ONOR. MARLENE FARRUGIA: Imma huwa r-remit tal-Kumitat li jara li jkun hemm organizzazzjoni aħjar taż-żona.
THE CHAIR: Il-proposta ġiet min-naħa ta’ Membru ta’ dan il-Kumitat, li huwa wkoll mir-reġjun u allura għandu interess doppju, u jien ilqajt il-proposta u fil-fatt dawn l-uffiċjali jinsabu preżenti hawnhekk.
L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Sur President, xtaqt nagħmel żewġ mistoqsijiet lis-Sur Buittigieg.
Sur Buttigieg, id-darba l-oħra inti għedtilna li se ġġibilna d-definizzjoni ta’ x’inhuma t-tipi differenti ta’ industrija biex b’hekk niċċaraw il-ħsieb, u għalhekk qed nistaqsik għalihom.
Xtaqt ukoll nistaqsik jekk taħsibx li huwa fair li minħabba l-fatt li l-PA se tibdel policy, hemm min – u ħafna minn dawn il-businesses huma family run – għandu art jew garaxx li m’għandux trading licence fuqu, li f’daqqa waħda se jitlef mill-beni ekonomiċi tiegħu għax il-valur se jinbidel. Taħseb li dan huwa fair għal dawn l-individwi? Din hija t-tielet darba li se nibdlu l-policy f’din iż-żona, qabel inbidlet mill-Malta Environment and Planning Authority (MEPA) u issa mill-PA, li għalija huwa biss a change in name għax kulma neħħejna huwa l-ambjent u tfajnih f’Awtorità oħra biex, skont id-direzzjoni tal-Gvern, noħolqu l-bilanċ bejn is-sostenibilità li għandha x’taqsam mal-iżvilupp u s-sostenibilità li għandha x’taqsam mal-ambjent, imma bażikament id-deċiżjoni ta’ kull meta nbidlet il-policy kienet waħda li għandha x’taqsam ma’ żvilupp.