Debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)


ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA DIVERSI LIĠIJIET DWAR IT-TELEKOMUNIKAZZJONI



Yüklə 0,56 Mb.
səhifə3/8
tarix21.01.2019
ölçüsü0,56 Mb.
#101289
1   2   3   4   5   6   7   8

ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA DIVERSI LIĠIJIET DWAR IT-TELEKOMUNIKAZZJONI

VARIOUS LAWS (TELECOMMUNICATIONS) (AMENDMENT) BILL



L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri

Ikompli mit-30 ta' Marzu 1998

Il-mistoqsija reġgħet tqegħdet

THE DEPUTY SPEAKER L-Onor. Jeffrey Pullicino Orlando huwa in possession.
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Nirringrazzjak, Sur President. L-ewwelnett ngħid x'sodisfazzjon ħassejt nisma' lill-kelliema ta' qabli, inkluż il-Ministru Debono Grech, isemmu għal darba tnejn tlieta l-involviment li beħsiebha tagħmel il-Maltacom - dik li qabel kienet il-Korporazzjoni Telemalta - fil-kumpannija l-ġdida tal-posta, il-Maltapost. Dan juri biċ-ċar li l-Maltacom tant hi fiduċjuża finanzjarjament li saħansitra lesta biex tinvesti f'entitajiet pubbliċi lokali. Dan il-fatt waħdu jġiegħel lil dak li jkun jistaqsi kif iċ-chairman tal-Maltacom, is-Sur Tony Meilaq, kien iddikjara lit-Telemalta bħala korporazzjoni kważi falluta.
Fir-rapport li kien ġie kkummissjonat ftit ġimgħat biss wara l-elezzjoni ta' Ottubru 1996, is-Sur Meilaq iddikjara li t-Telemalta "is in a precarious financial situation". Issa f'daqqa waħda mbierek Alla sar miraklu - forsi akbar minn ċerti mirakli li ġieli nisimgħu bihom fil-gazzetti - u l-Maltacom għamlet reversal minn dik il-pożizzjoni prekarja li kienet fiha u issa tħoss ruħha soda biżżejjed biex tinvesti f'entitajiet oħra. Jien nawgura li jsiru ħafna aktar mirakli ta' din il-kwalita'. Nawgura wkoll li din id-dikjarazzjoni ma kenitx biss attentat ieħor biex nipprovaw insibu ħofra oħra fost il-ħafna ħofor li f'daqqa waħda feġġew fuq wiċċ Malta, daqs li kieku kien wiċċ il-qamar! Nittama li dan ma kienx il-każ għax allura mbagħad ikolli ngħid li l-Gvern mexa b'mod irresponsabbli għall-aħħar għax kien qed jaqta' qalb l-investitur, kemm lokali u kemm barrani. Issa, Sur President, se nkompli nitkellem fuq dawn l-emendi li qed jiġu ssuġġeriti u li waqafna nitkellmu fuqhom qabel ir-recess ta' l-Għid.
Jien diġa' ġbidt l-attenzjoni għall-fatt inkwetani li ftit xhur biss wara li ddiskutejna l-liġi prinċipali b'mod estensiv, ġejna fil-pożizzjoni li rridu bilfors inressqu xi emendi. Ninkwieta mhux għax dawn huma emendi ta' xi sustanza kbira imma ninkwieta għas-sempliċi raġuni li nħoss li ċerti miżuri li qed jittieħdu mill-Gvern qed isiru b'ċerta għaġġla, b'nuqqas ta' għaqal u qed isiru għall-esiġenzi tal-mument. Dan rajnieh anke' f'miżuri oħra li tħabbru fil-budget f'Novembru 1997. Ta' min wieħed isemmi li kien fil-budget speech li għall-ewwel darba smajna bil-miżura li kien beħsiebu jieħu l-Gvern li jipprivatizza parti minn dik li kienet il-Korporazzjoni Telemalta. Rajna wkoll, per eżempju, il-miżura tat-tariffi l-ġodda tad-dawl u ta' l-ilma. Għaddew xhur sħaħ f'diskussjonijiet, f'dibattiti, f'argumenti u f'inċertezza biex naraw kif se nemendaw dawn l-imberkin miżuri. Jiena nħoss li ċerti affarijiet li qed jagħmel dan il-Gvern mhux qed ikun ippreparat biżżejjed għalihom. Qed jeħodhom skond l-esiġenzi tal-mument u din m'hijiex serjeta'.
Fil-fatt din il-miżura tal-privatizzazzjoni tal-Maltacom ma kenitx ippjanata sa ftit xhur qabel, u tant hu hekk li nqasna li nattendu għal attivitajiet importanti ħafna internazzjonali, relatati mal-privatizzazzjoni u mad-deregulation. Il-privatizzazzjoni u d-deregulation fil-fatt kienu miżuri mwegħda mill-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali. Fl-ebda mument qabel l-elezzjoni ma ssemma xi ħaġa li kienet tindika li l-Malta Labour Party kellu l-ħsieb li jagħmel xi deregulation. Meta kien kap ta' l-oppożizzjoni, l-Onor. Alfred Sant qatt ma ta ħjiel li kellu l-ħsieb li jieħu dan il-pass. Mhux biss hekk, anzi ta' min isemmi li l-Onor Sant għal ħafna aktar minn darba laqqa' lill-ħaddiema ta' l-ex-Korporazzjoni Telemalta u beżżagħhom bil-privatizzazzjoni. Kien wegħidhom ukoll li jekk issir il-privatizzazzjoni kien se jagħmel gwerra qaddisa kontra l-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista. Jien nista' nikkonferma li diversi ħaddiema tat-Telemalta kienu mbeżżgħin li l-korporazzjoni kienet se tiġi pprivatizzata. Kien hemm min ġie jiftaħ qalbu miegħi u wera t-tħassib tiegħu rigward il-privatizzazzjoni. Jien kont serraħtilhom rashom u għidtilhom li pass bħal dak juri l-istat sod ħafna li kienet fih il-korporazzjoni. Kont ngħidilhom li kieku l-Gvern u l-korporazzjoni ma kenux konvinti minn dan, kieku qatt ma kien se jittieħed dan il-pass. Jiġifieri ċerti kummenti li saru minn dak li llum huwa l-Prim Ministru fil-fatt kienu scaremongering tactics.
L-Onor. Sant kien ukoll iħobb ibeżżagħna bl-Unjoni Ewropea. Kien jgħid li jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea bilfors li trid tiġi mewġa ta' privatizzazzjoni. Jien nieħu gost nara li issa l-Prim Ministru biddel fehemtu kompletament fir-rigward tal-privatizzazzjoni u hija ħaġa għaqlija li wieħed jagħmilha. Huwa għaqli li wieħed jadatta l-ħsebijiet u l-aġir tiegħu għall-bżonnijiet reali tal-pajjiż, avolja jkun għamel ċerti dikjarazzjonijiet to the contrary fil-passat. Jien se nieħu l-opportunita' biex nawgura li l-Gvern Laburista jbiddel fehemtu anke fuq suġġetti oħra, li tant jeħtieġ li jkun hawn consensus fuqhom bħal, per eżempju, fir-rigward tar-relazzjonijiet li għandu jkollu pajjiżna ma' l-Unjoni Ewropea. Dan qed ngħidu għax huwa ċar daqs il-kristall li l-ħsebijiet tiegħu, bħal ma kienu skorretti f'dik li hija privatizzazzjoni, huma skorretti wkoll fir-rigward ta' suġġetti oħra. Il-ħsebijiet tal-Gvern m'humiex dawk li huma l-aktar adatti għall-mument f'dik li hija politika barranija, u ta' min wieħed ikun matur biżżejjed u jgħid li kien żbaljat f'fehemtu u li jrid jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu vis-a-vis, per eżempju, il-politika fir-rigward ta' l-Unjoni Ewropea.
Il-ħaddiema tal-Maltacom mhux biss kienu nkwetati fuq il-privatizzazzjoni imma huma nkwetati wkoll fir-rigward ta' ċerti miżuri li qed jittieħdu preżentament f'dawk li huma shifts, f'dak li huwa l-overtime u f'dawk li huma miżuri biex jingħalqu ċerti branches u exchanges. Dawn l-affarijiet jaffettwaw l-effiċjenza tal-kumpannija. Ta' min wieħed jgħid li din il-kumpannija għandha fama tajba ħafna f'pajjiżna u jekk aħna nnaqqsu l-livell tas-servizz inkunu qed intebbgħu l-image tajjeb ħafna li tgawdi. Dawn il-miżuri tal-famuż cost-cutting exercise - il-prinċipju li qed jimxi bih dan il-Gvern, li nipprovaw nieħdu iktar b'anqas - qed jippentraw anke fil-Maltacom. U hawn nixtieq nistaqsi d-domanda lill-Onor. kollega tiegħi tan-naħa l-oħra dwar kif qed jiġu nvoluti l-ħaddiema ż-żgħar f'dan il-cost-cutting exercise. Jidher li issa qegħdin indaħħlu individwi saħansitra anke minn barra u qed nagħtuhom paga fenomenali. Ta' min wieħed isemmi dan il-fatt, Sur President, għax is-Sur Meilaq kien stqarr li t-Telemalta kellha ħaddiema żejda. Allura kif indaħħlu individwi b'paga fenomenali, saħansitra anke minn barra l-kumpannija, meta s-Sur Meilaq qal li kien hawn ħaddiema żejda? Mela ndaħħlu dawn l-individwi minn barra, imbagħad lill-ħaddiem iż-żgħir naqtugħlu x-shift allowance u naqtgħulu l-overtime biex niffrankaw l-ispejjeż. Mela l-ħaddiem ibati minn dawn il-cost-cutting exercises, imbagħad ma kull okkażjoni possibbli l-Maltacom tidħol għal sponsorships fenomenali.
Jien m'inix qed ngħid li l-Maltacom għandha taqta' l-isponsorships, anzi f'dan il-Parlament ikkritikajt dak li kien intqal mis-Sur Meilaq dwar l-isponsorships. Dan kien qal li huwa importanti ħafna li l-ebda sponsorship ma tingħata mit-Telemalta sakemm ma jkunx hemm xi gwadann għall-korporazzjoni u llum qed naraw lill-Maltacom tagħti sponsorship f'kull okkażjoni possibbli. Issa qed jiġini anke d-dubju - u anke lill-ħaddiema tal-Maltacom qed jiġihom dan id-dubju - li s-Sur Meilaq ġie addicted għall-cameras u għall-pubbliċita' għax f'kull okkażjoni possibbli qed narawh jieħu r-ritratti ma' dak u ma' l-ieħor għax jagħtihom xi sponsorship. F'kull programm televiżiv lokali tara l-isem ta' Maltacom plc. Rajna dan l-aħħar li kien hemm anke xi inizjattiva biex jinġibed xi film u hawn ukoll daħal l-isem ta' Maltacom plc. Jien m'inix qed nikkritika l-isponsorships, għaliex Allaħares ma kienx għal dawn l-isponsorships biex aħna nimxu 'l quddiem f'ċerti aspetti. Jien nikkritika l-fatt li nagħmlu cost-cutting li jaffettwa but il-ħaddiem - u ta' min hawnhekk insemmuh lill-ħaddiem għax ftit jiem oħra se niċċelebraw il-jum dedikat lilu - imbagħad ma niddejqux nagħmlu ħafna sponsorships u ndaħħlu lil min ifettlilna fi gradi għoljin b'pagi fenomenali. Madam Speaker, nixtieq nagħlaq bil-punt dwar il-viżjoni li għandu jkollha l-Maltacom plc għall-futur.
Nafu li mingħajr it-tibdil radikali li seħħ fis-snin ta' amministrazzjoni Nazzjonalista, l-iżvilupp mgħaġġel ħafna li kellna ma kienx jista' jseħħ. Kieku ma rriformajniex kompletament is-sistema tat-telekomunikazzjoni, ma setax iseħħ dak l-iżvilupp li kulħadd jaċċetta li seħħ fis-snin ta' bejn l-1987 u l-1996. Issa qed nisimgħu b'mod regolari fuq il-famuż proġett tal-millennju. Meta nara lill-Maltacom illum il-ġurnata aktar ħsiebha biex tifrex fis-settur tar-real estate, wisq nibża' li jista' jagħti l-każ li din il-kumpannija titlef id-direzzjoni li kellha għal dawn l-aħħar snin u titlef l-impenn sħiħ li jrid ikollha fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Dan huwa settur li minn ġurnata għal oħra jkun hemm tibdiliet sostanzjali fih. Jekk ma jkollniex għajnejna mitfugħin kompletament fuq dawn it-tibdiliet jista' jagħti l-każ li pajjiżna jaqta' lura mis-settur tant importanti tat-telekomunikazzjoni u minħabba f'hekk imbagħad jaqta' lura wkoll f'dak li huwa żvilupp. Nirringrazzjak, Madam Speaker.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Carmelo Abela.
ONOR. CARMELO ABELA: Grazzi, Madam Speaker. F'dan il-qasam tat-telekomunikazzjoni din is-sena kienet sena fejn rajna diversi tibdil iseħħ u ċertament li l-akbar bidla li tidher hija li l-ex-Korporazzjoni Telemalta saret il-Maltacom plc. Barra minn din il-bidla kellna bidla oħra għax qabel kellek it- Telemalta bħala l-provider kif ukoll ir-regolatur, u minħabba t-tibdil li sar kien hemm il-ħtieġa li jinħatar regolatur indipendenti. Permezz ta' liġi li għaddiet minn dan il-Parlament fil-futur f'pajjiżna jista' jkollna aktar minn kumpannija waħda - naturalment mis-settur privat - li jikkompetu mal-Maltacom plc sabiex jipprovdu servizz tat-telekomunikazzjoni. Din l-industrija tat-telekomunikazzjoni hija waħda dinamika fejn it-tibdil isir, tista' tgħid, kważi l-ħin kollu. Lanqas jekk irridu, Madam Speaker, id-dinja ma tistax tieqaf ġaladarba waslet tant 'il quddiem f'dan il-qasam.
Dan l-istatement smajnih ukoll anke fil-ftuħ tal-konferenza dinjija li saret f'pajjiżna ftit tal-ġimgħat ilu fejn kelliem fl-opening session qal li d-dinja tant imxiet 'il quddiem fil-qasam tat-telekomunikazzjoni li lanqas jekk irridu mmorru lura ma nistgħu. U ċertament li Malta mhijiex eċċezzjoni u għalhekk il-Gvern preżenti ħass il-ħtieġa li minn korporazzjoni ssir kumpannija. Dan sar mhux biss minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja li t-Telemalta kienet tinsab fiha u biex il-gvern seta' jdaħħal xi ħaġa tal-flus iżda anke minħabba l-fatt li hemm bżonn inkunu aktar orjentati lejn is-saħħa finanzjarja tal-kumpannija. B'dan qed ngħid li wieħed irid ikun aktar cost-effective u ma jkunx hemm ħela bla bżonn. Sfortunatament għandna l-idea - u naħseb li mhux aħna biss - li għax kumpannija tkun tal-gvern ma jimpurtax. Forsi f'kumpannija privata wieħed joqgħod aktar attent u jara kif ikun aktar cost-effective. Permezz ta' din il-bidla wieħed jistenna li apparti li l-gvern idaħħal xi ħaġa mill-privatizzazzjoni tat-Telemalta, wieħed ukoll jistenna li din il-kumpannija tkun aktar cost-effective.
Jiena semmejt li hemm bżonn inkunu aktar orjentati lejn il-financial health tal-kumpannija pero' fermament nemmen ukoll, Madam Speaker, li f'pajjiżna m'għandniex ninsew l-aspett soċjali, speċjalment ta' ċerti setturi tal-poplu Malti u Għawdxi. Dan huwa appell li nagħmel minn qalbi lill-Maltacom plc. Kif it-Telemalta ħarset l-aspett soċjali fil-passat, hekk ukoll il-kumpannija l-ġdida għandha tagħmel enfasi u tara li fuq quddiem nett ta' l-aġenda tagħha, flimkien mal-cost-effectiveness u l-financial health tal-kumpannija, jidħol dan l-aspett soċjali. Dan qed ngħidu aktar u aktar meta sal-lum qed ngħixu f'sitwazzjoni ta' monopolju u allura jkollok tinqeda mill-istess kumpannija. Għalhekk huwa obbligu tal-kumpannija l-ġdida li tħares ukoll l-aspett soċjali. Raġuni oħra għalfejn il-Maltacom għandha tħares l-aspett soċjali hi minħabba l-fatt li aħna pajjiż żgħir u xi oqsma għadhom fil-proċess fejn l-iżvilupp għadu fil-bidu tiegħu. Fuq nett tal-lista ta' dawk li jeħtieġu l-għajnuna nsibu l-anzjani. Dan l-aħħar qrajna fil-ġurnali li ġie inawgurat ċentru ġdid ta' kontroll għas-servizz tat-telecare f'Sta Venera. Fil-fatt dan is-servizz sar popolari mhux ħażin ma' l-anzjani u jidher li l-anzjani qed jidraw jagħmlu użu minnu. Mill-istatistika li xxandret u tħabbret fil-gazzetti jidher li hawn mas-6,389 anzjan abbonat fis-servizz tat-telecare. Biex wieħed jieħu idea żgħira ta' kemm dan is-servizz qed jintuża matul l-iljieli biss ta' l-1997 saru madwar 13,000 sejħa għal għajnuna permezz tat-telecare.
F'dan iċ-ċentru, Madam Speaker, inxtara apparat modern ħafna sabiex dan is-servizz ikun ħafna aktar effiċjenti, anke minħabba ż-żieda li għadni kif indikajt. Issa hekk kif l-anzjan jagħmel kuntatt ma' l-operaturi, dawn ikunu jafu awtomatikament min għamel l-appell u jieħdu l-passi meħtieġa. Dan jikkonferma l-fatt li dan l-apparat huwa modern ħafna u li jixraq għal pajjiż bħal tagħna, fejn il-popolazzjoni anzjana aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tikber. Dan is-servizz tant bżonjuż tat-telecare huwa ssussidjat biss mill-Maltacom. Hija ħaġa tajba li wieħed jinnota l-enfasi fuq il-kelma "biss" għaliex ħafna drabi nippretendu l-affarijiet mingħand il-gvern u forsi kumpanniji parastatali u s-settur privat ftit li xejn jidħlu fihom, ġaladarba ma jkunx hemm qligħ. Jiġifieri tajjeb li wieħed jirrimarka li l-Maltacom plc issussidjat dan is-servizz kollu kemm hu.
Barra minn dan, il-Maltacom xtrat ukoll l-apparat kollu taċ-ċentru tal-kontroll u qed tieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni tiegħu, tixtri u tissussidja s-sett tat-telecare, u dan sabiex l-anzjani ma jbatux finanzjarjament. Il-Maltacom tieħu ħsieb ukoll it-twaħħil ta' dan l-apparat għand l-anzjani mingħajr ħlas. Tajjeb li wieħed jgħid li l-kumpanniji tieħu ħsieb it-tiswijiet u l-manutenzjoni tas-sett u l-linja tat-telefon. Dan naturalment tagħmlu bla ħlas jew inkella bi prezz verament issussidjat. U tajjeb li wieħed ukoll ifaħħar lill-ħaddiema tal-Maltacom li jieħdu ħsieb ukoll li jispjegaw kif jaħdem is-sett tat-telecare. Tingħata wkoll attenzjoni mmedjata għall-ħsarat kemm fis-sett tat-telecare kif ukoll fil-linja tat-telefon. Xi drabi dan isir anke wara l-ħin normali tax-xogħol. Dawn forsi jidhru dettalji imma qed insemmihom sabiex nuri l-importanza li l-Maltacom għandha fl-aspett soċjali, speċjalment fejn jidħlu l-anzjani. Għalhekk huwa tajjeb li l-Maltacom tkompli toffri dawn is-servizzi, anke jekk mhux qed isir qligħ minnhom.
Punt ieħor li juri li l-Maltacom qed tipprova u se tagħmel ħilitha kollha sabiex tħares l-aspett soċjali huwa fejn dan l-aħħar kellna l-aħbar mogħtija mill-Ministru Mizzi li hemm il-ħsieb li l-kumpannija tirrivedi t-tariffi tagħha. L-aktar li jieħdu gost b'din il-miżura tar-reviżjoni tat-tariffi huma l-istess anzjani u persuni oħra li jgħixu waħedhom - u nafu li hemm numru mhux ħażin - li l-uniku wens tagħhom huwa li jċemplu lill-qraba u lill-ħbieb tagħhom għall-ħin mhux ħażin sabiex ikollhom xi ftit tal-kumpannija. Ovvjament, jekk dawn jagħmlu ammont ta' ħin jitkellmu fuq it-telefon, il-kont tat-telefon tagħhom jitla' mhux ħażin, u għalhekk ir-reviżjoni fit-tariffi tista' tgħin sabiex dawn l-anzjani jew persuni oħrajn li jħossuhom waħedhom ikunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma joqogħdu jinkwetaw iżżejjed fuq l-ispiża. Barra mir-reviżjoni tat-tariffi lokalment, anke t-tariffi għal pajjiżi bħall-Awstralja, il-Kanada u l-Ingilterra se jorħsu. F'dawn il-pajjiżi hemm bosta emigranti Maltin u għalhekk sa ċertu punt wieħed jista' jqis dan ir-roħs bħala servizz soċjali minħabba li l-Maltin ikunu jistgħu jkellmu lill-qraba tagħhom bi spiża anqas.
Barra minn dawn l-affarijiet li semmejt, Madam Speaker, il-Maltacom tieħu ħsieb ukoll - fil-fatt din qiegħda mniżżla anke fl-annual report tas-sena li għaddiet - li tagħti sponsorships lil diversi għaqdiet volontarji u sponsorships fil-qasam sportiv. Fil-fatt tat anke għajnuna lil diversi teams u għaqdiet sportivi. Nafu li f'pajjiżna l-mod kif għaqda sportiva tista' tiġbor il-flus huwa xi ftit jew wisq limitat u għalhekk huwa tajjeb li l-Maltacom tieħu ħsieb li tgħin mill-aħjar li tista'. Barra mill-għaqdiet volontarji u l-għaqdiet sportivi, il-Maltacom tagħti anke għajnuna fil-qasam kulturali Malti.
Qasam ieħor fejn il-Maltacom ukoll tat l-għajnuna siewja tagħha huwa fil-qasam tas-saħħa. Permezz tat-teknoloġija moderna miksuba, dan l-aħħar ġie inawgurat is-servizz tat-telemediċina bejn Malta u Għawdex. Fil-fatt, bejn l-Isptar San Luqa f'Malta u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex se jiġi mplimentat servizz ta' video conferencing fejn tobba jkunu jistgħu jikkonsultaw lil xulxin. Permezz ta' dan is-servizz, il-pazjenti Għawdxin mhux se jkollhom l-istess ħtieġa li jaqsmu lejn Malta. Vantaġġ ieħor li fiha din it-teknoloġija moderna tat-telemediċina huwa li l-kuntatti jistgħu jsiru wkoll mas-settur mediku barrani. Dan is-servizz huwa wkoll turija ta' l-impenn tal-Maltacom, li permezz tat-telekomunikazzjoni qed tkun ta' benefiċċju soċjali kbir għas-soċjeta'.
Madam Speaker, barra minn dawn il-ħwejjeġ li diġa' semmejt, il-qasam tat-telekomunikazzjoni jista' joffri wkoll għodda sabiex permezz ta' sistemi eletroniċi moderni jiġu miġġielda t-terroriżmu, l-immigrazzjoni llegali, it-traffikar illeċitu tad-droga u l-ħasil tal-flus. Nafu li pajjiżna bħala gżira f'nofs il-Mediterran qiegħed f'pożizzjoni xi ftit jew wisq skomda u jkollna diversi rapporti ta' biċċiet tal-baħar għaddejjin minn naħa u oħra, u għalhekk il-qasam tat-telekomunikazzjoni jista' jgħin ħafna sabiex wieħed jilqa' u jiddefendi kontra dawn il-problemi li semmejt. Dawn il-problemi jistgħu wkoll joħolqu problemi soċjali, u għalhekk tajjeb li għall-futur il-Maltacom tiżviluppa aktar f'dawn l-oqsma. Tajjeb li wieħed jinkoraġġixxi ħidma bejn il-pulizija, il-forzi armati u l-Maltacom sabiex ikun hawn sistemi moderni għal dawn il-forzi tas-sigurta' f'pajjiżna.
Biex dan is-settur tat-telekomunikazzjoni jaħdem tajjeb u b'mod effiċjenti hemm bżonn li r-riżorsi umani jingħataw l-attenzjoni u l-preparazzjoni kollha meħtieġa. Fil-fatt waqt diskors tal-general manager tal-Maltacom fil-konferenza tad-WTDC tħabbar li l-kumpannija qed taħdem fuq proġett ambizzjuż sabiex jitwaqqaf kulleġġ ta' taħriġ fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u fuq l-informazzjoni teknoloġika. Permezz ta' dan il-kulleġġ, Madam Speaker, il-ħaddiema tal-Maltacom se jkunu mħarrġa u mgħarrfa fuq l-iżviluppi teknoloġiċi li jkunu għaddejjin fid-dinja. Huwa tajjeb u nkoraġġanti l-fatt li l-Maltacom bdiet studju għal dawk l-impjegati li għandhom ħtieġa ta' kondizzjonijiet speċjali. Eżempju ta' dan huma s-single parents li għandhom tfal żgħar u li jaħdmu. Għal dan il-għan qed jiġi pproġettat li jsir day-care centre għat-tfal ta' l-impjegati. Bosta drabi fis-soċjeta' tagħna, Madam Speaker, problemi ta' minoranzi ftit li xejn jingħataw importanza u dan ikun ta' detriment għal ċerti ħaddiema. Għalhekk tajjeb li wieħed jirrimarka li jkun tajjeb li kumpanniji oħrajn - u anke' settur pubbliku u s-settur privat - jieħdu eżempju mill-Maltacom u jaraw kif jistgħu jgħinu lill-ħaddiema. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħaddiema kollha jkollhom il-problemi tagħhom. Ikun hemm ċerti problemi speċifiċi, bħall-problemi li semmejt ta' single parents jew inkella problemi fejn il-ġenituri t-tnejn jaħdmu, u t-tfal mhux kulħadd isib ma' min iħallihom. Għalhekk hija ħaġa tajba li l-Maltacom tistudja s-sitwazzjoni biex dawn l-affarijiet ukoll jiġu tackled. Wara kollox, meta l-ħaddiema jingħataw aktar attenzjoni, dawn jaħdmu aħjar u jagħtu servizz aħjar.
Punt ieħor li għandu x'jaqsam mar-riżorsi umani huwa s-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol. M'hu qatt biżżejjed li wieħed ikompli jinsisti fuq dan il-punt, Madam Speaker, mhux biss fil-qasam tat-telekomunikazzjoni imma f'kull qasam ieħor tax-xogħol f'pajjiżna. Huwa importanti li wieħed jagħmel ħiltu kollha sabiex il-ħaddiem ikun żgurat mis-saħħa u mis-sigurta' fuq il-post ta' fejn jaħdem. Il-kumpannija tagħmel il-parti tagħha sabiex tipprovdi materjal li jintuża għal dan il-għan u biex jingħata taħriġ biex il-ħaddiema jkunu edukati u mgħarrfa aktar dwar il-bżonn li jħarsu saħħithom. Il-ħaddiema wkoll iridu jagħmlu l-parti tagħhom, għaliex xi kultant issib ħaddiema li jirrifjutaw li jagħmlu użu mill-ħwejjeġ li tipprovdilhom il-kumpannija b'detriment għal saħħithom.

Ħaġa li naħseb li hija importanti li tibqa' ssir hi li jkun hemm aktar konsultazzjoni diretta bejn min qed imexxi l-kumpannija u bejn il-ħaddiema fl-iskali kollha, sabiex il-ħaddiema jifhmu aktar it-tibdil u l-isfidi ġodda li għandhom quddiemhom. Dan fid-dawl tat-tibdil li sar, li minn korporazzjoni saret kumpannija. Kif smajna, fil-bidu ta' Marzu saru diversi laqgħat bejn min qed imexxi l-Maltacom u l-ħaddiema, u huwa importanti li dawn il-laqgħat jibqgħu jsiru fuq bażi regolari sabiex il-ħaddiema jifhmu iktar it-tibdil li qed isir u jkunu jistgħu jagħmlu s-suġġerimenti tagħhom għaliex ċertament li dawn jiltaqgħu ma' problemi li min qed imexxi mhux dejjem jindunaw bihom.


Madam Speaker, punt ieħor li tajjeb li wieħed isemmi huwa li llum il-ħaddiema tal-Maltacom għandhom moħħhom mistrieħ li jekk jingħataw transfer dan ma jsirx minħabba l-kulur politiku tagħhom, kif kien isir fil-passat, imma biex is-servizz u l-effiċjenza tikber u tissaħħaħ. Sfortunatament din hija xi ħaġa li ma nistgħux ngħiduha għas-snin li għaddew u nafu kif qed jinqatgħu ċerti każi quddiem it-tribunal għall-inġustizzji imma ċertament li l-ħaddiema tal-Maltacom jistgħu jserrħu rashom li l-mexxejja tagħhom ma jħarsux lejhom skond il-kulur politiku imma skond l-effiċjenza tagħhom. Nafu, Madam Speaker, li meta jkollok ħaddiema ttrejnjati u kuntenti fuq il-post tax-xogħol, allura s-servizz jitjieb. Diġa' sar xi titjib pero' hemm bżonn li jkompli jsir dak kollu possibbli sabiex jingħata servizz iktar effiċjenti kemm għal dawk li huma talbiet ġodda kif ukoll meta jkun hemm xi ħsarat fil-linji tat-telefon. Ħalli niġi issa għal punt ieħor.
Il-pożizzjoni ġeografika tagħna għandha tiġi sfruttata iktar billi jsir studju ta' kif pajjiżna jista' jservi ta' pont - il-kelma teknika li tintuża hija hub - anke fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. Pajjiż bħal tagħna li qiegħed f'nofs il-Mediterran m'għandux biss żvantaġġi, bħall-iżvantaġġi li semmejt qabel ta' l-immigrazzjoni llegali, iżda għandu wkoll il-vantaġġi u huwa tajjeb li dawn nisfruttawhom biex inservu ta' pont fil-qasam tat-telekomunikazzjoni għaliex dan iħallielna l-flus. Tajjeb li wieħed isemmi wkoll xi investimenti u inizjattivi li mistennija jkabbru l-qligħ tal-Maltacom. Per eżempju, l-ishma tal-Maltacom plc se jiġu kkwotati fuq l-iStock Exchange ta' Londra, permezz ta' ftehim li sar ma' l-HSBC Investment Bank u mal-Mid-Med Bank, li se jaġixxu bħala sensara sabiex ibiegħu dawn l-ishma. Hemm ukoll il-ħsieb ta' proġetti oħra, fosthom il-proġett tal-millennju u, kif semma iktar kmieni fis-seduta l-Ministru Debono Grech, l-interess konkret tal-Maltacom fil-kumpannija l-ġdida li se titwaqqaf għas-servizzi tal-posta, il-Maltapost.
Madam Speaker, jiena nikkonkludi billi ngħid li jidher li l-Maltacom tinsab fit-triq it-tajba u jidher ukoll li bl-għaqal ta' kulħadd il-futur huwa sabiħ. Filwaqt li l-aspett finanzjarju bħala kumpannija huwa importanti, daqstant ieħor huwa importanti l-aspett soċjali. Huwa importanti wkoll li l-Maltacom plc tkompli tipprepara sabiex tilqa' l-isfidi tal-futur, anke f'ambjent fejn f'pajjiżna jkollna sitwazzjoni ta' kompetizzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki, jekk jogħġobkom? (Onor. Membri: No) Jekk m'hawnx aktar rimarki, nistieden lill-Onor. Joe Mizzi biex jgħaddi għall-winding-up.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, kultant meta nisma' lill-kelliema ta' l-Oppożizzjoni Nazzjonalista nibda ngħid: Possibbli li meta jafu li l-affarijiet huma tajbin, qegħdin jgħidu li t-tajjeb għamluh huma u l-ħażin huwa kollu tort tagħna! Imma ħalli niġu għal dak li għandna quddiemna llum. Kemm in-naħa ta' l-oppożizzjoni u kif ukoll in-naħa tal-gvern qegħdin naqblu li s-sitwazzjoni fil-Maltacom plc hija waħda feliċi, b'saħħitha u għandha futur sabiħ. Li ma naqblux huwa kif il-kumpannija ġiet f'din is-sitwazzjoni.
L-Oppożizzjoni qiegħda tgħid li huma ħallewha f'sitwazzjoni tajba u aħna ngħidu - bir-raġun kollu u bil-provi - li qabel ma ħadniha kienet f'sitwazzjoni prekarja. Iżda mbagħad bil-fixkla huma stess jammettu li l-ex-Telemalta Corporation kienet f'sitwazzjoni prekarja għaliex jirriferu għar-rapport tas-Sur Tony Meilaq, li fih kien iddeskriva s-sitwazzjoni finanzjarja bħala prekarja, u mbagħad jipprotestaw għaliex is-Sur Meilaq illum huwa ċ-chairman tal-Maltacom plc. Jien ngħid li ma jistax ikollok persuna aktar idonea biex tokkupa din il-kariga mill-persuna li sabet dawn in-nuqqasijiet u l-problemi. Min jista' jkun aktar responsabbli minn dak l-individwu li ddikjara li hemm il-problemi u ġab il-provi tagħhom? Aħna għalhekk poġġejnih f'dik il-kariga biex ikun jista' jsolvi dawn il-problemi, u b'wiċċi minn quddiem nista' ngħid li bl-għajnuna tal-gvern, bl-għajnuna tal-management u wkoll grazzi għat-tibdil li sar fil-Maltacom kien kapaċi jsolvihom. GĦalhekk ma jagħmilx sens li l-Oppożizzjoni tikkritika lil dak l-istess bniedem li għamel dan ir-rapport, li sab dawn il-problemi u li ġab il-provi tagħhom.
Madam Speaker, qegħdin niġu kkritikati wkoll li daħlu ċerti nies fil-Maltacom u li għandhom ċerti pagi. Irrid ngħid pero' li aħna mxejna fuq is-suġġerimenti li għamlulna l-esperti barranin u li qalulna li biex il-kumpannija timxi 'l quddiem b'mod modern u b'mod li finanzjarjament jagħmel sens għandu jkun hemm ċerti nies f'ċerti postijiet strateġiċi, aktar u aktar issa li l-kumpannija se tbigħ 40% ta' l-ishma tagħha lill-privat, u possibbilment ikun imdaħħal ukoll il-barrani. Jiġifieri dawn in-nies ma daħlux b'kapriċċ jew biex naġevolaw lil xi ħadd imma biex il-Maltacom tkompli miexja 'l quddiem. GĦalhekk jiena ma nifhimx għalfejn saret din il-kritika.
Lanqas ma nifhem kif min qiegħed jikkritika u jgħid li jemmen u jippriedka l-privatizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni, imbagħad ikun hu li jagħti monopolju lill-kumpanniji privati. Jekk temmen f'prinċipju għandek temmen fih dejjem u mhux meta jaqbillek. F'dan is-sens, aħna dejjem konna nemmnu li għandu jkun hemm separazzjoni bejn l-operatur u r-regolatur. Fil-fatt l-ewwel kelma li jiena għidt bħala l-bniedem responsabbli meta tlajna fil-gvern kienet li r-regolatur u l-operatur għandhom ikunu separati, u din il-kantaliena bqajt sejjer biha sakemm wettaqniha.
Qegħdin niġu akkużati wkoll li ma konniex ippreparati għall-privatizzazzjoni tal-Maltacom plc. Mela ma konniex ippreparati u għamilna dan is-suċċess, aħseb u ara x'konna nagħmlu kieku konna ppreparati! Nista' naċċerta lill-Kamra kollha li konna ppreparati għax aħna l-affarijiet ma nagħmluhomx bl-addoċċ, bħall-partit fl-oppożizzjoni, u naraw x'jiġri wara.
Intqal ukoll li taħt Gvern Nazzjonalista t-Telemalta mhux talli kienet b'saħħitha iżda talli kienet tagħti kas il-ħaddiema tagħha u issa dawn se jitilfu ċerti drittijiet. Imma dawn x'affarijiet huma! Jiena nista' nassigura lill-Kamra li l-ħaddiema għandhom il-garanzija li ħadd minnhom mhu se jispiċċa mix-xogħol. Nixtieq infakkar hawnhekk li qabel ma ġie deċiż li l-Maltacom tiġi pprivatizzata kellhom jittieħdu ċerti passi u ta' dan ukoll qegħdin niġu kkritikati.
Qegħdin niġu kkritikati, per eżempju, li l-exchanges qegħdin inħaddmuhom b'inqas manpower imma llum hekk miexja d-dinja moderna. Saret kritika wkoll għaliex se jinbidlu x-shifts. Imma mhux bilfors iridu jinbidlu x-shifts jekk tinbidel l-istruttura biex il-Maltacom timxi 'l quddiem, tkun iktar effiċjenti, tagħti servizz aħjar u biex il-prezz jorħos! Mhux bilfors li trid timxi mat-tibdiliet li tkun qed tagħmel! Intqal ukoll li se jispiċċa l-overtime. L-ewwelnett jiena ngħid li l-overtime m'għandux jingħata fejn m'hemmx lok għalih għaliex dak ikun serq. Imma l-Maltacom tant miexja bis-serjeta' li fil-proġetti l-ġodda li se tidħol għalihom - proġetti li se jżidulha d-dħul tagħha - se jkun hemm lok li tagħti l-overtime. Dan huwa ppjanar bis-serjeta'.
Issemmew ukoll l-isponsorships. Qabel ir-recess ġejna akkużati li mhux qed nagħtu sponsorships u issa qegħdin niġu akkużati għax qed nagħtu l-isponsorships! Dawn huma affarijiet li ma jitwemmnux u qatt ma kont nistenna li min-naħa ta' l-oppożizzjoni joħorġu b'dawn il-ħmerijiet. Hemm bżonn li l-Oppożizzjoni tifhem li meta din il-korporazzjoni saret kumpannija bidlet isimha u se tbigħ 40% ta' l-ishma lill-privat u allura trid tipproġetta image ġdid. Mhux issa li għadha fil-bidu tagħha li trid tikkonċentra fuq sponsorships biex toħroġ image tajjeb u biex tiġi magħrufa? Kif jista' jkun li dawn li tant jemmnu fis-sistemi moderni dwar kif għandek tmexxi kumpannija bħal din jagħmlu dawn l-argumenti?
Issemmiet ukoll il-kwestjoni ta' l-alarms. Niftakar li kienet intalbet xi informazzjoni fuq is-sistemi ta' l-alarms u jiena ma tajthiex għar-raġuni ovvja ta' sigurta'. GĦalhekk qed jgħidu li l-Maltacom m'hijiex qiegħda tkun trasparenti u li għandha x'taħbi, imma issa jafu li din it-tender ħarġet u ġiet awarded lid-ditta Alberta fi żmien l-amministrazzjoni tagħhom. GĦalhekk jiena iktar nibża' li hemm xi ħadd mill-ħbieb ta' l-Onor. Membru intiż fl-alarms li forsi jrid ikun jaf xi affarijiet. Sabiex nuri kemm aħna serji, ngħid ukoll li dak inhar stess li ntefa' dubju li jista' jkun hemm xi ħaġa mhix f'postha, tlabt li ssir inkjesta li tmexxiet minn bniedem li huwa tal-kulur politiku ta' l-Onor. Membru, biex iktar u iktar nuru trasparenza u nista' ngħid li minn din l-inkjesta ma rriżulta li kien hemm xejn ħażin. Din hi s-serjeta' u mhux bħal meta konna fl-oppożizzjoni aħna u kont nitlob biex isiru nkjesti - u kien ikolli l-provi - u qatt ma kienu jsiru. Imma mhux hekk biss, Madam Speaker.
Biex ikomplu jiżirgħu d-dubbji qalb il-ħaddiema - għaliex il-qagħda tal-Maltacom hija waħda veru feliċi u wasalna biex inbiegħu x-shares u kulħadd qed juri interess fihom - qed ikollna ħafna diskorsi dwar inġustizzji u transfers vendikattivi, li skond huma qegħdin isiru fil-Maltacom. L-ewwelnett jiena ngħid li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni jmissu jistħi jħalli dan it-tip ta' diskors isir. Fejn qed isiru transfers vendikattivi? Fejn qed isiru l-inġustizzji? Ir-riżultati li qegħdin joħorġu mill-qorti u anke minn sentenzi li qed jagħti l-Ombudsman juru li huwa meta l-Onor. Fenech Adami kien prim ministru li saru l-inġustizzji u t-transfers vendikattivi. Fadallu wiċċ il-Kap ta' l-Oppożizzjoni jiġi jakkuża lilna meta dawn l-affarijiet proprju taħtu saru! Ħadd minnhom ma ħa raġun meta marru quddiem l-Ombudsman għax mhux veru li saru transfers vendikattivi. Ipprovaw saħansitra jgħaqqdu grupp u jieħdu l-każ tagħhom quddiem l-Ombudsman, imma s-Sur Sammut mill-ewwel induna li din hija logħba politika. Ipprovaw jinqdew anke b'dik il-persuna sfortunata li l-familja tagħha talbet transfer minħabba raġunijiet umanitarji. Anke f'dak il-każ qalu li dik il-persuna ngħatat transfer vendikattiv, tant li missier dik il-persuna kellu jagħmel affidavit. Dawn x'affarijiet huma! Araw kif inhi ddisprata l-Oppożizzjoni! Din hi s-sitwazzjoni ta' disprament li tinsab fiha l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Madam Speaker, qegħdin jgħidu wkoll li l-Maltacom qiegħda tinfluwenza lill-Planning Authority. Imma x'kummiedji huma dawn! Il-Maltacom dejjem issottomettiet kulma talbitha l-Planning Authority u ma għamlet xejn ħażin. Taf x'naf ngħid - u hawn fejn nistieden lill-Onor. Mugliett sabiex jitlob li ssir investigazzjoni - li meta kien hemm proġett ieħor tal-Maltacom, u sa ftit ġranet qabel għalqet id-data fejn setgħu jsiru l-ilmenti u s-suġġerimenti ma kienu saru l-ebda lmenti jew suġġerimenti, minn ġo ħdan il-Planning Authority kien hemm min kien lest biex joħroġ reklam f'gazzetta Nazzjonalista biex jgħidilhom li jekk iridu jagħmlu xi kummenti kontra jew favur allura jagħmluhom għaliex dalwaqt se jagħlaq iż-żmien. Hawn fejn l-Onor. Mugliett għandu jitlob li ssir investigazzjoni! Mela minn min hi nfluwenzata l-Planning Authority, mill-Gvern Laburista jew mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista?
Il-kelliem ta' l-Oppożizzjoni pprova jirredikolana wkoll għaliex qed ngħidu li b'inqas nagħmlu iktar. Dan huwa minnu u se nġib il-provi. Ħalli nsemmi l-konferenza tad-WTDC li saret f'pajjiżna. Din kienet stmata li se tiswa ¥1.8 miljun imma aħna ridna li dan l-ammont innaqqsuh filwaqt li l-konferenza tibqa' waħda first-class. GĦal din il-konferenza kellhom jiġu mal-1,100 delegat minn 180 pajjiż differenti. Tajjeb ngħid ukoll li Malta ngħatat iċ-chairmanship ta' din il-konferenza u nista' ngħid b'wiċċi minn quddiem li konna strumentali biex jintlaħaq fuq ċerti kwestjonijet. Kien proprju bl-interventi tagħna li wasalna biex ħriġna l-Valletta Declaration u l-Valletta Action Plan dwar kif għandhom jintużaw ir-riżorsi ta' l-ITU biex jippromwovu l-iżvilupp mondjali tat-telekommunikazzjoni. Urejna wkoll kif mill-paroli mmorru għall-fatti għaliex offrejna li ċittadini ta' pajjiżi inqas żviluppati minna jkollhom il-possibbilta' li jitħarrġu f'Malta mingħajr ħlas. Barra minn hekk, din il-konferenza kienet suċċess mil-lat tekniku - għaliex saru anke kuntratti sabiex Malta nużawha bħala hub - u kienet ukoll suċċess mil-lat turistiku.
Kif kont qed ngħid, Madam Speaker, din il-konferenza kienet se tiswielna ¥1.8 miljun imma bl-inizjattivi li ħadna ġiet tiswielna ¥330,000. Mela b'inqas għamilna aktar, u jekk xi ħadd għandu xi dubju li ma kenitx suċċess u li ma kenitx tajba nista' ngħidlu li s-Segretarju Generali ta' l-ITU Pekka Tarjanne, per eżempju, qal li din kienet impekkabbli. Kien hemm ukoll delegati li qalu li l-pajjiżi tagħhom għandhom iħarsu lejn Malta meta jiġu biex jorganizzaw konferenzi ta' dan it-tip u dawn ma kenux xi pajjiżi żgħar. L-administrative officer tad-delegazzjoni Amerikana, per eżempju, qal:
''It is my pleasure to report to you, as the WTDC comes to a close, that the United States delegation is very pleased with the results of its participation. Such success can be attributed in large part to an orderly working environment. I must pass on to you the many compliments I have received concerning the administrative arrangements and support for this conference."
Imbagħad aktar 'l isfel qed jgħid:
"Handling of preparations and arrangements has been as professional as any I have seen. Attention to the needs of the delegates and delegations were first rate from start to finish.''.
Mela jekk hemm ċertifikat li din il-konferenza kienet suċċess huwa proprju dan u allura l-oġġettiv tagħna li b'inqas nagħmlu iktar ilħaqnih. Minkejja dan, Madam Speaker, ġejna akkużati min-naħa ta' l-Oppożizzjoni li kien hemm min ma għoġbitux din is-sistema u li anke kellna tilwim ma' xi delegati. Dan m'hu minnu xejn u r-riżultat jitkellem waħdu. U mhux hekk biss għaliex l-istrateġija li wżajna aħna issa qed jużawaha l-ITU stess ġewwa l-Amerka biex jiffrankaw l-ispejjeż. Mela aħna konna l-ewwel li bdejna b'din is-sistema permezz ta' l-isponsorships u issa qegħdin jikkoppjawna. Din hi s-serjeta' li qed nimxu biha.
Qabel nagħlaq, Madam Speaker, biex nipprova li huwa dan il-Gvern li ġab lill-Maltacom 'il quddiem, nixtieq ngħid li s-sena l-oħra għamilna profitt ta' ¥2 miljun iktar milli kien stmat u, din is-sena, bi tmexxija ġdida u biċ-ċaqliq tal-ħaddiema mhux b'vendikazzjoni imma biex tkun aktar effiċjenti, huwa stmat li jkollha profitt ta' madwar ¥8 miljun. Mela taħt l-amministrazzjoni preċedenti kienu qegħdin jistmaw li jkollhom profitt ta' ¥1 miljun u aħna qegħdin nistmaw li jkollna profitt ta' ¥8 miljun. Mela l-verita' hija li aħna ħadna l-passi neċessarji biex il-Maltacom inġibuha f'din is-sitwazzjoni sabiħa u mhux kif qed jgħidu mill-oppożizzjoni. Kellu jkun Gvern Laburista biex isalvaha u jpoġġiha fis-sitwazzjoni li qiegħda fiha llum. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda diversi liġijiet dwar it-telegrafija mingħajr fili u t-telekomunikazzjoni", ikun moqri t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tieni Darba.
MADAM SPEAKER: L-Onor. Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: Madam Speaker, nipproponi li dan l-Abbozz ta' Liġi jmur fil-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi

MADAM SPEAKER: Min jissekonda, jekk jogħġobkom?
ONOR. MARIA CAMILLERI: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi imsejjaħ "Att biex jemenda diversi liġijiet dwar it-telegrafija mingħajr fili u t-telekomunikazzjoni" jiġi trattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.


Yüklə 0,56 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin