MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Tony Abela.
ONOR. TONY ABELA: Madam Speaker, x'ħin smajt lill-Onor. Farrugia jitkellem kważi bdejt nemmen li qed ngħix f'dinja oħra. Pero' x'jgħid the man in the street meta jara l-mod kif qiegħed imexxi dan il-Gvern, li issa wasal biex jerġa' jissellef Lm110 miljun oħra. Jekk aħna naraw kemm beħsiebu jissellef f'dawn is-sentejn, sal-budget li jmiss, insibu li bejn wieħed u ieħor se jkun eċċeda s-somma ta' Lm250 miljun, jew aħjar kwart ta' biljun lira. Meta nqisu li hawn 280,000 votant, dan ifisser li fuq kull ras il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant qed ipoġġi piż ta' Lm900. Ftit ilu smajna lill-Onor. Membri tan-naħa l-oħra jgħajru lilna dwar il-miljuni li l-Gvern Laburista qed ikollu joħroġ biex iħallas l-imgħaxijiet fuq self li kien għamel il-Gvern Nazzjonalista, li skond huma sar f'ambjent ta' ħela. Issa b'dan li qed jissellef il-Gvern tal-lum irid kważi Lm20 miljun - għax l-imgħax ħiereġ bis-7.2% - biex iħallas l-imgħaxijiet fuq Lm260 miljun, li se jkun issellef f'dan il-perijodu ta' sentejn. Madam Speaker, għaliex kien issellef il-Gvern ta' qabel?
Il-Gvern preċedenti kien issellef biex jagħmel xogħol infrastrutturali - biex illum paxxejna lill-Gvern Laburista ħalli jkun jista' jbigħ shares fil-Malta International Airport u ħalli jkun jista' jbigħ shares tal-Maltacom lill-privat! - u rranġa l-infrastruttura b'mod li mhux biss ħoloq xogħol, mhux biss aġġorna ruħu, mhux biss ġabna fuq quddiem fis-sistema tat-telekomunikazzjoni imma rrenda biżżejjed sabiex seta' jbigħ ix-shares. Qalulna li f'inqas minn sena - għax fil-5 ta' Novembru tas-sena li għaddiet tressaq il-budget - tant issodat it-Telemalta u tant issodat l-MIA li l-Gvern issa jista' jbigħ ix-shares u jiġbor il-miljuni minnhom, u wara li jiġbor il-miljuni tax-shares imbagħad jerġa' jiġbor it-taxxa u b'hekk dawn jibqgħu jirrendu lill-Gvern. Dak li verament kellu bżonn il-poplu Malti. (Interruzzjonijiet)
Issa jien ma nafx kif il-Ministru tal-Finanzi - biex ma ngħidx il-Prim Ministru - ma qabadx lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u tah erba' kotba oħra biex jippubblikahom, forsi on the way kien isib Lm23 miljun oħra kull darba - u mela jiġi jgħidilna li ma jafx kif f'daqqa waħda sab li kien hemm dħul ta' Lm23 miljun! - u konna niffrankaw din il-maratona ta' diskussjoni u konna anke nagħmlu monument lis-Sur Ellul. Pero' jekk veru li fl-ogħla istituzzjoni monetarja u finanzjarju ta' Malta ħarbitilhom biċċa xogħol ta' Lm23 miljun, allura bħalma naraw f'pajjiżi oħrajn u bħalma rajna lill-Onor. Charles Mangion jieħu r-responsabbilta` u joffri r-riżenja tiegħu wara żball jew ineżattezza ta' ħaddieħor, nippretendi li waqt il-laqgħa tal-Public Accounts Committee - li tibda minn hawn u ftit ieħor - il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali għandu u ħaqqu jippreżenta r-riżenja tiegħu, għax dan kollu juri ineffiċjenza totali.
M'aħniex qegħdin nitkellmu fuq Lm100, fuq Lm1000 jew fuq ċifra żgħira li setgħet marret ħażin imma qegħdin nitkellmu fuq ċifra kbira. Min suppost qed jikkontrolla b'kemm tipproduċi Malta, min suppost qed jikkontrolla l-Fond Konsoldat, min qed jikkontrolla l-ħruġ u d-dħul mill u fil-Kaxxa ta' Malta mhux żball gravi għamel imma żball kważi sagrileġġ. U jien ngħid li bħalma għamel żball hemm, jista' jkun li għamel żball ukoll fir-rapport dwar kemm qed jipproduċi l-pajjiż. Jista' jkun ukoll li dan għamel żball fiċ-ċifra li niżżel ta' kemm qegħdin jaqilgħlu il-lukandi, ta' kemm qed jonfqu t-turisti u ta' kemm qed idaħħal il-Gvern mill-income tax. U x'ħin wieħed joqgħod jaħseb verament li l-Bank Ċentrali - li suppost jamministra budget ta Lm500 miljun f'sena - jagħmillek żball ta' 5%, allura naraw kemm veru m'hemmx preparazzjoni serja u kemm min hu responsabbli ma ħaqqux li qiegħed fil-pożizzjoni li qiegħed. Pero' ma nixtieqx li jgħidu li ġejt hawn biex nagħmel attakk fuq il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali. X'ħin jorqod għandu l-kuxjenza tiegħu u jara hu jekk huwiex dehen li jibqa' hemmhekk jew joffri r-riżenja lil min suppost, imbagħad jekk għandhomx jaċċetawha dik tkun ħaġa oħra.
Madam Speaker, għaliex qegħdin nissellfu Lm110 miljun? Qegħdin nissellfu dawn il-miljuni kollha biex nissodisfaw ir-rigal ta' Lm3 miljun li l-Labour Party ingħata mingħand il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant fuq proprjeta' f'Pembroke. Għax l-art ta' Pembroke għandha valur ta' Lm3 miljun, bil-mod kif ġie skontat mil-Lands fir-rigal li tawhom, u minkejja t-turija biċ-ċar ta' kif ġraw l-affarijiet, l-illustrissimi Onor. Membri tal-Gvern ta' quddiemna għoġobhom xorta japprovaw.
Il-Gvern qiegħed jissellef Lm110 miljun sabiex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' dħul mit-taxxa - għidilha VAT, TAV jewETS - u għan-nuqqas ta' dħul kaġunat minn nuqqas ta' ġenerazzjoni ta' kummerċ. Dawk li huma fil-professjoni notarili, kemm aħna kif ukoll tan-naħa l-oħra, jiltaqgħu ma' nies li qegħdin fil-kummerċ, ma' tal-lukandi, ma' tal-bini u ma' nies li qegħdin jaqilgħuha u jiekluha. Niltaqgħu ma' nies li qabel kienu jiġu għandna b'wiċċ daħkan għax ir-rota kienet iddur u dawn in-nies illum jiġu għandna nkwetati. Dak tal-lukanda jiġi nkwetat mhux għaliex sal-ġimgħa l-oħra ma kienx kompetittiv imma għaliex minkejja li l-Ministru tat-Turiżmu ħoloq l-awtorita` nazzjonali tat-turiżmu, din l-industrija ħadet gambetta - li qrajna dwarha fil-gazzetti l-ġimgħa l-oħra - meta l-operaturi li f'ħafna xhur fis-sena joperaw on a break-even basis biex ma jżommux il-lukandi tagħhom vojta, illum għollewlhom is-servizz tad-dawl, ta' l-ilma u tad-drenaġġ b'mod li min kien iħallas Lm10,000 issa se jkollu jħallas Lm16,000, u min kien iħallas Lm20,000 issa se jaqbeż it-Lm30,000.
Madam Speaker, ċerti kuntratturi żgħar jippreferu jsibu xi biċċa xogħol, jagħmluha u jitħallsu tagħha milli jieħdu xi tender tal-gvern, għax iħossu li m'humiex kbar biżżejjed biex jidħlu għal ċertu xogħol. Illum insibu li ħafna negozjanti qegħdin jaħdmu bi tpartit - għax imbagħad dak li jkun jista' jerġa' ipartat ma' tal-konkos u ma' tal-barriera - biex għallinqas ikun qed iħaddem in-nies. Illum il-first-time buyers jinsabu mdejqin minħabba l-istat li tinsab fih l-ekonomija. Bil-pass imgħaġġel li qabel kienet għaddejja bih l-ekonomija, meta dawn kienu jixtru l-proprjeta' kienu jikkalkolaw id-dħul li kien se jkollhom mill-overtime, imma llum peress li x-xogħol naqas dawn ikollhom jgħaddu bil-paga biss, sakemm ma taqrax f'xi gazzetta li xi kumpanija kellha tnaqqas in-nies minħabba nuqqas ta' xogħol. Jiġifieri n-nies li qabel kellhom garanzija ta' standard of living għoli llum qed ikollhom jgħaddu bil-paga minima.
Madam Speaker, għaliex taħseb li l-Gvern qed jitlob biex jissellef Lm110 miljun? Għaliex filwaqt li qabel l-elezzjoni l-Onor. Alfred Sant kien wiegħed li se jkun kapaċi jsolvi l-problemi tat-tarznari, illum wara sena u nofs baqa' ma solva xejn u lit-tarznari tahom Lm24.6 miljun biex jaqtgħu l-kontijiet li għandhom u mhux biex jinvestu f'xogħol ġdid li jkun jista' jrendi. U hawn hu l-ħażin. Il-Gvern mhux qed jitlobna l-flus biex jinvesti f'xi ħaġa ħalli b'dak li jaqla' jkun jista' jħallas l-imgħax imma qed jitlobna l-flus ħalli jkun jista' jżomm f'wiċċ l-ilma. Meta bniedem imur il-bank biex jissellef l-ewwel jistaqsuh jekk għandux x'jagħmel tajjeb - illum fuq self ta' ammonti żgħar il-bank ma jinsistix għal garanzija bankarja jew għal garanzija ipotekarja fuq propjeta' jew fi flus - imma iktar minn hekk jimportahom jekk huwiex kapaċi jħallashom lura.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum. MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta kienet sospiża fl-4.50 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. MADAM SPEAKER: Nitlob lill-Onor. Abela sabiex ikompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. TONY ABELA: Madam Speaker, kont qed ngħid li meta bniedem imur il-bank biex jissellef, waħda mill-affarijiet li jistaqsuh tkun jekk huwiex kapaċi jħallas lura mhux biss l-imgħax imma l-kapital li jkun issellef. Issa f'dan il-każ il-Gvern m'hu qed jipproponi l-ebda mezz dwar kif se jagħti lura l-ammont li se jissellef. Allura llum min se jerġa' jinvesti Lm110 miljun fil-Gvern jekk mhux dak il-bank li fih il-Gvern għandu maġġoranza ta' l-ishma u li faċilment joħroġlu direttiva u l-bank ikollu jsellfu? Pero' self wara self il-likwidita' tal-bank se tonqos sostanzjalment u allura l-qligħ u d-dividends se jonqsu wkoll - nafu, per eżempju, li l-Mid-Med Bank dan l-aħħar ħabbar il-qligħ għall-ewwel sitt xhur ta' din is-sena u dan kien ħafna inqas minn dak tas-soltu - u żgur li l-bank mhuwiex f'pożizzjoni li jinvesti ammont sostanzjali kif qed jitlob il-Gvern.
Madam Speaker, raġuni oħra għala l-Gvern qed jitlob li jagħmel dan is-self hi biex jagħmel il-proġett ta' l-akkwarju li għall-ewwel kien ġej f'Marsascala imbagħad f'daqqa l-Gvern iddeċieda li jiżviluppah x'imkien ieħor. Huwa veru li f'Marsascala se jirranġalhom il-bankini pero' naħseb li kieku dan l-akkwarju kellu jsir f'Marsascala kien iressaq iżjed opportunitajiet ta' negozju lejn dik il-lokalita'. Għall-grazzja t'Alla, fit-tramuntana ta' Malta diġa' hemm investiment biżżejjed, pero' hawn xniegħa li dan il-proġett se jsir fil-Qawra, in-naħa ta' Fra Ben. Hemm ukoll indikazzjonijiet li ċerti xogħlijiet li saru fuq il-famuż proġett ta' embellishment ta' Buġibba u l-Qawra se jitneħħew biex jagħmlu post għal dan l-akkwarju.
Madam Speaker, il-Gvern tal-lum qed jissellef Lm110 miljun għal xogħlijiet infrastrutturali u qed jgħid li m'għandux mezzi biex iħallashom matul din is-sena. Kif jafu l-Onor. Membri tan-naħa l-oħra, pajjiżi oħrajn li għażlu li jidħlu fl-Unjoni Ewropea għal proġetti infrastrutturali bħal dawn qed jingħataw ħafna għajnuna fi flus. Dan l-aħħar smajna li l-Water Services Corporation għandha bżonn il-miljuni sabiex tkun tista' twassal prodott aħjar lill-konsumatur u għaldaqstant din qed isibuha bħala skuża għat-tariffi l-ġodda li għamlu. Issa kieku konna membri fl-Unjoni, il-flus għal dan il-proġett u għal diversi proġetti oħrajn konna nġibuhom permezz ta' għotja. L-istess nista' ngħid fil-każ tal-biedja, Madam Speaker.
Il-Ministru tal-Biedja u Sajd jaf sew li kieku Malta kellha ssegwi din it-triq, il-bidwi Malti kien ikollu prezz garantit għall-prodott tiegħu u ma kienx ikollu l-ħtieġa li bħalma għamel f'dawn l-aħħar snin, kemm taħt Gvern Laburista u kif ukoll taħt Gvern Nazzjonalista, jitlob l-għajnuna u s-sussidju mingħand il-gvern.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Noel Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA (Ministru tal-Biedja u Sajd): Madam Speaker, ma nafx jekk l-Onor. Abela jixtieqx jgħidilna kemm għandu jkun dan il-prezz garantit. Nitolbu jkun iktar ċar fid-diskors tiegħu ħalli l-bdiewa jkunu jafu x'qed jingħad.
ONOR. TONY ABELA: Madam Speaker, il-Ministru jaf li 60% tal-flus li l-Unjoni Ewropea toħroġ bħala assistenza jmorru b'risq l-agrikoltura. Dan is-settur ta' l-ekonomija Maltija m'huwiex daqstant kbir f'termini ta' GDP imma huwa settur li kapaċi jżommna self-sufficient fejn jidħlu l-ħxejjex. Nixtieq nappella biex inkunu b'saqajna ma' l-art u mhux l-ewwel inwiegħdu lill-bdiewa li se jesportaw imbagħad ma niftħulhomx il-bibien biżżejjed biex ikunu jistgħu jagħmlu dan.
Raġuni oħra għaliex il-Gvern qed jitlob li jissellef Lm110 miljun hija biex jagħmel plaza oħra fil-Belt bħala l-proġett tal-millennju. Madam Speaker, waqt li inti kont qiegħda tiddelibera dwar it-talba ta' l-Onor. Gonzi, jien kont qed nitkellem ma' Onor. Membru tan-naħa l-oħra u ma' l-Onor. Guido de Marco u għidna li kien jagħmel aktar sens għal pajjiżna li kieku l-proġett tal-millennju kellu jkun il-bini ta' belt ġdida f'xi post fejn la għandek għalfejn tħassar l-ambjent u lanqas issir ħsara lil pajjiżna jekk jittellgħu high-rise buildings. (Interruzzjonijiet) J'Alla tagħmlu, jekk tagħmlu nneħħilek il-kappell! Il-Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali qed jgħid li beħsiebu jagħmel proġett bħal dan fil-Gudja. Aħna konna qed naħsbu li iżjed jista' jsir lejn Baħar iċ-Ċagħaq. (Interruzzjonijiet) Le, mhux tgħolli s-sulari. Naħseb li kien ikun utli kieku sibna area bħal dik li hemm taħt il-Għargħur, in-naħa ta' Baħar iċ-Ċagħaq, fejn l-art hija proprjeta' tal-gvern u għalhekk m'hemmx il-problema li l-Lands irid jakkwista titlu fuq dik l-art. F'din l-area il-gvern ikun jista' jibni appartamenti biex jinbiegħu jew jinkrew, u fl-istess ħin m'hi se ssir l-ebda ħsara għax fil-post li qed insemmi hemm art moxa. B'hekk inkunu nistgħu nersqu viċin mhux biss biex nagħtu kick-start lill-ekonomija imma anke nkunu qed nagħtu kontribut siewi biex intejbu l-qagħda soċjali ta' ħutna l-Maltin. M'iniex ngħid li b'hekk se nsolvu l-problema tal-housing totalment, għaliex sfortunatament din tant kibret li kważi ma tista' ssolviha qatt. Nerġa' ngħid li peress li l-art hija tal-gvern, il-postijiet li jkollu l-gvern ikun jista' jbiegħhom bi prezz baxx u ma jkollux għalfejn jissellef biex joħroġ aktar sussidju għax-xiri ta' housing units. Madam Speaker, ħaġa oħra għaliex il-Gvern qiegħed jitlob li jissellef dawn il-flus hija sabiex ikun jista' jgħolli aktar sulari fuq bini eżistenti. Hija ħasra li l-gvern f'ħafna blokki qed jgħolli sular biss għax għal sular wieħed qed ikollu jidħol f'ħafna spejjeż, fosthom li jestendi l-lift, jaqla' l-kontrabejt, jerġa' jgħaddi s-sistemi tal-katusi ta' l-ilma u tad-drenaġġ, u l-ispiża se tiġih daqslikieku bena tliet sulari fuq art verġni. Sfortunatament il-ħela ta' flus tiġi minħabba nuqqas ta' ħsieb. Illum jekk tibni erba' sulari, in-nies jippretendu li jkollhom lift u biex tagħmel lift sura ta' nies jaf jiswik madwar Lm10,000.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Alfred Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Qed nieħu gost nisma' lill-kollega tiegħi jitkellem fuq il-housing għax jien nikkonsidra kull suġġeriment li jsir, jiġi minn liema naħa jiġi, pero' nixtieq infakkru li aħna qed ngħollu s-sulari fuq bini eżistenti biex niffrankaw mill-art. L-eħfef ħaġa hija li tifrex u tieħu l-art imma aħna kemm jista' jkun qed nipprovaw insalvaw l-art. Ċertament li nieħu pjaċir nisma' lill-kollega tiegħi jgħid li jaqbel ma' l-idea tal-Gvern li jgħolli s-sulari fuq bini eżistenti.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Abela.
ONOR. TONY ABELA: Minn dak il-lat naqbel ma' l-Onor. Membru pero' min-naħa l-oħra naf li f'ċerti lokalitajiet - anke lokalitajiet li nirrappreżenta jien stess, fir-Rabat, per eżempju - se jkollna l-problemi malli nibnu sular ieħor għaliex il-pedamenti ma jifilħux. (Interruzzjonijiet) Mela aħjar tiċċekkjaw l-affarijiet sew għax il-permess tal-bini diġa' ħareġ u mhux tiġi tgħid li għad tridu tivverifikaw jekk strutturalment il-pedamenti eżistenti jifilħux għal aktar piż. (Interruzzjonijiet) Jiddispjaċini ngħidlek li jew ma sarx sew jew min informak ma nformakx sew. Għalhekk nista' ngħid li mingħajr ma joqgħod jissellef, il-Gvern jista' jasal biex jagħti dan is-servizz ta' social housing billi jipproġetta ċerti areas ġodda għal bini high-rise u b'hekk jevita milli juża ħafna art.
Madam Speaker, raġuni oħra għala l-Gvern qiegħed jitlob li jissellef hija sabiex iħallas kontijiet li, skond hu, ma kienx ħaseb għalihom. Jien naħseb li kien ħaseb għalihom imma forsi ma għaddielux minn rasu li d-dħul minn ċerti setturi kien se jkun miljuni ta' liri inqas minn dak previst. Għaliex? Għax hemm slowdown fl-ekonomija. Allura x'hemm bżonn isir? Per eżempju, nixtieq nissuġġerixxi lill-Ministru Portelli li jekk jiġi biex jibni l-postijiet li qed insemmilu - nipprova nlaqqa' ħaġa ma' l-oħra biex forsi b'ġebla waħda nkun nista' nolqot żewġ għasafar - juża kuntratturi żgħar li ma jifilħux jibnu belt sħiħa jew jiżviluppaw areas kbar, u ma jifilħux jagħmlu l-bid bonds li talabhom jagħmlu l-Gvern għall-proġett tal-millennju - jiddispjaċini ngħid li f'dan il-każ il-Gvern ma tantx ħareġ b'suċċess fit-tenders li ntefgħu għax lanqas waħda m'hemm skond l-ispecifications li ntalbu - imma ċertament li huma kapaċi jibnu taħt id-direzzjoni ta' periti tajbin. Dik tkun verament kick-start oħra għall-ekonomija għax il-Gvern ikun qed joħloq xogħol għal dawk li jaħdmu fil-ġebel, għall-kuntratturi, għall-bajjada, għal dawk li jqiegħdu l-madum, għal min jgħaddi l-elettriku, għall-plumbers eċċ. u r-rota tibda ddur. B'dan il-mod il-prezzijiet ma jkunux għoljin u l-Gvern ma jkollux għalfejn jissussidjahom. Jekk il-Gvern jagħżel it-triq tan-nofs f'dak li huwa finishing, m'għandux għalfejn jonfoq iktar minn Lm15,000 jew Lm16,000 biex jipprovdi flat komdu għal familja mdaqqsa. B'hekk ikun jista' jsolvi wkoll il-problema ta' dawk l-anzjani li jkunu jridu xi appartament żgħir biex imorru joqogħdu fih. (Interruzzjonijiet) Il-privat trid tikkalkula l-qligħ tiegħu qabel ma tixtri mingħandu. Madam Speaker, jien m'iniex qed nitkellem fl-isfond li qed jitkellem il-Ministru imma fl-isfond li l-Gvern m'għandux għalfejn jiġi jissellef il-flus biex jissussidja l-housing.
Il-Gvern għandu f'idejh areas li jekk jinbnew ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Il-Ministru jaf daqsi li aktar ma titla' 'l fuq aktar jonqsu l-ispejjeż - apparti li trid tidħol fi spejjeż addizzjonali biex tistalla lift - għaliex mhux se jkollok terġa' tagħmel pedamenti ġodda. (Interruzzjonijiet) Dan hu l-għaqal li qegħdin naraw illum fil-konfront tal-millennju l-ġdid li ninsabu resqin lejh? Aħna nixtiequ li l-millennju l-ġdid ifisser radd ġdid tas-salib għal Malta kollha, fejn nibdew naffrontaw il-problemi bis-serjeta', kif hemm bżonn li naffrontawhom. Fil-fatt ċerti problemi diġa' qed jiġu affrontati fil-Kumitati Permanenti tal-Kamra. Jien ngħid li bażikament fuq ħafna setturi nistgħu naqblu bejnietna, fis-sens li f'pajjiżna m'għandniex ġlied dwar kif għandha tmur l-ekonomija tal-biedja, tas-sajd, tat-turiżmu, tal-bini u ta' l-assistenza soċjali.
MADAM SPEAKER: Onorevoli, skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi biex l-Onor. Ministru jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. ALEX SCEBERRAS TRIGONA: Nipproponi li l-Onor. Tony Abela jkompli jinstema'.
ONOR. ĊENSU GALEA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Abela jkompli bid-diskors tiegħu. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra?
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. ONOR. TONY ABELA: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra. Madam Speaker, il-Gvern qed jissellef mhux biss biex iħallas il-kontijiet imma wkoll biex jaħbi n-nuqqas ta' qligħ. Ċerti ministri qatt ma tawna indikazzjoni ta' kemm hemm barranin li jinsabu lesti biex jinvestu f'pajjiżna. Aħna nippretendu li l-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u ta' l-Industrija jgħidilna li t-tali mprenditur jew it-tali kumpannija se jagħmlu investiment sostanzjali hawn Malta, liema investiment se jwassal biex jinħoloq ċertu ammont ta' xogħol u li permezz tiegħu se jkollna ċertu ammont ta' qligħ, biex il-poplu ma jkollux iħallas iżjed milli qed iħallas bħalissa.
Madam Speaker, milli jidher it-taxxi li għamel dan il-Gvern la servew biex jimla' l-ħofor li qal li sab u wisq inqas biex jibda jagħmel xi filata fil-barriera li ħoloq hu stess! Għaldaqstant inħoss li l-poplu mhux biss m'għandux jafda lill-Gvern fis-self ta' flus iżda għandu wkoll ikun assigurat li flusu nvestiti fil-banek ma jintużawx għal skop li l-Gvern sal-lum għad m'għandux idea konkreta minn fejn se jinġiebu sabiex jitħallsu lura. Insibu li 15% minn dan is-self se jmur biex jissodisfa l-ħruġ ta' government stock li kien hemm qabel, imbagħad il-85% l-oħra nefaqhom mingħajr ma jaf kif se jroddhom lura. Biex dan ikun jista' jsir il-Gvern irid jew jiekol difrejh, jew jigdem subgħajh, jew inkella jkompli jneżża' lill-poplu Malti minn dak li tah Gvern Nazzjonalista. Nirringrazzjak, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, għandna quddiemna diskussjoni dwar jekk il-Parlament jawtorizzax jew le lill-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant sabiex jissellef Lm110 miljun oħra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Tony Ablea.
ONOR. TONY ABELA: Madam Speaker, nimmaġina li l-Onor. Zammit Dimech se jagħmel diskors tajjeb u allura nippretendi li għandu jkun hawn quorum! Bħalissa ma naħsibx li hawn quorum.
MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta kienet sospiża fil-5.22 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit Dimech jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, nirringrazzja lid- diversi Onor. Membri li daħlu fil-Kamra, anke jekk temporanjament, biex ikomplu jsegwu din id-diskussjoni dwar dan is-suġġett.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, ikolli niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum. MADAM SPEAKER: Is-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta kienet sospiża fil-5.28 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit Dimech jista' jkompli bid-diskors tiegħu. (Interruzzjonijiet) L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, għal darba oħra niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum. Milli jidher in-naħa ta' l-Oppożizzjoni ma tridx tisma' dak li se jgħid l-Onor. Zammit Dimech!
MADAM SPEAKER: Għal darb'oħra s-Seduta hija sospiża minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta kienet sospiża fil-5.33 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit Dimech jista' jkompli bid-diskors tiegħu. (Interruzzjonijiet) L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, niskuża ruħi li kelli niġbed l-attenzjoni tas-Sedja għal nuqqas ta' quorum imma rridu niftakru li l-Oppożizzjoni ddikjarat li d-diskussjoni tal-lum hija importanti u li se tieħu sehem fiha - saħansitra uħud mill-Onor. Membri tan-naħa l-oħra fil-ħerqa tagħhom marru kontra r-regolamenti u tkellmu fuq l-Unjoni Ewropea - u tant jidher li għandhom ħerqa l-Onor. Membri kollegi tagħna li ħlief tlieta minnhom m'hawnx fil-Kamra. Dan qed ngħidu ħalli l-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf b'liema ipokrezija qed timxi l-Oppożizzjoni fil-Parlament. (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit Dimech jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, naħseb li huwa evidenti li r-responsabbilta' għall-quorum hija tal-Gvern u tal-Membri tal-Gvern. Li l-Onor. Membri tal-Gvern jilagħbu b'dan il-mod mal-Parlament huwa ta' disprezz lejn il-Kamra u lejn aġir uman korrett li nistenna mingħand kull deputat. (Interruzzjonijiet)
ONOR. JOE MIZZI: M'hawn ħadd min-naħa tagħkom!
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, il-Membri ta' din il-Kamra qed jaqdu d-doveri tagħhom f'ċirkostanzi diffiċli f'dan il-Parlament. Huma l-Membri tal-Gvern li għandhom jaraw li jkun hawn quorum. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Zammit Dimech, kompli bid-diskors tiegħek fuq is-suġġett li għandna quddiemna.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, huma l-Membri tal-Gvern li qed jonqsu mir-rispett tal-Parlament. Naturalment l-ikbar nuqqas ta' rispett ġej mill-fatt li n-naħa tal-Gvern m'hijiex lesta li tħalli lill-Parlament jiddiskuti l-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar l-Unjoni Ewropea. (Għajat u storbju)
MADAM SPEAKER: Il-Kamra hija sospiża minħabba diżordni.
Is-seduta kienet sospiża fil-5.38 p.m. u rriżumiet erba' minuti wara. MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit Dimech jista' ikompli bid-diskors tiegħu fuq l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, dan il-Parlament qed jikkonsidra jekk japprovax jew le li l-Gvern jissellef Lm110 miljun oħra. Hawnhekk naħseb li l-ewwel ħaġa li rridu ngħidu hi li dan li qed jagħmel il-Gvern ifisser li f'sena u nofs se jkun talab l-approvazzjoni ta' dan il-Parlament għal self ta' Lm300 miljun, aktar mit-total kollu ta' self li kien talab il-gvern ifformat mill-Partit Nazzjonalista matul disa' snin, u dan meta suppost li bid-dikjarar għandna gvern modern, effiċjenti u trasparenti. Fil-fatt sas-sena 1995, l-amministrazzjoni Nazzjonalista kienet ġiet quddiem dan il-Parlament u talbet approvazzjoni għal aggregate sum ta' Lm235.8 miljun f'self.
L-ewwel self li talab il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant kien ta' Lm70 miljun. Naturalment wieħed jista' jargumenta li billi kien gvern ġdid, parti mis-self ta' Lm70 miljun li sar fl-aħħar tas-sena 1996 kien ippjanat mill-amministrazzjoni preċedenti. Iżda meta wieħed jara l-projections li kien hemm mill-amministrazzjoni preċedenti jsib li fil-fatt ma kienx ipproġettat li jkun hemm self ta' iktar minn Lm35 miljun. Allura mis-somma ta' Lm70 miljun li l-Gvern preżenti ssellef fl-aħħar ta' l-1996, wieħed irid jattribwixxi s-somma ta' Lm35 miljun lill-amminstrazzjoni preżenti u Lm35 miljun oħra lill-amministrazzjoni preċedenti. F'Mejju tas-sena li għaddiet, jiġifieri fl-1997, il-Gvern preżenti talab l-approvazzjoni ta' din il-Kamra sabiex jissellef Lm72.4 miljun. Aktar tard talab sabiex jissellef Lm25 miljun oħra għat-Tarzna u mbagħad f'Novembru reġa' talab biex jissellef Lm95 miljun - fil-fatt l-approvazzjoni kienet għal Lm100 miljun imma jekk wieħed iħares lejn iċ-ċifri kif jidhru fl-estimi din hija mniżżla bħala Lm95 miljun - u allura, anke jekk ma ngħodd xejn mill-ewwel self ta' Lm70 miljun, wieħed malajr jirrealizza li qabel ma saret id-diskussjoni tal-lum il-Gvern preżenti kien diġa' talab biex jissellef Lm200 miljun. Issa għandna talba għal approvazzjoni ta' Lm110 miljun oħra, u dan ifisser li qed naqbżu Lm300 miljun b'kollox. Meta wieħed iqabbel dan is-self mas-self totali ta' l-amministrazzjoni preċedenti jsib li qegħdin nipparagunaw self ta' aktar minn Lm300 miljun f'sena u nofs ma' self ta' Lm236 miljun f'aktar minn disa' snin. Dan kollu fi sfond li l-Partit Laburista, li mill-oppożizzjoni kien jitkellem kontra s-self u l-konċett ta' dejn, u kien jgħid li wieħed m'għandux jiġi quddiem il-Parlament għal self bħal dan, issa qed jgħdilna: Araw kemm aħna effiċjenti, kemm aħna moderni u kemm aħna trasparenti! Aħna għandna l-vapur miexi full steam ahead, u anything you can do we can do better! Aħna f'sena u nofs ġejna quddiem il-Parlament għal self akbar minn dak kollu li intom għamiltu f'aktar minn disa' snin. Naħseb li mbagħad irridu nirriflettu ftit xi jfisser dan, anke bħala konsengwenza fuq is-sistema ta' kif jitmexxew il-finanzi tal-pajjiż.
Qed ngħid hekk, Madam Speaker, għaliex f'dan il-Parlament kemm-il darba kien hawn diskussjoni dwar self biex jagħmel tajjeb għad-deficit fil-budget nazzjonali. Anke fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti kien ikun hawn numru ta' interventi li apparti li kienu jirriferu għal aspetti differenti tal-politika li kien qed isegwi l-Gvern Nazzjonalista - kif inhu normali li jsir fil-ħajja ta' parlament meta wieħed ikun qed jiddiskuti money bill - kien ikollna wkoll interventi li jitkellmu dwar x'inhu s-sinifikat ta' dan kollu, mil-lat ta' kif jolqot il-mod kif ikun qed jitmexxa l-pajjiż, u xi tkun tfisser preċiżament il-qagħda tal-finanzi tiegħu. F'dan ir-rigward nixtieq nirriferi għal diskors li kien għamel l-Onor. Lino Spiteri f'dan il-Parlament. Din id-darba m'iniex se nikkwota minn artikli tiegħu fil-gazzetti jew minn intervisti riċenti dwar aspetti fuq il-politika tal-Gvern preżenti li hu ma jaqbilx magħhom imma se nikkwota minn intervent li hu kien għamel f'din il-Kamra fl-aħħar ta' Mejju ta' l-1995, meta l-Kamra kienet qed tiddiskuti mhux biex il-Gvern Nazzjonalista jissellef Lm110 miljun imma biex jissellef Lm34.5 miljun.
Qed nirriferi għal din iċ-ċifra għaliex huwa interessanti wkoll li wieħed jifhem li meta nħarsu lejn iċ-ċifri kollha li l-gvern għal sena wara l-oħra jiġi quddiem dan il-Parlament biex jissellef, insibu li l-average ta' l-amministrazzjoni preċedenti huwa ta' madwar Lm33 miljun fis-sena. Jiġifieri jekk taħt l-amministrazzjoni preżenti f'sena u nofs diġa' kellna talba għal self ta' Lm300 miljun - qed nassumi li sa l-aħħar tas-sena l-Gvern ma jiġix jitlob għal self ieħor - meta dan nipparagunawh mas-self ta' Lm33 miljun li sar fid-disa' snin ta' l-amministrazzjoni preċedenti, allura nkunu qed nitkellmu fuq average li qed jaqbeż il-Lm150 miljun fis-sena. Meta fid-29 ta' Mejju ta' l-1995 kien hawn talba biex dan il-Parlament jawtorizza lill-Gvern ta' l-Onor. Fenech Adami self ta' Lm34.5 miljun, x'kienu l-kummenti ta' l-Onor. Spiteri, bħala l-kelliem uffiċjali ta' l-Oppożizzjoni Laburista fuq il-finanzi u l-ekonomija?
L-Onor. Membru qalilna li huwa kruċjali li l-ekonomisti ma jibqgħux iħarsu l-ewwel lejn l-aspett politiku u mbagħad lejn l-aspett professjonali, u appella biex inħarsu oġġettivament lejn is-self li jagħmel il-gvern u lejn l-effetti li jħalli s-self fuq l-ekonomija. Dakinhar fid-diskors tiegħu l-Onor. Membru qalilna wkoll li meta l-gvern joħroġ self permezz ta' treasury bills, wieħed irid jagħmel kalkolu biex jara kemm mis-self isir mill-poplu u kemm isir mill-banek jew mill-Bank Ċentrali, u dakinhar stess ingħatat tweġiba dwar dak li kien għaddej fil-Parlament, għax f'''The Times" l-Onor. Spiteri ġie rrapportat li qal li m'għandniex inħarsu biss lejn l-ammont ta' self. Fil-fatt qalilna hekk:
"When a central bank loans money to government it will be creating money out of nothing because more bills are printed thus galvanising the inflationary process."
Jiġifieri fi ftit kliem l-argument ta' l-Onor. Spiteri kien li jekk il-gvern jiġi quddiem il-Parlament jitlob l-awtorizzazzjoni għas-self u mbagħad il-parti l-kbira ta' dak is-self jispiċċa jerfgħu l-Bank Ċentrali ta' Malta u mhux il-poplu Malti, b'mod ġenerali kulma jkun qed jiġri hu li l-Bank Ċentrali jkun qed jistampa iktar flus. GĦalhekk m'hu veru xejn li b'hekk inkunu qed immexxu l-ekonomija 'l quddiem bil-parteċipazzjoni ġenerali tal-poplu imma nkunu qegħdin inżidu l-inflazzjoni, jiġifieri nkunu qed inżidu l-proċess ta' l-għoli tal-ħajja. Dan huwa l-qofol tad-diskors li kien għamel l-Onor. Spiteri. Fil-fatt matul l-istess seduta l-Onor. Membru kien saħansitra għamel suġġerimenti biex meta joħorġu t-treasury bills dawn ikunu iktar attraenti għall-pubbliku, forsi nibdew naraw parteċipazzjoni ikbar mill-pubbliku f'dawn is-sistemi.
Issa hawn wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li l-Onor. Spiteri kien qal dan meta dak iż-żmien konna qed nitkellmu fuq self totali ta' Lm34.5 miljun u meta l-parteċipazzjoni tal-pubbliku f'issues bħal dawn kienet inkoraġġanti ħafna.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum. MADAM SPEAKER: Il-Kamra hija sospiża għal ħames minuti minħabba nuqqas ta' quorum.
Is-Seduta ġiet sospiża fis-5.55 p.m. u rriżumiet ħames minuti wara. MADAM SPEAKER: L-Onor. Zammit Dimech jista' jkompli d-diskors tiegħu.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Madam Speaker, kont qed ngħid li l-Onor. Spiteri kien issuġġerixxa li meta gvern jiġi biex jissellef, l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hija li naraw kemm qed jissellef mingħand il-pubbliku u kemm qed jissellef mill-banek. Imbagħad, skond l-Onor. Membru, għandna naraw x'inhu s-servicing ta' dawn il-loans ħalli nkunu nafukemm il-pajjiż ikun qed joħroġ ta' kull sena sabiex iħallas l-imgħaxijiet, kif ukoll b'kemm ikun qed jikber dan l-ammont. Għalhekk illum li resqin lejn it-tmiem tad-diskussjoni fuq dan l-abbozz ta' liġi se nipproponi immedjatament biex dan il-Parlament jistaqsi lilu nnifsu b'mod oġġettiv: Jekk wieħed jimxi fuq iż-żewġ suġġerimenti li kien għamel l-Onor. Spiteri f'Mejju ta' l-1995, liema suġġerimenti huma interessanti ħafna jekk teħodhom mil-lat xjentifiku, lil pajjiżna f'liema sitwazzjoni jsibu llum?
Issa hawnhekk, meta qed nistaqsi f'liema sitwazzjoni jinsab pajjiżna llum, m'iniex qed nirriferi biss għall-ammont li se jissellef il-Gvern - għax jien naħseb li f'dan ir-rigward diġa' spjegajna b'mod ċar lil kull min irid jifhem li dan il-Gvern dejjem jgħajjar lil ħaddieħor fuq il-ħofor u fuq id-dejn u fil-fatt f'sena u nofs se jkun issellef iktar milli ssellef il-Gvern Nazzjonalista f'disa' snin u nofs - imma qed nistaqsi dwar l-impatt tad-debt servicing u qed nistaqsi kemm mis-self li noħorġu qed jittieħed mill-pubbliku u kemm qed jittieħed mill-banek? Ħalli nibdew biex naraw x'inhu l-impatt tad-debt servicing, kif issuġġerielna l-Onor. Spiteri.
Madam Speaker, fl-aħħar sena ta' amministrazzjoni Nazzjonalista d-debt servicing tela' għal Lm24.7 miljun. Issa ta' min jgħid li jekk inħarsu lejn il-budget insibu li s-servicing tal-loans fis-sena li qegħdin fiha se jitla' għal iktar mid-doppju għax se jitla' għal Lm54.5 miljun. Ir-raġuni għal dan hija evidenti, għax ġaladarba minn medja ta' Lm33 miljun self fis-sena fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti issa diġa' qbiżna l-medja ta' Lm150 miljun, bilfors li l-imgħax li l-pajjiż ikun qed iħallas fuq is-self li jkun qed jagħmel jikber b'mod astronomiku. Issa ħalli niġu biex nagħmlu l-kejl l-ieħor li rrikkmanda l-Onor. Spiteri.
Madam Speaker, meta joħorġu t-treasury bills kemm jieħu minnhom il-poplu Malti - issa meta fil-gazzetti naqraw li ħarġu dawn it-treasury bills bilkemm ma jagħtukx l-impressjoni li dawn ittieħdu kollha u baqa' ħafna nies fil-queue biex jieħdu iżjed! - u kemm jieħdu minnhom il-banek? L-ewwelnett ħalli naraw x'ġara b'mod fattwali s-sena li għaddiet, li kienet sena sħiħa ta' amministrazzjoni Laburista. Issa qabel ma naraw x'ġara wieħed irid jirrimarka li l-ammont totali ta' dawn it-treasury bills ikun ikbar mis-self li l-gvern ikun għamel għax filwaqt li persentaġġ minnhom joħorġu bħala self ġdid, ikun hemm persentaġġ ieħor li joħorġu biex jissostitwixxu treasury bills li jkunu waslu biex jiskadu minn snin preċedenti. Hawn ta' min jgħid li matul is-sena li għaddiet il-Gvern darbtejn ħareġ treasury bills, darba f'April u darb'oħra f'Settembru. F'April tas-sena l-oħra l-Gvern ta' l-Onor. Sant ħareġ b'Lm150.6 miljun treasury bills, li minnhom is-sistema bankarja ta' pajjiżna refgħet il-piż ta' Lm126 miljun, u l-pubbliku ħa Lm24.6 miljun. Ta' min jgħid ukoll li f'Settembru tas-sena l-oħra l-Gvern ħareġ Lm140.4 miljun fi treasury bills, li minnhom Lm107.2 miljun ittieħdu mill-Bank Ċentrali u minn banek oħrajn, u l-pubbliku ħa Lm33.2 miljun.
Madam Speaker, dawn huma r-riżultati tal-kejl li l-Onor. Spiteri kien issuġġerielna li nagħmlu qabel l-elezzjoni li għaddiet. Imma issa li l-Partit Laburista għamel qabża mill-oppożizzjoni għall-gvern u qed jara d-differenza li hemm bejn dak li tgħid matul kampanja elettorali - u anke fis-snin ta' qabel meta tkun fl-oppożizzjoni - u bejn dak li tagħmel bħala gvern ...
MADAM SPEAKER: Onor. Zammit Dimech, niġbidlek l-attenzjoni li skadielek il-ħin u għandek bżonn extension. Xi ħadd jipproponi li l-Onor. Membru jkomplu jinstema'.
ONOR. AUSTIN GATT: Nipproponi li jkompli jinstema'.
ONOR. CHARLES MANGION: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Hawn talba biex l-Onor. Zammit Dimech ikompli bid-diskors tiegħu. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra?
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, on a point of order. Naħseb li l-Onor. Zammit Dimech kien għad baqagħlu iktar ħin għad-dispożizzjoni tiegħu għax l-40 minuta kienu għadhom m'għaddewx. Ma nistax nifhem għaliex is-Sedja talbet għal extension.
MADAM SPEAKER: |I-ħin li ntilef kull darba li ssejjaħ quorum intilef mill-ħin ta' l-Onor. Zammit Dimech. Ninsab informata li f'din il-Kamra dejjem hekk kienet il-prassi. L-Onor. Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, mill-esperjenza tiegħi naf li s-Sedja mhux dejjem imxiet b'dan il-mod, saħansitra llum stess, u għalhekk nitlob ruling f'dan ir-rigward.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, jekk in-naħa l-oħra qed issib oġġezzjoni li aħna nitkellmu għandha tgħidilna. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom, m'hemmx interruzzjonijiet.
ONOR. AUSTIN GATT: Aħna għadna kemm approvajna li l-Onor. Zammit Dimech jingħata extension. Issa jekk qed toġġezzjonaw għal din l-extension, nitlob lis-Sedja biex tagħti ruling. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Nitlobkom tpoġġu bil-qiegħda. L-extension ingħatat u l-Onor. Zammit Dimech jista' jkompli bid-diskors tiegħu.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, skond l-Ordni Permanenti Nru. 49 kull kelliem għandu dritt jitkellem għal 40 minuta. Issa jien insostni li l-Onor. Zammit Dimech ma damx daqshekk jitkellem - biss biss kien hawn erba' talbiet għal quorum, b'kull waħda tieħu ħames minuti - u m'hemm imkien fl-iStanding Orders li jgħid li l-ħin mitluf għandu jitnaqqas mill-ħin ta' l-Onor. Membru li jkun in possession.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, kif qal l-Onor. Galea, il-proċedura dejjem kienet li meta jissejjaħ quorum u s-seduta tiġi sospiża, il-ħin li jinħela ma jitteħidx mill-ħin tal-kelliem. Tant hu hekk li l-Ordnijiet Permanenti jgħidu li meta l-Kamra tkun sospiża, anke jekk tkun sospiża għal division, dawk l-20 minuta jingħaddu mas-seduta, u b'hekk il-ħin tal-kelliem jibqa' intatt. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, tinterrompix.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Mill-kummenti li qed jagħmel l-Onor. Mizzi donnu jidher li l-Gvern qed jaqbel magħna li meta l-Kamra tkun sospiża, dak il-ħin ma jintilifx imma jiżdied mal-ħin normali tas-seduta.
ONOR. JOE MIZZI: Jien mhux għall-ħin tal-quorum qed ngħid imma għall-ħin tad-division! (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Onor. Mizzi, jekk jogħġbok tinterrompix.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Jiġifieri issa f'dan il-Parlament spiċċajna lanqas nistgħu nitkellmu! (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, ir-regoli li joħorġu mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra jgħidu li l-ħin tas-sospensjoni tal-Kamra jiżdied mal-ħin tas-seduta. Konsegwenzjalment jekk il-Kamra hi sospiża għal ħames minuti minħabba sejħa għal quorum, dawk il-ħames minuti ma jintilfux mill-40 minuta tal-kelliem. (Interruzzjonijiet) Ħalli nifhmu l-implikazzjonijietta' l-affarijiet li qed nagħmlu u mhux nagħmlu bħat-tfal iż-żgħar. Jekk aħna rridu nirriduċu lil dan il-Parlament allura ejjew nirriduċuh, imma dak ikun ifisser li meta jkun qed jitkellem l-Onor. Joe Mizzi - jew xi Onor. Membru ieħor ta' kwalunkwe naħa - nistgħu noqogħdu nsejħu quorum kull ħames minuti biex nieklulu l-40 minuta, ħalli żgur li ma jkollux ċans jitkellem. Imma ma narawx li dan ma jagħmilx sens!
Madam Speaker, hemm ir-regoli u aħna għandna nimxu mar-regoli.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Karmenu Vella.
ONOR. KARMENU VELLA: Madam Speaker, l-Onor. Gonzi qal x'jgħidu l-Ordnijiet tal-Kamra meta tissejjaħ division u qal li f'dak il-każ is-seduta għandha titwal b'20 minuta. Kull meta seduta ġiet sospiża għal nofs siegħa, għal tliet kwarti jew għal siegħa sħiħa, din dejjem waqfet fid-9.00 p.m. xorta waħda.
Issa jekk l-Onor. Membru jixtieq li meta jkunu qed jitkellmu sħabu ħadd ma jgħajjat għal quorum għandu javżahom biex ikunu preżenti f'din il-Kamra, għax minn ġurnata sħiħa ħlief tnejn ma kienx hawn preżenti min-naħa l-oħra u ħadd minna m'għajjat għal quorum. MADAM SPEAKER: L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Dawn it-tip ta' kummenti m'humiex aċċettabbli, Madam Speaker. (Interruzzjonijiet)
MADAM SPEAKER: Kulħadd bil-qiegħda. Ħadd m'hu qed jiġi rrekordjat. Onor. Vella, jekk jogħġbok żomm l-ordni. L-Onor. Gonzi.
ONOR. LAWRENCE GONZI: Madam Speaker, il-prinċipju huwa li meta jkollok is-sospensjoni tal-Kamra, il-ħin għad-dispożizzjoni tal-kelliem, ċioe' l-40 minuta, jibqgħu sħaħ, u ma jistax ikun li l-40 minuta jitnaqqsu għax inkella nkunu qed innaqqsulu mill-ħin. Għalhekk ninsisti li jingħata ruling .
MADAM SPEAKER: L-Onor. Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI: Madam Speaker, ma nistax nifhem kif l-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni qed jgħidulna li aħna qed nipprovaw ma nħalluhomx jitkellmu meta kull darba li ntalbet extension dejjem konna aħna stess li pproponejna jew issekondajna l-mozzjoni. (Onor. Membri: Hear, hear)
MADAM SPEAKER: L-Onor. Gatt.
ONOR. AUSTIN GATT: Madam Speaker, ma nafx fejn kien l-Onor. Portelli għax fil-fatt kull extension li ngħatat kienet proposta min-naħa tagħna. (Interruzzjonijiet) Minn mindu beda jitkellem l-Onor. Anton Tabone, l-Onor. Membri tal-Gvern oġġezzjonaw li din in-naħa titkellem. Imma nixtieq li l-Ministru Vella jqum jgħidilna eżattament għal liema artiklu u għal liema subartiklu ta' l-Ordnijiet Permanenti kien qed jirriferi meta tkellem f'dan ir-rigward.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, kif qalu huma stess huma kienu qed jiksru r-regolamenti ta' dan il-Parlament, li hija l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, meta tkellmu fuq suġġett li qiegħed fuq l-aġenda. (Interruzzjonijiet) Iva, dak il-ħin kien qed jippresjedi d-Deputy Speaker u kien hawn min iddikjara li kien qed imur kontra r-regolamenti. (Interruzzjonijiet) Nimxu ma' l-iStanding Orders.
MADAM SPEAKER: Se jkolli nissospendi biex nikkonsidra l-point of order li tqajjem mill-Onor. Ċensu Galea u nagħti ruling fuqu.
Fis-6.15 p.m. is-Seduta ġiet sospiża u rriżumiet 40 minuta wara. MADAM SPEAKER: Jekk jogħġobkom sibu postkom. L-Onor. Fenech Adami.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Madam Speaker, niġbidlek l-attenzjoni li m'hawnx quorum. MADAM SPEAKER: Il-Kamra hija sospiża għal ħames minuti minħabba nuqqas ta' quorum.
Fis-6.55 p.m. is-Seduta ġiet sospiża u rriżumiet ħames minuti wara. MADAM SPEAKER: Fuq il-point of order imqajjem mill-Onor. Ċensu Galea s-Sedja kkonsidrat:
1. Il-prassi sal-lum imxiet fuq il-premessa illi kieku l-iStanding Orders kienu maħsuba biex jagħmlu allowance għal żieda tal-ħin meħud għal quorum, dan kien ikun speċifikat bħalma hu speċifikat fil-każ ta’ division fl-Ordni Permanenti Nru 84.
2. L-Ordni Permanenti Nru. 49 jgħid illi ebda Membru m’għandu jitkellem għal iżjed minn 40 minuta f’ħin wieħed u għalhekk prima facie dan jista’ jagħti lok għall-interpretazzjoni illi Membru li jkun imsejjaħ biex jitkellem irid litteralment jitħalla jitkellem għal 40 minuta, skond l-istess Ordni Permanenti.
3. Jekk wieħed iħares lejn l-Ordni Permanenti Nru. 11, li jirregola l-quorum, u jikkonsidra illi kemm-il darba dan ma jseħħx f’intervall ta’ ħames minuti l-Kamra għandha tiġi aġġornata bla votazzjoni sal-ġurnata tas-seduta ta’ wara, joħroġ illi l-ħames minuti sospensjoni tal-quorum huma parti mill-ħin normalment allokat għas-seduta, għax jagħtu ċans li jinġabar in-numru ta’ membri neċessarju sabiex is-seduta tkun tista’ tkompli, u huwa biss kemm-il darba ma jinġabarx illi s-seduta tieqaf. Għaldaqstant anke fil-konfront tal-Membru li jkun in possession il-ħin ikun għaddej.
4. Is-Sedja tapprezza l-punt imressaq mill-Onor Gonzi illi l-interpretazzjoni kif qed tiġi mogħtija mis-Sedja fil-paragrafu preċedenti tista’ tagħti lok għal abbuż fil-konfront tad-dritt ta’ kull Membru li jitkellem. Iżda s-Sedja jidhrilha li l-privileġġ tal-liberta’ tal-kelma fil-Parlament m'huwiex biss privileġġ ta’ kull Membru individwali iżda huwa wkoll privileġġ tal-Kamra kollettivament, u s-Sedja tikkondividi dak li hemm espress f'Erskine May, paġna 84, fejn dwar il-privileġġ tal-liberta’ tal-kelma jingħad:
“It becomes the duty of each Member to refrain from any course of action prejudicial to the privilege which he enjoys”.