Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə1/18
tarix01.08.2018
ölçüsü1,09 Mb.
#65182
  1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 218


Il-Ġimgħa, 22 ta' Mejju, 1998

Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 218


Il-Ġimgħa, 22 ta' Mejju, 1998

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fid-9.13 a.m.

Talba

SEDUTA NRU. 218
Il-Ġimgħa, 22 ta' Mejju, 1998


WERREJ

MINUTI 194

MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI 194

TQEGĦID TA' KARTI 199

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA 200

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR TRIBUNAL GĦAL TALBIET ŻGĦAR 200

200


SMALL CLAIMS TRIBUNAL (AMENDMENT) BILL 200

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR SELF LOKALI 201

LOCAL LOAN BILL 201

RULING 234

L-Onor Membri kollha jafu x’inhu rikjest minnhom u kif għandhom jirregolaw ruħhom jekk iridu li sejħiet għal quorum ma jkunx hemm bżonnhom. 252

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR DAZJU TAS-SISA (EMENDA NRU. 4) 289

EXCISE DUTY (AMENDMENT) (NO. 4) BILL 289

AĠĠORNAMENT 292

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 297

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET BIL-MIKTUB 330





MINUTI



MADAM SPEAKER (Onor. Myriam Spiteri Debono): Il-Minuti jistgħu jiġu kkonfermati? L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li l-Onor. Jean Pierre Farrugia kien preżenti għas-seduta ta' nhar l-Erbgħa, 13 ta' Mejju, 1998.
MADAM SPEAKER: Hemm xi korrezzjoni oħra? Il-minuti jistgħu jiġu kkonfermati? (Onor. Membri: Iva)
Il-Minuti tas-Seduta Nru. 217 li saret fit-13 ta' Mejju, 1998 ġew konfermati.


MISTOQSIJIET-TWEĠIBIET ORALI



UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU - SAFAR

9585. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet fid-dikasteru li għalih hu responsabbli mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Ottubru, 1997? X'kien l-iskop ta' kull safra? Minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull safra? Kemm intnefaq għal kull safra? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll mingħand liema aġenziji ta' l-ivvjaġġar ittieħdu l-biljetti ta' l-ajru u kemm tħallas lil kull aġenzija?
ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Se nqiegħed t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.


PA - RESTAWR TA' SWAR

12796. L-ONOR. AUSTIN GATT staqsa lill-Vici Prim Ministru, Ministru għall-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11457 li saret lill-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni< u ċioe' peress li x-xogħol involut fuq is-swar kien jinvolvi tibdil ta' ammont sostanzjali ta' ġebel, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li skond ir-regolamenti tal-Planning Authority ma kienx meħtieġ permess mingħandha?
ONOR. ALFRED SANT (f'isem il-Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u ta' l-Ambjent): L-Awtorita` ta' l-Ippjanar kienet ġiet informata permezz ta' ittra mill-building and maintenance unit li se jsir xogħol ta' restawr. Dan fil-fatt sar u x-xogħlijiet saru tajjeb.
Kieku kien hemm bżonn permessi l-Awtorita` ta' l-Ippjanar kienet tgħid hekk u tieħu l-passi neċessarji biex l-affarijiet ikunu konformi mal-liġi.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. TONIO BORG: Madam Speaker, it-tweġiba hija xi ftit stramba. Jien għadni nisma' lil min jgħid li biex anzjana tagħmel xi vireg fit-tieqa - ħalli forsi ma jidħlulhiex ħallelin - għandha bżonn il-permess ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Allura biex xi ħadd jaqla' l-ġebel tas-sur u jagħmel ġebel ieħor ġdid, m'hemmx bżonn il-permess ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar? Possibbli li din hija s-sitwazzjoni! Jien qed naraha ftit stramba, anke bħala kontroll, irrispettivament minn jekk sarx tajjeb jew ħażin ix-xogħol.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Bħalma qal wieħed mill-karattri ta' William Shakespeare, f'dawn l-affarijiet hemm ħafna affarijiet aktar strambi milli jidhru fl-għajn, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar! Jiġifieri nifhem il-punt li għamel l-Onor. Membru imma dik hija s-sitwazzjoni.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea, mistoqsija supplimentari.
ONOR. ĊENSU GALEA: Jiġifieri l-Prim Ministru qed jgħid li xogħol bħal dan jista' jsir mingħajr permess?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Le, ħalli nerġa' nirripeti r-risposta għax forsi l-Onor. Membru ma kienx qiegħed isegwi eżattament. Il-punt huwa li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar kienet ġiet informata bix-xogħol li qiegħed isir biex ikollha ċ-ċans li tagħmel ir-rappreżentazzjonijiet kollha li kellha d-dritt tagħmel. Fil-fatt m'għamlithomx u jirriżulta li ma kellhiex għalfejn tagħmilhom.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Madam Speaker, f'Lulju li għadda jidhirli li ħarġet GDO li tgħid li ċerti xogħlijiet jistgħu jsiru mingħajr permess iżda xorta waħda dak li jkun irid jinforma lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar bix-xogħol li jkun se jagħmel. Jekk imbagħad l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jidrilha li dak l-iżvilupp jikser xi policy, allura tkun tista' żżommu milli jkompli għaddej bix-xogħol. Issa dan li qed jgħid il-Prim Ministru jfisser li xogħol ta' tibdil fis-swar tal-Belt jaqa' taħt din it-tieni klassi? Jekk huwa hekk naħseb li hemm lok li tinbidel din il-ħaġa għax inkella nistgħu nbiddlu l-ġebel tas-swar u mbagħad jekk ikun sar ħażin ninformaw lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar biex jiġu jarawh. Imbagħad mur aqilgħu!
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Ma tantx naqbel li nkomplu ntaqqlu l-proċeduri li bihom taħdem l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Biżżejjed huma tqal u biżżejjed qed joħolqu problemi għaż-żgħażagħ u għall-familji tagħna, aktar u aktar f'dawk l-oqsma li huma ta' ċerta importanza. Ċertament ma narax il-lok li noqogħdu nissuġġerixxu aktar modi kif intaqqlu l-proċeduri li bihom taħdem l-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt, mistoqsija supplimentari.

ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, nifhem il-punt li qiegħed jagħmel il-Prim Ministru. Pero' waqt li wieħed jifhem li għandna nnaqqsu t-toqol tal-proċeduri fejn jidħol bini ta' djar u xogħol ieħor ordinarju, speċjalment fil-każ ta' koppji li se jiżżewwġu, naħseb li rridu nkunu ħafna iktar attenti fejn jidħol il-heritage kulturali.
Din hija t-tieni domanda li qed nagħmel fuq il-maintenance tas-swar, mhux għax tbiddlet ġebla waħda jew tnejn u tneħħa xi ftit ħaxix imma għax kien hemm maintenance pjuttost sostanzjali, u għalkemm m'iniex kompetenti biex niġġudika, hemm opinjonijiet li din il-maintenance ma tantx saret b'ċerta skill. Jiġifieri l-punt li qed nagħmlu minn din in-naħa tal-Kamra huwa li waqt li napprezzaw u naqblu perfettament li l-proċeduri burokratiċi ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar għandhom jitnaqqsu fejn jidħlu bdil ta' twieqi, bibien u dawn il-ħafna affarijiet, aħna preokkupati li fejn jidħol il-heritage kulturali jidher li m'hemmx bżonn is-sorveljanza u l-permess ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Jekk il-pożizzjoni odierna hija li fejn jidħol il-cultural heritage m'hemmx bżonn dawn il-permessi, jidhirlu l-Prim Ministru li hemm bżonn emendi fir-regolamenti jew fil-liġi?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, kieku l-maintenance se tkun tat-tip li saret fuq l-istatwa tal-Granmastru De Vilhena nemmen li għandu jkun hemm intervent min-naħa ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Ċertament li l-proċedura li qed tiġi segwita tagħti din il-possibbilta` fejn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jidhrilha li l-affarijiet ikunu sejrin oltre milli għandhom isiru, f'dak li għandu x'jaqsam ma' maintenance regolari, imma żgur li ma naqbilx ma' proċedura li kull maintenance regolari ta' strutturi li b'xi mod jew ieħor huma relatati mal-wirt storiku għandha tkun il-ħin kollu dipendenti fuq proċeduri burokratiċi li, kif nafu, għandhom tendenza, speċjalment bl-Awtorita` ta' l-Ippjanar preżenti, li jsiru proċeduri tal-waħx. Minflok li huma proċeduri ħfief u alerti għal dak li għaddej huma proċeduri li jtaqqlu u jwaqqfu kollox.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, jiena napprezza wħud mill-kummenti li qiegħed jagħmel il-Prim Ministru pero' fl-istess ħin naħseb li naqblu li jekk hemm ħaġa li timmerita ordni ta' konservazzjoni - min jaf kemm il-ordni ta' dan it-tip ħarġet l-Awtorita` ta' l-Ippjanar over the years! - żgur li huma s-swar. Jekk tneħħi t-tempji li għandna ta' żmenijiet eqdem, naħseb li f'pajjiżna ftit huma l-binjiet li huma eqdem minn dawn il-postijiet. Allura kif jispjega l-Prim Ministru li fuq postijiet li għandhom 50 sena hemm ordni ta' konservazzjoni, imbagħad fuq swar u fuq bini li għandu ma nafx kemm-il-mitt sena m'hemm l-ebda ordni u m'hemm bżonn ta' l-ebda permess? Din żgur hija kontradizzjoni qawwija.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, ma naħsibx li din hija l-issue. Hawnhekk l-issue hija jekk għandux ikun hemm proċedura sempliċi li biha l-gvern u l-awtoritajiet li għandhom x'jaqsmu mar-restawr ta' postijiet arkitettoniċi u storiċi jkunu jistgħu jagħmlu maintenance mingħajr ma jkun hemm dewmien esaġerat imma b'kontrolli adegwati. Minkejja ċerti botti li ntefgħu, ma jirriżultax li l-maintenance li sar kien b'xi mod jew ieħor żgarrat, anzi bil-maqlub u jien nemmen li l-proċedura li għandna quddiemna hija effiċjenti fil-kontest attwali.
MADAM SPEAKER: L-Onor. George Pullicino, mistoqsija supplimentari.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, jekk l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ġiet notifikata, jista' l-Prim Ministru jgħidilna jekk in-notifikazzjoni biex l-awtorita` tmur tiċċekkja kenitx waħda verbali jew bil-miktub? U jekk kienet bil-miktub jista' jpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, mill-file li għandi quddiemi ma jirriżultalix kenitx verbali jew le. Jien nassumi li kienet in writing.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Pullicino.
ONOR. GEORGE PULLICINO: Madam Speaker, jekk saret bil-miktub il-Prim Ministru qed jaċċetta li jpoġġi kopja ta' dik it-talba fuq il-Mejda tal-Kamra?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Jien diġa` għidt li qed nassumi li saret bil-miktub għax m'għandi l-ebda indikazzjoni fil-file.
Fil-każ li saret bil-miktub naħseb li m'għandu jkun hemm l-ebda problemi biex titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Cassar, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JOE CASSAR: Madam Speaker, jista' l-Prim Ministru jgħidilna kif ix-xogħol ta' restawr huwa maqsum bejn il-ministeru tax-xogħlijiet pubbliċi u l-ministeru ta' l-edukazzjoni u kultura nazzjonal? Jirriżulta li hawn affarijiet li jieħu ħsiebhom ministeru u affarijiet oħra li jieħu ħsiebhom ministeru ieħor imma naħseb li huwa fl-interess ta' kulħadd li nkunu nafu.
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Iva, din hija problema sempiterna fit-tmexxija tal-gvern, li ċerti responsabilitajiet ikunu maqsuma bejn ministeri differenti, u ma tkunx taf eżattament fejn jibda wieħed u fejn jispiċċa l-ieħor. Per eżempju, fejn tidħol il-manutenzjoni, ċerti ħaddiema industrijali jitqassmu ma' diversi dipartimenti, għax parti mill-job tkun taħt id-dipartiment ta' l-ambjent, parti oħra tkun taħt id-dipartiment tal-biedja, parti taħt id-dipartiment ta' l-edukazzjoni u parti oħra taħt id-dipartiment tal-public works. F'dan il-qasam hemm ħafna overlaps u waħda mill-affarijiet li qed nipprovaw nagħmlu hija li nirrazzjonalizzaw ix-xogħol kif isir u taħt liema dekasteru jaqa'.
Il-problema qed tkun li ħafna mill-jobs ikunu ntirtu. Kultant ikollok ukoll storja ta' wirt politiku, ta' meta nbidlu d-dekasteri taħt l-amministrazzjoni preċedenti u allura pocket ta' xogħol jibqa' taħt ministeru partikolari, għax il-ministru ta' ħames snin jew tmien snin ilu kien tiegħu dak iż-żmien. Allura ma neskludix li anke f'dan il-qasam wieħed irid jara ir-razzjonalizzazzjoni li għandha ssir.
Jien nemmen li l-aħjar razzjonalizzazzjoni għandha tibda mid-dipartiment ta' l-ambjent, id-dipartiment tal-public works u d-dipartiment tal-biedja fuq nies li għandhom x'jaqsmu ma' manutenzjoni ta' postijiet storiċi u ta' wirt kulturali.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Jean Pierre Farrugia, mistoqsija supplimentari.
ONOR. JEAN PIERRE FARRUGIA: Madam Speaker, dwar il-kwestjoni tar-restawr tal-monument De Vilhena, li semma l-Prim Ministru, jirriżulta li anke f'dan il-qasam hemm nuqqas ta' ftehim bejn dawk li huma responsabbiltajiet bejn gvern lokali u gvern ċentrali. Per eżempju, minkejja li l-kunsill lokali m'huwiex responsabbli għal dan il-monument, li huwa wieħed mis-siti li baqa' f'idejn il-gvern ċentrali, xorta waħda jidher li l-kunsill lokali qed jieħu inizjattiva iktar mill-gvern ċentrali biex dan il-monument jiġi rrestawrat. Issa d-domanda tiegħi hija din: Hemm xi applikazzjoni quddiem l-Awtorita` ta' l-Ippjanar għar-restawr ta' dan il-momument, jekk fil-fatt hemm ħtieġa għal dan?
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Infakkar lill-Onor. Interpellant li r-restawr fuq dan il-monument sar taħt il-Gvern preċedenti, li kien wieħed mid-diżastri li kien responsabbli għalihom dak il-gvern, għax l-istatwa ta' De Vilhena spiċċat b'kulur kompletament żnaturat, miskina!
Hemm ukoll il-mistoqsija dwar fejn għandu jitpoġġa dak il-monument. Veru li b'ċerta responsabbilta` serja, il-Kunsill Lokali tal-Furjana, speċjalment taħt is-Sindku preċedenti, is-Sur Publius Agius, kien qajjem kuxjenza dwar din il-problema. Safejn naf jien għadhom ma tteħdux inizjattivi mill-gvern ċentrali dwar din il-ħaġa imma jekk l-Onor. Interpellant jogħġbu jagħmel mistoqsija bil-miktub inkunu nistgħu nweġbuh fid-dettall.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tonio Borg.
ONOR. TONIO BORG: Madam Speaker, skużani li se nerġa' mmur lura fuq is-swar imma jidhirli li għadna mingħajr risposta sodisfaċenti. Jekk il-Prim Ministru huwa u ħiereġ mill-Belt iħares lejn is-swar, fit-Telgħa tal-Kurċifiss jara li hemm ċappa kbira ta' ġebel ġdid tal-franka mwaħħal mas-swar. Jekk il-Prim Ministru se jibqa' jinsisti li huwa kuntent b'din is-sitwazzjoni, se niġu f'pożizzjoni li kulmin irid jista' jaqbad u jwaħħal ġebel tal-franka fuq is-swar tal-Belt. (Interruzzjonijiet) Mela għaliex kienet hekk għandha tibqa' hekk! Jekk kienet hekk kienet ħażin, x'nista' ngħid!
Issa intom qegħdin fil-gvern u toqogħdux tistaħbew wara l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Intom għandkom il-poter li jekk tridu tbiddlu l-ordni ta' l-iżvilupp u jekk din kienet taqa' taħt l-ordni ta' l-iżvilupp li m'għandhiex bżonn permess, tinbidel dik l-ordni. Skużani, imma toqogħdux tistaħbew wara l-Awtorita` ta' l-Ippjanar! (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, jien m'għandi l-ebda raġuni għaliex niskużah. L-Onor. Interpellant jista' jitkellem kemm irid fuq is-swar u nfakkru li waħda mir-raġunijiet għaliex qed nitkellmu fuq is-swar hija għax dan il-Gvern ħa r-responsabbilta` li jibda jagħmel manutenzjoni tas-swar, ħaġa li ma kenitx tiġri taħt l-amministrazzjoni ta' qabel. Jitkellem kemm irid fuq is-swar, nieħu gost li jagħmel hekk u nkunu iktar milli lesti biex nagħtuh l-ispjegi neċessarji.
Jien ma naqbilx li għandna ndaħħlu l-proċedura li qed isemmi l-Onor. Tonio Borg għaliex mid-dehra din il-proċedura tiddependi mill-fatt li jgħaddi deputat ta' naħa jew oħra, jara ċ-ċapap tal-franka li ma jogħġbuhx u allura jqajjem is-suġġett bi protesta lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Bir-rispett kollu lejn l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, jien nerġa' ngħid li m'iniex konvint li din se tkun watchdog li tassew issegwi jew iżżomm l-affarijiet aħjar milli jista' jżomm proċeduri serji u trasparenti l-gvern. Madam Speaker, ħalli nagħtik eżempju.
Is-sena li għaddiet meta konna qed nagħmlu l-esplanade ta' Buġibba, waħda mill-affarijiet li nsistiet fuqha l-Awtorita` ta' l-Ippjanar kienet li pjazza minnhom inħalluha vojta ħalli jkun hemm parking space. Aħna ma stajniex nifhmuha din imma la qalet hekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għamilnieha u issa qed insir naf jien li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar qed tagħti permess biex ikun hemm lunapark fuq dak il-parking space, li skond hi kienet meħtieġa biex joqogħdu l-karozzi ħalli ma jkunx hemm overflow tat-traffiku. Allura kif nista' mbagħad naċċetta l-premessa ta' l-Onor. Borg li jekk nagħmlu proċeduri aktar tqal, fuq ħaġa bħal din se jkun hemm xi kontrolli jew xi safeguards aħjar? Assolutament ma naqbilx mal-premessa u nemmen li l-proċedura li qed tiġi segwita, jiġifieri li jkun hemm informazzjoni lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar biex tkun tista' tintervjeni hi proċedura effikaċi, effiċjenti u tajba.
Ċertament nerġa' nsostni li din il-kwestjoni kollha qed tqum għax dan il-Gvern ħa r-responsabbilta` li jibda jagħmel maintenance tas-swar. Allura tajjeb li jqum il-punt u niddiskutu s-swar. Tajjeb li nirrekordjaw il-punt li kien hemm bżonn li s-swar jiġu rranġati u tlaqna għax-xogħol li nirranġaw is-swar.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Carmelo Borg, mistoqsija supplimentari.
ONOR. CARMELO BORG: Madam Speaker, nixtieq nistaqsi lill-Prim Ministru, l-ewwelnett jekk kienx hemm xi suġġerimenti min-naħa ta' l-Oppożizzjoni biex minflok materjal jintuża materjal ieħor fir-restawr. Nistaqsi wkoll jekk hijiex il-proċedura kurrenti, għaliex safejn naf jien il-proċedura hija li jitranġa bl-istess materjal li kien hemm, u huwa diffiċli li ssib materjal qadim ta' dak id-daqs.
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom. Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, ma kelli l-ebda suġġeriment fis-sens li qed jgħid l-Onor. kollega tiegħi. L-unika intervent li kelli min-naħa ta' l-Oppożizzjoni kien dwar xi inċident li kellu hu Għawdex ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Imma mbagħad fl-istess ħin stennejt li se jkun hemm l-istess tip ta' intervent min-naħa ta' l-Oppożizzjoni fir-rigward ta' l-Onor. Michael Bonnici, li għamel xi ħaġa li bħala Deputy Speaker wieħed jista' jqajjimha bħala mod kif tirrispetta l-Awtorita` ta' l-Ippjanar u l-permessi!
MADAM SPEAKER: L-Onor. Michael Bonnici.
ONOR. MICHAEL BONNICI: Madam Speaker, dak li qed jgħid il-Prim Ministru m'għandu x'jaqsam xejn. Hemm differenza kbira bejn dak li għamel l-Onor. Carmelo Borg u dak li għamilt jien. Hemmhekk ma kienx hemm permess. Hu fixkel xogħol leġittimu ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar u jien indħalt fejn ma kienx hemm permess biex jitqaċċtu s-siġar. (Interruzzjonijiet) Ma kienx hemm permess. Mhux veru. Imissek tistħi! Int bojja tas-siġar! (Interruzzjonijiet) Int bojja tas-siġar!
ONOR. MEMBRU: Irtiraha.
ONOR. MICHAEL BONNICI: Ma nirtira xejn. Imissek tistħi! Ma kellek l-ebda bażi biex tqaċċathom. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, qed nerġgħu nikkonfermaw li għan-naħa ta' l-Oppożizzjoni ma jgħoddx il-qawl Ingliż li what's sauce for the goose is sauce for the gander. Għax jien inħoss li l-interventi li saru min-naħa ta' l-Oppożizzjoni dwar dak li għandu x'jaqsam ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, limitatament għall-operat ta' l-Onor. Carmelo Borg, kien imisshom saru wkoll bl-istess qawwa, jekk mhux iktar, fir-rigward ta' l-operat ta' l-Onor. Bonnici.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-ħin tal-mistoqsijiet għadda. Ngħaddu għal Tqegħid ta' Karti. Il-Prim Ministru.


Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7   8   9   ...   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin