Malta debates tal-kamra tad-deputati


ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-AWTORITA’ MARITTIMA TA’ MALTA



Yüklə 353,16 Kb.
səhifə3/6
tarix17.01.2019
ölçüsü353,16 Kb.
#99718
1   2   3   4   5   6

ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-AWTORITA’ MARITTIMA TA’ MALTA

MALTA MARITIME AUTHORITY (AMENDMENT) BILL



THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru għat-Trasport u Portijiet jipproponi t-Tieni Qari.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Sur President, nipproponi t-Tieni Qari ta' l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOE MIZZI: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Rimarki? Il-Ministru Debono Grech.


ONOR. JOE DEBONO GRECH: Sur President nibda biex ngħid li dawn l-emendi li qed nipproponu llum permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi kienu tressqu għall-Ewwel Qari mill-amministrazzjoni preċedenti qabel is-sajf l-ieħor, pero' minħabba raġunijiet li jafhom kulħadd dawn baqgħu fuq l-ixkaffa. Fil-verita' kienet inħasset il-ħtieġa li jitressqu emendi għall-Att dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta wara li kien sar qbil bejn il-General Workers' Union u l-istess awtorita'. Permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi qed ngħidu li r-responsabbilta' ta' bdot għal xi telf jew ħsara li tirriżulta waqt it-twettiq ta' dmirijietu m'għandhiex tkun ta' iktar minn Lm5,000. Il-liġi kif inhi sal-lum tgħid li bdot li jkun imbarkat fuq bastiment huwa responsabbli għal kull żball, negliġenza jew nuqqas ta' ħila fil-każ ta' telf jew ħsara waqt in-navigazzjoni ta' bastiment, waqt li l-kaptan, li huwa mpjegat tas-sid, ma jġorr l-ebda responsabbilta' ċivili personalment għal xi ħsara kkawżata minn żball tal-bdot li fiha ma jkunx ħa sehem jew li ma setax jilqa' għaliha. Tajjeb li mill-ewwel ngħid li ħafna mil-liġijiet ta' pajjiżi Ewropej li jirregolaw dan is-servizz ta' ekwipaġġ ġeneralment jinkludu provvediment li jillimita l-ammont ta' ħsara li għaliha bdott jista' jkun responsabbli, pero' f'pajjiżna ma jeżisti l-ebda provvediment simili fil-liġi tagħna jew fir-regolamenti dwar il-pilotaġġ ta' l-1975. Kif għidt qabel, filwaqt li bosta pajjiżi ma jaqblux dwar il-mod kif jirregolaw ir-responsabbilta' ċivili, hemm konformita' sħiħa dwar il-fatt li bdot m'għandux igawdi limitazzjoni simili f'każ ta' offiża kriminali, ħaġa li aħna wkoll naqblu magħha.
Skond l-Att dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta, bdot li jinstab ħati li kiser dmirijietu jista' jeħel sa sena ħabs jew multa ta' mhux iżjed minn Lm5,000 jew it-tnejn f'daqqa. Kważi l-pajjiżi kollha ta' l-Ewropa għandhom provvedimenti simili pero' l-limitazzjoni tvarja minn pajjiż għall-ieħor. Dan qed ngħiduh għaliex fil-passat bdot Malti ma kienx kopert mil-liġi Maltija għaliex ma kellux limitu ta' kemm jista' jeħel. Għalhekk kienu saru diskussjonijiet bejn it-Taqsima tal-Portijiet tal-General Workers' Union, il-ministru responsabbli u l-Awtorita' Marittima sabiex issir emenda għal din il-liġi. Kienu saru ħafna diskussjonijiet u fl-aħħar kien intlaħaq qbil li jiġi ppreżentat dan l-abbozz ta' liġi għaliex għalkemm kulħadd kien jgħid li dan kien hemm bżonnu, jew bi traskuraġni jew inkella għaliex ħadd ma kien jagħti kas li dan il-periklu kien jeżisti dan l-abbozz ta' liġi qatt ma ġie diskuss u allura qatt ma daħal in vigore. Veru li rari li jsiru inċidenti, u dan grazzi għall-abbilta' ta' dawn in-nies, li għalkemm skond il-liġi huma self-employed jaqgħu taħt l-Att dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta.
Aħna dan qegħdin ngħiduh u nħossuh għaliex filwaqt li kull min jaħdem fil-port huwa kopert b'xi liġi jew oħra, jidher li ħadd ma ta kas tal-bdoti. GĦalhekk huwa tajjeb li dan l-abbozz ta' liġi qiegħed jiġi quddiem il-Parlament illum għaliex bih qegħdin inkopru sezzjoni oħra li hija importanti ħafna f'dan il-qasam. Aħna nafu li port bħal tagħna ma jistax jimxi jekk ma jkollniex bdoti li kapaċi jaħdmu taħt kwalunkwe ċirkostanza u ma' kull kwalita' ta' bastiment li jidħol fil-Port il-Kbir. Ġieli smajna kliem ta' tifħir indirizzat lejn dawn il-bdoti imma fil-verita' lil dawn ħadd ma ta kashom. GĦalhekk filwaqt li qegħdin nagħrfu r-responsabbilta' li jġorru dawn in-nies, qegħdin naqdu d-dover tagħna lejhom. Se nasal biex ngħid li dawn il-bdoti, għalkemm ftit huma dawk li jafu bihom, huma kważi l-iktar nies importanti fil-port u, kif diġa' għidt, jaħdmu taħt kwalunkwe ċirkostanza u jiffaċċjaw ħafna periklu. GĦalhekk dan l-abbozz ta' liġi għalkemm żgħir huwa sinifikattiv għaliex ikopri ftit mix-xogħol li qegħdin jagħmlu dawn il-ħaddiema.
GĦalissa se nieqaf hawnhekk biex nagħti ċans lill-kollegi tiegħi taż-żewġ naħat jitkellmu, pero' ma naħsibx li m'għandiex ma naqblux ma' dan l-abbozz ta' liġi li se jgħin u jmexxi 'l quddiem lil din il-kategorija ta' nies. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, kif qal il-Ministru dan huwa wieħed mill-abozzi ta' liġi li kellhom jiġu diskussi matul is-sena li għaddiet iżda malli ssejħet l-elezzjoni kellu jibqa' mdendel. Din li qegħdin niddiskutu hija emenda pjuttost sempliċi li titkellem dwar sakemm għandha tkun ir-responsabbilta' tal-bdot u ta' l-Awtorita' Marittima f'każ li jkun hemm xi inċidenti fil-Port il-Kbir li jolqtu lill-bdot jew li jista' jkollhom konsegwenza fuq l-Awtorita' Marittima. Permezz ta'
dan l-abbozz ta' liġi qed nistabilixxu piena massima ta' Lm5,000 li titħallas mill-Awtorita' Marittima jew mill-bdot jekk kemm-il darba dawn jinstabu ħatja ta' xi inċident.
Aktar ma beda għaddej iż-żmien u iktar ma beda jiżdied in-numru ta' vapuri li bdew jidħlu fl-ibħra tagħna iktar beda jinħass il-bżonn li wieħed jillimita l-piena ta' ħabs jew multa li jistgħu jeħlu kemm l-awtorita' kif ukoll il-bdoti, għaliex kif qal il-Ministru, għalkemm sal-lum in-numru ta' inċidenti kien limitat, iktar ma jikber in-numru tal-vapuri li jidħlu fil-Port il-Kbir iktar hemm ċans li jseħħ xi inċident li fih ikunu nvoluti l-bdot jew l-awtorita'. Naturalment dan għaliex il-vapuri li llum jidħlu fil-Port il-Kbir huma differenti għal kollox minn dawk li kienu jidħlu sa ftit taż-żmien ilu għaliex filwaqt li qabel il-Port il-Kbir kien ikun mimli bil-vapuri navali, illum il-parti l-kbira tal-vapuri li jidħlu fil-port huma dawk tat-turisti u dawk reġistrati taħt il-bandiera Maltija. Għal dawn ir-raġunijiet din in-naħa tal-Kamra taqbel ma' dan l-abbozz ta' liġi għaliex, kif qal il-Ministru stess, wara kollox dan ġie mfassal fi żmien l-ammistrazzjoni preċedenti.
Il-Ministru qal ukoll li permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi qed naraw li l-bdot ikollu l-protezzjoni meħtieġa. Fil-fatt jien informat li fiż-żmenijiet l-imgħoddija u anke riċentement saru diskussjonijiet fost il-bodies kollha li b'xi mod huma marbutin mal-bdoti u għandi nifhem li ħadu sehem anke membri tal-unions u ta' l-Awtorita' Marittima bl-iskop li jintlaħaq consensus. GĦalhekk dan l-abbozz ta' liġi huwa pass ieħor lejn id-direzzjoni ta' protezzjoni lill-Awtorita' Marittima u lill-bdoti u għalhekk l-Oppożizzjoni m'għandiex diffikulta' li tivvota favur tiegħu. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Nirringrazzjak. Iktar rimarki? L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANGLU FARRUGIA: Sur President, l-ewwel ħaġa li rrid ngħid hija li qabel ma ġie introdott l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta ma kien jissemma xejn fuq il-limitation of liability. Fil-fatt jekk wieħed jara l-Pilotage and Mooring Regulations ta' 1975 isib kollox dwar dak li għandu x'jaqsam ma' pilotaġġ imma mbagħad ma jsib xejn dwar liabilities. GĦalhekk kien importanti li jiddaħħal dan l-element fil-liġi tagħna għax dan huwa meħtieġ għal meta jsiru r-rikorsi kontra xi pilota li jieħu r-responsabbilta' li jdaħħal vapur fil-port.
Sur President, id-drafting ta' dan l-abbozz ta' liġi sar b'mod intelliġenti għaliex hawnhekk ir-responsabbilta' m'hijiex limita biss in kwantu għal danni li jista' jkun hemm. Per eżempju, Artiklu 22 tal-liġi Ingliża ta' l-1987 dwar il-pilotaġġ jittratta biss is-civil liability u ma jkoprix il-criminal liability. Fil-fatt dan jgħid hekk:
"... for loss or damage to property which does not include death or personal injury .".
GĦall-kuntrarju, Subartiklu 59 (1) kif propost fi klawsola 2 ta' dan l-abbozz ta' liġi jgħid ċar li:
"Ir-responsabbilta' ta' bdot li jkollu liċenza sew filwaqt li jkun imbarkat fuq bastiment sew band'oħra għal xi telf jew ħsara, inklużi l-mewt u ħsara fil-persuna, ...".
GĦalhekk jekk għall-grazzja ta' l-argument jiġri xi inċident u jkun hemm każ ta' mewt, il-pilota jista' jeħel multa li ma taqbiżx Lm5,000.
Hawnhekk huwa importanti li wieħed iħares lejn din il-liġi b'mod aktar wiesgħa għaliex, per eżempju, jekk wieħed jara l-interpretazzjoni tar-responsabbilta' tal-pilota jsib li per se m'hemm xejn xi jgħid li għax pilota jkun qed idaħħal vapur fil-port allura b'xi mod he is in command tal-vapur. Li huwa żgur hu li l-kaptan huwa in command tal-vapur u għalkemm b'xi mod il-pilota jista' jkollu l-conduct tal-vapur he is not in command. Pero' mill-każistika li toħroġ mill-Ingilterra - hemm diversi interpretazzjonijiet f'dan is-sens ukoll - jirriżulta li meta vapur ikun dieħel fil-port il-master ikun qisu qed jiżvesti ruħu mill-command tal-vapur u allura f'dak il-mument il-pilota jieħu l-command hu. GĦalhekk hawn iktar toħroġ l-importanza ta' l-emenda li qed issir f'dan l-abbozz ta' liġi. F'ċerti pajjiżi Ewropej, fosthom id-Danimarka, il-piloti lanqas biss għandhom legal authority meta jkunu abbord, mentri fl-Ingilterra u fil-Kanada l-kwestjoni hija differenti. Il-qafas tal-Merchant Shipping Act tagħna huwa mibni kollu fuq is-sistema Ingliża u għalhekk ċertament li rridu naraw x'tgħid il-liġi Ingliża. Pero' hawn irrid ngħid ukoll li dan l-abbozz ta' liġi qiegħed in regola mad-direttiva ta' l-Unjoni Ewropea li jittratta l-pilotaġġ u m'hemmx dubju li qed jipproteġi lill-piloti li jaħdmu fil-portijiet tagħna bl-iktar mod wiesgħa, saħansitra iktar milli qed jipproteġuhom liġijiet avvanzati, bħal-liġi Ingliża. Per eżempju, fil-Greċja l-powers tal-piloti huma iktar wiesgħa minn dawk li għandhom fil-Belġju waqt li fin-Netherlands il-pilota huwa kkonsidrat bħala a traffic participant. Għalhekk ċertament li dan l-abbozz ta' liġi li għandna quddiemna jgħid bl-iktar mod ċar li meta bdot Malti liċenzjat ikun "imbarkat fuq bastiment sew band'oħra ..." - hawnhekk għandna wkoll il-konċett tar-remote pilotage - huwa kopert.
Sur President, fl-Att ta' l-1991 dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta hemm ukoll il-konċett li wieħed jista' jiġi akkużat kriminalment u jista' jeħel sa Lm5,000 multa

u sa sena priġunerija. GĦalhekk huwa tajjeb li f'dak li għandu x'jaqsam ma' civil liability qed nagħmlu ceiling ta' Lm5,000. Jien naħseb li dan huwa ammont ġust għalkemm forsi jkun hawn min jikkritika dan l-aspett. Forsi hawnhekk ta' min jgħid li hekk il-piloti jistgħu jinxurjaw lilhom infushom u allura jagħmlu polza apposta biex tiġi covered din il-possibbilta'. Effettivament hemm diversi pajjiżi li għandhom limitazzjoni differenti. Jekk, per eżempju, nieħdu Franza naraw li hemmhekk għandhom liability ta' 30,000 French francs pero' mbagħad il-criminal liability hija kwalifikata as for any other citizen. Issa xi tfisser li inti tgħid "as for any other citizen"? Qed tinkludi dak li seta' weġġa' u li ma kienx fuq il-vapur jew qed tinkludi lil dak li kien fuq il-vapur? Jiġifieri wieħed irid joqgħod attent u nerġa' ngħid li, kif naraha jien, din l-emenda li qiegħda tiġi proposta hija aktar b'saħħitha u tagħti aktar protezzjoni lill-bdoti.


Jekk nieħdu l-każ ta' Spanja naraw li l-liability tibda minn xi 2,000 peseta u titla' sa 100 miljun peseta u allura wieħed jista' jagħmel kawża għal dik li hija civil liability sa Lm5,000 imma, nerġa' ngħid, għandek minn minimu sa massimu. Meta niġu għal-liġi Ingliża - fl-opinjoni tiegħi, meta kkonsidrata mal-liġi Maltija hija aktar open-minded - insibu li biex dawn jipproteġu lill-istess bdoti, għamlu limitu ta' Stg£1,000 plus il-pilotage due. Issa aħna nafu li meta bdot idaħħal vapur f'xi port dan jitħallas tariffa. Mela jekk lil dan jagħmlulu kawża for liability taħt il-liġi Ingliża jitlef dak li kellu jieħu bħala ħlas talli daħħal il-vapur u barra minn hekk irid joħroġ Stg£1,000.
Kumment ieħor li xtaqt nagħmel jirrigwarda Subartiklu 59 (4), kif propost fi klawsola 2 ta' dan l-abbozz ta' liġi, fejn qed jingħad li l-fatt li l-Awtorita' Marittima tagħti l-liċenzja lill-bdot ma jpoġġix lill-awtorita' fil-pożizzjoni li hi għandha tirrispondi għal xi liability. Dan ifisser li l-fatt li l-awtorita' tat liċenzja lill-bdot biex ikun jista' jdaħħal il-vapuri fil-portijiet tagħna ma jpoġġix xi responsabbilta' addizzjonali, biex ngħid hekk, fuq l-istess awtorita'. Fi kliem ieħor, meta ssir kawża kontra bdot u din ma tirnexxix, il-persuna li tkun qiegħda tressaq il-kawża ma tistax iddur fuq l-Awtorita' Marittima. GĦalhekk il-leġislatur għamel sewwa li qed jgħid li l-għoti jew it-tiġdid tal-liċenzja lill-bdot - għax il-liċenzja trid iġġeddida kull sena jew iktar skond l-expiry date tagħha - mill-Awtorita' Marittima ma joħloqx jew jinftiehem li joħloq xi responsabbilta' fuq l-istess awtorita' jew fuq il-Gvern ta' Malta għal xi telf jew ħsara minħabba xi għemil jew nuqqas ta' xi bdot, sew jekk l-impjieg ta' bdot ikun obbligatorju u sew jekk ma jkunx. Din hija interessanti għaliex normalment ikollna sitwazzjonijiet, speċjalment fil-kamp ċivili, fejn inti tista' tattakka l-persuna li poġġejt fil-kawża u tista' tattakka persuna oħra jew awtorita' u tpoġġihom it-tnejn fil-kawża. Meta jkollna każ fejn sidien ta' vapur - jew xi ħadd li jkun empowered mis-sidien tal-vapur - jiftħu kawża kontra l-bdot, dawn imbagħad ma jistgħux iduru kontra xi ħaddieħor. Dawn iridu jattakkaw biss dak il-bdot li għandu l-liċenzja u ovvjament jieħdu rimedju sa Lm5,000.
Qabel nikkonkludi xtaqt nagħmel kumment ieħor. Fil-bidu tad-diskors tiegħi jien semmejt ir-regolamenti ta' l-1975 u, fl-opinjoni tiegħi, ladarba għamilna dawn l-emendi li għandna quddiemna, tajjeb ukoll li wieħed jara jekk jistax jagħmel ftit ta' overhauling ta' dawn ir-regolamenti li ilhom ma jiġu updated mill-1989. F'dawn ir-regolamenti m'għandekx distinzjoni legali bejn dak li għandu x'jaqsam ma' piloting u dak li għandu x'jaqsam ma' mooring, għalkemm din id-distinzjoni toħroġ mil-liġi. GĦalhekk ladarba wasalna f'dan l-istadju, naħseb li tajjeb li nagħmlu redefining ta' dawn ir-regolamenti sabiex b'hekk niġu aktar in order. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Schembri Adami.
ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI: Sur President, dawn l-emendi li qegħdin jiġu proposti huma emendi li l-Gvern Nazzjonalista kien ħaseb biex idaħħal meta kien għadu ministru l-Onor. Frendo u l-leġislatur, qua leġislatur, ilu għal xi żmien jaħseb biex din il-liġi nemendawha u ntejbuha għaliex nemmnu li hija liġi li - jekk huwa veru li hija effettiva u jekk huwa veru li hija razzjonali - għandha ttendi lejn il-valur tal-kompletezza u allura b'dan l-abbozz ta' liġi qegħdin nipprovaw inbiddlu Artiklu 59 ta' l-Att dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta li jitkellem dwar il-limitazzjoni tar-responsabbilta'. Fil-verita' din l-emenda hija waħda li tpoġġi sens ta' responsabbilta' fuq il-bdot.
Il-kelliem ta' qabli ta definizzjoni ta' xi jfisser bdot u r-responsabiltajiet li ġġib

magħha l-funzjoni ta' bdot u kif dawn jiddistingwu ruħhom mill-funzjonijiet ta' dak li huwa l-owner jew il-master of the vessel. Punt li żgur ħareġ b'mod tajjeb mill-kontribuzzjonijiet li għamlu l-kelliema s'issa kien id-definizzjoni statutorja ta' bdot. Jekk inħarsu lejn il-ġurisprudenza Ingliża - li magħha aħna nikkonformaw - insibu li bdot huwa "any person not belonging to a ship who has the conduct" il-kelma "conduct" kif opposta għall-kelma "command". Mela qegħdin nitkellmu fuq dik il-persuna li m'hijiex parti mill-vapur, m'hijiex l-owner jew il-master tal-vapur imma sempliċement hija fuq kuntratt ta' impjieg u għalhekk il-leġislazzjoni dejjem ħarset b'mod statutorju lejn il-bdot bħala dik il-persuna "not belonging to the ship" imma li għandha l-"conduct". U l-conduct tal-bdot tidħol malli l-vapur jibda l-kors tan-navigazzjoni. Qabel ma l-vapur ikun qiegħed ibaħħar, il-bdot statutorjament definit huwa persun "not belonging to the ship", pero' "the conduct" - li għamel riferenza għaliha l-Onor. kollega tiegħi - kif distinta minn "command"... Dan huwa importanti għaliex jorbot ħafna ma' l-emenda meta niġu biex inqisu l-liability li għandu jkollu l-bdot. Għaliex jekk huwa veru li l-bdot għandu l-conduct, il-master huwa in command. Fil-fatt minn rapport dwar il-pilotaġġ insibu li:


"To conduct a ship must not be confused with being in command of a ship. The first expression refers to an action, to a personal service being performed; the second ..."
Jiġifieri dak li jagħmel il-master huwa poter. Allura d-domanda hija jekk il-bdot fil-fatt għandux kontroll tan-navigazzjoni, u jekk għandu kontroll tan-navigazzjoni din hija kwestjoni ta' fatt u mhux kwestjoni ta' liġi. Il-fatt li l-bdot għandu l-kontroll tal-vapur għal skopijiet ta' navigazzjoni biss ma jfissirx li fuq il-vapur għandu l-poter li jiżboq dak tal-master. Fil-verita' huwa l-master li jibqa' jikkmanda u li allura għandu l-awtorita' abbord u jista' fil-fatt jiddelega l-poter tiegħu lil dawk li jiġu taħtu, pero' l-poter irid jiġi eżerċitat b'diskrezzjoni.
Huwa importanti li meta nħarsu lejn il-liability tal-bdot nifhmu wkoll min hu l-bdot. F'diversi leġislazzjonijiet barranin aħna ma nsibux x'inhi d-definizzjoni statutorja ta' bdot. Per eżempju, mill-ġurisprudenza Ingliża naraw li l-bdot huwa wkoll advisor, kultant huwa in sole charge ta' l-operazzjoni u qiegħed hemm ukoll biex jagħti assistenza lill-crew. Issa l-argument li għamel il-ħabib tiegħi l-Onor. Farrugia dwar ir-rikkezza tal-leġislazzjoni tagħna u dwar il-mod kif aħna qed nixprunaw lilna nfusna biex din il-liġi nkomplu nagħmluha aktar kompleta jġiegħelna nħarsu lejn sistemi oħra - din se nagħmel riferenza għaliha iktar 'il quddiem - bħall-common law system u s-civil law system. Ikun tajjeb li naraw kif ħadmu dawn is-sistemi fuq din is-sitwazzjoni għaliex b'hekk jistgħu jdawluna.
Għalkemm l-Awtorita' Marittima ta' Malta li ġiet imwaqqfa b'Att XVII ta' l-1991 għadha fil-bidu tagħha, din tat riżultati tajbin u għenet sabiex tiġi żviluppata l-attivita' marittima fid-dawl tal-funzjonijiet tagħha li hemm f'Artikli 3 u 4 ta' l-Att. Huwa importanti li niffokaw partikolarment fuq l-artiklu li jitkellem fuq ir-responsabbilta u l-parametri li għandu bdot. Per eżempju, l-bdot irid ikollu liċenzja li tingħata mill-pilotage board ta' l-Awtorita' Marittima - f'każ li jkollok sentenza jew deċiżjoni oħra ma tridx tappella minnha biex ma jkunx hemm il-prinċipju li tiġi ttrattat darbtejn - qabel ma jimbarka fuq bastiment jew fuq xi ħaġa oħra ... Imbagħad jibdew jidħlu l-konċetti u fi klawsola 2 insibu li:
"Ir-responsabbilta' ta' bdot li jkollu liċenza sew filwaqt li jkun imbarkat fuq bastiment sew band'oħra għal xi telf jew ħsara, inklużi l-mewt u ħsara fil-persuna, li jirriżultaw minn xi kawża waqt it-twettiq ta' dmirijietu m'għandhiex tkun ta' iktar minn Lm5,000 għal kull vjaġġ u kemm ikunu jiswew id-drittijet tal-pilutaġġ għar-rigward ta' dak il-vjaġġ li matulu tkun tnisslet ir-responsabbilta'. ".
Mela fuq naħa għandna l-konċett ta' responsabbilta' ċivili u kriminali. Aħna ngħidu li kull azzjoni tagħti lok għal azzjoni kriminali u azzjoni ċivili. Lill-Awtorita' Marittima qed ngħidulha li huwa tajjeb li jkollha r-responsabbilta' tal-bdot partikolarment fejn jidħol it-telf jew il-ħsara, pero' issa qed ninkludu wkoll każijiet ta' mewt jew ħsara fuq il-persuna. Huwa ferm importanti li dawn l-affarijiet jittieħdu in konsiderazzjoni.
Jiena nixtieq ngħid li l-ammont ta' Lm5,000 huwa adegwat ħafna għalkemm jista' jiġi deskritt bħala ammont għoli jew baxx ħafna, skond kif tħares lejh. Jekk inħarsu lejn sentenza riċenti ħafna ta' l-iSpanish Supreme Court ta' l-24 ta' Ottubru, 1995 insibu li din hija ta' importanza kbira fil-qasam tad-dritt marittimu għax fil-verita' tkompli ssaħħaħ dan li qed jagħmel il-Gvern Malti u tkompli tagħti raġun lill-ammont li qed insemmu fl-emenda tagħna. Fir-realta', din tikkjarifika ċerti konċetti li forsi huma konfużi. Meta nitkellmu fuq liabilities ta' maritime claims, qegħdin ngħidu "for as long as it is not expressly regulated, there will be no other solution to permit for a larger limitation of liability.". Fil-verita', il-liability tal-bdot hija ta' żewġ tipi, dik volontarja u dik compulsory. Fil-każ ta' voluntary pilotage huwa l-bdot li jrid jaqdi lix-ship owner li min-naħa tiegħu huwa responsabbli b'mod vicarious għall-pilot's negligence. Imbagħad hemm il-konċett ta' compulsory pilotage li min jaf kemm għad ikollna interpretazzjonijiet fil-ġurisprudenza Maltija dwar dan it-tip ta' pilotaġġ. Fil-fatt id-defence ta' compulsory pilotage fil-common law ġiet imneħħija u l-effett tagħha huwa li din, jiġifieri l-pilotage taħt il-compulsory form of understanding ta' liability, tpoġġi lill-bdot bħala li huwa x-ship owner's servant.

Ta' min jgħid li ħafna drabi, kif qed ngħidu anke fl-emenda, ikollok atti ta' kommissjoni, pero' jista' jkollok ukoll atti ta' ommissjoni. U jista' jkollok culpa li tkun levis jew li levissima. Imma, hi x'inhi, żgur li hija negliġenza, u għaliex hija negliġenza, fejn hemm ir-responsabbilta' jrid ikun hemm ukoll il-mod kif wieħed jirrispondi għaliha. Jekk inti responsabbli, inti trid tirrispondi għall-azzjonijiet li jistgħu jiġru. Aħna qegħdin naraw ukoll li n-negliġenza tal-bdoti toħroġ anke fejn wieħed huwa liable għal ħsarat li jsiru lil vapuri u lil third parties. Jidhirli li diġa' għamilt riferenza għal sentenza li ngħatat mill-Qorti Suprema Spanjola, pero' jekk inħarsu lejn is-sistema tal-Kanada nsibu li l-limitazzjoni tagħhom hija ta' $Can1,000 filwaqt li l-UK legislation li aħna nimxu fuqha kienu qed jikkonsidraw li jgħolluha għal LStg2000 għaliex hemmhekk forsi hija iktar frekwenti. Pero' żgur li l-pilotage board għandu - u jibqagħlu - d-dritt li jillimita dan.

Jekk inħarsu lejn l-iżviluppi li qegħdin isiru f'diversi pajjiżi oħra nistgħu naraw x'infissru meta ngħidu "a person is liable.". Jekk inħarsu lejn Artiklu 4 tal-Konvenzjoni ta' l-1976 insibu li jrid ikun hemm ".. a personal act or omission of a person liable ....." jiġifieri jrid ikun att li juri li l-persuna trid tirrispondi u hawnhekk fejn tidħol l-importanza ta' l-insurance. Imma xi tfisser meta ngħidu li att irid ikun personali? Kemm huwa personali att kontra vapur? Hawnhekk jidħlu l-ġurisdizzjonijiet ta' admirality law

li pero' hija kwestjoni oħra u huwa inutli li noqogħdu nidħlu fiha hawnhekk għax m'huwiex l-iskop ta' l-emenda. Il-kelma "loss" tfisser telf u Artiklu 2 tal-Konvenzjoni ta' l-1976 ħafna drabi jirriferi għal loss of life. Dan nistgħu nqabbluh mal-kamp kriminali fejn wieħed jista' jitlef il-ħajja tiegħu jew ipoġġi l-ħajja ta' persuna f'periklu ċar u b'hekk jista' jkollok mewt ta' persuna jew element li juri l-intenzjoni ġenerika li persuna tagħmillu ħsara.


Imbagħad għandna personal injury u l-loss or damage to property. Mela la tista' tolqot persuna u allura hemm ir-risposta kriminali - azzjoni kriminali tista' tittieħed indipendentement mill-azzjoni ċivili għaliex hemm damage to property - ... Meta pajjiżi oħra jiġu biex jinterpretaw "damage to property" jibbażaw ħafna fuq il-Konvenzjoni ta' l-1976, li minnha nnifisha tista' tkun sadly lacking għaż-żmenijiet tal-lum. Allura aħna qed nagħmlu emenda li kważi hija avangardista iktar mill-konvenzjoni li nibbażaw fuqha aħna stess. Il-kliem "intent to cause such loss" joħorġu anke mill-emenda.
Huwa ċar li dan il-kliem qiegħed hemm biex ineħħi lil persuna li hija liable id-dritt li tillimita hi. Allura huwa importanti li jkun hemm il-prova li l-persuna kellha l-intent soġġettiv u l-mens rea li tikkawża dan it-telf. M'huwiex suffiċjenti li wieħed jipprova li persuna ragonevolment kompetenti ma setgħetx tfalli li tikkonkludi li dan l-att jew ommissjoni daparti tagħha ma setax joħloq dan it-telf. Allura huwa importanti li l-persuna liable minnha nnifisha trid tkun hi li riedet toħloq dak it-telf. Għalkemm aħna qed nagħmlu limitazzjoni, dan m'huwiex daqshekk faċli għaliex l-oneru tal-prova qiegħed hemm, kemm jekk għandek intent to cause such loss kif ukoll jekk għandek dak li huwa "recklessly and with knowledge that such loss would probably result" li l-konvenzjoni tagħmel riferenza għaliha wkoll. Il-qrati tar-Renju Unit taw definizzjoni ta' din il-frażi "recklessly or with knowledge that such loss would probably result" għaliex din għandha konnetazzjoni ta' carelessness jew nonchalance. L-iskop hu li dan dejjem irid jiġi pprovat. Sena ilu fil-Qorti ta' l-Appell ta' l-Ingilterra meta kien hemm il-każ Goldman, intqal li "an act may be reckless when it involves a risk". Jekk ma jkunx hemm l-element tar-riskju "even though it cannot be said that the danger envisaged is a probable consequence, it is enough that it is a possible consequence". Il-fatt li kien possibbli imma forsi anqas probabbli huwa l-bażi ta' dak li ħafna drabi l-qrati - hawnhekk qed nitkellmu fuq l-Ingilterra - jistgħu jiġu msejħa biex jinterpretaw l-oneru tal-prova. Fil-fatt subinċiż (6) ta' Artiklu 1 tal-Konvenzjoni ta' l-1976 - din il-konvenzjoni hija mibnija fuq konvenzjoni oħra li saret fl-1957 - jgħid li l-oneru tal-fatti jrid joħroġ b'mod li wieħed jistaqsi: Il-bdot kien jaf x'inhu jagħmel? Kellu element ta' forcibleness? Kien f'pożizzjoni li jista' joħloq ġudizzju? Ħafna drabi meta jsir dan, jinqalgħu wkoll il-problemi ta' ġurisdizzjoni u allura naħseb li jkun tajjeb jekk inħarsu ftit lejn il-konċett ta' private international law għax hawnhekk il-punti ta' liema hu l-post li fih sar ir-reat u fejn se jiġi trattat l-individwu responsabbli joħorġu b'mod importanti. GĦalhekk fl-opinjoni tiegħi dan il-konċett għandu jidħol f'pajjiżna wkoll.
Madam Speaker, minn Subartiklu 59 (1) kif propost fi klawsola 2 jidher ċar li d-drafter ta' dan l-abbozz ta' liġi jemmen li r-responsabbilta' tal-bdot - hawnhekk qed nippresumu li dan ikollu liċenzja - "m'għandhiex tkun ta' iktar minn Lm5,000 għal kull vjaġġ u kemm ikunu jiswew id-drittijiet ta' pilutaġġ għar-rigward ta' dak il-vjaġġ li matulu tkun tnisslet ir-responsabbilta'.". GĦalhekk aħna kważi qed nieħdu azzjoni ta' kontro-pass kontra bdot f'każ li dan b'negliġenza jew b'recklessness, kemm jekk volontarjament kif ukoll jekk le, ikun naqas. Fil-fatt jien naħseb li allura l-element ta' kontro-pass huwa tajjeb u ġust f'dan is-sens.
Madam Speaker, imbagħad Subartiklu 59 (2) kif propost fi klawsola 2 jgħid li:
"Meta, mingħajr ma jkun hemm xi att jew nuqqas mill-Awtorita', xi mewt jew ħsara fil-persuna, jew telf jew ħsara fil-bastiment, lil xi proprjeta' fuq il-bastiment jew lil xi proprjeta' jew drittijiet ta' liema xorta jkunu, jiġu kaġunati min bdot li jkollu liċenza, l-Awtorita' ma tkunx responsabbli.".
Dan m'huwiex eżoneru ta' responsabbilta' imma għall-kuntrarju huwa konferma ta' responsabbilta' għax hawnhekk qed ngħidu li huwa l-bdot li jrid jirrispondi fejn tintalab azzjoni kontrih u li f'każ bħal dan l-awtorita' m'hijiex responsabbli. Imbagħad Subartiklu (3) ta' l-istess artiklu kif propost f'dan l-abbozz ta' liġi jgħid li:
"Dak il-limitu ta' responsabbilta' li hu muri f'dan l-artiklu għandu jkun japplika għall-ammont sħiħ ta' kull telf u danni li jistgħu jitnisslu f'xi okkażjoni waħda indipendenti għalkemm dawk it-telfiet u danni jistgħu jiġġarrbu minn iktar minn persuna waħda.".
GĦalhekk dan l-artiklu qed jgħid li d-drittijiet u d-doveri tal-bdot f'każ bħal dan huma l-istess, kemm jekk għandek voluntary pilotage kif ukoll jekk għandek compulsory pilotage u kemm jekk inti liċenzjat kif ukoll jekk m'intix. Jekk inħarsu lejn il-liġijiet kif prattikati barra minn Malta naraw li l-pożizzjoni hija differenti f'ħafna pajjiżi, pero' hemm diversi awtoritajiet li adottaw il-prinċipju li l-bdot m'huwiex the sole directing authority on board. GĦalhekk jiena għidt li l-pilota la huwa l-master u lanqas huwa l-owner pero' huwa responsabbli għal dik li hija s-safety tal-vapur u allura huwa mistenni minnu li juża diliġenza u li jkollu dak li huwa expertise raġonevoli biex ikun jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu. Ħafna drabi għandu bżonn dik li hija l-assistenza tal-kaptan, l-uffiċjali, il-master u l-crew li wkoll huma responsabbli u jridu jirrispondu għal din ir-responsabbilta'.
GĦal dawk li huma l-pilotage liabilities fl-Ingilterra qiegħed isir studju dwar kif jistgħu jbiddlu ċerti regolamenti ħalli t-third party liability tkompli tiżdied, u din tgħin anke fid-difiża meta jinqalgħu ċerti claims. L-emenda li qiegħda tiġi proposta f'dan l-abbozz ta' liġi hija waħda li m'hawnx contention fuqha u tirrifletti l-konvenzjoni dwar il-limitazzjoni tal-liability for maritime claims ta' l-1976 u tkompli ssaħħaħha. Fl-istess ħin din hija emenda li tibgħat signal lill-istess drafters ta' din il-konvenzjoni biex jaħsbu kif jistgħu jtejbuha u għalhekk għidt li l-emenda fiha nnifisha hija avangardista. Huwa veru li l-konvenzjoni kienet biddlet dak li kellna qabel taħt l-International Convention relating to the Limitation of the Liability of Owners of Seagoing Ships li kienet saret fi Brussels u li daħlet fl-1986, pero' l-ammonti fejn jidħlu personal claims u claims oħrajn ta' liability ivarjaw. Jiena naħseb li wasal iż-żmien li xi forum internazzjonali jara li jkun hemm rethinking dwar il-konvenzjoni li minnha, jien ċert, xprunajna l-ideat tajbin li daħħalna f'din il-leġislazzjoni.
Din il-konvenzjoni tipprovdi għal sistema li fiha nnfisha hija virtually unbreakable fejn tidħol il-limiting liability għaliex nemmnu li l-persuna ma tkunx kapaċi li tillimita l-liability tagħha jekk - u dan huwa importanti - ikun ipprovat li t-telf ikun riżultanti minn att personali ta' ommissjoni jew att fih inniffsu ta' kommissjoni li jkun sar bl-intenzjoni speċifika li joħloq xi telf jew dak li huwa recklessness jew bl-għarfien li dan it-telf fil-fatt jista' jirriżulta. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Michael Frendo.
ONOR. MICHAEL FRENDO: Madam Speaker, kif qalu l-kelliema ta' qabli dan huwa abbozz ta' liġi li żgur m'huwiex kontroversjali. Fil-fatt dan l-abbozz kien ġie drafted meta jiena kelli r-responsabbilta' għal dan is-settur u l-Gvern tal-lum jidher li qed iżżomm mal-linji tiegħu. Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq attivita' li hija importanti ħafna għal pajjiżna għaliex hija attivita' marbuta mal-portijiet tagħna. Kulħadd naħseb li jaf li biex vapur ikun jista' jidħol fil-port irid jitqabbad bdot. Dan isir prattikament fil-każijiet kollha ħlief meta l-ministru jagħti xi eżenzjoni jew meta jkun hemm involuti ċerti tipi ta' bastimenti, fosthom bastimenti navali. Minkejja li llum hawn ħafna bastimenti li għandhom il-bow thrusters u mekkaniżmu ieħor modern ta' manuvrar il-verita' hi li dawn xorta jkollhom bżonn il-bdot biex jgħinhom jidħlu fil-port. Qed ngħid dan għax hawn min igħid li l-bżonn tal-bdoti naqas. Vapuri kbar, fosthom vapuri tal-passiġġieri u cruise liners li huma attrezzati b'ħafna mekkaniżmi biex kemm jista' jkun ikunu indipendenti fl-operat tagħhom, meta jiġu biex jidħlu f'port ħafna drabi ma jeħdux ċansijiet u jagħmlu minn kollox biex ikollhom l-assistenza tal-bdoti tal-post. Il-vapuri militari li wkoll għandhom il-possibbilta' li jimmanuvraw bl-iktar mod wiesgħa ħafna drabi jadottaw il-policy li jsegwu dejjem dak li jgħidilhom il-bdot.
Allura jien naħseb li hija ħaġa li tagħmel sens li fid-diskussjonijiet li saru mal-unions li jirrappreżentaw lil dan is-settur tal-ħaddiema kien tqajjem l-aspett tal-limitazzjoni tas-civil liability waqt li l-bdoti jkunu qed jaqdu dmirijiethom. Naturalment meta titkellem fuq vapuri u fuq bċejjeċ tal-baħar is-somma ta' Lm5,000 hija waħda minima għaliex ġeneralment dawn ikollhom ħafna iktar spejjeż minn hekk. Din hija somma rappreżentattiva li hija ntiża biex kemm jista' jkun lill-bdot żżommu protett legalment. Naturalment dan jibqagħlu responsabbiltajiet oħrajn pero' li m'humiex ta' natura ċivili. Naħseb li din hija emenda neċessarja għaliex tkompli tagħti regolamentazzjoni sħiħa lil dan is-settur tal-pilotaġġ. Fil-fatt fis-snin li għaddew il-bdoti ħadu pakkett tajjeb f'dak li għandu x'jaqsam ma' ħlasijiet, tariffi u parteċipazzjoni u fix-xogħol li jagħmlu ħadu vantaġġi sostanzjali taħt l-amministrazzjoni preċedenti u tajjeb li din il-miżura li qed napprovaw tkun tagħmel parti mill-pakkett li kien inħadem għalihom dak iż-żmien.
Ma rridux ninsew li l-bdoti għandhom responsabbiltajiet serji u kbar u dan il-qafas leġislattiv huwa importanti għaliex juri l-impenn li l-Istat għandu lejhom. GĦalkemm kellna bidla fil-gvern, iż-żewġ naħat tal-Kamra qed jingħaqdu fl-isforzi tagħhom sabiex jagħtu aktar protezzjoni lill-bdoti. Dan ifisser ukoll li r-responsabbilta' tal-bdoti mhijiex limitata għax-xogħol tagħhom fil-port imma dawn għandhom jifhmu li kulma jagħmlu, jew jonqsu li jagħmlu, jista' jipparalizza lill-pajjiż u jagħmillu l-ħsara u allura tajjeb li d-doveri u d-drittijiet ikunu bilanċjati f'dan il-qasam tant importanti.
L-Onor. Membri li tkellmu qabli daħlu fid-dettall fuq l-emenda u fuq l-effett tagħha fuq il-liġi nnifisha. Min-naħa ta' l-Oppożizzjoni diġa' tkellem ix-shadow minister responsabbli minn dan is-settur, il-kollega tiegħi l-Onor. Ċensu Galea, u naħseb li għandi ningħaqad ma' dak li qal hu, fis-sens li din in-naħa tal-Kamra tappoġġja dak li qed jagħmel il-Gvern, anke għaliex dan huwa abbozz li kienet involuta direttament fih din in-naħa tal-Kamra meta kienet fil-gvern. Jiena naħseb li dwar dan li qed jiġi propost hemm qbil u dan huwa pass ieħor 'il quddiem sabiex nagħmlu regolamentazzjoni aħjar f'dan is-settur.
MADAM SPEAKER: Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? (Onor. Membri: No) Nistieden lill-Ministru sabiex, jekk jogħġbu, jgħaddi għall-winding up.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Madam Speaker, għalkemm huwa veru li dan huwa abbozz ta' liġi qasir, iż-żewġ naħat tal-Kamra ħassejna li għandna nuru l-apprezzament tagħna lejn dawn in-nies. Ħalli nieħdu l-kwestjoni tax-xatt.
Fiż-żmenijiet meta jien kont naħdem ix-xatt - dak iż-żmien kien għadhom lanqas bdew jidħlu containers hawn Malta - il-port workers kienu maqsumin f'ħafna sezzjonijiet bħal stevedores u burdnara, u ovvjament kien hemm ukoll is-sezzjoni tal-pilots. Kif qalu l-kelliema ta' qabli, għalkemm dawn huma nies li jagħmlu xogħol utli għall-pajjiż u għalkemm huma rikonoxxuti bil-liġi, dawn qatt ma kellhom protezzjoni statutorja. Il-bdoti għandhom responsabbilta' kbira li jdaħħlu l-vapur fil-port u f'każ li jinqala' inċident u t-tort ikun tal-pilot, il-kumpannija s'issa kellha d-dritt tfittex kemm lilu kif ukoll lill-Awtorita' Marittima. Kulħadd jifhem li l-ebda bdot m'hu miġnun u rresponsabbli daqshekk li jipperikola l-bastiment li jkun fdat f'idejh, imma m'hemmx dubju li emenda bħal din li qegħdin inressqu llum kien hemm bżonnha u dan ħareġ mid-diskussjonijiet twal bejn l-Awtorita' Marittima, il-ministeru u l-unjoni li tirrappreżenta lil dawn il-bdoti.

Madam Speaker, hawn irridu ngħidu b'sodisfazzjon li fil-ftit żmien li ilha mwaqqfa l-Awtorita' Marittima din għamlet ħafna ġid lill-pajjiż u dan grazzi għall-impjegati tagħha li huma nies responsabbli u li jagħtu sehemhom tajjeb. Jien m'iniex qed ngħid li din l-awtorita' hija perfetta għaliex jekk ngħidu li xi ħaġa hija perfetta f'din id-dinja nkunu qed nidħku bina nfusna, imma l-maġġoranza ta' l-impjegati jagħtu s-sehem tagħhom u bis-saħħa ta' din il-ħidma llum Malta tinsab fis-sitt post fil-lista ta' pajjiżi li għandhom vapuri jġorru l-bandiera u għalhekk huwa tajjeb li llum qed titressaq din l-emenda - ikollna nammettu li ttieħed ħafna żmien biex titressaq - li tagħti lill-bdoti s-saħħa u l-protezzjoni meħtieġa.


Aħna lkoll nafu li ma teżisti l-ebda evidenza li ssaħħaħ l-argument li l-ammont ta' limitazzjoni ċivili għandu xi impatt fuq il-kwalita' ta' servizz ta' pilotaġġ. Il-bdoti huma nies dedikati u kif għidt fil-bidu tad-diskors tiegħi dawn jaħdmu, jirsistu u jagħmlu kwalunkwe sagrifiċċju fi kwalunkwe kondizzjoni ta' temp. Aħna nafu li dawn ħajjithom iqattgħuha fuq il-baħar u, kif għidt diġa', sew jekk nagħmlu din l-emenda kif ukoll jekk ma nagħmluhiex, ħadd m'hu se jkun lest li jipperikola l-bastiment jew il-ħajja tal-passiġġieri għas-sempliċi raġuni li se nagħmlulu limitazzjoni ta' kemm tista' tkun il-multa jew il-piena ta' ħabs li jista' jeħel. B'din l-emenda r-responsabbilta' tal-bdot m'hijiex se titneħħa. Il-bdoti Maltin huma nies responsabbli li jafu xi jridu u x'ma jridux, nies li dejjem qdew dmirhom bi skruplu kbir lejn il-vapuri, lejn ix-xogħol tagħhom u lejn il-passiġġieri. Meta jien tkellimt ma' ċerti kaptani dejjem smajt tifħir għal dawn in-nies. Kemm l-Awtorita' Marittima kif ukoll il-bdoti dejjem ħadmu għall-ġid tan-nazzjon. Ir-responsabbilta' kriminali li toħroġ mill-Att dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta għandha tkun ta' deterrent suffiċjenti. Aħna għandna nies responsabbli biżżejjed fl-Awtorita' Marittima li jekk ikun hemm bdot li ma jkunx qiegħed jagħti s-servizz tiegħu jieħdu ħsiebu, għaliex kif jafu huma, dan huwa xogħol ta' riskju u xogħol li jrid iġib l-unur lilhom u lill-mestier tagħhom.
L-emenda li qed tissostitwixxi Artiklu 59 ta' l-Att prinċipali qiegħda tkopri l-bdot waqt il-qadi ta' dmirijietu, kemm jekk ikun qiegħed abbord kif ukoll jekk ikun qiegħed jiggwida l-bastiment mill-art, għaliex ix-xogħol tal-bdoti jsir kemm mill-art, bħal meta jkun il-maltemp, kif ukoll minn abbord. Permezz ta' dan l-abbozz ta' liġi se naraw li l-pilotaġġ isir b'mod aktar effiċjenti u mingħajr telf ta' ħin għax b'hekk il-bdot ikun iħossu iktar żgur f'dak li jkun qed jagħmel Dan ma jfissirx li se jkun hawn it-traskuraġni. Allaħares meta nagħmlu limitu jkun hawn it-traskuraġni! Qabel, il-bdoti u l-Awtorita' Marittima ma kenux iħossuhom koperti bil-liġi għax kienu jħossuhom li kienu miftuħin beraħ għal li jista' jinqala'. L-ex-Ministru Michael Frendo qal - dan huwa veru - li l-ispejjeż tal-bċejjeċ tal-baħar huma enormi. Qabel ma saret din l-emenda kemm l-Awtorita' Marittima kif ukoll il-bdoti ma kienu koperti b'xejn u kont tista' tfittxhom għal kemm trid. Kif qalu l-kollegi ta' qabli dawn il-liġijiet mhux f'Malta biss qed jidħlu imma kullimkien. B'din il-liġi aħna qegħdin insaħħu idejn l-Awtorita' Marittima u jdejn il-bdoti. Aħna rridu nifhmu li jekk il-bdot se jkun kopert ma jistax jeħel aktar minn Lm5,000 flimkien mal-kontijiet ta' pilotaġġ u irmiġġ dovuti għal dak il-każ.
S'issa, nirringrazzjaw 'l Alla, qatt ma kellna bdot li ġie mfittex għad-danni u llum, permezz ta' din l-emenda, qegħdin ngħidu li kemm il-bdot, kif ukoll l-Awtorita' Marittima, l-iktar somma li jistgħu jfittxuhom għaliha hija ta' Lm5,000. Imbagħad f'Subartiklu 59 (3) ġdid, kif propost fi klawsola 2 ta' dan l-abbozz ta' liġi, hemm spjegat x'inhu kopert minn-Subartiklu (2). Huwa għalhekk li dawn il-provvedimenti ġodda li qegħdin jitfasslu wara li saru konsultazzjonijiet ma' kull min huwa interessat se jsaħħu jdejn kulħadd. Huwa importanti li dawn in-nies jiġu koperti u dan kien l-għan li għalih saru t-taħdidiet mal-unions, kemm taħt il-Gvern preċedenti u kemm issa.
Kien hemm min qalilna li ma bdilna xejn mill-abbozz ta' liġi kif kien qabel. Jiena ngħid li jekk l-emenda li qegħdin nipproponu hija waħda tajba allura ma kellniex għalfejn inkissruha biex inkunu nistgħu ngħidu li għamilniha aħna. Din hija xi ħaġa li l-Kamra kollha qablet li kien hemm bżonnha - u dan aħna fhimnih anke meta konna fl-Oppożizzjoni - u qed nieħu pjaċir li bħalma aħna ma konniex se nivvotaw kontra din il-liġi, l-Oppożizzjoni ta' llum m'hijiex se tivvota kontra tagħha. Ngħid għalija tkun ġennata li meta niġu biex niddiskutu liġi ta' importanza nazzjonali nispiċċaw biex ma naqblux fuqha. Huwa veru li din damet sabiex tressqet f'dan il-Parlament imma, kif spjegajt fil-bidu, dan ma kienx minħabba xi traskuraġni tal-Gvern Nazzjonalista u lanqas bi traskuraġni min-naħa tal-Gvern preżenti, imma ġara li ġara għaliex kienet issejħet l-elezzjoni u dan l-abbozz ta' liġi kien baqa' fuq l-aġenda.
GĦalkemm m'għandhiex x'taqsam strettament ma' din il-liġi nixtieq nitkellem dwar xi ħaġa oħra. Qed nirriferi għall-istat miżeru tal-quarters tal-bdoti li hija xi ħaġa li l-Gvern preżenti se jieħu ħsiebha. Fil-fatt jiena diġa' bdejt taħdidiet mal-General Workers' Union li tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema u flimkien ma' l-Awtorita' Marittima qegħdin niddiskutu sabiex insibulhom post diċenti għaliex mill-post li għandhom il-bastimenti ma jarawhomx ġejjin. Ma jistax ikun li xi ħadd jara bastiment ġej minn wara sur. Barra minn Malta rajt uffiċini ta' bdoti suret in-nies u għalhekk bħalma qegħdin nitkellmu dwar l-immodernizzar tal-port - għadna kemm għamilna bankini ġodda u se nagħmlu dwana ġdida - naraw kif nagħmlu uffiċini diċenti għall dawn il-bdoti. Dawn in-nies jagħtu servizz tajjeb u qatt ma taw trouble lil ħadd. Huma wkoll nies li għandhom responsabbilta' kbira għaliex meta jieqfu huma tkun waqfet waħda mill-arterji kbar tal-pajjiż u biex jieqfu mix-xogħol veru jridu jkunu mxebbgħin sa

mneħirhom, u għalhekk huwa meħtieġ li nieħdu ħsiebhom.


Jien fis-snin sittin ħdimt ma' dawn in-nies u man-nies tax-xatt li għandhom xogħol iebes u fl-istess ħin bżonnjuż. Dawn in-nies ħadmu u taw sehemhom bir-reqqa taħt kwalunkwe ċirkostanza. Aħna għandu jkollna obbligazzjoni lejhom għax huma l-ewwel ambaxxaturi ta' pajjiżna. Din il-liġi li għandna quddiemna qed tkopri l-interessi tagħhom u l-fatt li hemm qbil miż-żewġ naħat dwarha juri r-rikonoxximent tagħna lejhom. Grazzi, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att li jemenda l-Att ta' l-1991 dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta, Att XVII ta' l-1991" ikun moqri t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta’ Liġi ġie moqri t-Tieni Darba.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Madam Speaker, nipproponi li l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta li għadna kemm għaddejna mill-istadju tat-Tieni Qari jiġi ttrattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda jekk jogħġobkom?
ONOR. ADRIAN VASSALLO: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att li jemenda l-Att dwar l-Awtorita' Marittima ta' Malta, Att XVII ta' l-1991" jiġi trattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.

MADAM SPEAKER: Sar il-ħin. L-Onor. Joe Mizzi, jekk jogħġbu jressaq l-Aġġornament.


Yüklə 353,16 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin