħ - bil-pensjoni li għandhom illum qegħdin f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Jiġifieri l-problema diġà qiegħda hawn illum u jekk ma nindirizzawhiex se tkun problema li se tikber għal dawk li ġejjin fil-futur. Issa jien mhux se noqgħod nikkwota l-istatistika ta’ kemm jifilħu jsiefru l-Maltin ma’ kif kien isir qabel, anke jekk l-istatistika turi ċar li aktar min-nofs l-anzjani mhumiex kapaċi jaffordjaw din il-vaganza. Biss jien insib aktar inkwetanti n-numru ta’ nies li qed jaqgħu f’dik il-kategorija ta’ ċaħda materjali u dawk li kienu diġà hemm qabel imma matul l-2013 waqgħu f’dik il-kategorija severament. Biex nifhmu aħjar dak li qed ngħidu, fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista, aktar minn 21%, jiġifieri madwar 23,000 ruħ qalu li ma jaffordjawx iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż mhux ippjanati. Issa bi spejjeż mhux ippjanati mhux qed infisser li tixtri karozza żgħira ta’ €10,000 imma qed nifhmu spiża ta’ €450. Jiġifieri jekk dawn it-23,000 ruħ tinqalgħalhom spiża ma wiċċhom ta’ €450 jidħlu fi kriżi! Għalhekk jien niskanta bil-miżura li ħa dan il-Gvern li t-€300 li jagħti lill-pensjonanti f’Jannar bil-quddiem, qabad qasamielhom biċċa biċċa. Mela ċ-children’s allowance ingħatat bil-quddiem u fejn jidħlu l-anzjani mxejna bil-kontra għax kellhom somma bil-quddiem li nqasmitilhom fi 12-il biċċa. Dak li jkun jipprova jwarrab €300 għax, kif jgħid il-Malti, “erfa’ u sorr għal meta tiġi bżonn”, imma dawn l-anzjani ma ngħatawx iċ-ċans li jerfgħu u jsorru! Huwa inkwetanti li jkollok dawn l-eluf kollha li jgħidulek li ma joffordjawx li jħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż mhux ippjanati, imma mbagħad għandek 24%, jiġifieri madwar 27,000, li ma jaffordjawx isaħħnu d-dar tagħhom fix-xitwa b’mod adegwat. Issa dan fl-2013, mhux il-ġimgħa li għaddiet meta l-gass għola b’90c! Mela insa s-safar - allavolja minjaf kemm ġie kkwotat mill-Partit Laburista fil-passat - u ejja nitkellmu fuq is-sustanza, jiġifieri fuq in-nies li huma mċaħħda severament u allura aħna rridu ngħinuhom. Aħna rridu naraw li dawn in-nies għallinqas ikunu kapaċi li darba iva u darba le jieklu ikla sustanzjuża u jkunu jistgħu jlaħħqu ma’ xi spiża li ma tkunx prevista. Skont il-wegħda li hemm fil-programm elettorali tal-Partit Laburista, il-pensjonijiet għandhom jitilgħu għal 60% tad-dħul ta’ paga nazzjonali medja. Jekk dik ma ssirx, allura se nibqgħu b’dawn il-figuri anke fil-futur.
Ladarba semmejna l-faqar u ladarba l-Ministru semma anke l-istrateġija ta’ kontra l-faqar, jien ma nistax ma ninnotax li minkejja t-trombi kollha li smajna fil-passat, anke fil-passat riċenti, s’issa kulma rajna kienet green paper, jiġifieri għad m’għandniex strateġija ta’ ċerta sustanza. Kellna green paper li kulma kienet tgħid hu li tagħti tort li dak u lil ieħor. F’daqqa waħda sparixxa l-prekarjat u sparixxew l-anzjani għax m’hemm l-ebda strateġija. Mhux ta’ b’xejn li minkejja dan id-diskors kollu, bl-istess kejl li tant kien itambar il-Partit Laburista, il-faqar fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista żdied b’6,000 ruħ! Il-faqar mhux baqa’ fejn kien jew bdejna nnaqqsuh b’xi 1% jew b’xi 2% imma żdied b’6,000 ruħ. U aktar inkwetanti huwa l-fatt li minbarra li l-faqar żdied b’6,000 ruħ, dawk f’riskju ta’ povertà żdiedu b’2,000 ruħ!
X’ħin kont se nieħu ftit nifs fuq din l-istatistika għax rajt li dawk li huma materjalment imċaħħda naqsu u allura ħsibt li kien hemm improvement, f’daqqa waħda ħarist ’l isfel u ndunajt li din il-kategorija żdiedet b’2,000. Issa l-Ministru jafha daqsi din l-istatistika u jaf li meta tgħid li xi ħadd huwa severament materjalment imċaħħad, ma tkunx qed titkellem fuq xi ħadd li joħroġ bil-karozza BMW u joqgħod jinkwieta kemm hawn traffiku fil-pajjiż. Lanqas mhu xi ħadd li meta l-petrol jorħos b’2c jaħseb li l-Gvern qed jgħaddina biż-żmien. Imma dan huwa xi ħadd li qed jinkwieta fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku għax lilu juża. L-inkwiet tiegħu jkun jekk il-prezz eżistenti jkunx se jibqa’ l-istess għax inkella l-mobilità tiegħu tkompli tonqos. Dan mhuwiex xi ħadd li jinkwieta għaliex forsi kien jieħu pizza kull ħmistax u f’daqqa waħda se jibda jeħodha kull xahar imma jinkwieta x’ħin imur jixtri mingħand tal-merċa għax l-għoli tal-ħajja jolqot ħafna aktar lilu. Inutli tgħid li stabilizzajt l-inflazzjoni għax tkun qisek qed tgħid li pazjent huwa stabbli imma għadu fl-ITU. Jiġifieri ċertu piż li jintefa’ ma jkunx faċli li jinġarr għal dawn in-nies imma forsi ’l quddiem ikollna aktar ċans li nitkellmu fuq il-faqar.
Huwa tajjeb u naqbel li nkomplu nsaħħu l-inċentivi li kienu ngħataw għaliex dawk huma inċentivi importanti. Jien niftakar li meta l-Ministru Fenech beda jagħti l-inċentivi lill-pensjonanti biex jaħdmu waqt li jirċievu l-pensjoni sħiħa, kellna 10,000 li laqgħu din l-inizjattiva u bdew jaħdmu waqt li jieħdu l-pensjoni. Hemmhekk żdiedet ukoll l-adegwatezza tad-dħul tagħhom għax irrid infakkar li meta aħna nibdew nitkellmu fuq kemm hawn pensjonijiet adegwati jew le, il-problema hija ftit moħbija. Dan għaliex pensjoni għal persuna waħda huwa mod imma jekk il-breadwinner ikun wieħed fil-familja – biex nużaw it-terminoloġija Ewropea - il-pensjoni ta’ wieħed mhux talli tiġi taħt is-60% imma ma tilħaqx l-40%, jiġifieri f’daqqa waħda s-sitwazzjoni tkun gravi. Allura anke hawn irridu naraw kif se nindirizzaw din is-sitwazzjoni.
Aktar tard se jkun qed jitkellem ukoll il-kollega tiegħi l-Onor. Tonio Fenech, biss jien nixtieq li nagħmel l-enfasi tiegħi għax finalment jien ix-shadow minister fuq il-politika soċjali, is-solidarjetà soċjali u l-familja u allura l-kelliem dwar il-pensjonijiet, il-lat soċjali u l-lat uman. U għalhekk tkellimt l-aktar fuq l-adegwatezza tal-pensjonijiet u fuq pensjoni xierqa li tħalli lill-persuna d-dinjità li jixirqilha. Tajjeb li persuna, wara li tkun ħadmet matul is-snin, tkun tista’ żżomm standard of living diċenti matul il-perjodu ta’ mistrieħ f’ħajjitha. Sinċerament ngħid li l-adegwatezza tal-pensjoni għadha mhijiex qed tidher wara kważi sentejn ta’ Gvern Laburista, jiġifieri għadha mhijiex tiġi indirizzata kif jixraq b’mod ġenerali qalb il-middle class jew il-lower middle class li kellhom ċertu standard of living li ħadmu għalih u qed jaraw id-dħul jitnaqqrilhom meta jiġu għall-pensjoni. Dan jaffettwa wisq aktar lil dawk li litteralment jaqilgħuha u jikluha.
Sur President, filwaqt li aħna naqblu ma’ din it-third pillar pension, ma nistgħux nippreżentawha daqslikieku hija s-soluzzjoni għall-adegwatezza tal-pensjonijiet. Ma nistgħux inħarsu ’l quddiem u ngħidu li m’għandniex problema tal-pensjonijiet għaliex jekk inti m’intix qed tassigura adegwatezza fil-pensjonjiet, jiġifieri jekk m’intix qed tagħti pensjoni diċenti, u jekk għall-fini tal-argument ma tagħti xejn dażgur li tkun sostenibbli. Imma bejn is-sostenibilità tal-Gvern u l-adegwatezza tal-pensjoni tal-individwu għall-familja, ovvjament hemm tensjoni u aħna rridu nsibu bilanċ bejn dak li hu sostenibbli u bejn dħul xieraq għall-familja tal-pensjonanti. Jekk ma nsibux dan il-bilanċ u jekk aħna mmorru biss għas-sostenibilità, faċli ħafna nużaw calculator, inqaċċtu u nħallu l-problemi għal ta’ warajna. Jekk din il-problema tal-adegwatezza ma tibdiex tissolva gradwalment illum, ifisser li aktar ’il quddiem se jkollna time bomb, jiġifieri f’xi ħin dan il-pajjiż - anke jekk mhux dan il-Gvern imma Gvern ieħor fil-futur - se jsib ma’ wiċċu problema kbira ta’ pensjonijiet bil-konsegwenza li l-Gvern tal-ġurnata jkollu jieħu miżuri li jistgħu jkunu drakonjani għax ikunu jridu jittieħdu f’salt. Dan jista’ jiġri minħabba n-negliġenza mill-Gvern tal-ġurnata li ma kellux foresight jew kuraġġ li jieħu ċerti miżuri mhux biss b’risq il-pensjonanti tal-lum imma aktar u aktar b’risq il-pensjonanti ta’ għada. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Silvio Parnis.
ONOR. SILVIO PARNIS: Sur President, jien qgħadt nisma’ b’attenzjoni d-diskussjoni li qed issir f’din il-Kamra fuq dan is-suġġett. Naħseb li bħala partit ma nistgħux niġu akkużati li qegħdin ’il bogħod min-nies li huma emarġinati. Hemm ħafna fatturi ta’ kif tnaqqas il-faqar. Il-kollega tan-naħa l-oħra, l-Onor. Puli, qal li l-Partit Laburista dejjem saħaq li huwa favur il-batut u l-fqir. Jien naħseb li aħna partit u Gvern ta’ kulħadd għaliex huwa importanti li jkollok l-appoġġ ta’ kulħadd biex kulħadd jagħti s-sehem tiegħu, għaliex jekk inti tkun partit tal-fqir biss u ma tkunx tan-negozjant, in-negozjant ma jkunx jista’ jaħdem biex miegħu jgawdi wkoll iż-żgħir meta jinħolqu l-impjiegi. Nemmen li l-faqar ma tneħħihx jew tnaqqsu biss meta tagħti l-benefiċċji soċjali anzi pjuttost aħna, bħala Partit Laburista, irridu nwasslu l-messaġġ li biex dan il-pajjiż jimxi ’l quddiem irridu ninkoraġixxu lill-bieżel. Jien nemmen li l-maġġoranza kbira taċ-ċittadini - naħseb li jaqblu miegħi l-membri kollha f’din il-Kamra - huma nies beżlin li jridu jaħdmu b’kondizzjonijiet tajbin u huma ftit dawk in-nies li jabbużaw mill-benefiċċji soċjali.
Huwa importanti li l-Gvern Laburista jwassal il-messaġġ tiegħu li biex inneħħu l-faqar mhux biss irridu nagħtu l-benefiċċji soċjali imma rridu ngħollu wkoll il-livell tal-għajxien. U rnexxielna! Hemm min kważi ħa l-idea li kemm ilna fil-gvern bħal donnu għadna m’għamilna xejn biex inneħħu l-faqar minn pajjiżna. Huma ftit il-foqra u l-middle class u rridu naraw kif lil dawn inneħħuhom minn din il-faxxa ta’ faqar u ntellgħuhom ’il fuq. Jien persważ li bil-miżuri li ttieħdu bħar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, iċ-childcare centres b’xejn għall-ġenituri li jaħdmu u b’aktar flus fil-bwiet tan-nies bdejna ngħollu l-livell tal-għajxien. B’dan il-mod li qed nindirizzaw din l-isfida dawk li m’għandhomx dħul biżżejjed jistgħu jilqgħu l-isfidi soċjali li jkollhom ta’ kuljum. Minkejja dan kollu l-Oppożizzjoni qaltilna li kulma għamilna kienet green paper.
Hawnhekk huwa tajjeb li nfaħħar il-proġett LEAP li qiegħed jieħu bis-serjetà l-isfidi soċjali billi jara minn fejn bdiet il-problema u min huma dawn in-nies li jgħaddu minn sfidi ta’ faqar. Il-Gvern, l-Oppożizzjoni, l-NGOs, il-unions u l-għaqdiet kollha lkoll flimkien irridu naraw kif se naħdmu biex nilqgħu dawn l-isfidi soċjali. Jien nitgħaxxaq nitkellem dwar dan għaliex huwa suġġett għal qalbi u nemmen li rridu neħduh bis-serjetà u noħolqu opportunitajiet sabiex dawn l-isfidi jispiċċaw. Fil-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta aħna naċċennaw dwar il-bżonn li naqtgħu l-faqar li hemm fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Aktar milli naqtgħu l-faqar irridu nneħħu l-idea li f’dawn il-lokalitajiet imorru nies bi dħul baxx jiġifieri dawk li huma foqra. Aħna se naħdmu biex ngħollu l-livell tal-għajxien tan-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta u dan nagħmluh billi ninvestu fit-turiżmu għaliex meta tinvesti fit-turiżmu – fil-gimgħat li ġejjin in-nies se jkollhom aktar opportunità li jkunu jafu x’qegħdin nagħmlu - toħloq numru ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi. Irridu nneħħu l-idea li fis-sena u nofs li ilu li tela’ fil-gvern il-Partit Laburista m’għamel xejn f’dan il-qasam.
Sur President, m’iniex se noqgħod nirrepeti dak li qal il-Ministru Michael Farrugia u dak li qalu wkoll il-Membri tal-Oppożizzjoni imma quddiemna għandna l-kwestjoni tal-pensjonijiet. Dan huwa suġġett li xi darba jew oħra kull deputat tkellem dwaru. Xi ħaġa li tinkwetani hija meta bniedem ikun ilu jaħdem għomru u wara li jispiċċa mix-xogħol wara s-60 sena – l-età tiddependi skont kemm ikun jista’ jaħdem - jonqoslu l-livell tal-għajxien tiegħu għax jispiċċa bil-pensjoni. Din hija waħda mill-affarijiet li tweġġagħli qalbi u ddejjaqni aktar u aktar meta nisma’ lil xi ħadd jgħid li qabel kien jgħix b’ammont ta’ flus u issa spiċċa bil-pensjoni u kważi ġie fix-xifer tal-faqar. Naħseb li aħna l-Membri tal-Parlament irridu naraw kif se ngħinu lil din il-faxxa ta’ nies li qed tħossha fqira bil-pensjoni u nindirizzaw il-problema tal-faqar billi nħeġġu lin-nies jipparteċipaw u ma jħallux il-bajtra taqa’ f’ħalqhom. B’hekk inkunu qegħdin ngħinuhom għaliex kull ħaddiem huwa importanti.
Punt li rrid nitkellem dwaru huwa t-tielet pensjoni. Aħna m’aħniex qed niddettaw u din mhux se nagħmluha obbligatorja għal kulħadd imma se nkunu qed noffru aktar inċentivi lil min irid li jkollu din il-pensjoni. Hawnhekk forsi jkun hawn min jistaqsi jekk wieħed li jista’ jħallas biex ikollu pensjoni oħra hux se jgawdi aktar minn dak li ma jistax iħallas minħabba li bid-dħul tiegħu ma jistax igawdi mill-inċentiva biex jieħu t-tielet pensjoni. Hija ċara daqs il-kristall li din mhijiex obbligatorja għax kulħadd jista’ jagħmilha fil-libertà tiegħu u mhi se tnaqqas xejn mid-drittijiet tal-pensjonijiet l-oħrajn. Kif diġà għedt, ma rridx nirrepeti dak li qalu sħabi imma meta nitkellmu fuq il-pensjonijiet ikun tajjeb li nindirizzaw l-isfidi li għandna f’dan il-qasam. Aħna rridu nindirizzaw dawn l-isfidi bis-serjetà għax meta nkunu għaddejjin bil-ħidma politika tagħna aħna nitkellmu ma’ nies dwar dan u jidher li hemm numru ta’ sfidi u problemi.
Sur President, il-Gvern, ikun min ikun, joħroġ miljuni kbar fix-xahar f’pensjonijiet. Huwa tajjeb li niggarantixxu li l-pensjonijiet jibqgħu b’saħħithom u sodi imma pensjoni tkun tajba biss jekk il-pensjonant ikun jista’ jgħix b’dinjità. Jien ma naċċettax li wara li tkun ilek taħdem tant f’ħajtek tispiċċa b’pensjoni li ma tħallikx tgħix b’dinjità. Meta nitkellmu dwar il-pensjonijiet irridu nindirizzaw numru ta’ problemi. Pereżempju hemm persuni li jissagrifikaw li jkollhom familja biex iduru bil-ġenituri tagħhom. Imbagħad meta jmutu l-ġenituri tagħhom dawn jispiċċaw b’pensjoni vera miżera għaliex ma jkunux ħarġu jaħdmu u allura ma jkunux ħallsu bolla. Konsegwenza ta’ dan dawn in-nies jispiċċaw jgħixu bl-inqas pensjoni li jista’ jkollok f’dinja moderna tal-lum. Għaldaqstant irridu nibdew nindirizzaw bis-serjetà d-dħul ta’ din il-pensjoni miżera li żgur ma tirriflettix il-bżonnijiet taż-żmenijiet tal-lum.
Sur President, hemm każijiet ta’ nies li jkunu ħadmu għal snin twal iżda jkollhom bolol ta’ xi perjodi neqsin u b’riżultat ta’ dan ma jeħdux il-pensjoni. Fil-manifest elettorali tagħna u fil-Baġit wegħedna li dawn il-persuni se jkunu jistgħu jħallsu l-bolol li jkollhom neqsin sabiex imbagħad toħorġilhom il-pensjoni iżda l-Partit Laburista ma jistax iwettaq dak kollu li wiegħed f’sena waħda. Fil-fatt fil-Baġit kien hemm ’il fuq minn €1 miljun maħsuba għal dan l-iskop. Hawnhekk jien nixtieq nuri solidarjetà ma’ dawn il-persuni.
lllum iltqajt ma’ persuna li qaltli: “Ara x’għamilli l-Gvern, kelli nħallas €500 taxxa”. Din il-persuna kienet taħdem u għandha pensjoni ta’ xi €500 u r-raġel tagħha għandu pensjoni ta’ xi €600. Jekk tgħaqqad dawn iż-żewġ pensjonijiet flimkien issib li t-total jaqbeż is-somma li ma titħallasx taxxa fuqha. Huwa tajjeb li n-nies li jkunu qegħdin jisimgħuna jifhmu li l-Gvern irid ikollu dħul minn x’imkien għax il-benefiċċji soċjali jingħataw minn dawk il-flus li jiġbor. Il-flus tal-Gvern huma l-flus ta’ kull wieħed u waħda minna u għalhekk huwa importanti li jitqassmu b’responsabilità.
Irrid nitkellem ukoll dwar dawk il-persuni li jkunu ħadmu u l-employers tagħhom ma jkunux ħallsulhom il-bolol, imbagħad meta jaslu għall-pensjoni dawn jindunaw li jkollhom xi bolol neqsin. M’hemmx eluf ta’ persuni li jiġrilhom hekk imma waħdiet, iżda jien ngħid li anke lil dawn il-ftit għandna nagħtuhom l-attenzjoni. Jien naħseb li l-employer irid ikun responsabbli lejn l-impjegat tiegħu għaliex il-ħaddiem mhuwiex skjav. Hawnhekk irridu nkunu front wieħed u ma nfissdux lil dawk n-negozjanti li jkunu daħku bil-ħaddiem. Illum qed nisimgħu u nitkellmu ħafna dwar il-prekarjat u dan jinqasam f’ħafna fażijiet. Xi kultant nitkellem ma’ nies dwar il-prekarjat u nagħtihom raġun li jilmentaw għax dawn ikunu qed jaħdmu 40 siegħa u ma jitħallsux kemm ħaqqhom. Jien naħseb li rridu ngħollu d-dinjità tal-ħaddiem għax f’dan il-pajjiż ħadd mhu skjav u kulħadd għandu dritt għax-xogħol u għall-paga li tixraqlu.
Sur President, illum ma ġejniex hawnhekk biex tkun ġurnata bħall-oħrajn imma ġejna sabiex intejbu l-ħajja tan-nies. Jien persważ li bit-tielet pensjoni li qed niddiskutu llum se nkunu qegħdin nagħtu għażla oħra lin-nies biex itejbu l-kondizzjonijiet tagħhom. Il-Gvern qed jgħid lil dawk li se jaħsbu għall-futur tagħhom li se jkun qiegħed inaqqas it-taxxa fuq din il-pensjoni biex fl-aħħar mill-aħħar jinċentiva lil min huwa ħawtiel. Nirringrazzjak.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Tonio Fenech.
ONOR. TONIO FENECH: Sur President, illum qed niddiskutu l-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Sigurtà Soċjali li effettivament qed jagħmel emendi għall-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li kienet diġà ntroduċiet il-konċett tal-pensjoni tat-tielet pilastru però ma kenitx ġiet attwata. Illum f’dan il-Parlament qegħdin niddiskutu proprju l-attwazzjoni ta’ dik il-parti tar-riforma li tmiss it-tielet pensjoni. Jien naħseb li qegħdin noħolqu ftit konfużjoni f’moħħ in-nies għax probabbilment min kien qed isegwina fid-diskussjoni jaf bil-pensjoni tas-sigurtà soċjali li għandu u f’daqqa waħda qed jisma’ bit-tielet pensjoni. Issa dan ma jafx li għandu xi tieni pensjoni għax fil-fatt m’hemmx u allura jkun tajjeb li forsi nagħmel preambolu żgħir ta’ x’qed infissru eżattament meta ngħidu l-ewwel pensjoni, it-tieni pensjoni u t-tielet pensjoni.
L-ewwel pensjoni hija l-pensjoni li effettivament nafu biha, jiġifieri l-bolla li jħallas kulħadd u li ma tmurx biex titħallas xi pensjoni tagħna fil-futur, imma tmur biex inħallsu l-pensjonijiet li qed jitħallsu bħalissa. Dan ifisser li l-bolla kollha li qed tinġabar fil-pajjiż illum suppost qed tmur biex jitħallsu l-pensjonijiet tal-pensjonanti tal-lum u għas-settur tas-saħħa. Fil-fatt jekk wieħed iħares lejn ir-rendikont finanzjarju jirrealizza li minkejja l-kontribuzzjonijiet kollha tas-sigurtà soċjali li jitħallsu - il-parti tal-ħaddiem, il-parti ta’ min iħaddem u l-parti tal-Gvern - effettivament hemm dak li nsejħulu d-defiċit fil-fond soċjali. Dan ifisser li l-ewwel pensjoni tagħna se tkun tiddependi fuq kemm se jkun hawn nies qed jaħdmu u jħallsu l-bolla dak iż-żmien u jekk dawn in-nies, meta tiġborhom flimkien, jifilħux iħallsu għall-pensjonijiet li se jkun hemm dakinhar. L-ewwel ħaġa li jgħidulek iż-żgħażagħ jekk titkellem magħhom hija: “Għalina m’hemmx pensjoni hux?” Ir-realtà mhijiex eżattament hekk. Saret riforma biex ikun hemm pensjoni imma għadna ma wasalniex s’hemm. Però qabel ma nidħol fuq dawk l-aspetti se nillimita ruħi biex nispjega proprju x’inhuma t-tliet pilastri.
It-tieni pilastru ried idaħħal konċett ftit differenti li mhux jien nikkontribwixxi għall-pensjoni tal-lum imma li dak li nikkontribwixxi jien, li jikkontribwixxi l-employer u li jikkontribwixxi l-Gvern kif inhi fis-sistema tal-ewwel pensjoni, minflok imur fil-Fond Konsolidat biex jitħallsu l-pensjonijiet tal-lum, imur ġo fond ta’ investiment f’ismi li mbagħad ingawdi minnu jien u l-familja tiegħi meta nirtira. U din tkun obbligatorja fuq kulħadd. Dik hija l-istruttura tat-tieni pensjoni li sal-lum għadha ma ġietx implimentata. Kienet ġiet ikkontemplata fir-riforma oriġinali li kienet ġiet proposta fl-2005 u aġġornata fl-2010 però rrid ngħid li sfortunatament s’issa għadna ma smajniex min-naħa tal-Gvern kif qed iħares eżattament lejn dan il-pilastru.
It-tielet pilastru huwa dak li qed nitkellmu dwaru llum u li aħna bħala Partit Nazzjonalista naqblu miegħu. Fil-bidu tad-diskors tiegħu l-kollega tiegħi l-Onor. Clyde Puli qal ċar li din hija parti mir-riforma li pproponejna aħna li jidħol it-tielet pilastru. Aktar ’il quddiem nispjega għaliex naħseb li qegħdin inpoġġu l-karettun qabel iż-żiemel però bħala konċett ma nistgħux ma naqblux miegħu. Il-Gvern għażel li jmur għal din it-triq tat-tielet pensjoni u ma jistenniex id-dħul tat-tieni pensjoni. Kif se nispjega, konna nippreferu li t-tielet pensjoni nħarsu lejha flimkien mat-tieni pensjoni biex jidħlu flimkien. Hemm konsegwenzi ta’ dan imma l-Gvern għamel din l-għażla. Aktar tard nispjega għaliex aħna għażilna mod ieħor. Kif diġà għedt, bħala konċett ma nistgħux inkunu kontrih u allura aħna se nivvotaw kemm favur dan l-Abbozz ta’ Liġi kif ukoll favur l-Abbozz ta’ Liġi li se jiġi ppreżentat nhar l-Erbgħa - sakemm ma nkunux għadna għaddejjin b’dan id-dibattitu - li huma proprju l-inċentivi li l-Gvern qed jipproponi li jagħti bħala taxxa biex iħeġġeġ lin-nies jidħlu fit-tielet pilastru. Kuntrarju għall-ewwel u t-tieni pilastri li fil-konċett huma obbligatorji, it-tielet pilastru jixbaħ lit-tieni pilastru però huwa biss kontribuzzjoni volontarja mill-individwu. Jiġifieri fil-konċett il-Gvern assigura li inti għandek pensjoni adegwata u jekk trid tkun aħjar tista’ tinvesti fit-tielet pensjoni li għaliha se jagħtik aġevolament fiskali biex iħajrek.
Sur President, il-problema ta’ dan id-dibattitu hija li dan jitbiegħed ftit minn dak li għadni kemm spjegajt. Mhux għax inbidlu l-konċetti għax il-konċetti baqgħu hemm imma għax l-assunzjoni li l-pensjoni fil-futur hija adegwata mhijiex hemm. Il-pensjonijiet tal-futur mhumiex adegwati jiġifieri ma tistax tgħidli biex immur għat-tielet pensjoni biex inkun aħjar għax it-tielet pensjoni kif ġiet introdotta pjuttost mhux qed tibgħat il-messaġġ li għandek bżonnha biex ikollok pensjoni adegwata. Fil-fatt il-Ministru uża dan il-kliem:
“... biex inħeġġu lin-nies jinvestu ħalli jkollhom pensjoni adegwata.”
It-tielet pilastru ma kellux ikun dak li jassigura li jien ikolli pensjoni adegwata inkella lin-nies qed ngħidulhom biex jagħżlu jekk ikollkomx pensjoni adegwata jew le. Din mhijiex kwestjoni ta’ għażla. Fl-opinjoni tiegħi huwa l-obbligu tal-Gvern li jassigura li ċ-ċittadin ikollu pensjoni adegwata. Huwa għalhekk li ninkwetaw ftit għaliex meta tħares lejn il-proposta dwar l-introduzzjoni tat-tielet pilastru kif ġiet imressqa fil-Parlament bla dubju tara li mhijiex biżżejjed kemm fl-inċentivi kif ukoll fis-saħħa ta’ investiment li jista’ jkollok sakemm tiġi biex tirtira.
Sur President, meta nidejna l-proċess tar-riforma tal-2005 u sar assessment dettaljat tal-qagħda tal-pensjonijiet u tad-demografija jiġifierii kif se tiżviluppa l-popolazzjoni tagħna fil-futur, kemm se jitwieldu tfal, kemm se jmutu nies, kemm se jkollna nies jaħdmu u kemm se jkollna nies pensjonanti, irriżulta li filwaqt li llum għandna erba’ persuni jikkontribwixxu għas-sigurtà soċjali u għall-pensjoni ta’ kull pensjonant, sa meta niġu biex ħafna minna nirtiraw se nispiċċaw li għal kull persuna li tirtira se jkunu qed jikkontribwixxu żewġ persuni. Dan ir-rapport kien iħares lejn l-2060 li tista’ tidher ‘il bogħod imma l-2060 huwa meta ħafna minna li qed naħdmu llum u anke ż-żgħażagħ li deħlin fid-dinja tax-xogħol se nkunu pensjonanti. Mela mhux daqshekk ’il bogħod! Hawnhekk qed nitkellmu fuq ħajjitna mhux fuq xi ħajja oħra. Anke jekk qed nitkellmu fuq ħajja oħra għandna l-obbligu fuq it-tfal tagħna għax hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq xi stranġieri. Il-kwestjoni tal-pensjonijiet timmerita konsiderazzjonjiet lil hinn mil-leġiżlatura imma rridu nħarsu lejha ħafna aktar fit-tul u rrid nenfasizza li dan għandna nagħmluh flimkien. Jekk il-pagi mhux se jkunu għolew tant li l-pensjoni tkun għolja ħafna – hemm capping, mhux qed togħla b’mod illimitat – mhux se jkun hemm pensjoni adegwata.
Fil-fatt fl-2005 l-istudju kien stabbilixxa li jekk ma nagħmlu xejn, il-pensjoni għall-Gvern se tibqa’ sostenibbli - ovvja jekk ma jkun qed jagħtik xejn! - imma għaċ-ċittadin li se jirtira se tfisser li meta wieħed iħares lejn l-hekk imsejħa medja nazzjonali ta’ dak li huwa dħul, ir-replacement rate bejn dak li jien kelli bħala paga u dak li se nieħu bħala pensjoni tkun ta’ 18%. Dan ifisser li lanqas nieħu €1 għal kull €5 li kont naqla’. Għidli kif se tgħix?! Hawn ħafna nies li llum jgħidulek li lanqas il-paga li għandhom mhi biżżejjed, aħseb u ara meta jiġu biex jirtiraw u jkollhom biss €1 għal kull €5 li kellhom qabel. Fil-programm elettorali ta’ dan il-Gvern kien hemm il-mira li biex pensjoni tkun adegwata, għallinqas għal kull €10 li prattikament f’medja wieħed ikun qed jaqla’, ikollu €6 bħala pensjoni. Dan huwa distakk kbir mir-realtà kif kienet fl-2005 għal dak li naqblu li hu mixtieq. Fl-2005 sar l-ewwel pass tar-riforma li kien iħares lejn żewġ metodi ta’ kif naslu għal 60%. L-ewwel metodu hu li nirranġaw il-pensjoni tal-bolla li aħna nħallsu jiġifieri l-first pillar pension tas-sigurtà soċjali u nbiddluha b’tali mod li tista’ tibqa’ tiflaħ li tagħti parti - mhux kollha iżda parti - mill-pensjoni li rridu nagħtu fil-futur.
Fil-fatt meta sar ir-review sal-2010 ir-riforma kkonkludiet li bit-tibdiliet li konna għamilna fil-first pillar pension, meta tħares lejn dak li se tieħu lura bħala medja ta’ dak li tkun qed taqla’ f’pensjoni fl-2060, ġie konkluż li minn kull €10 li kont taqla’ se tieħu €4.50. Mhux se tieħu €6 kif qed ngħidu biex tkun adegwata imma €4.50. Il-livell ta’ adegwatezza ma nilħquhx billi nkomplu nħallsu l-bolla fis-sistema tas-sigurtà soċjali għax sfortunatament dik il-bolla mhux veru tmur għall-pensjoni tiegħi imma tmur għall-pensjonijiet tal-lum. Għalhekk dik l-€1.50 għandha tiġi ffinanzjata tramite kontribuzzjoni separata li trid issir tramite s-second pillar pension li jikkontribwixxu għaliha bl-istess mod kif tikkontribwixxi l-first pillar pension imma l-flus ma jmorrux fil-Fond Konsolidat imma jmorru ġo fond ta’ investiment f’isem l-individwu li jkun qiegħed jikkontribwixxi. Dawn il-flus jiġu investiti għal meta dak l-individwu jasal għall-età tal-irtirar u b’hekk il-Gvern ma jgħabbix aktar piż fuq il-ħaddiema ta’ dakinhar.
Idealment dan il-fond ikollu ftit kapital inizjali biex effettivament ikun jista’ jibda. Il-kollega tiegħi l-Onor. Clyde Puli semma l-eżempju tan-Norveġja li wżaw iż-żejt li għandhom biex isaħħu l-pensjonijiet. Pajjiżna m’għandux din ir-riżorsa imma min-naħa l-oħra nafu li l-Gvern introduċa l-iskema taċ-ċittadinanza li minnha qed jimmira li jdaħħal ħafna flus u allura dan jista’ jkun il-mod kif inġibu l-kapital biex jibda jinħoloq dan il-fond. Din hija opportunità jekk dawn il-flus nużawhom tajjeb biex naħsbu fil-futur tagħna lkoll u mhux jiġu sempliċement sparpaljati fl-immedjat.
Sur President, bl-ewwel u bit-tieni pilastri noħolqu l-adegwatezza u bit-tielet pensjoni li qed jagħmel il-Gvern illum wieħed ikollu l-vantaġġ li jista’ jagħżel li jinvesti aktar. Issa rridu nkunu saqajna mal-art. Ħafna drabi din se jieħu l-benefiċċju tagħha, bħal tnaqqis ta’ taxxa, min jiflaħ. Min ikun qed jaqlagħha u jikolha, min ikun għadu jiżżewweġ u jkollu l-impenn ta’ self ta’ flus mill-bank, min beda jrabbi t-tfal u jkollu l-ispejjeż tal-iskola eċċ., mingħajr il-kontribuzzjoni tal-Gvern u ta’ min iħaddem mhux se jaffordja li jinvesti biżżejjed biex jassigura dik id-differenza li hemm bejn x’se tagħtih l-ewwel pensjoni u dak li suppost ikollu.
Għalhekk ir-riforma kienet ikkontemplat li jrid jidħol it-tieni pilastru. It-tieni pilastru kien jitlob kontribuzzjoni mis-settur privat u fil-leġiżlatura preċedenti ma kienx il-mument opportun li dan jidħol fl-immedjat għalkemm kienu bdew id-diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali fir-riforma tal-2010. Ir-rapport finali Strategic Review on the Adequacy, Sustainability and Social Solidarity of the Pension System ippubblikat mit-2010 Pensions Working Group li kien ħareġ f’Diċembru tal-2010 kien jagħmel rakkomandazzjonijiet ta’ kif, anke b’mod mhux immedjat imma b’mod gradwali, tista’ tiġi mplimentata s-sistema tas-second pillar pension. Jien inħeġġeġ lill-Gvern biex din niddiskutuha flimkien. Kif qal l-Onor. Clyde Puli fid-diskors tiegħu, jien nafferma li l-Oppożizzjoni din il-kwestjoni mhux qed taraha bħala materja ta’ kontroversja politika għax hawnhekk qed nitkellmu fuq xi ħaġa li taffettwa l-ġenerazzjonijiet futuri. Sakemm naslu biex naraw l-impatt ta’ dan kollu se jkun hemm diversi gvernijiet u diversi leġiżlaturi u m’hemmx dubju li mhux se jkun l-istess gvern sakemm jasal dakinhar. Tant hemm lonġitudni f’din it-tip ta’ diskussjoni li hija ta’ interess nazzjonali, li fuq din il-materja għandu jkun hemm consensus bejn il-Gvern, l-Oppożizzjoni, l-imsieħba soċjali, il-unions u s-soċjetà ċivili. Imma ovvjament il-Gvern irid jibda din id-diskussjoni u jgħidilna x’inhi l-istrateġija tiegħu għaliex sal-lum ippreżentalna quddiemna t-third pillar pension mingħajr ebda qafas jew pjan ta’ fejn irid imur bil-pensjonijiet. Pereżempju l-Gvern irid jgħidilna kif qed jara li se jindirizza verament din il-kwestjoni tal-adegwatezza. Lin-nies se nagħtuhom a false hope għax qed inġegħluhom jaħsbu li din se timla n-nuqqas li hemm fis-sistema tal-pensjonijiet meta nafu li fil-prattika l-proposti ta’ dan il-Gvern huma limitati.
Sur President, il-leġiżlatura preċedenti rat kriżi ekonomika dinjija u żgur li ma kien jagħmel l-ebda sens li f’dak il-mument ngħabbu piżijiet ġodda fuq l-ekonomija. Jekk wieħed iħares lejn fejn sejra l-ekonomija dinjija u fejn sejra l-ekonomija Maltija – dan il-Gvern dejjem jgħid kemm sejra tajba l-ekonomija Maltija - bla dubju rridu nibdew nitkellmu bis-serjetà dwar din it-tieni pensjoni li trid tassigura li anke l-miri li poġġa l-programm elettorali tal-Partit Laburista fir-rigward tal-pensjonijiet huma aktar ambizzjużi minn dak li poġġa l-working group għax il-working group kien qed jgħid li bis-second pillar pension, l-average replacement rate minn 45% kellha titla’ għal 55%. Il-Gvern qed jitkellem fuq 60% u għaldaqstant dan ipoġġi urġenza akbar fuq il-ħtieġa ta’ diskussjoni jekk aħna rridu nindirizzaw bis-serjetà dan il-concern nazzjonali li rrid ngħid li mhuwiex espress biss minna l-politiċi. Ninkwieta ftit meta nisma’ lill-Ministru Scicluna jgħid li l-kwestjoni tal-pensjonijiet ma tippreokkupahx għaliex skont hu, m’hemmx kwestjoni ta’ sostenibbiltà. X’qed ngħidu? Qed ngħidu li l-Gvern jinteressah biss mill-piż tal-pensjonijiet fuqu? Mhux ovvja li din hija sistema sostenibbli għall-Gvern jekk mhu qed jagħtik xejn jew qed jagħtik ċuċata! Il-kwestjoni hija jekk dik il-pensjoni li se jkollok hux se tkun adegwata. Jien nistenna li l-Ministru Scicluna jgħidilna jekk fl-istudju tiegħu hux qed jgħidulu jekk il-pensjoni kif inhi sal-lum, jiġifieri dik li qed nikkontribwixxu għaliha aħna, hijiex adegwata. U jekk le, x’se jagħmel il-Gvern? Hawnhekk ovvjament nistieden anke lill-Ministru Farrugia li qiegħed jippilota din il-liġi flimkien mal-Ministru Scicluna - għax din mhix biss kwestjoni ta’ politika soċjali imma hija kwestjoni wkoll tal-Ministeru għall-Finanzi għax irid jiffinanzja dan kollu u jagħti l-inċentivi – biex jgħidilna kif se naslu biex effettivament nassiguraw li nieħdu l-passi deċiżivi f’din il-leġiżlatura.
Irrid nenfasizza li din il-leġiżlatura ma tridx issolvi dak kollu li għandu x’jaqsam mal-futur, imma trid tieħu l-passi deċiżivi f’dik id-direzzjoni. L-Oppożizzjoni hija disposta li tpoġġi bilqiegħda mal-Gvern, mal-imsieħba soċjali, mal-unions, ma’ min iħaddem u mas-soċjetà ċivili biex tassew inkomplu l-pass tar-riforma. B’dan il-mod issa nieħdu d-deċiżjonijiet għall-ġenerazzjonijiet tal-futur b’ċerta kalma fl-ispazju li għandna - bil-limitazzjonijiet imma spazju hemm - u mhux neħduhom f’mumenti ta’ kriżi meta mbagħad ma jkunx hemm spazju u nkunu rridu nieħdu deċiżjonijiet ebsin kif ħadu pajjiżi oħrajn b’riżultat li kien hemm protesti kbar li s’issa f’pajjiżna ma rajniex. Fil-leġiżlatura preċedenti għamilna kambjamenti kbar fis-sistema tal-pensjonijiet. Dawn saru bi qbil, mingħajr allarm u mingħajr ma rajna protesti fit-toroq kif rajna f’postijiet oħrajn. Jien inħeġġeġ lil dan il-Gvern biex flimkien naslu f’din it-triq.
Sur President, nipproponi li nibqa’ in possession biex għada nidħol ftit aktar fid-dettall dwar dak li qed jipproponi l-Gvern b’din ir-riforma u l-inċentivi li għandna quddiemna u kemm dawn se jwassluna għar-riżultati mixtieqa. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Sar il-ħin. Ngħaddu issa għall-Aġġornament u nsejjaħ lill-Ministru Michael Farrugia.
Fid-9.00 p.m. id-diskussjoni ġiet interrotta u baqgħet aġġornata
Dostları ilə paylaş: |