Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)


ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR DAZJU TAS-SISA (EMENDA NRU. 4)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə12/18
tarix01.08.2018
ölçüsü1,09 Mb.
#65182
1   ...   8   9   10   11   12   13   14   15   ...   18

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR DAZJU TAS-SISA (EMENDA NRU. 4)

EXCISE DUTY (AMENDMENT) (NO. 4) BILL



ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker għandi messaġġ tal-President.
MADAM SPEAKER: Se naqra l-messaġġ tal-President:
UGO MIFSUD BONNICI

PRESIDENT
Il-President wara li kien informat dwar is-suġġett ta' l-Abbozz ta' Liġi "biex ikompli jemenda l-Att ta' l-1995 dwar Dazju tas-Sisa", jirrakkomandah għall-konsiderazzjoni tal-Kamra.
2 ta' Jannar 1998
Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, nipproponi t-Tieni Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex ikompli jemenda l-Att ta' l-1995 dwar Dazju tas-Sisa.".
MADAM SPEAKER: Min jissekonda, jekk jogħġobkom?
ONOR. JOE CILIA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, fl-aħħar diskors tal-budget kien tħabbar illi mil-1 ta' Jannar 1998 kellha tidħol taxxa tas-sisa fuq l-inbid ta' 5c kull litru. Fil-fatt din it-taxxa titħallas fuq inbejjed importati u anke fuq inbejjed prodotti lokalment, bħalma jiġri fil-każ ta' oġġetti oħra soġġetti għat-taxxa tas-sisa, ngħidu aħna s-sigaretti u l-birra.
Tajjeb illi wieħed jispjega - għalkemm issa għadda ċertu żmien - illi ftit jiem wara li kien tħabbar il-budget kienet saret laqgħa bejn l-awtoritajiet tad-dwana u produtturi lokali ewlenin, fi ħdan il-Federazzjoni ta' l-Industrija, propju dwar l-introduzzjoni ta' din it-taxxa. Huwa stmat illi dawn il-produtturi bejniethom jipproduċu madwar 80% ta' l-inbid għall-konsum lokali, 10% jiġi prodott minn produtturi kummerċjali żgħar, waqt li 10% tas-suq jittieħed minn inbejjed importati. Matul din il-laqgħa kien ġie spjegat illi waqt li d-dwana ma kellha l-ebda ħsieb li toħloq tfixkil żejjed għall-kummerċ, id-dipartiment ried jimplimenta sistema li tipprovdi kontroll adegwat kemm għal dak li huwa ġbir ta' taxxa u anke kontra l-evażjoni tagħha. Fil-fatt issemmew diversi metodi ta' kontroll, bħal banderoles jew immarkar ta' tappijiet, iżda minħabba l-użu ta' diversi sistemi ta' ppakkeġġjar, li jvarjaw minn fliexken, tetra packs u damiġġjani ta' qisien differenti, inħass illi fiċ-ċirkostanzi kien aħjar illi l-kontroll ikun bbażat fuq records ta' produzzjoni u anke fuq accounts awditjati, bħalma huwa fil-każ tal-birra.
Wieħed irid jiftakar ukoll, Madam Speaker, illi l-produtturi huma obbligati illi jżommu dawn ir-records illi titlob il-liġi tat-taxxa tad-dwana u sisa, ħalli wieħed ikun jista' jqabbel ċerti figuri meta jiġi biex jagħmel il-verifiki meħtieġa. Naturalment id-dwana żżomm record ta' l-għeneb importat waqt li dwar għeneb lokali hemm dispożizjonijiet fl-Att dwar l-Inbid, liema liġi hija amministrata mid-dipartiment ta' l-agrikultura, u dawn l-għodda jkomplu jgħinu biex isaħħu l-kontrolli u l-verifiki neċessarji. Wieħed irid jgħid ukoll illi minn ċerti analisi li jistgħu jsiru fuq il-prodott tkun tista' tasal għall-figuri ta' produzzjoni, u dan kollu fl-interess tal-ġbir ġust tat-taxxa. Huwa rilevanti wkoll li jingħad illi l-Att dwar l-Inbid jipprovdi għar-regolamentazzjoni tal-produzzjoni, ta' l-importazzjoni u tal-bejgħ tal-inbid u jimponi ċerti ħteġijiet u parametri fuq min irid jipproduċi l-inbid, fosthom il-ħruġ ta' liċenzja mid-dipartiment ta' l-agrikoltura. Għalhekk id-dispożizzjonijiet f'dan l-abbozz ta' liġi huma b'żieda u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' Kap 211 tal-Liġijiet ta' Malta.
L-abbozz preżenti, Madam Speaker, jieħu ħsieb illi jemenda l-Att ta' l-1995 dwar Dazju tas-Sisa billi fl-Ewwel Skeda tiegħu jiżdiedu "inbejjed, minbarra most tal-għeneb" mal-lista ta' oġġetti dazjabbli; tiżdied skeda ġdida biex jiġi speċifikat id-dazju tas-sisa li għandu jitħallas fuq l-inbejjed li huma deskritti fl-Ewwel Skeda; u wara t-Taqsima E tas-Seba' Skeda, li s'issa tidher bħala s-Sitt Skeda iżda li qed tiġi enumerata mill-ġdid, daħlet it-Taqsima F li titkellem dwar ir-Regolamenti tal-1997 dwar l-Inbid. Bħalma hu l-każ ta' l-oġġetti l-oħra dazjabbli, dawn ir-regolamenti waqt li huma speċifiċi għall-inbejjed, ikomplu jorbtu mar-Regolamenti ta' l-1995 dwar Oġġetti Dazjabbli illi jidhru fit-Taqsima A fl-istess skeda. Il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet qed jiddaħħlu permezz ta' regolamenti jippermetti illi xi tibdil fihom li tiegħu jista' fil-futur tinħass il-ħtieġa, ikun jista' jsir permezz ta' avviż legali f'inqas żmien minn dak li jitlob proċess parlamentari fejn jidħlu emendi għal-liġijiet.
Madam Speaker, għalkemm quddiemi għandi aktar notamenti rigward tibdil ta' natura teknika li qegħdin nipproponu, naħseb illi jkun aħjar li dan inħalluh għall-istadju ta' kumitat u fl-istess ħin ma ntawwalx wisq. Iżda osservazzjoni li nħoss li għandi nagħmel hija illi l-akbar sfida li se jkollu s-settur tal-inbid fil-ġejjieni huwa kemm se jkun kapaċi jkabbar għeneb lokalment. L-inbid importat minn barra jeħtieġ proċeduri speċjalizzati ta' handling li huma għaljin. Nafu pero' li kieku kellu jiġi intensifikat it-tkabbir ta' l-għenba Maltija jintgħelbu l-problemi ta' ħafna spejjeż tat-trasport. Fil-fehma tal-prodotturi nfushom, Madam Speaker, dan jista' jwassal għal kontroll tal-kwalita' aħjar, kemm qabel u anke waqt il-harvesting innifsu. Fil-fatt inbid prodott mill-għenba lokali jagħmilha aktar faċli biex produtturi lokali jesportaw il-prodotti tagħhom barra l-pajjiż. Hawnhekk niftaħ parentesi żgħira u nsellem lill-prodotturi ta' l-inbid Malti għat-titjib illi kien hemm fil-prodott tagħhom tul is-snin, speċjalment meta wieħed jipparagunah mal-livell ferm iktar inferjuri ta' inbid illi kellna għaxra jew 15-il sena ilu. Qed nitkellem b'mod ġeneriku imma naħseb li kull konsumatur jista' jara titjib sostanzjali fil-livell ta' l-inbid li ġie prodott riċentement ġewwa pajjiżna.

Naħseb iżda illi xorta jrid jibqa' jiġi diskuss il-fatt jekk għandniex nikkonsidraw dan il-prodott bħala prodott strateġiku jew le għaliex hemm min jgħid illi dan huwa prodott strateġiku u hemm min ma jaqbilx ma' din l-interpretazzjoni. Jiena naħseb illi l-iktar illi jinġab l-argument li dan huwa prodott strateġiku huwa ovvjament minn min jixtieq li jibqa' jgawdi l-protezzjoni tal-levy għal żmien indefinit jew inkella sakemm pajjiżna jsir awto-suffiċjenti f'dik li hija vitikultura, li naħseb li hija xi ħaġa pjuttost 'il bogħod biex naspiraw għaliha. Pero' dan is-settur, l-istess ma' setturi oħrajn, se jkun settur illi se jiġi diskuss mal-korpi kostitwiti u l-korpi relattivi meta nkunu qegħdin nitkellmu dwar il-pjani ta' ristrutturazzjoni u se nkunu qed nagħtu widen u konsiderazzjoni xierqa għall-problemi li qed jiffaċċa dan is-settur bl-iktar mod realistiku mingħajr ma nxellfu l-bilanċ ta' l-interessi u tal-problemi li għandhom setturi oħrajn.


F'dan l-istadju, Madam Speaker, nagħlaq hawnhekk u nħalli l-ispazju għall-kollegi tiegħi.
MADAM SPEAKER: Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Josef Bonnici.
ONOR. JOSEF BONNICI: Madam Speaker, nixtieq l-ewwelnett nibda biex nistaqsi jekk dan il-Gvern jafx x'inhu jagħmel. Qed ngħid dan għaliex propju f'Lulju tas-sena li għaddiet, b'ħafna daqq ta' trombi, il-Gvern qal li bis-sistema tas-CET se jraħħas xi prodotti. Fil-fatt intnefqu mijiet ta' eluf ta' liri biex sar advertising u ntbagħtu leaflets fid-djar mhux dwar il-prodotti li għolew imma dwar dawk li jew ma nbidilx il-prezz tagħhom jew inkella roħsu. Fost l-items li kien hemm li roħsu kien hemm propju l-inbid. Mela f'nofs is-sena li għaddiet kellna roħs fil-prezz ta' l-inbid meta neħħejna l-VAT u daħħalna s-CET, u f'Novembru l-istess Gvern u l-istess Ministru tal-Finanzi żied it-taxxa fuq l-inbid! Allura bilfors ikolli ngħid li hawnhekk għandna inkonsistenza grassa. GĦalija ma jagħmilx sens li wieħed l-ewwel iraħħas prodott u jibgħat jinforma b'dan lill-Maltin u l-Għawdxin kollha bieb bieb u mbagħad jiġi l-budget u l-istess prodott jerġa' jgħollih! Jekk il-Gvern kien se jagħmel hekk, ma setax għamel hekk mill-ewwel? Għalhekk qed nistaqsi wkoll jekk dan il-Gvern jafx x'inhu jagħmel. Jekk fhimtu tajjem il-Ministru qal li żied it-taxxa fuq l-inbid biex iżid id-dħul. Allura jekk kellu bżonn iżid id-dħul f'Novembru, ma kellux bżonn iżid id-dħul f'Lulju ta' l-istess sena? U allura mhux bilfors ikolli ngħid, kif qal Onor. Membru ta' din il-Kamra, li tlifna l-boxxla!
Bil-mod kif tkellem il-Ministru llum għall-ewwel ħsibt li kien qed jitkellem fuq il-ftehim li qed isir ma' l-Unjoni Ewropea, pero' m'inix ċar għal kollox. Għaliex? Qalilna illi dan is-settur se jiġi ristrutturat. Sadanittant il-Prim Ministru diversi drabi qal illi s-settur ta' l-ikel huwa excluded mil-free trade agreement. Issa dan is-settur jinkludi wkoll il-beverages u prodotti li għandhom link dirett ma' l-agrikoltura. GĦalhekk nistaqsi: Il-levy fuq l-inbid se tibqa' jew le? Ir-ristrutturazzjoni li qed jitkellem fuqha l-Gvern se tapplika għas-settur ta' l-inbid? Jekk inhu hekk dan ifisser li s-settur ta' l-ikel, kuntrarju għal kif ġew informati l-Federazzjoni ta' l-Industrija u l-korpi kostitwiti ftit tal-ġimgħat ilu, m'huwiex excluded mill-free trade agreement, li allura jikkonferma dak li qalet l-Unjoni Ewropea fir-rapport tagħha meta qalet illi l-free trade agreement irid ikopri s-setturi kollha. (Interruzzjonijiet) Nerġa' ngħid li jien hekk fhimtu jgħid lill-Ministru.
Madam Speaker, huwa importanti illi nkunu nafu sewwa kif se nimxu f'dan is-settur għaliex waqt illi hija x-xewqa ta' kulħadd f'pajjiżna illi nipproduċu aktar għeneb u għeneb ta' kwalita' - fil-fatt qegħdin isiru ċerti esperimenti f'dan is-sens - nafu wkoll li wieħed irid jimxi b'ċerta kawtela u jrid ikun jaf x'inhuma l-long-term indications. Mill-introduzzjoni tal-Ministru llum ma ħadt l-ebda indikazzjoni dwar dan. Il-Ministru ma tkellimx dwar x'se jiġri u dwar kif nistgħu nistimulaw dan is-settur. Ma semma xejn b'mod speċifiku ħlief li hemm diskussjonijiet għaddejjin dwar ristrutturazzjoni illi tinvolvi wkoll is-settur ta' l-inbid. Lanqas qalilna xejn il-Ministru dwar l-oġġezzjoni min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea li meta daħlet it-taxxa tas-CET f'Lulju ta' l-1997 il-prodott Malti ġie vvantaġġat vis-a-vis il-prodott mill-Unjoni Ewropea. Kif konna għidna li se jiġri, dan qajjem problemi anke fis-settur ta' l-inbid. Effettivament il-Gvern kellu jċedi għall-pressjoni ta' l-Unjoni Ewropea u naqqas il-protezzjoni fuq l-inbid għaliex l-ETI ma ġietx applikata aktar. Dan ifisser li l-Gvern naqqas bi ftit il-protezzjoni fuq l-inbid mingħajr ma ggwadanja xejn mil-lat ta' esportazzjoni ta' l-istess prodott.
Issa skond dik il-famuża ittra li l-Ministru Brincat sfortunatament għadu jkaxkar saqajh biex ipoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra - jiena għadni ma nistax nifhem għalfejn qed jagħmel hekk - li tgħid li se jkun hemm bżonn ta'
"a gradual introduction of a tax on value added of manufacturing activity aimed for the local market at a rate equivalent to the present one levied at Customs",
is-settur ta' l-inbid se jkun hemm taxxa addizjonali fuqu, a tax on value added, li hija taxxa simili għall-VAT. GĦax m'hu veru xejn li l-value added tax u t-tax on value added huma żewġ affarijiet differenti, u wara li naqqas il-protezzjoni fuq l-inbid u wara li ħareġ jiftaħar li l-prezz raħas, dan il-Gvern issa qed jerġa' jżid it-taxxa fuqu, taxxa simili għal dik it-taxxa li tant ħadem u tant nefaq flus f'riklamar biex ineħħi.
MADAM SPEAKER: Ippermettili Onorevoli għax sar il-ħin. Tibqa' in possession?
ONOR. JOSEF BONNICI: Iva, nibqa' in possession. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Nistieden lill-Ministru Mizzi, jekk jogħġbu, iressaq l-Aġġornament tal-Kamra.


Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   8   9   10   11   12   13   14   15   ...   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin