ONOR. MICHAEL FARRUGIA:Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal għada l-Tlieta, 14 ta’ Ottubru, 2014 fis-6.00 p.m.b’din l-aġenda:
Ordnijiet tal-Ġurnata Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali - Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi - Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar Diversi Liġijiet fil-qasam tas-Sħubija fi Trade Union ta’ Forzi Dixxiplinati - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Ħarsien tat-Tfal (Ħarsien Barra mid-Dar) - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar il-Professjoni tal-Counselling - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar ir-Rifuġjati - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Stili ta’ Ħajja Sana (Biex Titnaqqas l-Obeżità) - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi dwar Standards fil-Ħajja Pubblika - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Periti - Tieni Qari;
Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar It-Trattament Xieraq tal-Annimali - Tielet Qari.
MR SPEAKER: Grazzi. Rimarki? L-Onor. Michael Gonzi.
ONOR. MICHAEL GONZI: Sur President, dan l-Aġġornament tiegħi nixtieq niddedikah għal tliet pazjenti Maltin li sfortunatament qed ibatu mill-marda tal-kanċer tal-pulmun. Jien naf lil waħda minn dawn il-pazjenti. Dawn it-tliet pazjenti jbatu minn tip ta’ kanċer tal-pulmun li huwa rari. Fil-fatt dan il-kanċer tal-pulmun mhuwiex dak li aħna nassoċjawh mas-sigaretti jew ma’ xi sustanzi oħrajn li jagħmlu l-ħsara u li dwarhom għadna kemm kellna diskussjoni mal-Kummissarju Ewropew Tonio Borg. Dan it-tip ta’ kanċer jiżviluppa fuq dawn il-pazjenti mingħajr kważi ebda raġuni.
Dan il-kanċer jismu MetastaticAnaplastic Lymphoma KinaseWith Non-small Cell Lung Cancer (ALK). L-isem mhuwiex daqshekk importanti. Li huwa żgur hu li dan huwa kanċer rari. Fil-fatt 45,000 persuna jbatu minn dan it-tip ta’ kanċer kull sena madwar id-dinja. Dan it-tip ta’ kanċer jista’ jirrispondi għal trattament bil-mediċina li jisimha Crizotinib. S’issa din il-mediċina tat riżultati aħjar mit-trattament tradizzjonali tal-kimoterapija. Dan it-trattament ma jfejjaqx il-kanċer imma jista’ jikkontrollah aħjar u jtawwal il-ħajja u din tagħmel differenza kbira għal dawn il-pazjenti meta kull ġurnata hija rebħa kbira għalihom. Għal dawn il-pazjenti kull ġurnata tfisser aktar kuntatt mal-maħbubin tagħhom, aktar possibbiltà li tilħaq tara dawk il-miri assoċjati mal-familja u aktar ċans għal kura ġdida li tista’ tinħoloq.
Sur President, għalfejn qed insemmi dan fl-Aġġornament? Il-problema hija li din il-mediċina għal dan it-tip ta’ kanċer tiswa €6,200 fix-xahar jiġifieri kważi €72,000 fis-sena. Min jista’ jaffordja din il-mediċina? Sfortunatament din il-mediċina mhijiex fil-formolarju u għalhekk ma tingħatax mill-Gvern b’xejn. Grazzi għall-Community Chest Fund dawn il-pazjenti jistgħu jingħataw ċertu numru ta’ xhur ta’ trattament b’xejn. Nappella lill-Gvern biex din il-mediċina tibda tingħata b’xejn lil dawn il-pazjenti indefinittivament. F’Malta hawn tliet pazjenti li qed ibatu minn dan it-tip rari ta’ kanċer li jista’ jiġi kkontrollat.
Fl-20 ta’ Novembru tal-2013, il-U.S.Food and Drug Administration approvat din il-mediċina u se nikkwota x’qalet:
“Today’s approval was based on demonstration of superior progression-free survival (PFS) and overall response rate (ORR) for crizotinib-treated patients compared to chemotherapy in patients with ALK-positive NSCLC with disease progression after platinum-based doublet chemotherapy.” Hawnhekk qed jingħad li permezz ta’ din il-mediċina r-rispons kien ħafna aħjar minn dak bit-trattament tradizzjonali. Se nikkwota x’qalet il-European Medicines Agency: “The CHMP concluded that the available study results showed that treatment with Xalkori ...” - isem ieħor għal din il-mediċina -
“... has a beneficial effect, and noted that this was supported by updated data on the survival of patients and the preliminary results of a larger study. Therefore the CHMP decided that Xalkori’s benefits are greater than its risks and recommended that it be given marketing authorisation. Xalkori has been given ‘conditional approval’.” It-talba għal exceptional medicinal treatment għal dawn it-tliet pazjenti, jiġifieri t-talba speċjali lill-Gvern biex dawn jieħdu l-kura indefinittivament saret fit-3 ta’ Ottubru u din it-talba ma saritx minn Ċikku l-poplu imma saret minn onkoloġista professjonista li jagħmel minn kollox għall-pazjenti li jkunu taħt il-kura tiegħu. Jien nistenna li jekk l-European Medicines Authority(FDA) approvat din il-mediċina, il-Gvern għandu japprovaha wkoll. Tliet persuni jistgħu jgawdu minn ħajja aħjar. Ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn qegħdin igawdu minn dan it-trattament. Għaliex il-Maltin le? Min jista’ jaffordja €72,000 f’mediċina fis-sena? Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Claudette Buttigieg.
ONOR. CLAUDETTE BUTTIGIEG: Sur President, ftit indirizzajt lil din il-Kamra u naħseb li bħalek u bħall-Membri kollha ta’ din il-Kamra kont qed nistenna li llum inkunu xi mkien ieħor! Imma ma rridx niftaħ ġrieħi. Naf li għadu kemm kien hemm diskussjoni fil-House Business Committee però dak li qed jiġri bħalissa f’pajjiżna qed jitfgħalna sens ta’ dubju fuq il-kompetenza tal-Gvern li qed imexxi dan il-pajjiż.
Aktar ma jgħaddu ġranet u xhur, aktar qed nirrealizza li huwa ovvju li f’ċerti oqsma hemm inkompetenza serja mill-Gvern li qed imexxina. Fir-rigward tal-Parlamen,t illum naf li sar ċertu diskors waqt il-laqgħa tal-Kumitat li għadha kemm saret. Fl-istess ħin li qed nagħmel dan id-diskors, il-gazzetti qed jgħidu li m’aħniex se nkunu nafu d-data ta’ meta se jitlesta l-proġett tal-Parlament il-ġdid. Però llejla mhux il-proġett tal-Parlament biss għandi x’nikkritika.
Issa se nitkellem ftit dwar it-traffiku. Ma nafx jekk hux tad-daħk jew tal-biki imma l-ġimgħa li għaddiet waqt il-programm News Feed fuq NET Television rappreżentanta tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura qalet li t-traffiku huwa perċezzjoni. Għal min ma jafx, hija perċezzjoni meta filgħodu tinqabad fil-karozza għal nofs siegħa fit-traffiku mingħajr ma tiċċaqlaq u allura tkun sejjer tard għax-xogħol, tard għall-appuntament tiegħek l-isptar jew tard biex twassal lit-tfal l-iskola! Skont din il-persuna, jista’ jkun li dan kollu jkun frott tal-immaġinazzjoni tiegħek jew inkella tħoss li domt daqshekk imma fil-fatt ma tkunx domt. Din il-ġimgħa xi ħadd fuq facebook tella’ xi ħaġa verament ħelwa fejn qal:
“Għadni kemm għamilt nofs siegħa fit-traffiku imma fil-fatt kienet il-perċezzjoni tiegħi għax kienu 30 minuta!”
B’rabta mal-problema serja tat-traffiku li għandna f’pajjiżna, imbagħad għandna t-trasport pubbliku. Issa biex inkun onesta - għax irridu nkunu fair ma’ kulħadd - jekk kien hemm xi ħaġa li l-Gvern Nazzjonalista preċedenti qala’ kritika dwarha kienet il-kwestjoni tat-trasport pubbliku. Però wara dak il-baraxx kollu kulħadd kien qed jistenna li l-Gvern preżenti se jagħtina s-soluzzjonijiet. Iżda minflok x’qegħdin naraw? Qegħdin naraw ħafna aktar komplikazzjonijiet u traffic jams ma jispiċċaw qatt. Fid-distretti tal-kostitwenza tiegħi, jekk nieħu biss iż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u l-Mellieħa, kontinwament niltaqa’ ma’ nies li jgħidulek bil-problema kbira ta’ stennija fuq il-bus stops u bil-fatt li ma jistgħux jitilgħu anzjani u persuni b’diżabilità fuq il-mezzi tat-trasport li għandna. Is-sajf li għadda wħud mill-karozzi tal-linja lanqas biss kellhom l-arja kondizzjonata jew l-apparat ma kienx qed jitħaddem, eċċ. Hemm min forsi għadu qed joħlom li dan huwa Gvern li għadu qed jitgħallem kif imexxi dan il-pajjiż. Jekk dan huwa l-każ, mela l-problemi tagħna huma ħafna aktar serji milli wieħed jaħseb. Jien bdejt naqta’ qalbi minn dan il-Gvern. Naħseb li mhuwiex qed jitgħallem kif imexxi għax qed naraw ċertu sens ta’ suppervja min-naħa tiegħu u għandu l-attitudni ta’ Mr know it all. Allura agħar milli għadu qed jitgħallem, ma jridx jitgħallem.
Nixtieq infakkar li l-Gvern li qiegħed in-naħa l-oħra ta’ din il-Kamra kien wegħedna l-famuża road map. Din saret ċajta u l-farsa tas-seklu. Naħseb li jekk illum issemmi r-road map kulħadd jinfaqa’ jidħak. Nixtieq infakkar lill-Membri tal-Kabinett - imma l-b’mod speċjali lill-Prim Ministru għax ir-responsabilità taqa’ fuqu - li pajjiż tmexxih billi toħloq il-ġid u mhux billi tbigħu. Pajjiż tmexxih bil-għaqal mhux billi tagħmel ir-riċevimenti, tieħu r-ritratti u twarrab nies li huma ta’ ċertu kalibru fil-pajjiż u żżomm nies oħrajn u mingħalik li qed toħroġ ta’ eroj meta tagħmel hekk. Pajjiż tmexxih billi xxammar il-kmiem u mhux iddur id-dinja tbigħ lil pajjiżna jew iżżur pajjiżi oħrajn bla heda mal-familja u mal-ħbieb li tagħżel. Naħseb li kulħadd jaqbel miegħi li aħna rridu Prim Ministru u mhux salesman. Aħna rridu Prim Ministru u mhux event organiser. Aħna rridu Prim Ministru u mhux tour leader.
Sur President, ta’ spiss qed niltaqgħu ma’ nies li jiġu bi problemi serji marbutin ma’ xogħol. Uħud minnhom ikollhom kwestjonijiet ta’ trasferimenti u oħrajn kwestjonijiet ta’ kondizzjonijiet ta’ xogħol fejn ikunu miftehmin mod u jsir mod ieħor. Riċentement iltqajt ma’ raġel bi problema li naħseb li hija pjuttost serja. Dan ir-raġel, li inċidentalment huwa ħaddiem tal-Enemalta, kien qed jagħmel pjan għal ħajtu u għal ħajja tal-familja tiegħu. Dan kien jaf li ż-żewġ uliedu xtaqu li jkollhom smartphone u qalli li għamel kalkolu li bl-overtime li kien imdorri jaħdem u jekk forsi jsib part-time job ikun jista’ jkopri l-ispiża biex jixtrilhom dak li għal ħafna jidher bħala kapriċċ imma li għal uħud huwa status soċjali. Qalli wkoll li dejjem wiegħed lill-mara tiegħu li bħala familja xi darba jmorru cruise. Ġara li meta xtara ż-żewġ ċellulari lit-tfal tiegħu tneħħielu l-overtime kollu minn mal-Enemalta. Dan ipprova jsib part-timejob iżdama sabx u allura l-pjan finanzjarju li kien qed jagħmel - qed nitkellmu fuq livell ta’ familja hawnhekk - marlu żmerċ u meta ġie għandi biex ngħinu jsib xogħol staqsieni x’suppost jagħmel. Qalli li mat-tfal ma jistax imur lura minn kelmtu u li l-familja tiegħu ħaqqha tmur vaganza jekk mhux cruise. Illum din il-familja waslet f’sitwazzjoni li la tista’ taffordja ħaġa u lanqas oħra. Meta bdejt niddiskuti miegħu x’inhuma l-għażliet li għandu, l-ewwel ħaġa li għedtlu, għalkemm ma naħsibx li hija xi ħaġa daqshekk faċli, kienet li jdur fuq il-membri tal-familja u jgħidilhom il-verità, ċjoè li xtaq li jagħmlu dawn l-affarijiet flimkien bħala familja però mhux se jirnexxilhom u li jiddispjaċih ħafna għal dan. Meta għedtlu hekk dan ir-raġel qalli: Imbagħad ma nidhirx qisni raġel bla stoffa, bla sinsla jew loser? Staqsejtu x’għażliet oħra għandu u qalli li ħaseb biex forsi jissellef xi flus. Jien mill-ewwel tajtu parir biex ma jidħolx għal self ta’ flus meta hu diġà għandu dubju jekk hux se jlaħħaq ma’ ċerti affarijiet tal-ħajja. Biex ma niħux fit-tul komplejna niddiskutu u mingħajr ma ridt spiċċajt naħseb fuq din il-familja. Kważi kważi ma nafx jekk huwiex il-każ li nagħmillu appuntament mal-Prim Ministru għax il-Prim Ministru jrid jifhem li din hija realtà u li bħala Prim Ministru jrid imexxi bl-eżempju.
Sur President, il-Prim Ministru wiegħed lill-poplu li se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u żamm ma’ dik il-wegħda imma biex għamel dan wiegħed li se jibni power station ġdida tal-gass. Minkejja li kulħadd qallu biex ma jagħmilx dan il-proġett webbes rasu u għamel fattih. Imma dik il-wegħda kellha t-tieni parti tagħha li eventwalment jorħsu wkoll il-kontijiet tad-dawl u l-ilma industrijali. Ilkoll nafu li l-industrija ma tirċevix kontijiet tad-dawl bħalma tirċievi familja ta’ erbgħa min-nies imma tirċievi kontijiet kbar ħafna. Ngħid jien, mhux kulħadd jieħu pjaċir jara li jekk inti tista’ traħħas, traħħas? Imma jekk dik il-wegħda li traħħas kienet marbuta ma’ proġett ieħor trid tistaqsi ġenwinament min se jagħmel tajjeb għar-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-industrija u għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-familji li diġà raħsu. Kieku hawn il-Prim Ministru quddiemi naħseb li jdur lejja u jgħidli li ffrankaw mill-power station tal-BWSC. Mela issa l-power station tal-BWSC hija tajba u nistgħu niffrankaw minnha?! Din hija kontradizzjoni kbira għal dak li kien jgħidilna qabel l-elezzjoni li għaddiet. Pereżempju sirna nafu li nhar l-Erbgħa l-Onor. Konrad Mizzi se jkun qiegħed jispjega lil din il-Kamra dwar dan u nhar it-Tnejn se nkunu qed niddibattu dan is-suġġett. Mela le, il-poplu għandu dritt ikun jaf dwar il-wegħda li ma setax iżomm.
Sur President, ftit tal-ħin ilu fuq facebook rajt messaġġ ta’ industrijalist kbir fejn pubblikament qal li jekk ma noqogħdux attenti u l-Gvern ma jżommx mal-wegħdiet popolisti tiegħu se jniżżel lill-pajjiż għarkoupptejh. Jien m’iniex esperta fil-finanzi imma bħal ħafna nisa tad-dar dawn ir-realtajiet irrid niffaċċjahom kuljum. Min qed jismagħna jaf li meta tiġih il-paga d-dar, speċjalment jekk tkun paga waħda li fil-parti l-kbira tal-familji hija l-paga tar-raġel, irid iqassam dik il-paga b’għaqal u mhux għax fettillu jwiegħed xi ħaġa lil xi ħadd se jagħmilha. Dik la tagħmel sens ekonomiku u lanqas sens loġiku. Bl-Ingliż ngħidu living beyond your means. Mhux kulħadd jieħu pjaċir isuq karozza lussuża, jgħix ġo villa bil-pool, idur id-dinja u jagħmel l-affarijiet kollha li wieħed forsi joħlom li jagħmel?! Altru tkun tista’ tagħmilhom dawk l-affarijiet u altru ma tkunx tista’.
Fl-aħħar ftit ħin li baqagħli għad-dispożizzjoni tiegħi se nerġa’ mmur lura għal dak li bdejt bih dwar is-sitwazzjoni li għandna f’idejna bħalissa, speċjalment fejn jidħol id-dekasteru tal-Onor. Joe Mizzi. Paprata waħda f’waħda! Dan saħansitra wegħedna li jaf fejn hu ż-żejt. Lanqas irrid immiss ma’ dan is-suġġett għax il-wegħdiet tant huma fiergħa li tibda tistaqsi jekk dawn humiex biċ-ċajt jew bis-serjetà? Dawn l-affarijiet huma assurdi. Aktar minn hekk, Alla jbierek għandu soluzzjonijiet għal kollox. M’ilux rajtu waqt dibattitu mal-kollega tiegħi l-Onor. Toni Bezzina u xi nies oħrajn u meta bdew jistaqsuh: Tikkonsidra li jsir underground biex insolvu l-problema tat-traffiku? Tikkonsidra li jsir bridge? It-tweġiba tiegħu dejjem kienet: Iva, nikkonsidraw. Iva kollox? Fejn hu l-pjan? Fejn hija l-istrateġija? Fejn hu l-għaqal? Kieku m’aħniex nitkellmu fuq nies li għandhom ċerta esperjenza fil-ħajja nifhimha. L-Ingliżi jgħidu: Fool me once shame on you, fool me twice shame on me. Bil-Malti tfisser li jekk tidħak bija darba inti tkun dħakt bija imma jekk inħallik tidħak bija darba, darbtejn, tlieta, allura jien inkun belha. In-nies li qegħdin jisimgħuna mhumiex boloh. Tiskanta bl-affarijiet li smajna din il-ġimgħa għax issa kważi kważi l-Prim Ministru se jibda jwaħħal fl-Onor. Konrad Mizzi.
Sur President, biex inkun onesta rrid ngħid li naf li hemm strateġija tajba fit-team iż-żgħir tal-Prim Ministru li s’issa dejjem ħadmet. Wieħed għandu jinnota li kull meta jkun hemm xi ħaġa taħraq li ma jkunux iriduna niddiskutuha jdawru d-diskors. Din tal-lum klassika. Għax jafu li mhumiex jieħdu raġun fuq il-kwestjoni tal-power station, illum ġew jgħidulna li se jsiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Dawn b’min ħasbu li qed jitmejlu? L-ewwel nett, li nagħmlu l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali mhuwiex kapriċċ jew privileġġ imma huwa dritt demokratiku u jekk għandu jsir xi tibdil għandna npoġġu bilqiegħda madwar mejda u niddiskutu. Fil-passat diġà ġraw dawn l-affarijiet. Imma le, qagħdu jżommu l-karrotta mdendla u issa meta raw li qed jitilfu waħda wara l-oħra qalu li se jsiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u magħhom se jsir ir-referendum tal-kaċċa. In-nies mhumiex boloh. Ma tistax tibqa’ titmejjel bin-nies day in day out.
Ejja nkunu onesti, f’Marzu tal-2013 in-nies kienu xebgħu mill-Gvern Nazzjonalista. Wara 25 sena naħseb li anke min ikun ilu miżżewweġ daqshekk jibda jiġih id-dubju jekk xebax jew le,imma ejja ngħidu li l-politika mhijiex il-ħajja miżżewġa. Fil-ħajja miżżewġa trid tagħmel is-sagrifiċċji u it’s all give and take imma fil-politika mhux hekk. In-nies kienu xebgħu u allura kellhom id-dritt sagrosant li jibdlu imma kull bidla li tagħmel f’ħajtek tagħmilha għall-aħjar. Aħna lil uliedna mhux talli nixtequlhom il-ġid talli nixtiquhom ikunu aħjar minna. Però b’dak li qed naraw madwarna żgur li qed jinbtu dubji serji f’moħħ kulħadd.
Sur President, jien nixtieq nawgura aktar bonsens u aktar għaqal. Għadni ġejja minn żewġ laqgħat wara xulxin fejn kien hemm diskussjoni ħafna aktar kawta u kalma milli naħseb li kien hemm fil-House Business Committee. Kellna l-privileġġ li għal dawn il-laqgħat attenda l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Tonio Borg u qgħadt insegwi d-diskussjoni sana li kellna, fosthom fil-working group tad-dijabete. Il-Kummissarju Ewropew issorprenda ruħu anke kif rana bilqiegħda, għax mhux ta’ naħa qagħdu naħa u ta’ naħa oħra qagħdu n-naħa l-oħra imma tħallatna bejnietna biex naqsmu l-ideat. Hemm oqsma li żgur li fuqhom m’aħniex se niddibattu kontra xulxin imma għandna nsibu għaqda u kunsens għall-ġid ta’ pajjiżna.
Nagħlaq dan il-messaġġ tiegħi billi ngħid li huwa importanti li dan il-Gvern jieqaf jidħak bin-nies. Għandu jibda jiggverna serjament u ma jirredikolax id-demokrazija tagħna. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kamra hija aġġornata għal għada t-Tlieta, 14 ta’ Ottubru 2014, fis-6.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mill-Ministru.
Fid-9.30 p.m. il-Kamra aġġornat mingħajr ma saret il-mistoqsija.