Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 1,09 Mb.
səhifə10/18
tarix01.08.2018
ölçüsü1,09 Mb.
#65182
1   ...   6   7   8   9   10   11   12   13   ...   18

THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Niġbed l-attenzjoni tas-Sedja li m’hawnx quorum.
THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fit-8.57 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
THE DEPUTY SPEAKER: Aktar rimarki? L-Onor. Francis Agius.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Sur President, jagħtini pjaċir li nista’ nitkellem fuq is-suġġett li għandna quddiemna llum għax l-argument tal-psikoloġija tas-self intuża bil-goff kontra l-Partit Nazzjonalista. Niftakru anke fis-sittinijiet kif waħda mill-issues ta’ l-elezzjoni ta’ l-1971 kienet proprju d-dejn li kien akkumula l-Gvern ta' Dr Ġorġ Borg Olivier. Jiena niftakar li fit-Telgħa tas-Saqqajja - kont għadni tifel żgħir dak iż-żmien - kont tara ċ-ċifra ta' Lm43 miljun miktuba mal-ħitan. Tambar illum, tambar għada, ċerti affarijiet jidħlu f'imħuħ in-nies - l-istess bħal meta b'insistenza kbira riedu jbellgħuha li l-Partit Laburista huwa assoċjat mas-social services u mas-social security benefits - imma llum qegħdin naraw li l-affarijiet daru kompletament.
Kif diġa’ ntqal, f’inqas minn sentejn dan il-Gvern reġa’ talab l-approvazzjoni ta' din il-Kamra biex ikun jista' jissellef somma li taqbeż sewwa s-somma totali illi kien issellef il-Partit Nazzjonalista f'disa snin u nofs, u għalkemm intqal ħafna dwar kif issarraf dak is-self - aktar ‘il quddiem se nelabora fuq kif dan is-self issarraf - imma naħseb illi fuq l-aspett tal-psikoloġija għad hemm ħafna x’jingħad. Kemm smajna argumenti illi d-dejn illi għamel il-Partit Nazzjonalista jridu jħallsuh iż-żgħażagħ tal-lum! Kemm twerwru n-nies għaliex inxterdet l-idea illi l-Gvern Nazzjonalista kien gvern irresponsabbli, li kien jonfoq bl-addoċċ u li jissellef bl-addoċċ! Għalhekk, Sur President, waħda mill-aktar mistoqsijiet li nixtieq nagħmel enfasi fuqha hija proprju għal xiex se jintuża dan is-self. Milli smajna u milli qrajna jidher li a paragun ma' dak li sar fid-disa' snin u nofs ta' amminstrazzjoni Nazzjonalista, ftit li xejn hemm proġetti. Jien naf li meta tissellef l-ewwelnett se tidħol fi spejjeż ta' servicing u nispera li l-Ministru jgħidilna eżattament x'inhuma l-projections, għaliex minn Novembru sal-lum għadna nitkellmu fuq il-budget li għadda u dalwaqt se jkun qed joqrob budget ieħor. L-investiment b'xi mod jew ieħor għandu jirrendi in the medium and in the long term u s'issa ma rajna l-ebda argument li jiġġustifika somma bħal din.
Il-Gvern s'issa għamel eżerċizzju li pprova jpinġi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż bħala kollu tort tal-Gvern Nazzjonalista. Il-Gvern qed igħid li meta kien fl-oppożizzjoni kien jaħseb mod u llum irriżultalu mod ieħor dwar is-sitwazzjoni finanzjarja - ħalliha li hemm ruxxmata kontradizzjonijiet f'diversi oqsma! - iżda bl-istess argument jiena ngħid li fil-każ tagħna wkoll hemm element li aħna m'aħniex nifhmu eżattament x'inhu jiġri fil-finanzi tal-pajjiż illum, u allura iktar u iktar se jkollna nagħmlu oppożizzjoni għal dan it-tip ta' self. Fid-dinja kulħadd jaf li kull pajjiż ikollu ammont ta' self imma jkollu wkoll ammont ta' riżorsi sew naturali, sew umani kif ukoll finanzjarji. Jien ċert li pajjiżna żgħir kemm hu żgħir - ħalli ma nużawx il-kelma ċkejken - għandu minn dawn ir-riżorsi, u jekk aħna verament nemmnu li l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox, iċ-challenge tagħna lkoll huwa li f'kull mument nużaw dawn ir-riżorsi bl-aħjar mezz. Huwa veru li jeżistu konverġenzi bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra pero' naħseb li hemm bżonn naraw bis-serjeta' x'inhija l-pożizzjoni tal-finanzi tal-pajjiż u nieħdu stand reali u mhux wieħed partiġjan li jaqbel lilna.
Issa waħda mill-isfortuni li jkollu kull partit hija li jkun hemm kurrenti li jkunu jipprevalu f'dak il-mument bl-ideat ekonomiċi tagħhom. Aħna nafu li t-teoriji fl-ekonomija huma aktar ibbażati fuq opinjoni milli fuq xjenza, għalkemm wieħed jixtieq li kull deċiżjoni tittieħed aktar abbażi ta' xjenza. Nafu wkoll x'tip ta' statistika teżisti fil-pajjiż, statistika limitata li ħafna drabi ma tkunx available fil-mument li tkun tixtieqha. Fuq kollox ikun hemm fatturi politiċi li ħafna drabi jegħlbu kull deċiżjoni li wieħed jista' jieħu fuq bażi xjentifika. Per eżempju, nafu li l-Partit Laburista ddeċieda li Malta tibqa' barra minn sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea u mingħalih il-Prim Ministru seta' jaffordja li nneħħu l-VAT. Fl-istess ħin jirriżulta bl-iktar mod ċar li l-Gvern m'għandux ideat ġodda u allura wieħed jistaqsi għaliex qed isir dan is-self. Almenu fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista kien hemm x'juri fejn intnefqu l-flus. Il-poplu għajnejh f'wiċċu u jista' jara l-power station, jista' jara li għandna l-ilma - xi ħaġa li neħduha for granted - u jara ħafna affarijiet oħrajn li fi żmenijiet oħra ma kenux available. Imma llum x'għandna? Illum għandna - u nixtieq nitkellem ftit fuq din l-issue għax hija issue attwali, relatata ħafna mad-deficit tal-gvern - żieda fir-rati tad-dawl u l-ilma.
Jien naħseb li għall-Gvern din kienet triq faċli li jieħu. Veru li ma kenitx triq tant popolari pero' f'termini tekniċi din kienet miżura faċli, aktar u aktar għax il-Partit Nazzjonalista fil-gvern laħaq irranġa s-sitwazzjoni tad-dawl u l-ilma b'sodisfazzjon għal kulħadd. Illum provvista adegwata ta' ilma hawn u allura l-ilma tista' tgħollih; illum hawn dawl u tista' tgħollih ukoll imma kieku ma jkollokx dawn l-affarijiet ma tantx tista' tgħollihom. Issa l-effett ta' dawn it-tariffi mostrużi għad irid jinħass. Jidher li l-Gvern ried jolqot lil kulħadd pero' żgur li b'dan il-mod mhux se jolqot lil kulħadd l-istess u l-effett se jkun li ċerti azjendi, speċjalment dawk żgħar, mhux se jkunu jifilħu għal din id-daqqa qawwija li dan il-Gvern fajjar b'din il-miżura. Prova ta' dan li qed ngħid hija d-diskussjoni qawwija li ma naqsitx minn Novembru 'l hawn u l-inċertezza - bilfors ikolli nuża din il-kelma - dwar x'qed jiġri f'dan il-qasam meta jibdew jintbagħtu il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u dawn se jintbagħtu din il-ġimgħa stess. Għalhekk jien inħoss li flok li mexa fuq xi ħaġa xjentifika li wrietu kif għandu jimxi, il-Gvern mexa aktar fuq dik li aħna ngħidulha knee-jerk reaction, jiġifieri tagħtih daqqa u jfajjar oħra. Il-Gvern ħass li ried jagħmel tajjeb għad-deficit minn x'imkien u rnexxielu jagħmel dan fil-każ ta' l-Enemalta u fil-każ tal-Water Services Corporation.
Irrid ngħid ukoll li wieħed mill-parametri li bih tkejjel l-andament ta' l-ekonomija huwa ċertament ix-xogħol produttiv, xogħol sostenibbli, xogħol li mhux biss jagħtik sodisfazzjon imma li jkun jista' jitkompla, xogħol li għandu ħajja twila kemm jista' jkun u xogħol li jrendi lill-ħaddiem, lill-familja tiegħu u lill-pajjiż. F'dawn l-aħħar sena u nofs il-pajjiż għadu kważi ma ra assolutament xejn minn dan ix-xogħol. Kellna ħafna wegħdiet li se jkun hawn dan ix-xogħol pero' s'issa dan għadu ma bediex jimmaterjalizza. Imbagħad jiġu jgħidulna li jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea jintilef ix-xogħol u minn fuq jgħajruna li aħna laqgħin ta' l-Ewropej. Jien din nirribattiha bl-iktar mod assolut u nixtieq li meta jasal il-mument li ninnegozjaw il-kondizzjonijiet tad-dħul ningħaqdu biex niġbdu ħabel wieħed biex il-poplu tagħna jkollu l-aħjar kondizzjonijiet. Pero' - u għalhekk semmejtha din f'dan l-istadju - jien nemmen ukoll li għandna bżonn nammettu hawnhekk that we have to put our house in order qabel ma nibdew niddiskutu l-fażi li jmiss. Hawnhekk hu fejn il-Partit Nazzjonalista, jgħidu xi jgħidu tan-naħa l-oħra, was so near and yet so far fuq din ta' l-Ewropa u hemm il-provi li qed juruna dan. Kulħadd jaf li dan huwa proċess twil u jekk tmur lura fl-istorja ta' l-Unjoni Ewropea tara li anke pajjiżi b'saħħithom u pajjiżi kbar kellhom jistennew u kellhom ukoll jagħmlu snin twal ta' diskussjoni interna. Jien nemmen li fuq din il-kwestjoni għandna nibqgħu with an open mind. Bħala rappreżentanti tal-poplu għandna responsabbilta' lejn din il-ġenerazzjoni u lejn ġenerazzjonijiet oħrajn. Dawn huma deċiżjonijiet li jiġu darba kull għexieren ta' snin għal pajjiż u ma għandniex neħduhom lightly. Kwestjoni bħal din m'għandiex tibqa' fl-14 il-post fuq l-aġenda tal-Parlament.
L-Oppożizzjoni ipprovat iddaħħal dan l-ispirtu ta' diskussjoni, fejn naraw bis-serjeta' x'inhuma l-vantaġġi u x'inhuma l-iżvantaġġi, u kif nistgħu ntaffu l-problemi li aħna identifikajna. Aħna lkoll kapaċi nidentifikaw x'inhuma l-problemi li għandna fil-pajjiż u lkoll kapaċi noffru soluzzjonijiet. Għaliex il-poplu m'għandux jieħu l-aħjar soluzzjonijiet fil-mument li għandu jeħodhom u mhux irridu nistennew snin twal? Għaliex għandna nitilfu opportunita' meta tiġi quddiemna? Sfortunatament wara l-elezzjoni ta' l-1996 dan il-Gvern - u għalhekk għidt yet so far - wassal lill-pajjiż 'il bogħod ħafna aktar mill-problemi li kellha l-amministrazzjoni ta' qabel sabiex issir membru sħiħ. Il-Gvern ħadna 'l bogħod mhux biss fl-isfera internazzjonali imma anke internament. Bħalissa l-pajjiż għaddej minn sitwazzjoni li qed toħloq mhux biss inċertezza ekonomika u domestika imma litteralment għal ħafna nies hemm halt u kollox jinsab wieqaf. Issa anke anke jekk titlef ġurnata waħda biss tkun mort lura, aħseb u ara jekk tieqaf għal dan iż-żmien twil. Id-deċiżjonijiet li ma teħux f'ġurnata jkunu tefgħuk lura.
Waħda mill-preokkupazzjonijiet kbar li jien nixtieq nesprimi f'din il-Kamra hija xi prospetti hemm għall-budgets li ġejjin. X'se jsib gvern ieħor, ikun min ikun? X'se niffaċċjaw fil-qagħda finanzjarja tal-pajjiż meta diġa' għandna dawn il-mijiet ta' miljuni f'dejn? Jien ma rridx inkun allarmista pero' verament nixtieq li fil-winding-up tiegħu l-Ministru - u forsi anke il-Prim Ministru aktar 'il quddiem - jipprova jurina kif dawn il-flus li se jintnefqu se jkunu ta' benefiċċju għall-pajjiż biex dan irendi aħjar. II-fatt huwa li l-problema reali għall-finanzi tal-pajjiż se tkun permezz ta' dawn il-miżuri li se jaffettwaw ir-rata ta' l-inflazzjoni. Aktar kmieni jien semmejt ir-riżorsi u dan il-Gvern, taħt il-vesti tal-Partit Laburista, għandu vantaġġ kbir fejn jidħlu r-relazzjonijiet industrijali. Nieħdu, per eżempju, l-kwestjoni tat-Tarzna. Il-Gvern għandu s-saħħa politika f'dan il-qasam. Eżempju ieħor hu li minħabba l-pożizzjoni ta' waħda mill-unions il-kbar, il-Gvern jista' jagħmel ċerti affarijiet li jkunu ta' vantaġġ għalih fl-operat tiegħu bħala gvern.
Jien nista' nantiċipa wkoll x'se tkun il-kritika tan-naħa l-oħra għal dak kollu li ntqal u nimmaġina li dawn se jgħidulna li aħna qegħdin innewħu fuq l-Ewropa u li qed nagħmlu plejtu sħiħ fuq id-dejn tal-Gvern Laburista, imma apparti din it-tip ta' kritika nispera illi issa jkollna wkoll risposti għal mistoqsijiet serji li saru. Naħseb li ttieħed political mileage biżżejjed u għalhekk m'għandniex inkomplu nisimgħu d-diska tal-ħofor li jgħidu li ħalla Gvern Nazzjonalista. Issa t-Telemalta saret Maltacom - hawn diskors li l-Enemalta, l-MIA u entitajiet oħra wkoll se jkunu pprivatizzati - u naħseb li l-poplu nduna li din id-diska m'għadhiex in voga u li wara kollox is-sitwazzjoni li ħalla Gvern Nazzjonalista meta telaq il-poter ma kenitx daqshekk allarmanti.
Nixtieq ukoll nistaqsi liema setturi se jindirizza dan il-Gvern għaliex ħlief forsi għat-turiżmu ma jidhirx illi verament irid jindirizza xi problema partikolari f'xi settur partikolari. Huwa riskjuż li l-ekonomija ta' pajjiżna tkun tiddependi fuq settur wieħed. Jekk ikun hemm maltempati u gwaj f'dan il-qasam, żgur illi l-ekonomija tagħna se tħoss ħafna iżjed l-effett minħabba li m'għandniex dik il-firxa wiesgħa li tiggarantilna stabilita'. Pajjiżna huwa fraġili, pajjiżna qiegħed f'tarf ta' kontinent u f'tarf ta' kontinent ieħor. Għalkemm aħna dejjem ngħidu li qegħdin fiċ-ċentru, pajjiżna qiegħed fi crossroads ta' kulturi differenti, pero' wkoll għandu vantaġġi illi jidhirli illi m'aħniex nutilizzaw biżżejjed. Per eżempju, bħal Ċipru u Ġibilta', we are an English speaking country f'dinja illi l-lingwa Ingliża hija lingwa tant u tant importanti. Jiena naħseb li dan ir-riżors, li huwa riżors illi l-istorja tagħna ħallitilna, m'għandna bl-ebda mod nitrasskurawh anzi għandna nisfruttawh għall-ġid ta' l-ekonomija tagħna.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Austin Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Sur President, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum

THE DEPUTY SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fit-9.25 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Agius jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Kont qed ngħid illi l-pajjiż huwa pajjiż fraġili u jiddependi bilfors fuq ħafna fatturi internazzjonali u għandna nirikonoxxu u nirrispettaw dan il-fatt. Qegħdin ngħixu dejjem aktar fi global village u dak li jiġri fil-Lvant Imbiegħed mhuwiex daqshekk imbiegħed minna, la politikament u wisq anqas ekonomikament. Anke jekk nagħmlu ċerti għażliet politiċi, żgur li ma nistgħux ninjoraw dak li qed jiġri madwarna, speċjalment meta nafu li hemm pajjiżi kbar li minn hawn u ftit żmien ieħor se jkollhom munita waħda. Dawn huma realtajiet illi dan il-pajjiż irid jieħu konjizzjoni tagħhom u jara kif se jolqtuh illum, iżda iktar u iktar fil-ġejjieni. Id-deċiżjonijiet li nieħdu llum iridu jkunu pass wara pass deċiżjonijiet tajbin u mhux deċiżjonijiet ħżiena. Fl-opinjoni tagħna - u għalhekk aħna qegħdin nopponu dan is-self - id-deċiżjonijiet li ttieħdu s'issa u li hemm ippjanat li jittieħdu lanqas biss għandhom direzzjoni, kemm f'dik li hija politika barranija u anki f'dak li qed jiġi indirizzat bħala politika nterna. Il-kelma "friża" fiha nnifisha hija kelma pjuttost negattiva. Normalment meta wieħed jitkellem fuq friża jitkellem fuq ħaġa kważi mejta, xi ħaġa li mhijiex attiva, li mhijiex dinamika u ma fihiex ħajja, u mhux biss metaforikament. Jiena semmejt illi biex tidħol fl-Unjoni trid taħdem bis-sħiħ, sena wara sena u gvern wara gvern. B'din l-applikazzjoni fil-friża aħna qegħdin litteralment nitilfu ż-żmien.
Minn mistoqsija parlamentari li dehret illum, fejn staqsejt għaliex ma tħallasx overtime, il-Ministru Noel Farrugia rrisponda li m'hemmx flus ivvotati għal dan il-għan u qalli li l-ħlas isir hekk kif jiġu vvotati l-flus. Kull fejn tħares il-Gvern għandu problema ta' ħlas. Għandna l-każ ta' Żammit Clapp, għandna l-każ ta' l-overtime fid-dipartimenti kollha, hemm problemi reali fl-oqsma kollha u huwa evidenti li ħafna minn dan is-self huwa intiż biex ikopri dawn ir-recurrent costs. Dawn l-affarijiet bilfors li jħasbuni għax jekk mhux se jsir xi miraklu, is-sena d-dieħla se nerġgħu niġu ffaċċati bl-istess talba. Nixtieq li l-Ministru jmerini jew jurini mod ieħor minn fejn se jiġu, għaliex jekk int tinvesti f'xi proġett kapitali nista' nifhem li xi darba dan se jibda jirrendi imma jekk se nkomplu nissellfu biex inkopru r-recurrent costs bilfors li dan il-Gvern qiegħed finanzjarjament dahru mal-ħajt. Issa aħna nafu li meta jonqos l-infiq kapitali l-gvern ma' jkunx jista jintroduċi l-avvanzi teknoloġiċi li jseħħu ta' kuljum. Malta trid tibbenefika minn kull avvanz teknoloġiku li jseħħ fid-dinja u għalhekk irid ikun hemm investiment biżżejjed biex aħna ma naqgħux lura.
Tkellimna anke fuq dak li aħna nħossu li hija tbatija bla bżonn għax il-miżuri li ħa dan il-Gvern se jgħabbu piż finanzjarju fuq il-pajjiż. Qed naraw sitwazzjoni differenti u rridu naġġustaw anke l-policy tagħna għas-sitwazzjoni ġdida li nħolqot f'dawn it-18-il xahar, fejn il-Gvern qed jirrikorri għal self biex ikopri l-ispejjeż tiegħu. Aħna nħossu li l-miżuri li daħħal dan il-Gvern, speċjalment fejn jidħlu t-tariffi tad-dawl u l-ilma, se jolqtu b'mod selvaġġ lill-middle u l-low income earners aktar minn kulħadd. Ma naħsibx li nistgħu ninsew il-miżuri l-oħra li laqtu lill-pensjonanti u lill-istudenti. Hawnhekk nixtieq nagħmel enfasi li iktar ma l-Gvern isib ruħu f'sitwazzjoni finanzjarja diffiċli aktar se jkollna problemi soċjali, problemi fil-qasam tas-saħħa, problemi fl-edukazzjoni, għaliex dawn huma proprju s-setturi li jixorbu mid-dħul tal-pajjiż. Għalhekk il-pern ta' l-ekonomija tal-pajjiż huwa l-investiment u huwa x-xogħol li, kif għidt aktar qabel, irid ikun produttiv u mhux xogħol taparsi. Sur President, nagħmel enfasi li huwa importanti li x-xogħol ikun produttiv u li jekk jista' jkun iġibilna wkoll foreign currency. Ix-xogħol irid jiggarantixxi l-futur tal-ħaddiem Maltin u jkun kompetittiv. U hawnhekk il-pajjiż ikun qiegħed jissogra bil-kbir jekk jibqa' barra mill-Unjoni Ewropea.
Wara kollox, pajjiż li jixbaħ ħafna lil Malta, li għandu storja relattivament tixbaħ lil tagħna u pajjiż gżira li jiddependi fuq it-turiżmu, ukoll se jkun membru qabilna jekk nibqgħu sejrin f'din id-direzzjoni. Ċipru veru għandu l-problemi partikolari tiegħu imma ċertament li Malta se tibqa' iktar u iktar iżolata fl-ideat tagħha, iżolata f'dak li se tipprova tagħmel u aktar iżolata fit-triq li dan il-Gvern qiegħed ikompli jimxi fuqha. Bħala partit aħna kommessi għal dan il-għan li pajjiżna jkun membru sħiħ u huwa ovvju wkoll li l-maġġoranza tad-deputati f'dan il-Parlament - li allura tirrappreżenta l-maġġoranza tal-poplu Malti - hija favur li Malta tidħol fl-Ewropa. Dan huwa ċar daqs il-kristall. Issa x'jiġi vvotat hawn ġew hija xi ħaġa oħra għaliex id-deputati jivvotaw skond id-dixxiplina tal-partit. Huwa veru li l-Gvern għandu l-mandat ta' l-elettorat wara l-elezzjoni ta' l-1996, imma issa aħna qegħdin fl-1998. Fl-opinjoni tiegħi qegħdin ngħixu parodija għaliex l-interess veru ta' Malta mhux qed ikun garantit minn dan il-Parlament. Jien dan inħossu ħafna għaliex iċ-ċirkostanzi juru li l-maġġoranza tad-deputati huma favur li Malta tikkonsidra almenu li tkompli fit-triq ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea. Sur President, inkiteb li jekk il-Partit Laburista jbiddel id-deċiżjoni tiegħu dwar l-Unjoni Ewropea, dan ifisser li se jneżża għarwien lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u jneħħilha waħda mill-armi tagħha. Għal dak li huwa interess nazzjonali l-Oppożizzjoni mhux se tkun għarwiena imma se tkun lesta li tilqa' dan iċ-challenge, jiġifieri li flimkien nibdew niddiskutu verament id-dħul ta' Malta bħala sħab sħiħ fl-Unjoni Ewropea.
Sur President, jien m'inix xi espert fl-industrija imma xorta ninnota li għandna ħafna industrija żgħira fil-pajjiż li fil-preżent verament qed tintlaqat ħażin. Ġaladarba jagħlqu ta' l-aluminium u l-ħwienet iż-żgħar, se nkomplu nkabbru l-pjaga minħabba l-gelgul ta' liri li jkollna noħorġu taħt forma ta' social security benefits. Dan huwa effett soċjali kruċjali li diġa' bdejna nħossuh għax ħafna minn dawn l-industriji ż-żgħar m'humiex qegħdin ilaħħqu ma' l-ispejjeż kif miżjuda bil-miżuri introdotti permezz ta' l-aħħar żewġ budgets, li kien responsabbli għalihom dan il-Gvern. Il-kontribut li jagħtu s-self-employed huwa enormi, kemm ekonomikament u kemm soċjalment. Dawn minn jeddhom għażlu li ma jmorrux ifittxu xogħol mal-gvern, kif sfortunatament hija l-mentalita'. Bil-miżuri li ħa u li qed jieħu dan il-Gvern lil dawn qed joqtolhom u ftit ftit qed jispiċċaw; u la darba toqtolhom mhux se jerġgħu jqumu għax biex tibda trid taħli ċerta enerġija u trid tagħmel ċerti spejjeż.
THE DEPUTY SPEAKER: Onor. Agius, niġbidlek l-attenzjoni li skadielek il-ħin. Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Membru jkompli jinstema'.
ONOR. LOUIS GALEA: Nipproponi li l-Onor. Francis Agius ikompli jinstema'.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Francis Agius ikompli bid-diskors tiegħu. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra?
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. FRANCIS AGIUS: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra kollha. Dawn huma industriji żgħar li jħaddmu ftit nies u bil-miżuri li ħa dan il-Gvern il-mewt tagħhom waslet fil-qrib. Ħafna minnhom diġa' qegħdin jagħlqu, oħrajn qegħdin inaqqsu x-xogħol tagħhom u ċertament li qed tinħoloq problema kbira għal dawn in-nies.
Sur President, issemmew ukoll għadd ta' proġetti assoċjati mal-millennju l-ġdid. Li jkollna proġett x'nassoċjaw mas-sena 2000 huwa importanti imma noqogħdu attenti għax il-qawl Malti jgħid li qattusa għaġġelija friegħ għomja tagħmel. Wisq nibża' li dawn il-proġetti, anke milli smajna llum - u konna nafu dan diġa' din il-ġimgħa - saru bil-għaġġla għaliex il-Gvern jaf li qed jaqa' lura fl-aġenda tiegħu li jrendi u jagħti dak li wiegħed fl-elezzjoni. Ftit xhur oħra tibda t-triq tan-niżla, tibda l-ġirja għall-elezzjoni u l-Gvern huwa konxju minn dan u diġa' qiegħed fi stat ta' paniku biex joħloq xi forma ta' xogħol jew xi forma ta' proġett ħalli tiċċaqlaq l-industrija tal-kostruzzjoni u b'hekk jiċċaqalqu l-industriji l-oħrajn assoċjati magħha. Imma l-mod ta' kif qed isiru l-affarijiet ma tantx jawgura tajjeb. Sfortunatament jidher li l-flus li se jintefqu se jkunu flus thrown down the drain. U hawnhekk żgur li tkun traġedja għall-pajjiż għaliex dawn il-flus li se nisselfu m'humiex se jissarrfu f'ġid għall-poplu. Int tissellef biex tagħmel xi ħaġa li tirrendi. Ma tissellifx fuq ħaġa li ma tirrendix imbagħad ikollok tara minn fejn iġġib il-flus biex tagħmel servicing ta' dak is-self. Kieku aħna ma ssellifniex biex nagħmlu l-power station kieku hemm numru ta' affarijiet oħrajn li ma jistgħux isiru. Il-power station ma saritx sempliċement biex ikollna d-dawl id-dar imma saret ukoll biex tikber l-industrija. Hemm per eżempju l-isptar il-ġdid u kieku dan ma kellux is-substations tiegħu, kieku ma kienx jinbena. Dik waħda mill-ikbar problemi li kellna fl-ippjanar ta' l-isptar il-ġdid. Jiġifieri ħaġa torbot ma' oħra pero' huwa punt kardinali li meta tissellef il-flus trid tara li jkollok return minnhom. Dan huwa self kbir u sostanzjali. Veru li llum ħadna ġurnata sħiħa imma l-poplu Malti jrid jingħata rendikont tas-somma kbira - barra ammonti kbar oħra li l-Gvern diġa' ssellef u oħrajn li għad irid jisselluf - li l-Gvern irid jissellef. Il-Gvern bilfors f'dik id-direzzjoni jrid iħabbat rasu u dawn il-fatti lilna jinkwetawna. Jinkwetawna għaliex m'aħniex naraw kif dawn se jirrendu f'investiment. M'aħniex naraw dik id-direzzjoni li għandha tittieħed, kemm lokali u kemm estera, biex aħna nkunu nistgħu verament nimxu 'l quddiem.
Sur President, nikkonkludi billi ngħid li l-oġġezzjoni tagħna prinċipali hija sempliċi. Aħna m'aħniex konvinti li dan id-dejn se jkun ta' benefiċċju għal pajjiżna. Dan id-dejn huwa biss soluzzjoni temporanja għal problema li l-maġġorparti tagħha ġabha l-Gvern stess. U għalhekk hemm dan id-dissens, għaliex id-direzzjoni li qed jieħu dan il-Gvern hija direzzjoni żbaljata. Għalkemm nafu li din il-liġi se tgħaddi u li dan id-dejn se jsir, aħna xorta konxji li dan mhux se jkun ta' vantaġġ għall-poplu tagħna u għalhekk, Sur President, aħna se nkomplu nopponu għal dan it-tip ta' self. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Joe Psaila Savona.
ONOR. JOE PSAILA SAVONA: Sur President, illum din il-Kamra għandha quddiemha talba għal self ta' Lm110 miljun ħalli l-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant ikun jista' jkompli bix-xogħol tiegħu. Din m'hijiex l-ewwel darba li dan il-Gvern - jew gvernijiet oħra - resaq quddiem din il-Kamra biex ikun awtorizzat jissellef. Ħafna drabi r-raġuni għaliex gvern jissellef tkun waħda ekonomika, li ġieli tkun tajba u ċerti drabi ma tkunx. Mill-konklużjonijiet li wasalt għalihom naħseb li din id-darba r-raġuni għal dan is-self m'hijiex waħda valida.
Per eżempju, niftakar ben tajjeb li l-ewwel Gvern ta' l-Onor. Fenech Adami wkoll kien ħass il-ħtieġa li jissellef. M'iniex se noqgħod nidħol fis-sitwazzjoni li konna sibna dak iż-żmien - naħseb li kulħadd għadu jiftakar fiex konna - imma ma nistax ma nsemmix dawk it-8,000 ħaddiem li kienu daħlu mal-gvern fl-aħħar ġimgħat ta' qabel l-elezzjoni ta' Mejju 1987. Jekk nikkalkolaw kemm jieħu paga kull wieħed minn dawk it-8,000 ħaddiema nsibu li hemm ammont sostanzjali x'jitħallas f'pagi. Gvern Nazzjonalista tgħabba b'dan il-piż għal sena wara l-oħra iżda xorta waħda ħass li jrid jibqa' miexi 'l quddiem u jħares pożittivament lejn iċ-ċans li l-livell ta' għajxien tal-poplu Malti jitjieb. Allura wieħed malajr jifhem li l-Gvern ta' l-Onor. Fenech Adami kellu jagħmel diversi talbiet lil din il-Kamra għal self biex seta' jwettaq proġetti kbar li taw il-ħajja lil dan il-pajjiż. Kieku dawk il-proġetti ma sarux konna nibqgħu marking time fil-baħħ li kien jeżisti dak iż-żmien. Fil-fatt permezz ta' dak is-self saru proġetti siewja, fosthom il-power station ta' Delimara, li tat il-ħajja lil ħafna lokalitajiet. Kien ukoll permezz ta' Gvern Nazzjonalista li l-qasam tat-telekomunikazzjoni f'pajjiżna ħa xejra ġdida.
Dak iż-żmien kellna wkoll il-problema ta' l-ilma u naħseb li kulħadd jiftakar kemm dik is-sitwazzjoni kienet ta' għajb għal pajjiżna. Aħna niftakru meta kemm il-Maltin u anke t-turisti riedu joqogħdu jimlew il-bramel mill-baħar, minħabba li ħafna drabi ma kienx ikollhom ilma fil-vit. Huwa fatt li Gvern Nazzjonalista tefa' ħarstu 'l quddiem u nvesta fir-reverse osmosis plants, li permezz tagħhom seta' jissodisfa l-ħteġijiet tal-pajjiż kollu. Jien niftakar lill-Oppożizzjoni Laburista dak iż-żmien tgħajjarna li r-reverse osmosis plants qamulna ħafna flus u li kienet għarukaża għall-Gvern Nazzjonalista li daħal għal spejjeż bħal dawk. Imma l-Gvern Nazzjonalista kien qed iħares 'il quddiem għax kien jaf minn liema triq kellu jgħaddi biex ikun jista' jgħolli l-livell ta' l-għajxien tal-poplu Malti.
Yüklə 1,09 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   ...   6   7   8   9   10   11   12   13   ...   18




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin