THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Billi l-Gvern llum għoġbu jagħmel seduta mid-9.00 a.m. sa nofs il-lejl, u billi jidher li l-Ministru tal-Finanzi biss għoġbu jkun preżenti għad-diskors ta' l-Onor. Psaila Savona, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni Sur President, li m'hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fid-9.49 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Psaila Savona jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Sur President, kif kont qed ngħid m'hemm xejn ħażin meta gvern jissellef, basta r-raġuni tkun waħda tajba u valida. Aħna niftakru li l-Partit Laburista fl-oppożizzjoni dejjem għamel propaganda li s-self huwa dejn imma llum il-ġurnata qed jibla' dak kollu li qal għaliex għal darba, darbtejn u tlieta ġie jitlob lil din il-Kamra l-awtorizzazzjoni sabiex ikun jista' jissellef. Kif diġa' għidt, is-self m'huwiex ħażin jekk ikun proġettat sabiex jgħolli l-livell ta' għajxien tal-poplu Malti.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, kif tista' tara b'għajnejk stess m'hawnx in-numru meħtieġ biex iż-żewġ naħat flimkien ngħaqqdu quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fid-9.55 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Psaila Savona jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Sur President, nirringrazzjak u nitlob lill-Onor. Membri tal-Gvern sabiex jibqgħu hawnhekk.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Sur President, niġbidlek l-attenzjoni li għal darba oħra reġa' m'hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fl-10.02 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Psaila Savona jista' jkompli bid-diskors tiegħu. (Interruzzjonijiet).
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Sur President, jekk l-Onor. Mizzi se jibqa' jinterrompini se jkolli nqajjem każ ta' ksur ta' privileġġ. (Interruzzjonijiet)
ONOR. MEMBRU: Qajmu!
THE DEPUTY SPEAKER: Jekk jogħġobkom, ġibu rispett lejn xulxin. (Interruzzjonijiet) (Għajat)
Is-Seduta hija sospiża minħabba diżordni.
Is-Seduta ġiet sospiża fl-10.09 p.m. u rriżumiet tliet minuti wara.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Psaila Savona.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Sur President, kont qed ngħid li m'hemm xejn ħażin li ssir talba għal self sakemm dan is-self jintuża biex jgħolli l-livell ta' l-għajxien tal-poplu, pero' jekk ma jkunx għal dan l-iskop inħoss li talba għal self ta' ammont konsiderevoli bħal dan tkun xi ħaġa ħażina. Kont qed ngħid ukoll li meta Gvern Nazzjonalista għamel talbiet għal self kien utilizza dawk il-flejjes fi proġetti kbar li taw ħajja lit-turiżmu u lill-industrija u għollew bil-bosta l-livell ta' l-għajxien tal-poplu Malti. Dan seta' jseħħ permezz tal-proġetti tal-power station, tar-reverse osmosis, ta' l-ajruport, tat-telekomunikazzjoni u oħrajn simili. Imma llum qiegħed isir hekk? Meta għandna talba għal dawn il-flejjes, għandna idea jekk il-livell ta' l-għajxien tal-poplu Malti huwiex se jogħla? Se jkun hawn ħolqien ta' xogħol? M'hemm l-ebda dubju li matul dawn it-18-il xahar ħadd minna ma kien qed jistenna l-kwantita' ta' nies li sabu ruħhom bla xogħol, filwaqt li n-numru ta' persuni li jfittxu x-xogħol u ma jsibuhx kiber. Tista' timmaġina x'livell ta' għajxien għandha persuna bla xogħol, jew inkella persuna li qabel kienet taħdem u issa qed ikollha tgħix fuq ir-relief!
Per eżempju, kieku s-self qiegħed isir biex jinħoloq xogħol full-time jew inkella part-time, kont ngħid li tkun ħaġa tajba li dan isir. Resqin lejn is-sajf u minħabba ż-żieda li jkun hawn fit-turiżmu, suppost li jkun hawn talba kbira għal xogħol part-time pero' nsibu li bħalissa dan naqas bil-bosta. Jien għidt li forsi b'dan it-tip ta' self se jkun hemm iktar ħeġġa għax-xogħol u allura se jiżdied l-overtime għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, li mbagħad joħloq multiplier effect fis-settur privat u f'setturi oħra. (Interruzzjonijiet) GĦalkemm dan il-Gvern ħatar il-ministeru għas-self-employed, naħseb li s-self-employed qatt ma kien batut daqskemm kien matul dawn it-18-il xahar!
L-istess, kieku dan is-self qiegħed isir sabiex itaffi mid-dwejjaq li hemm fis-settur li naħdem fih jien, ma kontx se nopponi għalih lanqas. Hija ħaġa tajba li lil min hu l-iktar batut fis-soċjeta', speċjalment min hu marid, intaffulu d-dwejjaq li jkollu. Imma hekk sar matul dawn it-18-il xahar? Numru ta' pazjenti jiġu jgorru miegħi minħabba d-dewmien li qed ikun hemm għall-għoti ta' mediċini, kemm fl-Isptar San Luqa u anke f'postijiet oħra minn fejn jistgħu jġibu dawn il-mediċini, xi ħaġa li qatt ma kellna esperjenza tagħha qabel. (Interruzzjonijiet) Forsi qiegħda ssir apposta! Jiġu jgħiduli li meta jmorru għall-mediċini jagħtuhom numru li jkun jaqbeż il-100 u naturalment sa nofsinhar ikunu għadhom ma nqdewx u jkollhom jerġgħu jmorru darb'oħra, dejjem jekk il-mediċini jkunu available. Qed ngħid dan għaliex saret drawwa ġenerali li ħafna mill-mediċini li jiġu preskritti mit-tobba, speċjalment dawk li huma ta' ċertu valur, ħafna drabi jkunu neqsin. Għadu m'għaddiex xahar wieħed matul dawn l-aħħar 18-il xahar li ma kienx hemm ammont sostanzjali ta' mediċini neqsin mill-isptarijiet tagħna u, kif għidt, dejjem jinzertaw dawk il-mediċini li jiswew l-iktar flus. Mediċini li jiswew ftit flus kważi dejjem ikunu available imma oħrajn li jiswew il-flus sew qed ikunu neqsin b'ċerta regolarita' u allura l-pazjent ikollu jixtrihom hu għaliex ma jkunx jista' joqgħod mingħajrhom.
Kieku jassigurawni li dan is-self se jintuża biex itaffi d-dwejjaq tal-pazjenti, kont ngħid li sewwa se jagħmel il-Gvern għaliex b'hekk ikun qed jgħolli l-livell ta' għajxien tal-poplu tagħna u ta' min hu batut. Kemm-il darba kien hemm talba sabiex iktar pazjenti jibbenefikaw minn iktar mediċini. Għandna ħafna pazjenti li jbatu b'ċertu mard kroniku u huwa veru li mhux dejjem tkun tista' tagħtihom mediċini b'xejn għall-mard li jkollhom. Pero' nippretendi - u hekk kien qiegħed isir - li iktar ma jgħaddi ż-żmien dawk li jbatu b'mard kroniku iktar jibbenefikaw minn mediċini b'xejn, imma fil-verita' iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed ikun hawn nuqqas ta' dawn il-mediċini fl-ispiżeriji tal-gvern.
Per eżempju, kieku dawn il-flus se jintużaw biex meta pazjent jagħmel appuntament fl-Isptar San Luqa ma jkollux għalfejn idum jistenna xi sitt ġimgħat sakemm jinqeda kont nifhimha, imma iktar ma jgħaddi ż-żmien l-appuntamenti aktar qegħdin isiru fit-tul. Dalgħodu stess kont qed inżur pazjent u sibt li l-appuntament li kien imissu biex jattendi l-out-patients clinic fl-isptar kien għall-aħħar ta' Ġunju, sitt ġimgħat oħra. Dawn l-affarijiet imissu jindirizza dan il-Gvern. Il-livell ta' l-għajxien tal-marid mar lura ħafna u hawn għadni ma semmejt xejn dwar min ikollu bżonn jagħmel xi operazzjoni. Meta jkollok pazjent li jkollu bżonn ta' xi operazzjoni, wara li tkun qlajt fwiedek biex tagħmillu appuntament fi żmien raġonevoli, jerġa' jitpoġġa fuq il-waiting list. Jien ma nippretendix li malli tidħol l-isptar għandek tinqeda u ma jimpurtax billi l-pazjent ikollu jistenna xi ftit - aħna konna qegħdin nimmiraw li naslu għas-sitwazzjoni li malli pazjent ikollu bżonn xi ħaġa jeħodha kważi immedjatament - imma li tgħaddi sena u bniedem li jkollu bżonn jagħmel operazzjoni jkun għadu ma nqediex ma nistax nittolleraha. Hawn m'iniex nirriferi għall-bniedem li jkollu bżonn ta' operazzjoni akuta, għaliex dan illum m'huwiex il-każ, imma li jkollok bniedem li jkollu bżonn ta' cold surgery u wara sena jkunu għadhom ma bagħtux għalih, naħseb li hawnhekk qegħdin nidħlu fir-redikolu.
Meta ftaħna l-Isptar Zammit Clapp konna għamilnih bħala benchmark ta' kif nixtiequ li jkunu l-isptarijiet l-oħra - naturalment biex tirranġa sptar bħalma hu l-Isptar San Luqa hija xi ħaġa differenti - fejn urejna x'kienet il-mira tagħna. Kulħadd jaf li x-xogħol li kien isir fl-Isptar Zammit Clapp kien apprezzat mill-poplu Malti kollu. Jien naf b'nies, li l-familjari tagħhom mietu f'dan l-isptar, li għalkemm ikunu ġarrbu n-nuqqas tagħhom jgħidulek li jinsabu kkonfortati li għexu l-aħħar xhur ta' ħajjithom f'ambjent dinjituż. Imma llum il-ġurnata nistgħu ngħidu l-istess ħaġa għall-Isptar Zammit Clapp? Sfortunatament matul dawn l-aħħar 18-il xahar ħlief fuq flejjes ma tkellimniex. L-ewwel iddiskutejna kif se nneħħu l-VAT u x'tip ta' tassazzjoni se tidħol minflokha, imbagħad bdejna niddiskutu fuq is-sisa, u dejjem għaddejjin niddiskutu kif se nraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar. Affarijiet oħra li huma ta' prijorita' bħalma huma l-edukazzjoni, il-kultura, it-turiżmu u s-saħħa ftit li xejn ġew diskussi f'dan il-Parlament. Kif qegħdin taraw, bl-iskuża li l-Gvern ma jistax ikompli jsostni finanzjarjament l-Isptar Zammit Clapp, ġurnata wara l-oħra l-faċilitajiet li kien joffri dan l-isptar qegħdin jitnaqqru.
Madam Speaker, dan jista' jingħad għal ħafna setturi oħra. Biżżejjed ngħid li kieku ma kienx għall-pika li kellna fuq l-Isptar San Raffaele kieku llum il-ġurnata diġa' bdejna ngawdu mill-faċilitajiet li joffri dan l-isptar, imma l-verita' hi li għad m'hemm l-ebda ħjiel dwar meta se jkun lest. Kieku dan is-self kien se jiġi utilizzat għal affarijiet siewja ta' din il-kwalita', din il-Kamra kienet tagħti l-appoġġ tagħha. Dan nista' ngħidu għal kwalunkwe proġett ġdid li ħoloq u li qed jimmira għalih dan il-Gvern. Jien m'iniex se noqgħod nidħol fil-kwestjoni ta' jekk dawn il-proġetti kenux ġew preparati mill-amministrazzjoni preċedenti - dik m'hijiex l-idea tal-messaġġ tiegħi tal-lum - imma rrid ngħid li fil-każ tal-proġetti li qed jiġu proposti l-Gvern m'huwiex qed jiffinanzjahom hu. Dan nistgħu narawh mill-farsa li kellna tal-proġett tal-millennju.
Jien m'għandix dubju li l-Gvern se jaċċetta li dan il-proġett ikun wieħed kulturali li jilqa' fih dak li kellna qabel - għax ma nemminx li dan il-Gvern irid li jkollna auditorium ta' 200 siġġu, qisu għandna l-auditorium tar-Reġina Angelorum - u ninsab ċert li dan il-Gvern jixtieq li jkollu teatru nazzjonali b'capacity ta' mill-inqas 1,000 siġġu. Imma minflok ma qiegħed jiġi quddiem din il-Kamra biex jissellef ħalli jkun jista' jiffinanzja proġett ta' din il-kwalita', qiegħed jerħi kollox f'idejn l-imprendituri. Allura, kif rajna f'dawn il-ġranet, qed jiġri li minflok ma jagħmel dak li jixtieq jagħmel hu, qed ikollu jagħmel dak li jixtiequ l-imprendituri u dan mhux dejjem ikun immirat biex jgħolli l-livell ta' l-għajxien tal-poplu Malti. Dak li jimportah l-imprenditur hu jekk dak li jkun se jagħmel huwiex se jħallilu profitt. Lill-imprenditur privat ma nagħtihx tort għaliex hu se joħroġ il-flus u allura jrid jara li jkollu profitt fuq il-flejjes li se joħroġ, imma d-dover tal-gvern hu li jara x'inhu ta' ġid għall-poplu Malti.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, niġbidlek l-attenzjoni li skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Psaila Savona jkompli jinstema.
ONOR. JOHN DALLI: Nipproponi li l-Onor. Psaila Savona jkompli jinstema'.
ONOR. CARMELO ABELA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Psaila Savona jkompli jitkellem. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra?
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Nirringrazzja lill-Kamra ta' l-estensjoni li tatni imma ma nafx jekk din tinkludix l-interruzzjonijiet kollha li saru matul id-diskors tiegħi. Nittama li meta niġi għal estensjoni oħra tingħatali!
Madam Speaker, il-messaġġ tiegħi llum hu li nixtieq nara l-livell ta' l-għajxien ta' dan il-poplu jogħla imma wisq nibża' li we have been standing still minn Ottubru ta' l-1996 'il hawn. Mill-ġurnata ta' l-elezzjoni sal-lum dan il-poplu, ħalli ma ngħidx li mar lura, m'għamel l-ebda pass 'il quddiem f'dak li huwa l-livell ta' l-għajxien. Hawn ħafna nies li tilfu l-job jew il-part-time job li kellhom u hawn oħrajn li tilfu l-overtime. Kif kont qed ngħid, fejn jidħlu affarijiet ta' mard sar iktar diffiċli biex tinqeda u fil-każ ta' min ikollu bżonn jagħmel operazzjoni sar iktar diffiċli biex jagħmilha malajr jekk ma jħallasx il-belli liri f'xi sptar privat. Bħalissa qed tiġini f'moħħi l-edukazzjoni u nixtieq infakkar li qabel l-aħħar elezzjoni kien hemm għajta qawwija f'dan is-sens. (Interruzzjonijiet) Veru li fil-ġranet tas-sajf rajna ħafna skejjel jiġu rranġati u saritilhom il-manutenzjoni meħtieġa, imma għal dan kienet tirriferi l-għajta ta' l-Oppożizzjoni Laburista qabel l-aħħar l-elezzjoni? Jew kien hemm ħafna affarijiet oħra li kienu qegħdin jimmiraw għalihom u li sal-lum għadhom ma sarux? Jien naħseb li minħabba t-tnaqqis li kien hemm fl-istipendju ta' l-istudenti universitarji, min verament għandu l-kwalifiki akkademiċi mhux dejjem qed ikun jista' jidħol l-Universita'. (Interruzzjonijiet) Jien ma nistax nimmaġina kif l-Onor. Bartolo jista' jisma' dak li nkun qed ngħid jien filwaqt li joqgħod jaqra l-gazzetta! (Interruzzjonijiet) Madam Speaker, jien għandi rispett kbir lejn l-Onor. Bartolo imma kieku jkun daqsxejn umli u jipprova jifhem dak li nkun qed ngħid, forsi ma jerġax joħroġ b'interruzzjoni bħal din. Nixtieq li ma jeħux għalih imma jew joqgħod attent għal dak li nkun qed ngħid jew inkella ma jinterrompinix. Imma ħalli niġi għal punt iktar serju li forsi lill-Onor. Bartolo ma jolqtux.
Kulħadd jaf li hawn din il-biża' għax għadna ma rċevejniex il-kontijiet tal-dawl u l-ilma bir-rati l-ġodda. Xi wħud mill-hoteliers irċevewhom imma aħna għandna ma rċevejnihomx. Minħabba l-biża' li kien hawn matul dawn l-aħħar xhur għax għadna ma nafux x'se jkunu il-kontijiet, il-mod kif kull persuna qed tagħmel biex tqanċeċ fil-konsum tad-dawl u l-ilma hija sitwazzjoni patetika. Hija ħaġa tajba li wieħed ma jaħlix imma li bniedem jaħsibha darba darbtejn jekk jeħux banju, u jekk jieħu banju jrid jara li warajh jinħaslu t-tfal, u mbagħad jerġa' jara kif jutilizza dak l-ilma għal affarijiet oħra, hija sitwazzjoni tal-biki. (Interruzzjonijiet) Forsi din nikkonċediha b'element ta' ċajta imma meta xjuħ ta' 80 sena jgħidulek li qed ikollhom joqogħdu jġorru l-bramel biex inaqqsu l-konsum ta' l-ilma hija xi ħaġa li jekk ma tiġix wiċċ imb'wiċċ magħha ma tasalx biex tifhimha. Forsi l-Ministru Bartolo ma jiġix wiċċ imb'wiċċ ma' dawn l-affarijiet bħalma nagħmel jien. (Interruzzjonijiet)
Madam Speaker, nixtieq li dan il-Gvern jieħu bis-serjeta' l-mod kif inhu sejjer lura l-livell ta' l-għajxien tal-poplu Malti mhux biss fl-affarijiet domestiċi li jolqtuh mill-viċin imma anke f'affarijiet oħra. Nistgħu ġenwinament ngħidu li l-livell ta' tindif tat-toroq għadu jsir bħalma kien isir qabel? Nistgħu ngħidu li d-distretti tal-kampanja għadhom jiġu milħuqa bħalma kienu jiġu milħuqa qabel? Dan jien nista' ngħidu għax ngħix fil-kampanja. Dan l-aħħar ġew inaddfu post li kien ilu xhur sħaħ abbandunat, tant li bilkemm setgħu jgħaddu l-karozzi minħabba l-ħaxix li tela' u l-iskart mormi hemm. L-istess ħaġa nista' ngħid għall-iżdingar li hemm fix-xtajtiet għax qatt ma rajna żdingar ta' din il-kwalita'. Huwa veru li l-mira tal-Gvern preżenti hi li nagħmlu iktar b'inqas imma bix-xejn m'aħna qegħdin nagħmlu assolutament xejn! Dalwaqt jibda Ġunju u f'pajjiżna nibdew naraw l-influx tat-turiżmu u madankollu l-kwantita' ta' alka li hemm f'kull beach li hawn min-north sas-south ta' Malta hija xi ħaġa ta' l-għaġeb, u din m'hijiex se titneħħa f'ġurnata.
Madam Speaker, qabel l-elezzjoni l-oppożizzjoni ta' dak iż-żmien kienu jgħajruna bl-istat tat-toroq u kienu jgħidulna li huma uniċi fid-dinja għall-mod kif inhuma miżmuma. Issa d-domanda tiegħi hija din: Matul dawn it-18-il xahar sar xi ħaġa sabiex dawn jiġu rranġati? Ġie utilizzat xi ammont mill-flus li dan il-Gvern issellef drabi oħra sabiex jiġu rranġati t-toroq prinċipali u dawk arterjali? Il-ftit xogħol li sar fit-toroq sar mill-kunsilli lokali u dan minkejja li tnaqqsulhom il-fondi. Jiġifieri dan il-Gvern bil-wiċċ tost kollu qed jiġi jitlob lil din il-Kamra sabiex tapprovalu s-self ta' somma bħal din meta l-ebda sold minnhom m'hu se jiġi utilizzat għal dawn is-setturi. Il-kunsilli lokali tnaqqsulhom il-fondi u allura fejn qabel kienu jgħinu lill-gvern ċentrali f'xogħlijiet żgħar li jolqtu lid-distrett tagħhom, illum naraw li m'humiex qed jirnexxilhom jagħmlu iktar b'inqas.
Madam Speaker, qabel l-aħħar elezzjoni kellna ħafna għajat kontra l-kriminalita', bil-Partit Laburista mill-oppożizzjoni jagħmel heyday bit-tixrid tad-droga u bl-attakki fuq l-anzjani. Imma nistgħu ngħidu verament li d-droga naqset matul dawn it-18-il xahar? Il-kriminalita' naqset? Is-swat fuq l-anzjani naqas taħt Gvern Laburista? Jien naħseb li ħadd ma jista' jgħid li dawn naqsu, speċjalment meta nafu x'kondizzjonijiet ġew mogħtija l-pulizija bir-revamp tagħhom. Din on paper tista' tgħid ħafna affarijiet tajbin fuqha imma meta titkellem ma xi kuntistabbli jew xi uffiċjal tal-pulizija, mill-ewwel jgħidlek li qatt ma missu xejn minn dan is-self li qed jagħmel il-Gvern għal darba wara l-oħra.
Dan l-aħħar f'Malta daħlet kriminalita' ġdida, li nispera li ma tiżdiedx - qed nirriferi għall-kriminalita' fuq it-tfal - u nixtieq li dan il-pajjiż jinnota kemm il-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni ma approfittax ruħu minn din il-mewġa ta' kriminalita' ġdida biex jattakka lill-Gvern. Jien naħseb li kieku din ġrat fi żmien meta l-Partit Laburista kien fl-oppożizzjoni, bħalma attakkaw lill-Gvern preċedenti fuq id-drogi, fuq il-kriminalita' u fuq is-swat ta' l-anzjani, kienu jaraw kif jagħmlu biex jitfgħu dell ikrah wara bieb il-gvern. Imma għall-grazzja t'Alla l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma waqgħetx għal din it-tip ta' propaganda baxxa.
Ftit taż-żmien ilu konna wasalna fi stat meta l-livell ta' l-għajxien tant kien qiegħed jogħla li kienet qamet public debate rigward jekk għadx hawn faqar. Fil-fatt min kien qal li għad hawn faqar u min kien qal li l-faqar f'pajjiżna m'għadux jeżisti. Kieku llum il-ġurnata nqanqlu debate ta’ din il-kwalita’ u niġu biex nistaqsu jekk għadx hawn faqar f'Malta, naħseb li n-nies li huma bla xogħol u li huma morda jidħku meta tistaqsihom jekk għadx hawn faqar għaliex m’hemm l-ebda dubju li llum il-ġurnata hawn sezzjoni kbira tal-poplu Malti li qed tbati l-faqar.
Madam Speaker, ma rridx intawwal imma nixtieq nirrimarka li hawn min qal li hija l-inkompetenza li qed twassal lill-Gvern biex jerġa' jitlob lil din il-Kamra l-approvazzjoni għal aktar self. Meta nqis kollox ma kollox ma ngħidx li huwa tort ta’ l-inkompetenza għaliex tista' targumenta li mhux kulħadd għandu d-don tal-kapaċita'. Kieku huwa tort ta' l-inkompetenza lanqas kont nagħti tort lil dan il-Gvern. Jien ngħid li dan huwa Gvern dilettant li qed jipprova jsolvi l-problemi ekonomiċi b'mod dilettantesk u fl-istess ħin qed jagħti dahru lill-Unjoni Ewropea. Jien kont immexxi d-delegazzjoni Maltija għall-Kunsill ta’ l-Ewropa u għadni niftakar li meta konna fuq quddiem biex nidħlu fl-Unjoni konna naraw pajjiżi oħra, speċjalment Ċipru, dejjem jiġġerrew warajna u jaraw x’se nagħmlu aħna biex jipprovaw jikkupjawna. Qabel aħna konna dejjem fuq quddiem u dawn il-pajjiżi kienu jimxu fid-dell tagħna. Għalhekk illum il-ġurnata hija għafsa ta’ qalb għalija li nara lil pajjiżna jispiċċa jimxi fid-dell ta' ħaddieħor.
Madam Speaker, nappella lill-Gvern biex dan is-self li se jagħmel jutilizzah tajjeb u ma jagħti dahru lil ħadd. Nappellalu wkoll sabiex ineħħi l-arroganza u s-suppervja li għandu dwar deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu qabel ħalli l-poplu Malti jkun jista’ jerġa’ jibda jgawdi dak il-livell ta’ għajxien li matul dawn l-aħħar 18-il xahar ma kienx jaf x’inhu. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Jekk m'hawnx aktar rimarki nistieden lill-Ministru Leo Brincat biex jgħaddi għall-winding-up.
ONOR. LEO BRINCAT: Naħseb li wieħed jista' jgħid ħafna affarijiet fuq id-dibattitu li kellna f’dawn l-aħħar ġranet fuq dan is-suġġett imma ninsab żgur li ħadd ma jista’ jakkużana li b’xi mod ippruvajna noħonqu l-liberta’ ta’ l-espressjoni, kif qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni l-kelliema tan-naħa l-oħra f’diversi fora pubbliċi. Xtaqt nibda, Madam Speaker, billi nirreaġixxi għal ċerta kritika li saret għad-diskors tal-ftuħ tiegħi, fejn qalu li ippruvajt nagħti l-impressjoni li kollox miexi fuq ir-rubini. Nenfasizza li fl-ebda waqt ta’ l-intervent tiegħi m’għamilt dan.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni li m’hawnx quorum.
MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fl-10.41 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, kont qed ngħid li saret kritika min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni għaliex aktar kmieni jien għidt li jidher li hemm xi xaqq ta’ dawl. Talli għidt hekk saret l-akkuża lin-naħa tagħna li konna qed noħolqu sens falz ta’ sigurta’ u għalhekk se nwieġeb għal dan il-kumment b’mistoqsija: Allura biex tkun oġġettiv trid tkun allarmista, kif kienu diversi kelliema ta’ l-Oppożizzjoni matul dan id-dibattitu maratona li kellna? Jien niċħad li f'xi waqt ippruvajt inpinġi li kollox ward u żahar fl-ekonomija. Fakkart biss kif ir-rota bdiet iddur f’ċeri oqsma u x'titjib qed isir f’ċerti setturi, b’kuntrast ma’ l-istaġnar li kellna fl-1996 meta l-pajjiż kien qed joqrob u fil-fatt għadda minn elezzjoni ġenerali, kif għamel f’Ottubru ta' dik is-sena.
Madam Speaker, xtaqt nagħti eżempju ta' wieħed mill-argumenti li saru min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni, b'riferenza għal dak li semmejt jien fl-introduzzjoni tiegħi dwar rata għolja ta’ savings. Skond l-Oppożizzjoni, in-nies qed iġġemma aktar għax kulħadd huwa ppreokkupat minħabba l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. L-ewwelnett l-istatistika turi li l-pajjiż kellu a higher savings rate matul ix-xhur kollha ta' l-1997. Jiġifieri dan żgur li ma jirrispekkjax l-argumenti li ġabet l-Oppożizzjoni, li l-higher savings li għandu l-pajjiż huma attribwibbli għall-miżuri kkontemplati fil-budget li tressaq f'Novembru 1997.
Saret kritika wkoll għall-fatt li jien tkellimt fuq il-politika monetarja tal-Bank Ċentrali u saritli l-akkuża li meta tkellimt fuq dan is-suġġett ma kontx oġġettiv. Modestia a parte naħseb li jien kont oġġettiv għaliex kuntrarju għall-attitudni li ħadet l-Oppożizzjoni, min-naħa tiegħi urejt ċerti riżervi dwar il-Bank Ċentrali u għidt li stennejt li f’ċerti każi setgħu kienu aktar liberali fit-tħaddim tal-politika monetarja tagħhom. Jien sħaqt ukoll - u nerġa’ nisħaq illum - li nemmen li l-Bank Ċentrali għandu l-awtonomija tiegħu u din għandha tiġi rrispettata miż-żewġ naħat tal-Kamra. Għidt ukoll li fhimt x’kien qed jimbotta lill-Bank Ċentrali ‘l quddiem mingħajr ma qbilt mija fil-mija ma’ dak li kien qed jingħad min-naħa tagħhom. Għalhekk jien ngħid li hija rresponsabbilta’ kbira min-naħa ta’ l-Oppożizzjoni li qed tpinġi dak kollu li għaddej fil-pajjiż bħala xenarju fejn kollox qed jaqa’ biċċiet, fejn ninsabu lejliet kriżijiet kbar u fejn anke kellna l-akkuża li ninsabu lejliet riċessjoni. Jien ngħid li dan it-tip ta’ diskors ifakkarna fl-Oppożizzjoni Nazzjonalista fin-nofs tas-snin sebgħin meta l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ta’ dak inhar kien għadu kif laħaq mexxej tal-partit. Jien naħseb li dan kollu jirrifletti b’mod negattiv fuq it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista minħabba l-fatt li dawn mill-elezzjoni sal-lum mhux talli ma kenux kapaċi joħorġu b'ideat ġodda, mhux talli ma kenux kapaċi jmexxu b'politika alternattiva, talli kellhom jaqgħu lura għall-ideat immoffati li forsi ħadmu f’nofs is-snin sebgħin imma li żgur huma antikwati għas-snin li ninsabu fihom illum, 22 jew 23 sena wara dan it-tibdil li kien hemm fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Madam Speaker, wieħed mis-setturi fejn in-naħa ta' l-Oppożizzjoni m’aċċettatx il-punti li għamilna aħna kien dak tat-turiżmu. Huma qalu li t-tnaqqis li kellna fl-1995 u l-1996 kien rifless anke f'ċerti pajjiżi oħra tal-Mediterran; imbagħad qalulna li l-fatt li morna daqsxejn aħjar fl-1997 kien riżultat ta' titjib fir-rata ta' l-isterlina. L-Onor. Refalo qalilna wkoll li meta nitkellmu fuq it-turiżmu rridu nitkellmu fuq guest-nights u mhux biss fuq arrivals. Jiena naqbel miegħu dwar dan pero' għandna nitkellmu wkoll fuq employment in the tourist-related accommodation sector. Dan qed ngħidu għaliex bejn l-1996 u l-1997, wara li kellna l-bidla fil-gvern, kellna żieda proprju fl-employment in the tourist-related accommodation sector, għax insibu li fl-1996 kellna 8,457 impjieg u fis-sena ta' wara kellna 9,078 impjieg. Din ix-xejra pożittiva baqgħet tiġi sostnuta anke fl-ewwel xhur ta' l-1998, kemm f'termini ta' arrivals kif ukoll f'termini ta' employment. L-Oppożizzjoni ddaħħaqni għaliex fejn jaqblilha tagħmel paraguni ma' barra u fejn jaqblilha tiddistakka ruħha kompletament. Jekk aħna se noqogħdu nkejlu kollox mal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, allura rridu bilfors insemmu anke l-qgħad strutturali li hemm fl-Unjoni. Nisimgħu fuq ħafna aspetti ta' l-Unjoni imma ma ssir l-ebda riflessjoni min-naħa ta' l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq il-qgħad strutturali li għandhom.
Sur President, intqal ukoll li l-proċess ta' ristrutturazzjoni qed jaqta' nifs is-settur lokali. Jiena naħseb li rridu nitkellmu b'ċertu sens ta' serjeta` għaliex fil-fehma tiegħi l-proċess serju ta' ristrutturazzjoni għadu lanqas biss beda. U jekk se jsir se jsir b'mod ippjanat, b'konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti, kif rifless mill-andament pożittiv tal-laqgħat li qed ikun hemm f'livell tat-task forces. Jiena napprezza l-fatt li fi ħdan il-korpi kostitwiti, anke fuq livell settorali, se ssib nies li għandhom attitudni differenti fuq il-protezzjoniżmu. Se jkollok nies li jippreferu li jekk jista' jkun il-protectionism ma titneħħa qatt, lanqas ma titneħħa fuq perijodu twil ta' żmien. Imma jekk nieħdu l-andament ta' dawn it-task forces li qed jiltaqgħu fuq livell tekniku nsibu li dawn sejrin tajjeb u qed ikun hemm attitudni kostruttiva mill-forzi kollha preżenti fi ħdanhom.
Tajjeb wieħed isemmi wkoll il-programm ta' privatizzazzjoni li għandu l-Gvern, li fil-fehma tiegħi għandu jnissel iktar fiduċja fl-image li jipproġetta pajjiżna barra mill-pajjiż, anke fl-image ta' liberalizzazzjoni li jipproġetta 'l hinn minn xtutna. Dan it-tip ta' feedback ħassejtu jien stess meta dan l-aħħar kont imsiefer, mhux biss fl-Ingilterra imma anke fl-Istati Uniti. Dan il-programm min-naħa tal-Gvern ġie kkonsidrat bħala programm realistiku, programm gradwali imma li fl-istess ħin juri ċertu ftuħ fl-ekonomija tal-pajjiż.
Saret kritika wkoll fuq il-kwestjoni tad-dejn, jekk aħniex qed naħdmu b'mod programmat jew le. Tajjeb wieħed jgħid li aħna qed naħdmu fuq internal projections li qed jiġu mgħarbla u diskussi internament fit-tul, mhux biss fi ħdan il-ministeru tal-finanzi imma anke fi ħdan is-sub-committee tal-Kabinett, li huwa chaired mill-Prim Ministru nnifsu, li jiltaqa' fuq bażi regolari u fil-fehma tiegħi qed jagħmel xogħol siewi ħafna, għalkemm huwa xogħol ta' wara l-kwinti u xogħol li mhuwiex ta' glorja, biex ngħid hekk.
Kont qed insemmi l-privatizzazzjoni u for the record irrid naċċerta lil kulħadd li mhux se jkun hemm clashing fil-ħruġ ta' self u x-shares li se jkunu available għall-pubbliku in ġenerali. Aħna nistgħu nserrħu ras il-pubbliku li se jkun hemm skedar serju proprju biex il-programm ta' privatizzazzjoni ma jaħbatx mal-ħruġ ta' bonds min-naħa tal-Gvern. F'dan ir-rigward aħna għamilna l-konsultazzjonijiet kollha neċessarji fuq livell tekniku biex inkunu żguri minn dak li qed nagħmlu u minn dak li qegħdin infasslu. Ftit ilu f'okkażjoni pubblika kont aċċennajt li konna kkummissjonajna studju min-naħa ta' konsulent li ġie mill-Bank Ċentrali Irlandiż li kien jikkonċerna proprju l-public debt management. Wara li aħna għarbilna r-rakkmandazzjonijiet ta' dan l-istudju dehrilna li filwaqt li d-dejn pubbliku qabel kien jiġi managed internament u strettament mill-ministeru tal-finanzi, kien jagħmel sens kieku aħna nibdew nagħmlu kif jagħmlu ċerti pajjiżi progressivi oħrajn, li nwaqqfu kumitat apposta li ma jkunx kompost strettament min-nies tal-ministeru tal-finanzi biex jissorvelja u jimmaniġġja l-kwestjoni tal-public debt biex ikollna iktar ftuħ u iktar cross-fertilization ta' ideat. Għandi pjaċir ngħid li proprju llum ħtarna public debt management consultative committee li se jkollu bħala chairman lill-Permanent Secretary fil-Ministeru tal-Finanzi, is-Sur Joseph P. Portelli, u bħala membri se jkollu lis-Sur Alfred Mifsud, lil Dr. Reno Borg, lis-Sur Paul Spiteri, General Manager tal-Malta Stock Exchange, lis-Sur Vincent Grech, Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Finanzi, lis-Sur Saviour Grixti, li huwa l-Accountant General u lis-Sur Paul Zahra, li huwa in charge ta' l-Economic Planning. U b'hekk ħassejna li se jkollna firxa wiesgħa li permezz tagħha tkun tista' ssir il-konsultazzjoni neċessarja dwar dak li huwa l-immaniġġjar tal-public debt tal-pajjiż. Jiena nawgura li dan il-kumitat jagħmel xogħol fejjiedi u persważ li se jagħmlu.
ONOR. AUSTIN GATT: Niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li m'hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża għal ħames minuti.
Is-Seduta ġiet sospiża fl-10.58 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Brincat jista' jkompli.
ONOR. LEO BRINCAT: Xi ħadd min-naħa ta' l-Oppożizzjoni - jekk m'iniex sejjer żball l-Onor. Josef Bonnici - qal li l-unions ingħataw ħjiel min-naħa tal-Prim Ministru li mhux se jkun hemm aġġustamenti aktar kull meta jkun hemm ċaqliq fil-cost of living. Jiena kont preżenti fil-laqgħat li l-Prim Ministru kellu mal-unions u nikkonferma li fl-ebda stadju l-Prim Ministru ma ta xi ħjiel f'dan ir-rigward li mhux se jkun hemm aġġustament tal-cost of living meta jkun il-waqt.
Saru mbagħad mistoqsijiet min-naħa ta' l-Oppożizzjoni, l-ewwelnett dwar l-effett tal-budget fuq l-indiċi tal-prezzijiet, dwar kemm id-deficit jista' jkun dovut għal xi slowdown ekonomiku fil-pajjiż u anke l-kwestjoni tal-value added fis-settur tal-manifattura. L-ewwelnett naħseb li jekk se nitkellmu fuq is-settur tal-manifattura, tajjeb li wieħed jirrikonoxxi l-fatt li l-manifattura f'dawn l-aħħar għaxar snin qabdet id-downward trend bħala kontribuzzjoni għall-kejk nazzjonali, u dan primarjament huwa rifless kemm minħabba t-tibdil strutturali fl-ekonomija tal-pajjiż kif ukoll minħabba x-shift ekonomiku lejn is-settur tas-servizzi. Apparti minn hekk, wieħed irid jirrikonoxxi l-fatt li f'dan is-settur għandek a lower level of employment. Dan ġej mill-fatt li filwaqt li għandek xi setturi li qegħdin jagħtu performance tajba, għandek subsectors oħrajn li bilfors ikollhom jagħmlu ċertu job shedding minħabba ċerta ristrutturazzjoni li jkunu għadejjin minnha.
Xi ħaġa oħra li għenet biex ikun hemm drop fil-GDP fil-kontribuzzjoni tas-settur tal-manifattura huma l-lower overtime payments f'ċerti setturi - per eżempju, fil-każ tax-ship repairing u tax-shipbuilding, fejn ħadna miżuri biex jiġu contained il-costs ta' l-industrija, biex stajna nżommu ċerta kompetittivita` li ma nistgħux naffordjaw li nitilfu, jekk irridu nżommu wiċċna 'l fuq a paragun ma' pajjiżi oħra - u tnaqqis fil-profitability, l-iktar fis-subsector ta' l-electrical machinery. Imma naħseb li anke meta nitkellmu fuq dan it-tnaqqis, wieħed irid iħares lejn dan kollu fil-kontest tal-konsistenza u l-espansjoni sinifikattiva li kien hemm f'dan is-settur tul diversi snin fl-imgħoddi. GĦalhekk wieħed irid iżomm f'moħħu li jekk inħallu barra dan is-subsector li għadni kif semmejt, naraw li fil-fatt il-profitability tal-manufacturing industry, anke bħala component tal-GDP, wera ċertu titjib tul l-1997 u mhux tnaqqis.
Sur President, naħseb li fattur ieħor li kkontribwixxa għal ċerti mutamenti li kien hemm fil-figuri kien il-fatt li fuq bażi komparattiva ta' sena b'sena kien hemm ċerti distortions f'dawk li kienu payments of wage and salary arrears in the public sector. Fil-parti l-kbira tagħhom dawk tħallsu tul l-1996 u ovvjament fis-sena ta' wara ma reġgħux dehru. Saru sforzi wkoll min-naħa tad-dipartimenti governattivi biex jitnaqqas iktar l-overtime biex inkunu ċerti li fis-settur pubbliku jkun hemm iktar value for money. Naf li kulħadd jieħu gost jaqla' l-overtime imma fl-istess ħin naħseb li huwa importanti li l-overtime jinħadem meta jkun hemm bżonn. Żgur li m'għandniex inħarsu lejh bħala parti awtomatika mill-paga miżjuda, għax jekk m'hemmx ħtieġa ta' overtime x'sens jagħmel li nipperpetrawh?
Mistoqsija oħra kienet dwar kemm mid-deficit attwali huwa dovut għall-economic slow-down. Staqsewna wkoll għaliex ma nikkonsultawx lin-nies ta' l-Economic Planning Office? L-ewwelnett jiena niċħad bil-qawwa kollha li aħna lil dan id-dipartiment ma nikkonsultawhx. Mhux talli nikkonsultawh fuq bażi regolari talli nużaw lin-nies li hemm f'dan id-dipartiment fl-iktar mod produttiv; talli min qiegħed imexxi dan id-dipartiment qiegħed saħansitra anke fuq sotto-kumitat tal-Kabinett - wieħed mit-tliet sotto-kumitati li kont irriferejt għalih fid-diskors tal-ftuħ tiegħi. Biss, jibqa' l-fatt li meta l-economic planning department ġew biex jevalwaw kemm mill-current deficit huwa dovut għall-economic slow-down, sabuha diffiċli anke huma biex jikkwantifikawh f'termini reali. Wieħed irid ukoll jirrikonoxxi l-fatt li normalment meta jkollok a lower level ta' employment income dan suppost jaffettwa r-revenue li jkun miġbur min-naħa tal-gvern f'dak li huwa income tax kif ukoll f'dawk li huma kontribuzzjonijiet tas-sigurta` soċjali. Imma minħabba d-drive intensiva li qed ikun hemm min-naħa tal-gvern biex jiġbor it-taxxa, fil-fatt jekk naraw id-dħul ta' l-income tax insibu li dan id-dħul minflok naqas żdied, għaliex id-dipartiment - u għad baqagħlu ħafna x'jaqdef - xammar mhux ħażin paragun ma' dak li kien għaddej fis-snin ta' qabel, u qed jagħti riżultati ferm aktar sodisfaċenti milli kienu qabel, għalkemm ir-riżultati jistgħu jkunu ferm u ferm aktar sodisfaċenti b'mod partikolari fejn tidħol l-evażjoni tat-taxxa.
In-naħa l-oħra tal-Kamra għamlet diversi punti fl-interventi tagħha. Jiena smajt b'attenzjoni kważi l-maġġoranza tad-diskorsi li saru, bl-eċċezzjoni ta' xi ftit minuti li kont nieqes minn din il-Kamra, imma skantajt kif ħadd mill-kelliema tan-naħa ta' l-Oppożizzjoni ma ndenja ruħu jagħmel riferenza għall-fatt li d-deficit li wirtet l-amministrazzjoni Laburista huwa effettivament deficit strutturali - ħaġa li l-Oppożizzjoni għadha sal-lum ma tammettihiex.
Intqal ukoll li l-qasam tal-manifattura, jekk m'huwiex f'riċessjoni, jista' jinstab lejliet riċessjoni. L-ewwelnett id-drop kienet ta' Lm3.1 million, li f'termini ta' persentaġġi tiġi għal ċirka 1.2%. U dan huwa dovut prinċipalment għas-subsector ta' machinery, transport equipment u anke għal dak li huwa printed matter. Ħafna drabi dan huwa dovut għall-fatt li hemm kompetizzjoni tremenda fil-qasam ta' l-istampar. Pero' ma ssemmewx is-subsectors fejn qed ikun hemm titjib, li jinkludu s-settur ta' l-ikel, tal-beverages, tat-tabakk, tal-clothing, ta' l-għamara, taż-żraben, items ta' ġojjellerija, ġugarelli u anke toys and games. U la qed insemmu dawn is-setturi nixtieq nitkellem ftit fuq settur wieħed partikolari, għaliex fil-pajjiż hemm żewġ tipi ta' ristrutturazzjoni. Hemm ir-ristrutturazzjoni li tiġi mbuttata mill-gvern, kif il-Gvern Laburista għandu intenzjoni li jagħmel, b'kordinazzjoni sfieqa mal-korpi kostitwiti fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin; imbagħad għandek ċerta ristrutturazzjoni li jgħaddu minnha ċerti kumpanniji minn rajhom to survive, għaliex huma konxji mill-fatt li jekk ma jagħmlux ristrutturazzjoni ma jibqgħux kompetittivi u jiġu edged out kompletament mis-suq. Jiena naħseb li f'ċerti każi s-settur tal-clothing għamel din it-tip ta' ristrutturazzjoni minn rajh, u llum qed naraw ċerti fabbriki mexjin minn items tal-mass production u items sensittivi ħafna f'dak li huwa prezz, għal faxx differenti u għal prodott ta' kwalita` ogħla, u dan qed jagħtihom edge kompetittiva importanti. Din ix-shift f'dan is-settur partikolarment sensittiv hija importanti ħafna għaliex tevita li tħalli dan is-settur suġġett għal dawk li huma pressures ta' cheap labour economies, kif kien jiġri fis-snin l-imgħoddija, meta s-settur tal-manifattura tat-tessuti kien ikkonsidrat bħala a cheap labour sector fil-pajjiż.
THE DEPUTY SPEAKER: Ippermettili, Onorevoli, skadielek il-ħin u għandek bżonn leave of House. Hawn il-permess tal-Kamra? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. LEO BRINCAT: Nirringrazzja lill-Kamra għal dan il-permess. Ta' min isemmi wkoll settur li forsi ma ġiex ittrattat fid-diskussjoni li kellna. Saret kritika fuqu imma ma jidhirlix li ġew sollevati l-avvanzi li kien hemm fis-settur tal-biedja u l-kontribuzzjoni li dan is-settur għamel għall-GDP. Għalkemm mhuwiex kbir daqs it-turiżmu u daqs il-manifattura, huwa settur strateġiku u importanti ħafna. Fl-idea tiegħi nkunu qed nonqsu lill-operaturi kollha f'dan is-settur jekk aħna ma nirrikonoxxux l-avvanzi li saru fih tul dawn l-aħħar xhur.
Sur President, punt ieħor li ssemma minn diversi kelliema huwa l-aspett tal-moralita` fiskali u anke l-ħidma tal-Kumissjoni tal-Moralita' Fiskali. L-ewwelnett tajjeb wieħed jgħid li din il-kummissjoni, kif aħna marbutin li nagħmlu, fl-ebda mod ma ndħalnilha fl-operat tagħha u żgur li m'għandna l-ebda intenzjoni li nagħmlu dan fil-ġejjieni qarib. Biss jekk nista' ngħaddi osservazzjoni iktar milli kritika, kien hemm it-tendenza - jekk wieħed jara anke r-rapport ta' ħidma tagħha tul l-aħħar sena - li l-kummissjoni iktar qisha enfasizzat x'm'għandux isir milli x'għandu jsir b'mod speċifiku sabiex negħlbu problemi bħalma huma l-evażjoni tat-taxxa. Infatti kien hemm ħafna każi fejn qalu biex wieħed ma jagħmilx "hekk" u ma jagħmilx "hekk" - niftakar li meta kienet qed tiġi ntrodotta s-CET kienu ħaduha kontra l-istand li kien ħa l-Prim Ministru, meta ta avviż pubbliku li kien lest li jsemmi lil min kien qed jabbuża mill-prezzijiet - imma jekk naraw is-suġġerimenti konkreti li ħarġu min-naħa ta' din il-kummissjoni biex tingħeleb l-evażjoni tat-taxxa, wieħed kien jistenna output iktar effettiv. U jiena nawgura li fis-snin li ġejjin dan il-kumitat ikompli jaħdem b'mod effiċjenti - bl-ebda mod ma rrid innaqqas l-effiċjenza li biha ħadem dan il-kumitat - u forsi jkun f'qagħda aħjar milli kien fl-imgħoddi li jagħti suġġerimenti konkreti lill-amministrazzjoni tal-ġurnata, tkun liema amministrazzjoni tkun, sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa.
Min-naħa ta' l-Oppożizzjoni kien hemm min qal li l-income tax hija bużżieqa ta' Alfred Sant! Hekk kienet l-espressjoni. Jien ngħid li l-kwestjoni ta' l-income tax hija nuffata ta' l-Oppożizzjoni, mhux bużżieqa ta' Alfred Sant! U ngħid għaliex. Jekk naraw ir-riferenzi li saru għall-income tax fl-istampa Nazzjonalista f'dawn l-aħħar ġranet, mhux f'dawn l-aħħar snin, u nipparagunahom ma' dak li kien qed jintqal pubblikament min-naħa tal-kelliema Nazzjonalisti, naraw kuntrast kbir u inkonsistenza kbira f'dak li qed tgħid u tagħmel l-Oppożizzjoni. Per eżempju, xi ftit ġimgħat ilu f'editorjal qalu li fl-1996 kien hemm inqas dħul mill-income tax għaliex kien hemm bidla fil-gvern -donnhom riedu jimplikaw li d-dħul ta' l-income tax naqas għaliex tela' l-Partit Laburista fil-gvern - imbagħad kellna diskors mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni li sar jumejn wara dan l-editorjal, fejn qal: Aħna stajna naffordjaw ċertu tnaqqis fl-income tax għaliex konna fiduċjużi li l-VAT kienet se tirrendi biżżejjed biex tpatti għal dak it-tnaqqis. Meta jargumenta b'dan il-mod mhux qed ikun konsistenti u realistiku għax jekk naraw l-aħħar sena tal-Partit Nazzjonalista fil-gvern - u inutli joqogħdu jwaħħlu fil-Partit Laburista għax dik is-sena kulma għamel kien ftit iżjed minn xahrejn fil-poter - insibu li fl-1996 id-dħul naqas miż-żewġ sorsi, kemm mill-VAT innifisha u kemm mill-income tax, figuri li jitkellmu waħedhom. Kritika oħra li għamilna aħna dakinhar, u nibqgħu nagħmluha llum, kienet li jekk dakinhar l-ekonomija kienet għaddejja b'ċertu ritmu, din kienet marbuta mal-konsum fil-pajjiż u mhux marbuta mal-produzzjoni li wieħed kien qed jippretendi.
Sur President, id-deficit li għandu l-pajjiż, bħala amministrazzjoni lilna mbuttana biex infasslu ċerti bidliet strateġiċi bħala parti mill-ippjanar tagħna għall-futur ta' pajjiżna. U għalhekk iktar kmieni jien semmejt il-proċess tal-privatizzazzjoni li bagħat messaġġi pożittivi mhux biss lokalment imma anke barra l-pajjiż. Dan il-proċess wera that we mean business bħala amministrazzjoni, wera li nemmnu fi swieq liberalizzati u fl-istess ħin wera s-serjeta` min-naħa tagħna li flok aħna qed nimxu b'xi mod ideoloġiku, kif jagħmlu ċerti gvernijiet, qed nimxu f'direzzjoni ta' privatizzazzjoni li hija parzjali, gradwali u li se ssir b'mod ippjanat.
Sur President, saret ħafna kritika għall-budget, li parti minnha setgħet kienet ġustifikata iżda parti oħra żgur li ma kenitx. Naħseb li l-aħħar wieħed li għandi niddefendi din il-kritika huwa jien imma rrid nammetti li kien hemm ċerti rough edges fil-budget li forsi setgħu kienu llimati aħjar. Biss ejja wkoll nammettu li l-budget innifsu offra bidla direzzjonali lill-pajjiż u għall-ewwel darba daħħal fil-mentalita` tal-poplu Malti l-idea li ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq is-sussidji bħala handouts perpetwi min-naħa tal-gvern u bħala xi għejjun li ma jispiċċaw qatt. Naf li din hija xi ħaġa li lilna ta' din in-naħa m'għamlitniex popolari imma min-naħa l-oħra din l-amministrazzjoni wriet kuraġġ, determinazzjoni u onesta` għaliex aħna l-ewwel inpoġġu l-interess nazzjonali flok l-interess partiġjan. Fil-fehma tiegħi, minkejja li jista' jkun hemm ċertu disgruntlement għal ċerti policies li qed tagħmel l-amministrazzjoni għax ikunu policies ebsin, fl-istess ħin rajna li meta l-Oppożizzjoni ppruvat timmobilizza ċerti setturi fil-build-up li tan-naħa l-oħra ppruvaw jagħmlu għall-festa ta' l-1 ta' Mejju, rajna li kellhom attendenza fqira għal-laqgħat li għamlu għal diversi setturi. Dan qed ngħidu a bażi tal-press coverage li kien hemm fil-media tagħhom stess u a bażi tar-ritratti li rajna fl-istess ġurnali tal-Partit Nazzjonalista. U dan kien rifless fil-laqgħat li kellhom ma' tal-manifattura, ma' tat-turiżmu, ma' tas-servizzi u f'laqgħat oħra li kienu ntiżi bħala parti mill-build-up għall-festi ta' l-1 ta' Mejju.
Sur President, ġejt mistoqsi wkoll fuq l-impatt inflazzjonarju tal-budget. Jiena naħseb li min għamel din il-mistoqsija jaf li dan kien rifless primarjament f'Novembru u naħseb li din l-osservazzjoni kienet barra minn lokha għaliex ir-risposta toħroġ waħedha u m'hemmx bżonn li tiġi ndirizzata lejn in-naħa tagħna. Jiena ngħid biss li l-miżuri li qed nieħdu aħna jistgħu ma jkunux popolari imma f'għajnejn min hu serju, anke f'għajnejn għejjun barranin, juru li aħna qed nieħdu miżuri ta' ċertu kuraġġ, impenn u miżuri ta' ċerta serjeta`.
Ma naqasx li jkollna fehmiet kontrastanti bejn l-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni stess fl-atitudini li ħadu fil-kritika tagħhom tul dawn l-aħħar ġranet fuq dan is-suġġett. Kellna min kien negattiv għall-aħħar, imbagħad kellna anke min ħa gost bil-ġid ipproġettat u kien hemm anke min awgura li forsi l-affarijiet isiru aħjar milli qed isiru bit-tama li jkun hemm eżitu pożittiv ta' dawn l-affarijiet. Ma setax jonqos li f'dan id-dibattitu ma tiżżeffinx fin-nofs is-CET u l-iktar li żżeffnet fin-nofs kienet fil-kontest ta' l-effett tagħha fuq il-manifattura, għalkemm ma żżeffnitx fin-nofs forsi daqskemm iżżeffnet il-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea. Tajjeb li wieħed jagħmel żewġ rimarki partikolari fuq is-CET fir-rigward tas-settur tal-manifattura.
L-ewwelnett irrid ngħid li flok sistema ta' refunds ibbażati fuq deferred payments għall-esportazzjoni, aħna daħħalna sistema li tgħin mhux ftit il-cash flow għaliex hija essenzjalment xi ħaġa at source. Apparti minn hekk, hemm l-equipment kapitali li ma jħallsu xejn fuqu flok joqogħdu jistennew ir-refunds. Hemm ħafna materjal għas-suq lokali li huwa eżenti u għandek ovvjament ir-raw materials li huma eżenti. Jekk inħarsu lejn dak li huwa dħul tas-CET insibu li fl-ewwel erba' xhur qegħdin pari f'dak li sejjer fil-Fond Konsolidat bejn il-VAT u s-CET - at par ifisser li qed ninkludi r-refunds ta' l-input tax on stock - iżda meta wieħed jikkonsidra li l-VAT kienet tinkorpora l-contributions tal-Korporazzjoni Enemalta u tal-Korporazzjoni Telemalta, wieħed jista' jgħid li anke qegħdin at par f'dak li huwa net revenue. Naħseb li wieħed irid jirrikonoxxi l-fatt li għalkemm ir-rata tat-tkabbir forsi naqset, illum fil-pajjiż għandna livell ferm iktar sostenibbli milli kellna qabel il-bidla fil-gvern. L-amministrazzjoni tal-lum qed turi li kapaċi timmaniġġja l-problemi inerenti fl-ekonomija billi tindirizza żewġ problemi partikolari, li jien insejħilhom dual deficits, ċioe' d-deficit f'dak li huwa finanzjament pubbliku u d-deficit li jirrigwarda l-bilanċ tal-pagamenti.
Sur President, għalkemm kien hemm diġa` min tkellem fuq ir-ristrutturazzjoni, jien irrid nuri l-apprezzament tiegħi għall-fatt li r-ristrutturazzjoni mhux biss qed issir b'konsultazzjoni mal-partijiet kollha imma t-taħdidiet li qed isiru juru li se jkun hemm parteċipazzjoni sħiħa f'dan il-proċess għall-ġejjieni. U għalhekk tajjeb li wieħed ifaħħar l-isforzi li qed isiru kemm min-naħa ta' l-IPSE u anke min-naħa tal-korpi kostitwiti, għaliex dan jikkontrastja bil-kbir mal-mod heavy-handed u unilaterali li bih mexa l-Gvern Nazzjonalista meta qabad u ddeċieda li jneħħi 400 levy mingħajr ma għamel ebda konsultazzjoni ma' l-FOI fi żmien opportun. Jiena persważ li dan il-proċess ta' konsultazzjoni se jissaħħaħ u fix-xhur li ġejjin se jkun hemm momentum ġdid f'dan il-proċess ta' konsultazzjoni. U għalhekk nerġa' ngħid li aħna nawguraw mhux biss li jkun hemm konsultazzjoni imma jkun hemm parteċipazzjoni u anke tisħib.
Sur President, laqatni wieħed mill-punti li għamel l-Onor. Louis Galea fl-intervent tiegħu meta qal li ħass li kellu jagħmel ammissjoni li l-partit tiegħu ma rnexxilux ifisser il-politika Ewropea lill-poplu Malti qabel l-aħħar elezzjoni. Jiena mhux se noqgħod nidħol fil-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea imma ngħid li jekk il-Partit Nazzjonalista mingħalih li se jirnexxilu jikkonvinċi lill-poplu Malti kif m'għamilx qabel l-elezzjoni ta' l-1996 b'dak il-leaflet li bagħtu fid-djar, jiena ngħid li għad baqgħalhom ħafna u ħafna x'jagħmlu biex isaħħu l-argumenti tagħhom. Fil-fehma tiegħi, kien leaflet infantili ħafna u spikka fih iktar dak li ma ntqalx milli dak li ntqal dwar id-dibattitu sħiħ li għaddej dwar il-kwestjoni ta' l-Unjoni Ewropea.
Osservazzjoni oħra li għamel l-Onor. Louis Galea li nħoss li għandha tiġi mwieġba hija meta qal li bil-pożizzjoni li kien ħa l-Partit Laburista fuq il-VAT aħna kkorrompejna u mminajna l-moralita` fiskali, anzi qal li din kienet ġiet imminata meta konna fl-oppożizzjoni għaliex aħna konna għamilna appell lin-nies biex ma jħallsux il-kontijiet tad-dawl. Il-Partit Laburista in retrospect kien ammetta li dik setgħet kienet miżura żbaljata imma tajjeb li l-Onor. Galea l-ewwelnett jgħid x'inhuwa t-thinking illum min-naħa tal-Partit Nazzjonalista stess. Għaliex meta ftit ilu l-Kap ta' l-Oppożizzjoni kien qed jitkellem f'waħda mil-laqgħat tiegħu ta' nhar ta' Ħadd, kien hu stess li ndika u intima li l-Partit Nazzjonalista jista' jagħti direttivi lin-nies biex ma jħallsux il-kontijiet tad-dawl. U għalhekk jiena ngħid li qabel ma l-Onor. Galea joqgħod jgħid li l-Partit Laburista kkorrompa u mmina l-moralita` fiskali, imissu jagħmel ċaħda kategorika ta' dak li seta' implika u dak li seta' issuġġerixxa by inference l-istess kap tal-partit tiegħu.
L-Onor. Louis Galea qalilna wkoll li aħna wegħedna li nneħħu l-cash registers. U jien hawnhekk speċifikament nistieden lill-Onor. Membru biex isemmilna fejn xi ħadd mill-kelliema tal-Partit Laburista, b'mod partikolari l-Kap tal-Partit Laburista stess, li mexxa l-kampanja elettorali, għamel xi dikjarazzjoni li l-Partit Laburista kien se jneħħi l-cash registers. Pero' biex insemmi l-pożittiv ukoll, ħadt gost b'aspett wieħed fejn l-Onor. Galea tkellem dwar is-settur pubbliku. Hu ammetta li hemm ċerti ineffiċjenzi fis-settur pubbliku u tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li jekk se nagħmlu ristrutturazzjoni ssir ċerta ristrutturazzjoni anke fis-settur pubbliku nnifsu. Dan huwa diskors importanti u interessanti għaliex hija tematika li tmur kontra għal dak li qalu kelliema oħrajn tal-Partit Nazzjonalista. Jekk wieħed jieħu, per eżempju, id-diskors li għamel il-Kap ta' l-Oppożizzjoni meta l-ġimgħa li għaddiet indirizza l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-UĦM, wieħed isib li dakinhar ħa linja, fil-fehma tiegħi, opportunistika u kważi kważi għamel glossing over tal-problemi li hemm fis-settur pubbliku u ta ad intendere li l-miżuri li qed jieħu l-Gvern Laburista huma kontro-produċenti u barra minn lokhom għal kollox.
Punt li xtaqt nitkellem fuqu fil-qosor huwa l-bżonn ta' titjib f'dak li huwa management u kontroll tal-finanzi pubbliċi. Dan qed ngħidu mhux bi kritika għall-amministrazzjoni ta' qabel - forsi bi kritika għal diversi amministrazzjonijiet - imma qed ngħidu iktar biex nenfasizza dak li hemm bżonn isir milli dak li forsi seta' sar ħażin fl-imgħoddi u għadu jsir ħażin sal-lum. L-ewwelnett jiena naħseb li l-ikbar difett li hemm fis-sistema governattiva finanzjarja, anke fil-budget innifsu, hija li l-budget huwa dak li l-Ingliżi jsejħu a cashflow statement. Allura meta inti jkollok statement bħal dan, mingħajr ma trid ikollok sitwazzjoni fejn ħafna mill-fondi jkunu ta' natura storika, speċjalment dawk li huma accruals u arretrati ta' revenue. Sistema bħal din ma toffrix management control adegwat, b'mod partikolari meta inti jkollok scenarios qed jinbidlu b'rata mgħaġġla minn xahar għal xahar. Naħseb li dan japplika b'mod partikolari anke għad-deficit strutturali li dan il-pajjiż kellu f'dawn l-aħħar snin. L-amministrazzjoni tal-lum wirtet sistema ta' finanzjament pubbliku li kienet miexja fuq dik li l-Ingliżi jsejħu hand-to-mouth. U din is-sistema ovvjament tfisser biss li jkun hemm ineżistenza ta' ippjanar strateġiku fit-tul, li huwa importanti ħafna li jsir b'ċerta serjeta`. Hemm bżonn li l-budget exercise jibda jsir b'mod differenti. Ma nistgħux nibqgħu bis-sistema l-antika li l-eżerċizzju tal-budget ikun xi ħaġa li ssir biss f'nofs is-sajf, meta donnhom jistenbħu d-dipartiment tal-finanzi u jibdew jindirizzaw il-ħteġijiet tad-dipartimenti varji konċernati, imbagħad jibda l-bargaining mal-ministeri rispettivi a bażi tal-performance tagħhom tas-sena ta' qabel. Huwa veru li l-amministrazzjoni l-oħra kienet daħħlet il-konċett dipartimentali tat-three-year business plans, jiġifieri business plans fuq firxa ta' tliet snin, iżda dawn qatt ma kienu ġew ikkonsidrati serjament għall-finijiet ta' budgeting. U kien għalhekk li din il-prattika ġiet kważi mwarrba jew skartata, jekk mhux uffiċjalment, inuffiċjalment. Għal dan l-istess għan bħalissa qegħdin naħdmu dwar il-ħtieġa li jkollna a three-year rolling budget li jiġi ppjanat f'mod li jgħinna nippjanaw u nimmaniġjaw b'mod iktar razzjonali l-finanzi pubbliċi. Jekk nieħdu l-estimi ta' l-1998, anke fis-sorvelja li qed issir dwarhom, kemm fuq livell tal-ministeru tal-finanzi u kemm anke fil-kumitat tal-Kabinett, wieħed jara li hemmhekk l-estimi ta' l-1998 ġew ikkonvertiti f'estimi fuq bażi ta' xahar b'xahar, ħalli l-kontroll ikun jista' jsir f'mod iktar effettiv u iktar effikaċi. B'dan il-mod il-varjanzi negattivi li jkun hemm bejn dak li jkun attwali u dak li jkun budgeted ikun jista' jiġi monitored b'mod iktar effettiv u fejn ikun meħtieġ li tittieħed azzjoni korrettiva, din ovvjament tittieħed fi żmien opportun. Dan japplika, Madam Speaker, kemm għall-qasam tar-revenue u kemm għall-qasam ta' l-expenditure.
Min-naħa l-oħra rrid ngħid ukoll li l-konċett ta' l-accruals fuq l-expenditure qed jiġi segwit f'dawk li jissejħu l-ispending ministries. L-ispending ministries huma dawk il-ministeri li l-iktar jikkonsmaw fondi għaliex huma l-iktar ministeri li jkollhom budget outlay kbir. Bħal f'kull pajjiż ieħor, it-tliet spending ministies ewlenin tal-pajjiż huma s-settur tas-saħħa, is-settur ta' l-edukazzjoni u s-settur tax-xogħlijiet. Dan qed nagħmluh bit-tir li naslu f'sitwazzjoni fejn il-finanzi pubbliċi tal-pajjiż, jekk mhux għada jew pitgħada imma għallinqas fil-ġejjieni qarib, ikunu jistgħu jibdew jiġu bbażati fuq sistema ta' accruals, ħalli b'hekk kemm l-ippjanar u anke l-kontroll isir b'mod iktar effettiv u effikaċi. Jekk aħna jkollna l-monitoring ta' l-accruals u nibqgħu nżommu mal-politika dikjarata tagħna li kien hemm fil-budget, li aħna ma nirrikorrux għall-estimi supplimentari, jiena nemmen li nkunu qegħdin mhux biss insaħħu l-effiċjenza fl-operat tal-finanzi pubbliċi imma nkunu qegħdin inkabbru anke d-dixxiplina fuqna nfusna u d-dixxiplina interna fuq id-dipartimenti kkonċernati. Ma rrid lil ħadd jikkwotani ħażin fuq dan li qed ngħid. Biex inkun oġġettiv, irrid nuri li għad baqa' ħafna xogħol xi jsir f'dan ir-rigward, forsi għadu l-bidu ta' dan il-proċess u jien naħseb li dan jirrikjedi ċertu ammont ta' żmien sakemm inkunu nistgħu nittraduċu dawn l-għanijiet f'management u kontroll effettiv tal-finanzi pubbliċi bil-livell professjonali li wieħed jippretendi bi dritt fis-snin li qegħdin ngħixu fihom. Madam Speaker, il-finanzi pubbliċi huwa qasam estensiv u l-management tiegħu huwa mferrex f'ħafna dipartimenti, li f'ċerti każi għandhom know-how limitat ta' accounting, kemm mill-aspett finanzjarju u anke mill-aspett ta' dak li huwa management accounting. Aħna m'għandna l-ebda intenzjoni li napplikaw shock treatment għal sistema arkajka, imma beħsiebna nintroduċu dawn il-bidliet f'mod gradwali sakemm naslu biex verament inkunu nistgħu ngħidu li f'pajjiżna għandna sistema professjonali ta' accounting u sistema professjonali ta' dak li huwa management finanzjarju. Jiena hawnhekk irrid nirringrazzja mhux biss l-isforzi li qegħdin isiru fuq livell dipartimentali imma anke l-isforzi li qegħdin isiru, forsi minn wara l-kwinti, min-naħa tal-forum għal ekonomija aħjar li forsi mhuwiex kbir f'dak li huwa manpower, imma bħala outputs, għalkemm forsi output li ma jidhirx, qed jagħtu kontribut validu ħafna u nixtieq nirringrazzjahom għall-isforzi tagħhom.
Xtaqt nagħmel xi osservazzjonijiet oħra, Madam Speaker. Jekk m'iniex sejjer żball l-Onor. Sceberras Trigona staqsa għaliex ma kellniex nirrikorru jew nikkonsidraw - biex inkun fair ma' dak li ntqal - għall-finanzjament minn barra l-pajjiż, forsi minn pajjiżi bħaċ-Ċina u pajjiżi oħrajn. Illum meta titkellem ma' gvernijiet bħall-Gvern Ċiniż, jagħmluhielek ċara li spiċċaw dawk iż-żmenijiet li huma jgħinu bil-finanzjament dirett proġetti pubbliċi u proġetti infrastrutturali, kif seta' kien isir fiż-żmien tas-snin sebgħin u forsi ftit iktar tard minnhom. Illum iċ-Ċina qed tħaddem ekonomija tas-suq u meta tiġi biex titkellem dwar investiment titkellem dwar investiment li jkun imsejjes fuq studji ta' fattibilita` ħalli tiżgura li l-affarijiet isiru fl-iktar mod effiċjenti. U għalhekk aħna ma nistgħux nibqgħu nikkonsidraw li napplikaw l-istess metodi li forsi kienu tħaddmu fis-snin sebgħin b'ċertu suċċess u b'ċertu benefiċċju għall-ekonomija Maltija. Jiena naħseb li nistgħu nargumentaw fit-tul bejnietna dwar id-deficits tal-pajjiż u dwar is-self li għandna bżonn fil-pajjiż, imma ħaġa li naqblu fuqha hija li kbir kemm hu kbir l-ammont ta' self għall-pajjiż, id-dipendenza tagħna fuq self barrani hija waħda negliġibbli u minima ħafna. Naħseb li dan huwa aspett pożittiv li għandna nenfasizzawh.
Xtaqt li nitkellem fuq punt li tqajjem fil-kontest tat-turiżmu u dan qed ngħidu bla ebda animu għall-kollegi tagħna li hemm fil-kunsilli responsabbli għall-operat fis-settur privat tat-turiżmu. Fl-Istampa ntqal u anke f'laqgħat li kellna qalulna li aħna ntroduċejna xi taxxi ġodda. Aħna ma ntroduċejna l-ebda taxxi ġodda. Jekk wieħed jara l-budget isib li f'paġna 80 hemm riferenza speċifika għal dawk li huma konsumaturi oħrajn lil hinn minn dawk domestiċi. U tant kien minnu dak li aħna applikajna fil-budget permezz tal-Water Services Corporation, li meta l-għada tal-budget xi ditti ta' l-awditjar lokali għamlu summary tal-budget biex jibagħtuh lill-corporate clients tagħhom, kif isir anke barra l-pajjiż, kemm id-ditta MSD Consulting u kemm id-ditta J.N. Tabone & Co., meta tkellmu dwar turiżmu applikaw rati li huma l-istess rati li ġew applikati mill-Water Services Corporation il-ġimgħa li għaddiet, meta bagħtet il-kontijiet lis-settur turistiku. Aħna kellna round ta' konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tas-settur turistiku li se nerġgħu niltaqgħu magħhom u għalhekk ma nħossx li f'dan l-istadju għandi nikkummenta iżjed, imma nippreferixxu li jkollna one-on-one consultations magħhom kif aħna wegħedna li jkollna l-ġimgħa d-dieħla.
Saret mistoqsija ipotetika, jekk m'iniex sejjer żball, mill-Onor. Dalli, fejn qal: X'jiġri jekk il-Gvern jissellef aktar milli għandu bżonn? Naħseb li tajjeb li wieħed iħares lejn il-liġi nnifisha għaliex kieku l-figuri ta' l-1998 ivarjaw, il-liġi tipprovdi li jekk id-deficit jikber is-self ma jistax jeċċedi l-ammont provdut fil-liġi. U jekk id-deficit jonqos, jew il-gvern jissellef inqas addirittura jew jekk jissellef kemm tipprovdilu l-liġi, l-ammont extra bejn id-deficit u s-self jiġi misluf inqas is-sena d-dieħla.
Nixtieq nagħmel osservazzjoni fuq il-Euro. Qed naqbeż minn suġġett għall- ieħor għax dawn huma punti li tqajmu minn diversi kelliema u nħoss li nkun qed nonqos jekk ma nagħmilx riferenza għalihom. Xi ħadd, mingħalija l-Onor. Michael Refalo, staqsa: Xi tħejjija qed ikun hemm min-naħa tal-Gvern fuq il-kwestjoni tal-Euro? Jiena nista' ngħid li l-Bank Ċentrali ilu jsegwi l-kwestjoni tar-relazzjonijiet ma' l-Unjoni Ewropea - ħa nkun fair u ngħid li kienet qed tiġi segwita anke taħt l-amministrazzjoni l-oħra, meta s-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet fuq l-aġenda tal-Gvern ta' dak inhar - imma nista' ngħid li dan il-kumitat ma ġiex xolt, sempliċement għax l-amministrazzjoni tal-lum ma taqbilx ma' sħubija sħiħa. Anzi nista' ngħid li l-Bank Ċentrali għandu advisory committee fuq l-affarijiet ta' l-Unjoni Ewropea, li jiġi chaired fuq bażi regolari mill-gvernatur innifsu. Il-brief ta' dan il-kumitat huwa li jagħmel monitoring ta' l-iżviluppi kollha relatati ma' l-Euro nnifisha u jassessjaw kull azzjoni li jista' jkun hemm bżonn li tittieħed fir-rigward ta' pajjiżna. Apparti minn hekk, tajjeb li wieħed jgħid li l-Bank Ċentrali waqqaf diversi task forces biex jaraw x'miżuri hemm bżonn jiġu implimentati qabel Jannar 1999 fl-areas relatati ma' l-exchange rate basket tal-lira Maltija, l-aspetti legali, l-aspetti tal-correspondent banking, l-aspetti tas-sistemi ta' pagamenti internazzjonali, ir-ridenominazzjoni ta' l-assi u liabilities ta' pajjiżna u anke ċerti aspetti li għandhom x'jaqsmu ma' l-IT. Min-naħa l-oħra l-Bank Ċentrali, permezz ta' l-investments policy committee tiegħu li huwa wkoll chaired mill-gvernatur, qed jassessja l-implikazzjonijiet ta' dan kollu fuq dak li huwa reserve management u diġa` ġew implimentati xi miżuri min-naħa tagħhom.
Apparti minn hekk imbagħad hemm working group ieħor tal-banek fuq l-EU matters li huwa chaired mid-deputy general manager (international) market tas-Central Bank u li qed iħares lejn l-areas kollha li għandhom jiġu indirizzati, rigward dawk li huma servizzi bankarji li qegħdin jiġu offruti.
Saret riferenza wkoll għall-kwistjoni tal-pagamenti li kienu saru mill-Malta Drydocks, u hawnhekk tajjeb li wieħed jenfasizza - għalkemm dan il-punt tqajjem anke fil-Public Accounts Committee - illi l-varjazzjonijiet bejn l-1997 u l-1998 fir-revenue kienu dovuti anke għall-once-only payment tal-Malta Drydocks u dan kien ġej mill-fatt illi għall-income tax kellek kontribuzzjoni ta' ¥7.8 miljun, social security kellek ¥6 miljun u mbagħad kellek State contribution ta' ¥3 miljun, li b'kollox iġibu ¥16.8 miljun. Dawn kienu nklużi fl-approved estimates ta' din is-sena u fil-fatt l-expenditure loan lill-Malta Drydocks ta' ¥24.6 miljun kienet ġiet approprjata anke fis-supplementary estimates ta' l-1997.
Saret riferenza min-naħa ta' kelliemi ieħor ta' l-oppożizzjoni dwar in-nefqiet kapitali. Huwa staqsa: GĦaliex dan is-self kollu meta l-pajjiż mhu qed jagħmel ebda investiment maġġuri kapitali?
MADAM SPEAKER: Ippermettili, Onorevoli, imma reġa' skadielek il-ħin u għandek bżonn leave of House. Hawn il-permess tal-Kamra biex l-Onor. Brincat ikun jista' jkompli bid-diskors tiegħu? (Onor. Membri: No)
Il-permess ma ngħatax.
MADAM SPEAKER: Se npoġġi l-mistoqsija. Il-mistoqsija hi li l-abbozz tal-liġi msejjaħ ''Att biex jawtorizza li somma ta' mhux iżjed minn mija u għaxar miljun lira Maltija tinġabar b'self f'Malta sabiex tkopri nefqa ikbar mid-dħul fil-Fond Konsolidat matul is-sena 1997 u n-nefqa li hi mistennija sseħħ matul is-sena 1998'', ikun moqri t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
ONOR. MEMBRU: Division.
MADAM SPEAKER: Din id-division tittieħed fis-seduta li jmiss fuq dan l-Abbozz ta’ Liġi skond il-Mozzjoni ta’ Proċedura Nru 60 tat-12 ta’ Mejju 1997.
Il-Ministru Brincat.
Dostları ilə paylaş: |