RULING
MADAM SPEAKER: Is-Sedja semgħet it-tape u eżaminat it-transcript - li dam ftit mhux ħażin biex jiġi ttajpjat - u jirriżulta li t-talba formali li għamel l-Onor. Gonzi kienet:
''li l-Kamra tissospendi, taġġorna d-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta' liġi biex inkunu f'pożizzjoni li nkomplu bid-diskussjoni dwar l-Unjoni Ewropea''.
Is-Sedja tissolleva dan li ġej:
1. Il-fatt li matul mhux biss id-dibattitu dwar dan l-abbozz ta' liġi iżda anke matul dibattiti oħra l-Membri tal-Parlament diversi drabi rriferew għar-relazzjoni ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea, bl-ebda mod ma jirriżulta f'abbuż ġeneriku ta' l-Ordni Permanenti tal-Kamra - kif ipprova jindika l-Onor. Gonzi - u dan peress li l-Mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar l-Unjoni Ewropea kienet tipproponi eżitu speċifiku li minnufih ma jiġix mimsus billi jsiru osservazzjonijiet ġenerali dwar ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.
2. Illi l-Ordni Permanenti 14 jittratta l-mozzjoni għall-aġġornament tad-diskussjoni u skond Erskine May, paġna 340, hekk jiddefinixxi din il-mozzjoni:
"A motion for the adjournment of the debate, if carried, merely defers the decision of the House...".
U wkoll fl-istess paġna 340:
"In order to supersede a question, the motion for the adjournment must be simply that the House do now adjourn (or that the debate be now adjourned) and cannot be coupled with any prefatory words.".
Hawnhekk il-kelma "prefatory" ġejja minn nom ''preface'', li jfisser ''lead up to, make preliminary remarks'' (Concise Oxford Dictionary). Għaldaqstant it-talba ta' l-Onor. Lawrence Gonzi ma taqax f'dawn il-parametri.
3. Is-Sedja, anke minn dak li għadda f'din il-Kamra f'dawn l-aħħar ġranet u seduti, tħoss li għandha tirrileva li fil-mozzjoni ta' l-Onor. Fenech Adami - li għamel skond l-Ordni Permanenti 62 - kien hemm riferenza illi anke meta jsir rikors għall-Ordni Permanenti 197 trid tittieħed konsiderazzjoni xierqa għan-natura speċjali tal-Kostituzzjoni. Dan qed isir għaliex qegħda ssir riferenza, anke fil-punti mqajma llum mill-Onor. Gonzi, u anke minn deputati oħra f'dibattiti oħra - għalkemm mhux dejjem qiegħda ssir b'mod ċar - għad-dritt tal-liberta' ta' l-espressjoni. Is-Sedja rat ukoll il-Kostituzzjoni ta' Malta, artiklu 41, "Protezzjoni tal-Liberta' ta' l-Espressjoni" u tfakkar li f'artiklu 41(2) il-priveleġġi tal-Parlament bl-ebda mod m'għandhom jitqiesu bħala ksur jew inkonsistenti ma' artiklu 41(1). Dan għandu jingħad mal-fatt li l-Kamra tista' tirregola l-proċeduri tagħha skond l-istess Kostituzzjoni.
4. Fil-kwestjoni ta' l-aġġornament ta' dibattitu teżisti wkoll ir-regola ta' antiċipazzjoni u skond din ir-regola ta' antiċipazzjoni - Erskine May paġna 334 u 335 - l-iSpeaker trid tara l-probabbilita' li l-materja in kwestjoni tiġi quddiem il-Kamra fi żmien raġonevoli. F'dan il-mument kull Deputat jaf li s-Sedja, f'komunikat liż-żewġ naħat, għadha qed tistenna li llum tiġi maqbula data u ħin għal-laqgħa tal-Kumitat Permamenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, fejn taħt l-item "Andament tax-Xogħol tal-Kamra" mistenni li jitqajjem il-punt tal-kontinwazzjoni tad-dibattitu fuq il-mozzjoni ta' Ottubru tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
Għaldaqstant għal dawn ir-raġunijiet, is-Sedja m'hijiex qed taċċetta t-talba.
Is-Sedja qegħda tirrepeti illi intransiġenzi u nuqqas ta' spirtu ta' komprensjoni tal-pożizzjoni ta' xulxin jista' jwassal biex ifixkel serjament l-andament tax-xogħol ta' din il-Kamra.
Nistgħu nkomplu bid-dibattitu. Il-Prim Ministru.
ONOR. ALFRED SANT: Madam Speaker, nixtieq nagħmel punt ta' spjegazzjoni. Assolutament nirrespinġi minn din in-naħa tal-Kamra li hemm xi linkage bejn il-kwestjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea u s-self li qed niddiskutu. Jekk wieħed janalizza d-diskors ta' l-Onor. Gonzi - kif għamilt jien - isib li kollox huwa marbut ma' dan il-punt politiku, li huwa punt politiku partiġjan, li din in-naħa tal-Kamra qed tirrispinġi mija fil-mija.
Fit-talba ta' self li hemm quddiem din il-Kamra m'hemm l-ebda rabta, la ekonomika, la politika u lanqas amministrattiva mal-kwestjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea.
MADAM SPEAKER: Aktar rimarki? L-Onor. Jeffrey Pullicino Orlando.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Madam Speaker, ir-raġuni prinċipali għala qegħdin hawn illum hija biex niddiskutu din il-leġislazzjoni li ressaq il-Gvern, fejn ftit xhur biss wara li ħa t-tmun f'idejh ħass il-bżonn li jissellef minħabba diffikultajiet finanzjarji kbar li sab ruħu fihom. Din in-naħa tal-Kamra se tibqa' ssostni li dawn id-diffikultajiet huma kkawżati minn politika żbaljata f'diversi oqsma, primarjament fil-qasam fiskali, u aktar u aktar fil-qasam tar-relazzjonijiet ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea. Kulħadd jaf li r-relazzjonijiet ma' l-Unjoni jinsabu fi stat ta' friża. Dan żgur li qed jikkontribwixxi għall-fatt li pajjiżna llum il-ġurnata qiegħed fi stat ta' inċertezza li qed toqtol l-ispirtu ta' investiment, il-karatteristika ewlenija tul id-disa' snin ta' amministrazzjoni Nazzjonalista.
Madam Speaker, m'hemmx dubbju wkoll li l-politika fiskali ta' dan il-Gvern wasslet biex l-introjtu tal-gvern naqas sostanzjalment, b'tali mod u manjiera li l-Gvern qed ikollu jirrikorri għal dan it-tip ta' self sena wara sena. Mhux hekk biss imma nafu li apparti mill-fatt li qed ikollu jaqa' fuq self, il-Gvern qed ikollu jaqa' wkoll fuq dak li l-Ingliżi jsejħu selling of the family jewels. Per eżempju, fil-qasam tat-telekomunikazzjoni nafu li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern ġab bidla totali. Illum li l-Gvern tneżża' minn kull idea dwar kif se jegħleb id-diffikultajiet finanzjarji, iddeċieda li jipprivatizza l-Korporazzjoni Telemalta biex ikollu l-fondi. U mhux billi l-Onor. Membri tan-naħa tal-Gvern joqogħdu jiftaħru b'din il-miżura - li tista' tgħid li hi l-unika miżura pożittiva li ttieħdet fil-budget ta' Novembru - u jgħidu li huma jemmnu fiha bis-sħiħ. Għax meta wieħed jara dak li kien jgħid l-Onor. Alfred Sant fir-rigward tal-privatizzazzjoni ma naħsibx li jieħu żmien wisq biex jagħraf li l-Prim Ministru kien kompletament kontra l-privatizzazzjoni u li kien juża l-konċett tal-privatizzazzjoni biex ibeżża' lill-ħaddiema f'diversi setturi. L-Onor Alfred Sant kien regolarment ibeżża' lill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Telemalta bil-possibbilta' li t-Telemalta tiġi pprivatizzata jekk Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea. Kien wiegħed ukoll li kieku dan kellu jseħħ, il-Partit Laburista kien se jagħmel kruċjata sħiħa kontra l-Gvern Nazzjonalista.
Punt ieħor sorprendenti huwa l-fatt li korporazzjoni, li ftit ġimgħat biss wara l-elezzjoni qalulna li kienet ''f'sitwazzjoni finanzjarja prekarja,'' issa li għaddew ftit xhur biss din tant issodat u tant ħadet spinta 'l quddiem - forsi bl-interċessjoni ta' xi qaddis, għaliex kważi kważi t-taqliba li kien hemm fl-aspettattiva li kellha Telemalta m'hija xejn anqas minn mirakuluża - li l-Gvern Laburista ħass ruħu f'pożizzjoni li joffri lit-Telemalta għal privatizzazzjoni parzjali. Mhux hekk biss imma l-inizjattiva tal-privatizzazzjoni l-Gvern Laburista kompla firixha wkoll għall-MIA, inizjattiva li hija primarjament ta' l-amministrazzjoni Nazzjonalista, li tant konna smajna kritika fuqha meta l-Partit Laburista kien għadu fl-oppożizzjoni. Meta wieħed jara kif il-Gvern Laburista biddel ir-rotta kompletament f'dak li jemmen fir-rigward tal-privatizzazzjoni, wieħed jagħmel appell għall-ġid ta' din Malta tagħna li anke jibdel ir-rotta f'setturi oħra, li tant qed jagħmlu ħsara lil pajjiżna, u li qed iwasslu lill-Gvern biex iressaq leġislazzjoni ħalli jerġa' jagħmel self sabiex ipatti għad-deficit finanzjarju. Madam Speaker, dan huwa deficit finanzjarju li pprovaw iwaddbu l-ħtija tiegħu fuq il-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien fil-gvern, imma li nafu li llum il-ġurnata qed jilħaq rata fenomenali minħabba r-rotta tal-biki, ta' mistħija u t-triq ħażina li qabbadna fiha l-Gvern Laburista. Din it-triq narawha f'diversi setturi.
Bħala l-kelliem ta' l-Oppożizzjoni għas-settur tat-telekomunikazzjoni, jien inħares lejn ir-rapport li kien ħejja dak li llum huwa ċ-Chairman tal-Maltacom bħala kontribuzzjoni denja biex tinħoloq il-ħofra, għaliex dak ir-rapport kien verament ħela ta' flus monumentali. F'dak ir-rapport wieħed jara kontradizzjonijiet bejn dak li ntqal u dak li qed iseħħ. Dak ma kien xejn ħlief eżerċizzju ieħor biex insibu ħofra oħra fost il-ħafna ħofor li kienu qed jinstabu immedjatament wara l-elezzjoni ta' Ottubru ta' l-1996. Dak kien attentat iddisprat mill-Partit Laburista li forsi b'sorpriża għalih innifsu rebaħ l-elezzjoni minħabba l-ħafna wegħdiet fiergħa li kien għamel. Il-Partit Laburista fil-gvern għaraf li dawn il-wegħdiet ma setax iwettaqhom u allura pprova jwaħħal fl-amministrazzjoni preċedenti, fuq il-fatt li ma setax iwettaq dawk il-wegħdiet li tant qarraq lill-poplu Malti bihom.
Madam Speaker, jekk wieħed iħares lejn l-iStrategic Resource Audit, ir-rapport li kkummissjona l-Prim Ministru ftit ġimgħat wara l-elezzjoni ta' l-1996, isib kritika qawwija fir-rigward ta' l-isparpaljar ta' flus fil-Korporazzjoni Telemalta. Imma mbagħad x'naraw? Naraw li ftit ta' żmien wara li ċ-Chairman tal-Maltacom, is-Sur Tony Mejlaq, l-istess bniedem li kien ħejja r-rapport li qed nagħmel riferenza għalih, f'waħda mill-ewwel azzjonijiet li ħa għażel karozza li kienet Lm9,000 ogħla minn karozza oħra li kellha l-istess specifications, bid-differenza li l-karozza li għażel hu kellha dashboard tal-ġewż u wipers mal-headlamps. Is-Sur Mejlaq, li fir-rapport tiegħu kien qal li fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista tant kien hemm sparpaljar ta' flus, xorta għażel karozza għall-użu personali tiegħu li kienet tiswa Lm9,000 iktar. Dak il-veru sparpaljar ta' flus, mera ta' dak li qed jiġri f'ħafna setturi oħrajn, li allura qed ikompli jwassalna f'sitwazzjoni li llum il-ġurnata Gvern Laburista kellu jiġi hawn jitlob il-leave ta' dan il-Parlament biex jissellef miljuni kbar ta' liri biex ipatti għad-deficit li qed jirriżulta mill-politika żbaljata tiegħu.
Madam Speaker, fir-rapport tiegħu s-Sur Mejlaq kien ikkritika bis-sħiħ l-isponsorships li kienu jingħataw mill-Korporazzjoni Telemalta, u anke kellu l-ardir jgħid li dawn kienu sempliċement ħela ta' flus. Imbagħad wieħed jara li l-isponsorships f'dawn l-aħħar xhur minn mindu laħaq is-Sur Mejlaq ... Hawnhekk ta' min jgħid li kważi kważi dan il-bniedem huwa sempliċement front għaliex illum il-ġurnata mhux chairman tal-Maltacom għandna imma ministru mingħajr portafoll li sab il-portafoll tiegħu f'dik li kienet it-Telemata. Fil-verita' l-Ministru mingħajr Portafoll qed juża l-Maltacom bħala okkażjoni għal naqra public relations min-naħa tiegħu. Jekk wieħed jiftaħ "The Times" tal-lum jara ritratt ta' l-Onor. Joe Mizzi fin-nofs, bejn is-Sur Mejlaq u persuna oħra, qisu l-Arkanġlu Gabriel ibierek il-ftehim li sar bejn l-Ericsson u l-Maltacom! Wieħed jiskanta għalfejn irid ikun hemm din il-preżenza kontinwa ta' l-Onor. Mizzi fil-Maltacom, qisu mingħajr il-barka tiegħu ma jista' jsir xejn. Dan għaliex? Forsi għaliex ma jafdax liċ-chairman il-ġdid! Ma nagħtihx tort fil-każ li hu hekk għaliex dan qed jagħmel preċiżament il-kontra ta' dak li ssuġġerixxa fl-iStrategic Resource Audit, li kien ikkummissjona l-Prim Ministru. Jekk wieħed iħares lejn l-isponsorships jara li hemm bosta ta' interess partikolari, fosthom sponsorship li ngħata direttament lill-Malta Labour Party biex jiġi organizzat il-festival ''Iljieli Mediterranji''. Illum il-ġurnata l-isponsorships m'għadhomx jitqiesu bħala ħela ta' flus imma bħala ħaġa essenzjalissima. Qed isibha utli ħafna l-Onor. Mizzi għall-image tiegħu li, nerġa' ngħid, sab il-portafoll tiegħu f'dik li llum hija l-Maltacom.
Fir-rapport tiegħu, is-Sur Mejlaq, tkellem ħafna u bis-sħiħ fuq l-overstaffing li kien hemm fil-Korporazzjoni Telemalta. Imbagħad x'naraw? Waħda mill-ewwel affarijiet li għamel is-Sur Mejlaq kienet li mpjega acquaintance personali tiegħu bħala xufier, meta huwa stess kien jaf li f'dik is-sezzjoni ta' ħaddiema kien hemm overstaffing. Il-verita' hi li ħloqna pożizzjonijiet għan-nies tal-qalba, saħansitra dawk li lanqas kienu mpjegati mat-Telemalta. (Interruzzjonijiet) Tridu tammettu li l-korporazzjoni ngħatat f'idejn dan il-Gvern minn amministrazzjoni Nazzjonalista fi stat tant b'saħħtu li ftit xhur biss wara l-elezzjoni l-Gvern Laburista ħass ruħu f'pożizzjoni li jista' jipprivatizzaha biex ikun jista' jiġbor il-fondi. Din hija d-direzzjoni li qed tieħu din il-korporazzjoni, li llum il-ġurnata hija public liability company, li jien insostni hija mera ta' dak li qed jiġri f'ħafna setturi oħra f'dan il-pajjiż, u hija mera tar-raġunijiet li qed iwasslu lil dan il-pajjiż f'dawn id-diffikultajiet kollha.
Madam Speaker, fir-rapport tas-Sur Mejlaq wieħed isib li saret ħafna kritika fuq ħlasijiet żejda ta' overtime u fuq shifts żejda. Fil-fatt illum nafu f'liema estremita` waslet il-Maltacom għaliex saħansitra wasalna biex nipprovaw inbiddlu ix-shifts tal-ħaddiema - kien hemm anke rapport f'gazzetta lokali fuq dan - fuq karta falsifikata li kienet tindika x-shifts li kellu jkun hemm fil-customer service unit tal-Maltacom. Anke protesta min-naħa tal-GWU kien hemm għal din il-forgery imma għal din l-isfaċċataġni ma kien hemm l-ebda risposta s'issa mill-Maltacom. Dawn ipprovaw ibiddlu x-shifts biex jipprovaw jiffrankaw mill-ħlasijiet tal-ħaddiema. Il-Partit tal-Ħaddiema jipprova jiffranka fuq il-ħaddiem iż-żgħir! Imbagħad meta nipprovaw nimpjegaw nies tal-qalba, ħbieb tagħna, saħansitra nimpjegaw nies minn barra l-kumpannija u nagħtuhom l-eluf kbar tal-liri. Aħna għandna informazzjoni li dan l-aħħar ġew impjegati xi nies tal-qalba f'pożizzjonijiet għoljin ħafna u ngħataw paga fenomenali. Ma nipprovawx niffrankaw u nagħmlu ekonomija fejn jidħlu l-ħbieb imma nipprovaw niffrankaw biss minn fuq il-ħlasijiet ta' l-overtime u minn fuq ix-shift allowance.
Madam Speaker, issa niġi għall-famuż proġett tal-millennju li għandha fi ħsiebha l-Maltacom. Fil-fatt kien hemm il-ħsieb li l-istess sit f'Paceville jiġi żviluppat mill-amministrazzjoni preċedenti bħala regional training centre, u kien ikun ħafna iktar adattat li kieku ġie żviluppat hekk. Illum il-ġurnata r-regional training centre qiegħed f'post kompletament maqtugħ, qiegħed f'post li kellu jsir ħafna arm-twisting fuq l-Awtorita` ta' l-Ippjanar biex jingħataw il-permessi u issa minfloku qed naraw li se jsir il-famuż proġett tal-millennju. Tant qed tinħela enerġija fuq dan il-proġett li hemm il-biża' li l-Maltacom titlef id-direzzjoni primarja li dejjem għandu jkollha, li żżomm ruħha abreast ma' l-iżviluppi kontinwi fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Ta' min isemmi li biex iseħħ dan il-proġett se jkollu jinbena torri mostruż fuq bini skedat. Ovvjament issa l-persuna li għandha influwenza kbira min-naħa tal-Maltacom se terġa' ddur fuq l-Awtorita` ta' l-Ippjanar u forsi jerġa' jkun hemm naqra bending of the rules, nilwulha naqra jdejha ħalli forsi taċċetta li l-bini skedat jitwaqqa' u minfloku jinbena skyscraper.
Madam Speaker, jien inħoss li r-raġuni primarja għalfejn dan il-proġett tant hemm min hu ħerqan li jarah jitwettaq ġejja sempliċement minn attentat biex niġġeneraw naqra xogħol f'ekonomija mħarbta wara dak il-ħafna għajat fuq ħofor u mhux ħofor. Tgħidu li hemm il-ħtieġa assoluta għall-iskyscraper, li se jkun parti essenzjali mill-proġett tal-millennju, minħabba l-fatt li fuqu se jkun hemm communications tower, li jrid ikun ogħla mill-ikbar point li hawn f'pajjiżna. Issa jekk inti trid tmur fl-ogħla punt li hawn f'pajjiżna, il-common sense jgħidlek li ma tmurx at sea level imma tagħżel sit li min-natura tiegħu jinsab fl-għoli u tipprova tagħmel communications tower hemm. Imma le, aħna rridu noħolqu dawn il-proġetti, li ħafna minnhom huma bla bżonn, partikolarment dan il-proġett, biex kemm jista' jkun nagħtu kick-start lill-ekonomija ta' pajjiżna. L-entrepreneurs li diġa` nvestew eluf kbar ta' liri fiż-żona ta' Paceville jgħidu li diġa` hemm over-concentration ta' negozji f'din iż-żona. Allura wieħed jistaqsi: Għalfejn qed isir dan il-proġett, jekk mhux biex niġġeneraw naqra xogħol biex forsi nagħtu l-impressjoni li r-rota reġgħet bdiet iddur?
Madam Speaker, il-logo tal-Maltacom jinkludi fih il-Morse code. Il-logo tas-settur tat-telekomunikazzjoni, li suppost huwa l-iktar settur futuristiku, qed jinkorpora ħaġa li llum il-ġurnata jiftakruha n-nanniet tagħna. Dan il-logo juri r-rabta tremenda, forsi rabta sentimentali wkoll, li għandu l-Onor. Mizzi mal-Morse code. Dan huwa logo sinifikattiv ħafna għaliex juri r-rabta assoluta li għandu l-Partit Laburista mal-passat - fil-fatt il-Morse Code spiċċa mat-Titanic - u qed jindikalna t-triq li se jaqbad dan il-pajjiż fil-futur, li minflok se twassalna għall-millennju l-ġdid se tibgħatna lura għas-seklu li għadda. Nirringrazzjak, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Aktar rimarki? L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Madam Speaker, jien rajtu ftit stramb il-mod kif beda jiżvolġi ruħu dan id-dibattitu dwar l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna li l-iskop tiegħu huwa, li l-Parlament jawtorizza lill-Gvern li jiġbor b'self somma ta' flus li tkopri nefqa rikorrenti u nefqa kapitali dejjem akbar. Meta tisma' lill-Onor. Dalli, lill-Onor. Pullicino Orlando u lill-Onor. Membri l-oħra ta' l-Oppożizzjoni jitkellmu fuq ċifri, fuq il-Morse code u fuq elf ħaġa oħra - saħansitra l-Onor. Dalli daħħlielna l-fatati fin-nofs - tibda timmaġina li l-Partit Laburista fil-gvern sab kollox nadif u kollox preċiż, speċi ta' kemm ikompli fuq dak li sab. Allura forsi jkun hawn min jistaqsi: Imma f'din is-sena u nofs x'għamel il-Partit Laburista? GĦaliex qegħdin illum niddiskutu dan l-abbozz ta' liġi?
Il-fiduċja fil-Partit Laburista ma tlabnihiex mingħand il-Partit Nazzjonalista imma mingħand il-poplu, li fl-aħħar elezzjoni qal lill-Gvern ta' l-Onor. Eddie Fenech Adami li ma setax jibqa' jmexxi b'tali manjiera li mingħalih kellu l-fiduċja kollha, u sena wara sena dejjem żied id-dejn, tant li qatt ma kellna problema finanzjarja daqskemm wiret il-Gvern Laburista wara l-aħħar elezzjoni. Il-gravita' tal-problema li ħalla warajh Gvern Nazzjonalista kienet shocking. Il-verita` hija li llum aħna qed nitolbu lill-Parlament biex jawtorizza li tinġabar somma ta' flus b'self f'Malta biex tagħmel tajjeb għall-problemi kbar finanzjarji li aħna writna mingħand il-Gvern Nazzjonalista. Dik hi l-verita`. Din bħal kawża fil-qorti. Wieħed li għandu liability fuqu ma jistax imur il-qorti u jgħid li m'għandux x'jaqsam wara li jinstemgħu l-provi ta' l-attur u l-konvenut. Fid-dibattitu hawnhekk għandna Gvern u Oppożizzjoni, l-attur u l-konvenut. L-imħallef, jew aħjar il-poplu Malti, qed jinduna li ħafna mil-liabilities li l-Gvern għandu huma legacy tal-Partit Nazzjonalista fid-disa' snin li kien ilu fil-gvern. Din hija l-problema strutturali tal-finanzi. Ovvjament jiena m'iniex finanzier imma ċ-ċifri kulħadd jaf jaqrahom u minn hawn toħroġ il-fiduċja.
Madam Speaker, aktar kmieni f'dan id-dibattitu l-Onor. Dalli qal li l-Gvern Laburista mhux qed jispira fiduċja. Imma nimmaġina li l-Onor. Membru qrah ir-rapport tas-Central Bank, fejn f'paġna 27 hemm spjegat kif baqa' tiela' l-GDP. Fil-fatt insibu li fl-1996 ma waqafniex jew morna lura - kieku ġara hekk wieħed kien ikun ġustifikat li jgħid li wara sena u nofs ta' tmexxija Gvern Laburista mhux qed jispira fiduċja fil-pajjiż - imma morna 'l quddiem. Hawnhekk kellna żieda ta' aktar minn Lm50 miljun. Dawn ġew hekk? Allura din m'hijiex fiduċja? L-exports ukoll baqgħu telgħin. Allura jsejħulha sfiduċja li l-esportazzjoni minn Malta baqgħet tiżdied b'mod sostanzjali? Anzi għall-ewwel darba qed ikollna riżultat li anke l-gap tal-balance of payments ċkienet b'iktar minn Lm20 miljun. Din m'hijiex fiduċja, Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni? In-negozju fil-Borsa ta' Malta, negozju organizzat b'mod professjonali, fejn wieħed ibigħ u l-ieħor jixtri, ma naħsibx li kien jiżdied kieku ma kienx hemm fiduċja sħiħa. L-Onor. Dalli qal ukoll li għexieren ta' ħaddiema tilfu x-xogħol u kien hemm ħafna part-timers li tilfu ħobżhom. Ħalli naraw kif inhuma l-affarijiet illum verament.
Qalulna li meta l-Partit Nazzjonalista tela' fil-gvern fl-1987 sab diżastru fil-pajjiż. Issa allaħares tieħu għalihom, għax in-Nazzjonalisti jitkellmu b'mod li wieħed jista' jaħseb li huma anġli! Dawn kieku għalihom, wara disa' snin ta' tmexxija ħallew sitwazzjoni fejn ma kellna għalfejn inċaqalqu xejn. Ejjew naraw daqsxejn kif kienet il-pożizzjoni meta telqu f'Ottubru ta' l-1996, wara li l-Onor. Fenech Adami ħass li kellu jmur għall-ġudizzju tal-poplu. F'Otubru 1996 kien hemm kważi 13,000 impjegat li kellhom full-time job u part-time job. Fl-aħħar ta' l-1997 dawn żdiedu għal iktar minn 14,500. Allura din m'hijiex fiduċja? Jekk inħarsu wkoll lejn l-istatistika tal-gainfully occupied insibu li wara li tneħħiet it-taxxa tal-VAT - skossi kien hawn imma mhux daqs kemm meta n-Nazzjonalisti daħħlu t-taxxa tal-VAT - id-decline fin-numru tas-self-employed bdiet tonqos. Dik hi l-verita`. Din ukoll hija fiduċja fit-tmexxija tal-Partit Laburista f'dawn l-aħħar sena u nofs. Meta wieħed jara x'kienet il-figura totali sa Diċembru 1996 u kif inhi llum, isib li hemm żieda ta' aktar minn 2,000 ruħ bħala gainfully occupied. Skond l-aħħar statistika ta' l-1996 li għandi quddiemi - qed nikkwota mis-Central Bank report - kien hawn 136,800 ħaddiem li kienu gainfully occupied u dan in-numru tela' għal madwar 138,000. Dik hija l-verita`.
Għax ma ngħidux li l-ħofor finanzjarji li l-pajjiż wiret tant kienu kbar li allaħares ma ħadniex il-miżuri li ħadna u li se nkomplu nieħdu biex inrażżnu d-deficit! Mhux se nsolvu din il-problema malajr, għax fi tmexxija ta' disa' snin id-dnub Nazzjonalista tant kien kbir li biex jinħafer iridu jgħaddu s-snin. U jiddispjaċini ngħid imma se jkun il-Partit Laburista li se jaħfirulhom. Bħala partit serju u bir-responsabbilta` kollha kellna nieħdu ċerti deċiżjonijiet, anke fuq il-politika ta' l-Ewropa.
Dalgħodu ħadt pjaċir nisma' lill-Onor. Sceberras Trigona jispjega punti saljenti, fejn qal li m'għandniex inħarsu lejn l-Ewropa biss. Nagħmlu sewwa li niddiskutu magħhom dwar il-free trade zone, għax hemm ħafna x'nagħmlu għall-ġid ta' pajjiżna. Jekk, per eżempju, il-laħam jew il-qamħ huwa irħas mill-Amerka jew mill-pajjiżi tan-NAFTA - malajr jaħsbuna li qed nitkellmu fuq iż-żejt tal-vapuri! - allura m'għandniex inkunu ħielsa li nagħmlu trattati mal-pajjiżi li jaq/għu taħt in-North American Free Trade Area biex nieħdu l-aħjar għall-ġid ta' Malta? Aħna responsabbli bħala Partit Laburista li dak kollu li nagħmlu nagħmluh għall-ġid ta' pajjiżna u mhux b'għajnejna magħluqa u ma naslu mkien. Kien ilhom jiddibattu għal iktar minn disa' snin fuq l-Ewropa u qatt ma waslu mkien. Imma meta aħna għidna lill-poplu Malti li se mmorru għal free trade zone, bdejna naħdmu fuq dik il-linja u llum qed naslu. Illum it-taħdidiet mexjin ma' l-Ewropa u wasalna biex ikollna ftehim. Għadda ż-żmien li niddieħku bina nfusna, kif kienu jagħmlu n-Nazzjonalisti meta kienu jgħidu li qegħdin iħabbtu buq il-bieb ta' l-Ewropa, li dalwaqt jiftħulhom, jew li baqgħalhom tarġa waħda biss x'jitilgħu. Il-Partit Laburista huwa partit li dak li jwiegħed jagħmlu.
Madam Speaker, meta nitkellmu fuq is-sovranita` ta' pajjiżna, barra l-ħelsien li tant ħdimna għalih u li żgur m'hemmx għalfejn niddiskutuh għaliex huwa anke entrenched fil-Kostituzzjoni, irridu ninkludu wkoll il-munita tagħna. Dan l-aħħar tkellimt ma' persuna importanti fil-European Union, persuna ġejja minn Holland, pajjiż żgħir a paragun tal-Ġermanja u l-Ingilterra. Dawn għandhom problema għax il-guilder Olandiż huwa b'saħħtu ma' muniti oħra, bħal-lira Taljana, il-peseta Spanjola, id-drachma Griega. Imma ma tantx hemm x'tagħmel għaliex, kif intqal dalgħodu, ċerti affarijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea l-ewwel tisma' bihom fil-kurituri tal-palazz, imbagħad joħorġu baxx baxx u jkollok tiblagħhom, trid u ma tridx, għaliex inti membru ta' l-Unjoni. Tajjeb li l-poplu Malti jkun jafhom dawn l-affarijiet għaliex meta inti titlaq is-sovranita' fuq il-munita tiegħek tkun qed titlaq ukoll il-kontroll ta' l-istess munita, għaliex imbagħad is-Central Bank ma jibqalux l-istess saħħa. M'hemmx dubju li l-monetary union lill-Olanda se tiswiha ħafna. Issa jien ġibt l-eżempju ta' l-Olanda u tajjeb li min jixtieq jidħol fl-Unjoni Ewropea jirrifletti naqra fuq dawn l-affarijiet. (Interruzzjonijiet) Issa aħna nifilħu nagħmlu dawn l-affarijiet proprju meta għandna kriżi finanzjarja, wirt Nazzjonalista drakonjan, li meta tħares lejh u tirrifletti fuq dawn l-ideat tgħid: Jien fejn se mmur?
Aħna ma rridux nagħmlu l-affarijiet mingħajr ma noqogħdu nagħtu kas tal-konsegwenzi li jista' jkollna. Il-commitment hu li nrażżnu kemm jista' jkun dik il-fiscal problem li għandu pajjiżna. Meta l-Oppożizzjoni tiġi titkellem fuq ir-responsabbilta` trid tkun serja, għax allaħares nibda ngħid x'ħallew warajhom! Qed jiġu hawnhekk jitkażaw għaliex ġejna nitolbu l-approvazzjoni biex nissellfu Lm110 miljun, meta jekk inħarsu lura nsibu li dawn huma l-problemi li writna mingħandhom. Kieku kellna a clean slate, u kieku ma kellna l-ebda problema fiskali, konna nistgħu mmexxu mingħajr problemi. Gvernijiet Laburisti ta' l-imgħoddi ma ħallewx problemi finanzjarji warajhom, dejjem ħallew il-flus fil-Kaxxa ta' Malta, anke fl-1987. Jiġifieri minn meta telgħu n-Nazzjonalisti fl-1987 sakemm niżlu fl-1996 kellhom sitwazzjoni finanzjarja li setgħu kieku riedu jmexxu biha.
Madam Speaker, Gvern Nazzjonalista li tant kien jiftaħar li hu modern fit-tmexxija tiegħu u xempju ideali ta' good management, kien jixraqlu li jagħmel vendikazzjonijiet regolari fuq nies innoċenti? X'inhuma dawn is-sentenzi li qed ikollna fil-qorti, li jitkellmu fuq vendikazzjonijiet fuq ħutna Maltin, Laburisti u m'humiex? Billi tkun Laburist taħt Gvern Nazzjonalista - din parti mit-tmexxija tal-gvern - kif tista' tiġġustifika li ma tħallix lil min jipproduċi, kif kien jipproduċi bit-talenti tiegħu, u tneħħih, jew inkella tagħtih transfer bla raġuni. Fil-qorti kellna każ ta' ħaddiem li f'ġurnata waħda ngħata ħames transfers. Dan sar taħt Gvern Nazzjonalista, gvern li tela' bl-għajta ta' solidarjeta` u ġustizzja. Din hija t-tmexxija? Gvern Nazzjonalista kien jaqbad u jagħti l-flus bl-addoċċ lil kull min kien jinkarigah b'xi biċċa xogħol. Dan huwa l-wirt ta' Gvern Nazzjonalista u aħna llum irridu naraw kif nagħmlu biex nirranġaw sitwazzjoni xejn sabiħa. Meta tlajna aħna fil-gvern m'għamilniex dawn l-affarijiet, anke fil-każ ta' dawk il-ħaddiema li ħadmu b'mod fin fil-kampanja elettorali kontra l-Partit Laburista - u nafuhom dawn - u ħallejniehom jaħdmu fil-postijiet tax-xogħol tagħhom, għaliex aħna gvern tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, u aħna gvern responsabbli f'dak kollu li għandu x'jaqsam mat-tmexxija.
Madam Speaker, il-mutur ekonomiku għaddej bis-saħħa u m'għandix dubju li se jżid ir-ritmu, naturalment bl-isforzi tagħna lkoll. Imma huwa evidenti li l-mutur Nazzjonalista qata' nifsu u tant għejja li f'Ottubru ta' l-1996 il-poplu Malti ta sentenza tiegħu mingħajr ekwivoċi iżda sfortunatament tan-naħa l-oħra għadhom ma jistgħux iniżżluha, tant li għadhom anke joħolqulna problemi fil-Parlament biex aħna ma mmexxux. Ma jafux dawn li aħna bħala partit qatt ma qtajna qalbna minn ħadd? Fl-antik mhux dawn biss kellna problemi. Fis-sebgħinijiet u fit-tmenijiet il-poplu Malti kellu kriżijiet, problemi mal-barranin u ħafna problemi oħra, u l-Partit Laburista kollha sab tarfhom, bħalma se jsib tarf il-wirt ikrah li sab. Din bħal meta persuna li jmutilha xi ħadd minn tal-familja u tmur tara x'ħallielha missierha, issib li aħjar tiżvesti ruħha b'rikors ta' l-inventarju milli tiret għax ikun aħjar għaliha li ma tipprovax tidħol fiż-żarbun tal-mejjet. Pero' meta jkollok transfer minn gvern għal gvern ma jistax isir hekk. Aħna rridu nkomplu fuq dak li sibna, dejjem nipprovaw nirranġaw, ħalli nġibu our house in order.
F'wieħed mis-seminars li kien hemm din il-ġimgħa l-Prim Ministru qal li l-affarijiet bdew ġejjin in order, u rridu nkomplu nżidu l-enerġiji tagħna, nilqgħu ċ-challenges, speċjalment dawk l-external challenges, biex insaħħu l-exports, ħalli fl-1998 nilħqu l-expectations tagħna u fil-millennju l-ġdid - ħallik minn dak it-torri, mhux dak l-importanti, Onor. Pullicino Orlando - inkunu qegħdin diġa` stradati tajjeb ħalli dan il-pajjiż ikompli miexi 'l quddiem fil-paċi u l-progress. Grazzi, Madam Speaker.
Dostları ilə paylaş: |