ONOR. ALFRED SANT (Prim Ministru): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabelli li juru l-membri u t-terms of reference ta' l-Airport Security Committee, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13564;
Memorandum propost mill-Bord taċ-Ċensura tal-films u tal-palk dwar tibdiliet fil-kodiċi u regolamenti li jiggvernaw iċ-ċensura, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13855;
Tagħrif dwar rapporti fuq dipartimenti tal-gvern li saru mid-ditta ta' awdituri Mizzi, Doublet, Scerri & Co., bejn l-1 ta' Novembru 1996 u Marzu 1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13901; u
Kopja taċ-Ċirkolari Nru 30/98 maħruġa fil-25 ta’ Marzu 1998 mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar trasferiment ta’ pulizija għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14024.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Bartolo.
ONOR. EVARIST BARTOLO (Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Avviż Legali Nru. 96 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 biex jemendaw ir-Regolamenti ta' l-1995 tal-Kors għad-Diploma in Health Science - Dip. Health Science;
Avviż Legali Nru. 97 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 tal-Kors għaċ-Ċertifikat fl-Istudji tal-Pulizija;
Avviż Legali Nru. 98 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 għall-GĦażla ta' l-Applikanti għad-Dħul fil-Kors għall-Grad ta' Bachelor of Dental Surgery – B.Ch.D.;
Avviż Legali Nru. 99 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 għall-GĦażla ta' l-Applikanti għad-Dħul fil-Kors għall-Grad ta' Doctor of Medicine and Surgery - M.D.;
Avviż Legali Nru. 100 ta’ l-1998 - Regolamenti ta’ l-1998 biex jemendaw ir-Regolamenti ta’ l-1991 tal-Kors għall-Grad ta’ Doctor of Medicine and Surgery – M.D.;
Avviż Legali Nru. 101 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 biex jemendaw ir-Regolamenti ta' l-1991 tal-Kors għall-Grad ta' Bachelor of Dental Surgery - B.Ch.D.; Avviż Legali Nru. 102 ta' l-1998 - Regolamenti ta' l-1998 biex jemendaw ir-regolamenti ta' l-1998 tal-Kors għall-Grad ta' Bachelor of Science (Honours) - B.Sc. (Hons); u
Tabella li turi n-numru ta' studenti li daħlu l-Universita' f'Ottubru 1997, taħt il-klawsola 2.2. (a) (iii) tar-Regolamenti għad-Dħul fl-Universita, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13471.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Brincat.
ONOR. LEO BRINCAT(Ministru tal-Finanzi u Kummerċ): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Kuntratt dwar self iffirmat bejn il-Gvern u t-Tarzna ta’ Malta fit-8 ta’ April 1998, skond is-subartikolu (3) ta’ l-artikolu 8 ta’ l-Att dwar it-Tarzna ta’ Malta, Kap 207; u
Tabella li turi l-ħlasijiet li saru matul l-1997 lill-impjegati fil-Landing Warehousing Branch fid-Dipartiment tad-Dwana, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 14139.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Michael Farrugia.
ONOR. MICHAEL FARRUGIA (Ministru tas-Saħħa, Kura ta' l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Informazzjoni dwar konsulenti fil-ministeru tas-saħħa bejn l-1988 u l-1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13472.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Il-Ministru Portelli.
ONOR. ALFRED PORTELLI (Ministru tad-Djar u Kunsilli Lokali): Madam Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Kopja tar-rapport dwar inkjesta indipendenti magħmula mis-Sur Carm L Farrugia dwar it-tmexxija tar-riżorsi finanzjarji tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, datat 29 ta' Marzu 1998;
Tabella li turi n-numru ta' talbiet għal tiswijiet li saru lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar bejn Ottubru u Diċembru 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12973; u
Tabella li turi n-numru ta' kandidati li ħarġu għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali bejn l-1993 u l-1998, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru W1199.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet ministerjali? Mozzjonijiet. Il-Ministru Brincat.
MOZZJONIJIET
ABBOZZ TA' LIĠI BIEX JEMENDA DIVERSI LIĠIJIET DWAR L-ERARJU PUBBLIKU
ONOR. LEO BRINCAT: Madam Speaker, nipproponi l-Ewwel Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att ta' l-1998 biex jemenda Diversi Liġijiet dwar l-Erarju Pubbliku". MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru): Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att ta' l-1998 biex jemenda Diversi Liġijiet dwar l-Erarju Pubbliku" jkun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri l-Ewwel Darba.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Grech.
ABBOZZ TA' LIĠI BIEX JEMENDA L-ATT DWAR SIGURTA' SOĊJALI
ONOR. EDWIN GRECH (Ministru tal-Ħarsien Soċjali): Madam Speaker, nippropona l-Ewwel Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att ta' l-1998 biex jemenda l-Att dwar Sigurta' Soċjali, Kap. 318".
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. CARMELO ABELA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-mistoqsija hi li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att ta' l-1998 biex jemenda l-Att dwar Sigurta' Soċjali, Kap. 318" ikun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con. u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri l-Ewwel Darba.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Ordnijiet tal-Ġurnata.
ORDNIJIET TAL-ĠURNATA
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ATT DWAR L-UFFIĊĊJU TAL-POSTA
POST OFFICE (AMENDMENT) BILL
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: (Ministru għat-Trasport u Portijiet): Madam Speaker, nipproponi t-Tieni Qari ta' l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ ''Att ta' l-1998 biex jemenda l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Posta''.
MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. MICHAEL FARRUGIA: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Il-Ministru Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Madam Speaker, meta sirt ministru għat-trasport u portijiet waħda mill-kumpanniji li kienet taqa' taħt ir-responsabilita' tiegħi kienet Posta Ltd. Nista' ngħid mill-ewwel li f'din l-ażjenda sibt sitwazzjoni tal-biki. Din l-ażjenda, li ġiet imwaqqfa fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, ma setgħetx tkompli miexja kif kienet għax sibna li kellha dejn kbir, diżorganizzazzjoni organizzata u mismanagement totali. Wara li saru diskussjonijiet ma' kull min kien ikkonċernat, il-Gvern iddeċieda li biex din l-ażjenda ma tkomplix tegħreq l-aħjar ħaġa li ssir kien li l-l-uffiċċju tal-Posta jerġa' jiġi lura għand il-gvern. Iż-żewġ unions ma qablux ma' dan il-ħsieb u riedu li l-Posta ssir korporazzjoni jew kumpannija. Wara li tkellimt mal-Prim Ministru u ma' sħabi tal-Kabinett qbilna li jibdew diskussjonijiet ma' nies li kienu qegħdin juru interess li titwaqqaf kumpannija tal-posta.
Saru ħafna diskussjonijiet ma' nies u kumpanniji differenti. Fost dawn kien hemm min kellu l-interess li ma jżommx lill-ħaddiema imma l-Gvern Laburista ma setax imur kontra l-wegħda tiegħu li ħadd mill-ħaddiema ta' Posta Ltd mhu se jitlef ix-xogħol tiegħu. Waħda mill-kumpanniji interessati kienet il-Mid-Med Bank li flimkien mal-Maltacom qablu li jixtru 60% tax-shares filwaqt li l-gvern iżomm 40%, li 3% minnhom imorru biex issir fondazzjoni ħalli l-ħaddiema jkollhom share fil-Posta. Waħda mill-kondizzjonijiet li għamel il-gvern kienet li wieħed mid-diretturi jrid jiġi elett minn fost il-ħaddiema ta' din il-kumpannija. Qbilna wkoll li sakemm isir it-trasferiment tal-kumpannija jitwaqqaf kumitat bejn il-management u l-ħaddiema, li jkunu rappreżentati mill-union, biex it-tibdil li jkun se jsir fir-rigward ta' ħinijiet tax-xogħol u affarijiet oħra jsir bi qbil bejn il-ħaddiema u l-management. Fil-kumpannija l-ġdida se jsir tibdil għall-aħjar u bix-xogħol li sar bejn il-unions, il-ħaddiema u l-gvern, aħna nemmnu li l-kumpannija se titmexxa b'mod ferm aħjar milli kienet titmexxa Posta Ltd. GĦidna wkoll li qabel ma din tibda tiffunzjona irridu naraw li jkollha management sod u serju biex ma jerġax jiġri dak li ġara f'Posta Ltd.
L-iskop ewlieni ta' dan l-abbozz huwa biex jipprovdi qafas legali għall-ħruġ tal-liċenzja jew liċenzji biex persuni jew kumpanniji privati jkunu jistgħu jwettqu xogħol ta' servizz postali, filwaqt li l-gvern, permezz tal-postmaster general, iżomm ir-rwol ta' regolatur. Skop ieħor huwa, li meta tidħol is-sistema ta' servizz postali mill-privat jew mis-settur parastatali, tiġi garantita lill-pubbliku l-kontinwita' ta' dan is-servizz essenzjali mill-postijiet li minnhom is-servizz qed jingħata. GĦall-informazzjoni tal-Kamra u tal-pubbliku, il-postmaster general bħalissa għandu monopolju iżda l-ministru jista', b'ordni magħmul b'avviż legali, jissospendi dan il-monopolju. Dan l-abbozz li qegħdin inressqu jipprovdi għal sistema ta' ħruġ ta' liċenzji u l-ministru, meta jagħti liċenzja, jista' jimponi kondizzjonijiet u jirrevoka l-liċenzja jekk il-kondizzjonijiet tagħha ma jkunux qed jiġu osservati. Jista' wkoll jintalab ħlas ma' l-għoti tal-liċenzja jew ħlasijiet perjodiċi matul iż-żmien ta' seħħ tal-liċenzja, jew it-tnejn flimkien.
Madam Speaker, aħna jidhrilna li b'din l-emenda li qegħdin inressqu l-affarijiet jirrendu s-sitwazzjoni iktar trasparenti biex il-Posta ma jerġax jiġrilha dak li ġralha f'dawn l-aħħar żmenijiet. Il-kumpannija l-ġdida trid titmexxa b'sistema serja tant li l-gvern, minn żmien għal żmien, ikun jista' jissorvelja l-operat tal-Posta għax nemmnu li din hija xi ħaġa essenzjali għax il-poplu għandu jkollu s-sodisfazzjon ta' x'qed jiġri. Dan qed ngħidu għax kieku fil-liġi oriġinali kien hemm li l-ministeru responsabbli jrid jara x'inhu jsir qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet, kieku l-affarijiet li saru f'Posta Ltd - din illum hija xolta - ma kenux jiġru għax il-ministru kien ikun jaf x'inhu għaddej. Madam Speaker, malli jiena sirt ministru mill-ewwel ġibduli l-attenzjoni li f'Posta Ltd kien qed isir ħafna taħwid. Meta ndagajna sew sibna li veru kien għaddej it-taħwid. Nista' ngħid illi kieku l-affarijiet saru bil-għaqal u ma tteħdux ċerti deċiżjonijiet, Posta Ltd ma kenitx tiġi fis-sitwazzjoni li sibtha jien.
Id-dispożizzjonijiet l-oħra ta' l-abbozz jagħmluha possibbli li jsir ċertu kontroll u użu ta' proprjeta' biex tiġi garantita l-kontinwita' tas-servizz. Dan qegħdin nagħmluh biex il-Posta jkollha dritt tuża ċerti faċilitajiet u ċertu bini li llum qiegħed għand il-gvern u b'din il-liġi se ngħadduh lill-Maltapost. Kif għidna l-posta huwa servizz essenzjali u ma nistgħux nippermettu li, minħabba transizzjoni minn sistema fejn il-gvern jipprovdi servizz għal waħda fejn il-gvern jissorvelja u s-servizz isir minn ħaddieħor, tiżżarma l-infrastruttura li ilha tinbena matul is-snin u li l-pubbliku huwa mdorri biha. GĦalhekk fil-bidu għidt li sar kumitat bejn il-union, il-ħaddiema u l-management biex meta jsiru t-tibdiliet essenzjali - dawn mhumiex tibdiliet li se jaffettwaw lill-pubbliku jew lis-servizz tal-posta imma tibdiliet biex is-servizz tal-posta jiġi aħjar - inkunu qegħdin nagħmluhom bi ftehim mal-ħaddiema u mal-management tal-kumpannija l-ġdida sabiex flimkien inkunu nafu x'inhu għaddej, fejn qegħdin, fejn irridu mmorru u fejn se naslu.
Dan l-abbozz jipprovdi wkoll għall-użu ta' proprjeta'. Per eżempju, jekk ikun hemm xi kirjiet, min jidħol biex imexxi l-Posta jrid jidħol għal dawk il-kirijiet u fejn il-Posta qed tuża postijiet tal-gvern dawn ikunu jistgħu jgħaddu għand min ikun qed imexxi s-servizz tal-posta, minflok il-gvern, mingħajr il-ħtieġa ta' proċeduri oħra, diment li jiġi segwit dak li hemm miftiehem fl-abbozz.
Madam Speaker, l-ewwel ħsieb tal-Gvern dejjem kien li jiggarantixxi l-postijiet tax-xogħol ta' kull ħaddiem li jadħem il-Posta. Il-ftehim mal-kumpannija l-ġdida huwa li dawk il-ħaddiema li kienu fuq ir-reġistru tal-Posta għandhom ix-xogħol u s-servizz tagħhom iggarantit. Intlaħaq ftehim ukoll mal-GWU fuq collective agreement ġdid. Permezz ta' dan l-agreement, li ġie aċċettat mill-maġġoranza tal-ħaddiema, il-ħaddiema jafu fejn qegħdin u x'se tkun il-pożizzjoni tagħhom fil-futur. Dawk il-ħaddiema li kienu mal-gvern qabel ma marru ma' Posta Ltd se jkollhom żmien limitat biex jagħżlu jekk iridux jibqgħu mal-Posta jew jerġgħux imorru lura mal-gvern. Il-ħsieb tal-Gvern Laburista huwa li s-servizz postali nerġgħu nġibuh tajjeb kif kien qabel. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Claude Muscat.
ONOR. CLAUDE MUSCAT: Madam Speaker, l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Posta, li din il-Kamra qed tiġi mitluba tapprova, m'hu xejn iktar minn dak li għamel Gvern Nazzjonalista f'Novembru 1994 meta f'ġieħ it-trasparenza u l-accountability kien iddeċieda li jifforma kumpannija biex is-servizzi postali ta' Malta jgħaddu f'idejha. Raġuni oħra għat-twaqqif tal-kumpannija kienet biex is-servizzi postali jgħaddu f'idejn operatur u b'hekk tiżdied il-kompetizzjoni. Bit-twaqqif ta' Posta Ltd id-dipartiment tal-posta, li tista' tgħid kien wieħed mill-iktar dipartimenti antiki u effiċjenti, ma baqax jifforma parti mis-servizz ċivili. Iżda sfortunatament il-ħajja ta' Posta Ltd kienet waħda qasira, l-ewwelnett minħabba li tqajjem il-każ tal-proġett ta' Ħal Qormi fil-Public Accounts Committee, u mbagħad bil-problema li tfaċċat fuq il-kuntratt tal-bulk mailing. Għal dawn ir-raġunijiet dan il-Gvern iddeċieda li jxolji l-kumpannija f'Lulju ta' l-1997.
Hawnhekk ta' min isemmi li kien diffiċli li l-Posta tagħmel il-qligħ, anke meta kienet għadha dipartiment tal-gvern, u fil-fatt kien hemm snin meta tilfet il-flus. Nista' ngħid li fl-1987 id-dipartiment kien tilef Lm387,685; fl-1989 tilef Lm22,755; fl-1991 tilef Lm384,935; fl-1992 tilef Lm755,131 u fl-1993 kien hemm telf ta' Lm1,124,207. Naħseb li wieħed seta' jagħmel iktar sforz biex jasal għal xi ftehim biex titneħħa l-inċertezza li kien hawn fuq is-servizzi postali u speċjalment fuq l-impjegati f'dawn l-aħħar sentejn. Iżda x'ġara? Il-Partit Laburista daħħal fellus f'moħħu u ma ried bl-ebda mod li din il-kumpannija tibqa' tiffunzjona. U hawnhekk bdiet il-froġa għax ħawdu s-sitwazzjoni mill-bidu nett. Kif konna nisimgħu qabel l-elezzjoni, ma kienx ikun hemm okkażjoni waħda fejn l-Oppożizzjoni Laburista ma kenitx tipprova tħammeġ lill-Gvern Nazzjonalista u meta ħadu l-gvern f'idejhom f'Ottubru ta' l-1996 il-Prim Ministru kien qabbad lin-nies biex jagħmlu rapporti fuq diversi dipartimenti li wara ma rriżulta xejn dwarhom. Hekk ġara wkoll f'Posta Ltd. Kienu ħarġu bl-għajta li assolutament ma riedux li s-servizzi postali f'pajjiżna jiġu pprivatizzati u llum qegħdin hawn biex napprovaw emendi fl-Att dwar l-Uffiċċju tal-Posta biex inwittu t-triq sabiex is-servizzi postali jerġgħu jaqgħu f'idejn kumpannija privata, bid-differnza li filwaqt li l-ishma ta' Posta Ltd kienu kollha f'idejn il-gvern, fil-kumpannija l-ġdida, bl-isem ta' Maltapost, 40% ta' l-ishma biss se jkunu f'idejn il-gvern. Ħadd ma jaf x'diskussjonijiet saru biex jitqassmu dawn l-ishma. Fil-bidu kien hemm interess mill-Mid-Med Bank biex jieħdu 60% ta' l-ishma u mbagħad sirna nafu li l-Maltacom ukoll uriet l-interess biex tixtri l-ishma. Safejn nafu l-ishma tal-kumpannija Maltapost se jkunu bejn il-Mid-Med Bank, il-Maltacom u l-gvern u ma nafux jekk kienx hemm xi persuni jew kumpanniji oħrajn li kienu interessati biex jixtru dawn l-ishma. Għaliex l-ishma ma ġewx ikkwotati fl-iStock Exchange, kif sar fil-bejgħ ta' l-ishma tal-Maltacom? Nistaqsi wkoll għal liema raġuni l-impjegati ngħataw biss 3% ta' l-ishma ta' din il-kumpannija l-ġdida. Madam Speaker, għalija Posta Ltd ġiet xolta għal raġuni waħda biss, dik li l-Gvern Laburista ried iwarrab ċerti mpjegati, kif għamel dan l-aħħar fil-pixxina nazzjonali, u dan huwa l-akbar għajb għal dan il-Gvern.
Tajjeb li wieħed ifakkar li Gvern Nazzjonalista ddeċieda li jagħti s-servizzi postali f'idejn kumpannija privata wara seba' snin ta' amministrazzjoni li fihom kien għamel minn kollox biex isaħħaħ dawn is-servizzi postali. Kien hemm il-fattur ta' firxa kbira ta' bini ġdid madwar Malta u Għawdex, li mponiet fuq id-dipartiment il-ħtieġa li jiżdiedu mas-70 rotta ġdida tat-tqassim tal-posta. Dan kien ifisser żieda fin-numru ta' pustiera ta' madwar 81, żieda ta' aktar minn 20%. Barra mill-pustiera żdied ukoll in-numru ta' mail officers u mail inspectors biex setgħu jkunu maħduma dawn ir-rotot ġodda. Fil-fatt il-complement ta' l-istaff fid-dipartiment, minn 815 fl-1987 żdied għal 986 f'dawn l-aħħar snin. Introduċejna s-sistema ta' EMS datapost u llum il-ġurnata għandna ftehim ma' 22 pajjiż fuq dan is-servizz. Id-dipartiment tal-posta kien wieħed minn ta' quddiem li mplimenta l-ugwaljanza bejn is-sessi fejn jidħlu l-impjiegi u fil-fatt mill-1989 'l hawn in-numru ta' impjegati pustiera nisa baqa' jiżdied regolarment.
Fl-1991 introduċejna s-sistema tal-kodiċi postali, li bla dubju għenet biex ix-xogħol tas-sorting jitħaffef, speċjalment fil-fergħat. Hekk kif imbagħad saħħaħna dawn is-servizzi, Gvern Nazzjonalista kien iddeċieda li jagħti s-servizzi postali f'idejn kumpannija. Hawnhekk naraw is-serjeta` ta' kif kienu jimxu l-affarijiet, kontra dak li għamel dan il-Gvern li kontra l-politika tiegħu, fejn kemm-il darba kien jgħid li bl-ebda mod ma jrid jipprivatizza dan is-servizz, il-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant illum qed jippreżenta abbozz ta' liġi biex dan is-servizz jiġi pprivatizzat.
Madam Speaker, il-Gvern lanqas kellu d-diċenza li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-diskussjonijiet jew il-ftehim li għamel mal-unions għal dak li għandu x'jaqsam mal-ħaddiema. Skond ir-rapport fil-media kien hemm ftehim bejn il-Gvern u l-unions. Allura din il-Kamra m'għandhiex id-dritt tkun taf x'hemm f'dan il-ftehim u ma min ġie ffirmat, jekk hux ma' union waħda jew iktar minn union waħda li jirrappreżentaw lill-ħaddiema?
F'dan l-abbozz hemm emendi li jirrigwardaw il-proprjeta` ta' fejn jinsabu l-uffiċini tal-posta llum. Naħseb li jkun xieraq li l-Ministru jagħti lista tal-proprjeta` li għandu d-dipartiment tal-posta llum, dawk li huma taħt titolu ta' kera u dik li hija proprjeta` tal-gvern li qed tintuża bħala uffiċċju tal-posta. Hawnhekk nistaqsi wkoll x'se jiġri mill-bqija ta' l-assi kurrenti tad-dipartiment tal-posta. Dawn se jgħaddu f'idejn operatur privat għal perijodu li għalih tinħareġ il-liċenzja u wara, jekk għal xi raġuni tintemm il-liċenzja, jerġgħu jaqgħu f'idejn il-gvern?
L-aħħar punt li rrid inqajjem hu rigward l-operating licence. Jista' l-Ministru jgħid lil din il-Kamra jekk hux se jkun hemm xi ħlas għal xi operating licence u kemm se jkun fis-sena. Grazzi.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? L-Onor. Ċensu Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Madam Speaker, quddiemna għandna abbozz ta' liġi li jgħid li kull proprjeta` li għandha l-Posta se tgħaddi f'idejn ħaddieħor li se jkun liċenzjat biex jagħti servizz postali, iżda fl-introduzzjoni tiegħu l-Ministru ħass li kellu jerġa' jirriferi għad-diżastru u għat-taħwid li kemm-il darba qal li sab f'Posta Ltd. Jien aktar kont nippretendi li l-Ministru jkellimna fuq il-qagħda attwali tal-ħaddiema għax bħalissa dawn għaddejin minn inċertezza kbira.
Tajjeb li wieħed ifakkar, Madam Speaker, li l-Posta tħaddem magħha iktar minn 900 ruħ li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mis-servizzi postali. Dawn il-ħaddiema qed jagħtu sehemhom f'ċirkostanzi partikolari u quddiem diffikultajiet mhux żgħar. Kulħadd jaf li matul ix-xhur li għaddew inħolqu problemi ġodda li għadhom ma' saqajn il-ħaddiema. Kif jistgħu l-ħaddiema jkollhom it-trankwillita` mentali meta għad għandhom id-dubji, anke wara l-ftehim li ntqal li ġie ffirmat riċentement minn union waħda f'isimhom. Hawnhekk qed nitkellmu fuq 900 ħaddiem li b'mod ġenerali taw servizz tajjeb matul is-snin, minkejja li kultant issib min jgħidlek li s-servizz tal-posta m'huwiex effiċjenti biżżejjed. Dawn il-ħaddiema - inkluż xi 16 jew 17-il ruħ li ddaħħlu f'Novembru 1997 - għandhom il-problema dwar x'se jiġri mill-futur tagħhom u dwar x'kondizzjonijiet ta' xogħol se jkollhom, anke wara l-laqgħat li kien hemm bejn il-Gvern u l-GWU, li ta' min jgħid tirrappreżenta wieħed minn kull erbgħa tal-ħaddiema tal-Posta. Iktar u iktar qegħdin jitħassbu dwar il-futur tagħhom dawk il-ħaddiema li ma kenux oriġinarjament impjegati tad-dipartiment tal-posta imma daħlu matul l-aħħar perijodu bħala impjegati ta' Posta Ltd. Madam Speaker, kif qal għadu kemm qal l-Onor. Claude Muscat, għalkemm ingħad li ntlaħaq ftehim u għalkemm nafu li l-ishma tal-kumpannija l-ġdida se jkunu 40% tal-gvern, 45% tal-Mid-Med Bank u 15% oħra tal-Maltacom, attwalment il-ħaddiema b'mod ġenerali għadhom ma jafux x'se jkunu l-kondizzjonijiet veri tax-xogħol tagħhom.
Hemm ukoll il-kwestjoni li tqajmet iktar minn darba dwar il-ftehim li kien intlaħaq - anke jekk il-Ministru għat-Trasport u Portijiet u oħrajn jgħidu li dan il-ftehim attwalment ma kienx iffirmat - bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-kumpannija li kienet tmexxi dan is-servizz. Skond il-ftehim kollettiv, li suppost beda xi snin ilu, il-ħaddiema kellhom jieħdu żieda ta' Lm2.50 fil-ġimgħa għal tliet snin. Milli wieħed jista' jifhem din iż-żieda tidher li ntilfet għall-ewwel sentejn u allura dan ifisser li l-ħaddiema se jkunu tilfu Lm5 fil-ġimgħa għal dejjem, għaliex il-ftehim il-ġdid jitkellem dwar żieda ta' Lm2.50 ta' darba. Allura m'huwiex ovvju li l-ħaddiema jkunu rrabjati għall-fatt li tilfu żieda bħal din! Skond l-informazzjoni li għandi, bażikament il-GWU lill-ħaddiema tal-Posta qaltilhom: Jew taċċettaw il-ftehim li qegħdin nippreżentawlkom, jew inkella se tispiċċaw titilfu kollox! Tajjeb li wieħed ikun jaf eżattament x'ingħad f'dan il-ftehim u tajjeb ukoll li wieħed jara x'inhi r-raġuni għaliex dawn id-diskussjonijiet - minkejja li l-ħaddiema huma maqsumin bejn il-GWU u l-UĦM - saru ma' union waħda. Fil-fatt id-diskussjonijiet li kienu għaddejjin mal-UĦM waqfu ħesrem u mbagħad f'daqqa waħda smajna li ntlaħaq ftehim ma' waħda mill-unions. Madam Speaker, m'hemmx dubju li l-mod li bih ġew ittrattati l-ħaddiema tal-Posta matul dawn l-aħħar xhur m'huwiex il-mod korrett kif għandhom jiġu ttrattati l-ħaddiema, mhux biss tal-Posta imma ta' kull dipartiment u intrapriża, b'mod partikolari ntrapriżi fejn il-gvern għandu l-maġġoranza.
Matul is-sena li għaddiet wieħed jista' jgħid li kellna l-bidu ta' l-istorja ta' din il-kumpannija ġdida u anke smajna b'dikjarazzjonijiet li hemm bżonn li l-Posta terġa' tirritorna għal dipartiment tal-gvern, kif kienet fil-bidu, jew inkella b'xi aġġustamenti żgħar. Għalkemm wieħed jista' jgħid li prattikament l-ebda dipartiment tal-gvern ma jirrendi l-flus, kien intqal li jkun jaqbel għall-ħaddiema u għal kulħadd li s-servizzi postali jerġgħu jibdew jingħataw minn dipartiment tal-gvern. Iktar tard qamet id-diskussjoni dwar x'se jiġri minn iktar minn 300 ħaddiem li, għalkemm kienu mpjegati ta' Posta Ltd, oriġinarjament ma kenux impjegati tal-gvern u allura qamet id-diffikulta` dwar x'se jiġri biex dawn il-ħaddiema jiġu nkorporati fl-organizzazzjoni l-ġdida li kellha tamministra l-posta. Matul dawn l-aħħar xhur il-partit l-ieħor beda kull darba jibdel il-pożizzjoni tiegħu, għax imbagħad qalilna li s-servizzi tal-posta se jingħataw minn entita`, minn bord jew minn xi ħadd li fil-fatt la jkun dipartiment tal-gvern pero' lanqas ma tkun entita' bħal Posta Ltd, li kienet twaqqfet ftit ta' snin qabel, u li l-Gvern preżenti ddeċieda li kellha tispiċċa minn fuq il-kotba. Kellna dikjarazzjonijiet li dik kienet kumpannija falluta u f'daqqa waħda mbagħad kien hemm ħafna li bdew juru interess li jieħdu shareholding fil-kumpannija l-ġdida li kellha titwaqqaf. Għal xhur sħaħ konna qisna qed nagħmlu t-twenty questions biex nippruvaw naqtgħu x'qed jiġri. Minn żmien għall-ieħor il-ħaddiema bdew jirċievu ittri li filli jgħidulhom li tqiegħdu taħt l-acting postmaster general għal sitt xhur, imbagħad għal xahrejn, u mingħajr ma ġew informati xejn kien hemm estensjoni oħra ta' żmien. Fir-realta` matul dan iż-żmien kienu għaddejjin diskussjonijiet li la nafu ma' min saru u lanqas x'kienu l-proposti differenti li ngħataw min-naħa tal-gvern, min-naħa ta' l-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema, kif ukoll min-naħa ta' dawk il-persuni jew bordijiet li kienu b'xi mod interessati li jagħtu dan is-servizz. Fil-fatt fil-konfużjoni li kien hemm dak iż-żmien, l-ewwel darba li kien ingħad li l-Posta kienet falliet u li allura trid tinbidel il-kumpannija, kien ftit ġimgħat wara x-xoljiment ta' Posta Ltd.
Wara diskors tal-Ħadd fil-għodu tal-Prim Ministru f'xi wieħed mill-każini, niftakarli l-headlines tal-gazzetti ta' l-għada kollha kienu jgħidu li hemm bank kummerċjali li huwa nteressat jieħu sehem fid-diskussjonijiet biex jibda jagħti servizz postali. Fil-fatt kienet baqgħet mistura għal xhur sħaħ l-identita' ta' dan il-bank - naturalment qed nirriferi għall-Mid-Med Bank - u iktar tard bdew jgħidulna li l-bank waħdu mhux se jkun biżżejjed għaliex kien hemm oħrajn li kienu qed juru interess li jkollhom sehem fil-kumpannija l-ġdida. Xi tlieta jew erba' ġimgħat ilu ċ-chairman tal-Mid-Med Bank ta intervista lill-ġurnalist ta' ''The Sunday Times'' fejn qal għall-ewwel darba li l-bank kien qiegħed f'diskussjonijiet biex titwaqqaf kumpannija - iktar tard issemmiet il-Maltapost - li 45% mill-ishma tagħha kienu se jittieħdu mill-Mid-Med Bank, 15% mill-Maltacom u 40% kienu se jinżammu mill-gvern. Madam Speaker, din kienet l-ewwel darba li ħarġet b'mod uffiċjali l-pożizzjoni li qed nitkellmu dwarha llum. Minn dik l-intervista ħareġ ukoll li kien se jkun hemm il-possibbilta` li l-ħaddiema li kienu mpjegati mal-gvern qabel ma twaqqfet Posta Ltd - u li kellhom diġa` l-possibbilta` li jagħżlu jekk imorrux ma' Posta Ltd. jew inkella jibqgħux mal-gvern - kien se jerġa' jingħatalhom iċ-ċans li jagħżlu jirritornawx mal-gvern inkella jidħlu mal-kumpannija l-ġdida. Jidher li l-pożizzjoni tal-ħaddiema li ma kenux mal-gvern qabel ma ġew impjegati ma' Posta Ltd. - forsi tajjeb li l-Ministru jispjegalna iktar fit-tul dan il-punt - hija dik li jew imorru mal-kumpannija l-ġdida inkella jsibu xi impjieg ieħor. Jiġifieri lil dawn qed jgħidulhom li m'għandhomx garanzija ta' impjieg.
Dalgħodu l-Ministru qal li qegħdin nagħmlu din il-kumpannija biex ikollna iktar trasparenza fl-amministrazzjoni tal-posta u biex dan is-servizz ikun iktar effiċjenti. Kif għidt iktar kmieni, is-servizz tal-posta kien wieħed ta' ċertu livell u nispera li ikun min ikun qed imexxi din il-kumpannija fix-xhur li ġejjin mhux biss jattwa titjib fil-kondizzjonijiet tal-ħaddiema imma wkoll titjib fis-servizz. Fl-introduzzjoni tiegħu l-Ministru għamel ukoll riferenza għall-infrastruttura li teħtieġ il-Posta, li bażikament tikkonsisti fil-makkinarju u fil-proprjeta` li l-kumpannija attwalment għandha. Il-Posta għandha ħafna proprjeta' mifruxa mal-pajjiż kollu minn fejn tagħti s-servizzi tagħha, li jew hija proprjeta` tal-gvern jew proprjeta` mikrija għandha. Issa f'dan l-abbozz ta' liġi qed jingħad li din il-proprjeta` kollha awtomatikament se tgħaddi lil dak il-body li jkollu l-liċenzja li jagħti s-servizzi postali. Hawnhekk qegħdin ngħidu li l-proprjeta` kollha li għandha l-Posta se tgħaddi f'idejn il-Maltapost bl-istess kondizzjonijiet eżistenti. Allura huwa sewwa li kull proprjeta` li matul is-snin kien intlaħaq ftehim dwarha mad-dipartiment tal-posta jew ma' Posta Ltd, awtomatikament tgħaddi lill-Maltapost?
Fl-introduzzjoni tiegħu l-Ministru għamel riferenza għal dan il-punt meta qal li l-Gvern ma riedx li f'daqqa waħda l-kumpannija l-ġdida ssib ruħha fil-pożizzjoni li tkun mingħajr offices jew sub-post offices. Il-Ministru qal li f'sitwazzjoni bħal dik il-kumpannija l-ġdida żgur li ma kenitx tkun f'pożizzjoni li żżid l-effiċjenza tas-servizzi postali. Imma xorta waħda tibqa' d-domanda għaliex din il-proprjeta` għandha tgħaddi f'idejn il-kumpannija l-ġdida bl-istess kondizzjonijiet. Fejn il-proprjeta` li tintuża mill-Posta hija proprjeta` tal-gvern stess nifhem li m'għandux ikun hemm tibdil fil-kondizzjonijiet tal-kirja. Wieħed jista' jargumenta wkoll li peress li l-gvern se jkollu 40% sehem fil-kumpannija l-ġdida u li s-60% l-oħra se jittieħdu mill-Mid-Med u mill-Maltacom, li fihom il-gvern għandu sehem maġġoritarju, allura wieħed jista' b'xi mod iġebbed l-argument u jgħid li dawn huma kollha flus li qegħdin iduru minn but għal ieħor u minn azjenda tal-gvern għal oħra. Id-diffikulta` prinċipali tinħoloq fil-konfront ta' sidien privati ta' proprjeta' li qed tintuża bħala post office jew sub-post office. Jien ma jidhirlix li huwa sewwa li wieħed jidħol fi ftehim fuq proprjeta' mal-Posta imbagħad wara numru ta' snin titwieled kumpannija ġdida u tgħid li għandha dritt tidħol f'dik il-proprjeta' bl-istess kondizzjonijiet. Il-kondizzjonijiet li wieħed aċċetta li jidħol għalihom numru ta' snin ilu setgħu kienu tajbin għal dak inhar imma llum is-sid forsi jkun irid jipprova jagħmel agreement aħjar ma' kumpannija ġdida, li fl-aħħar mill-aħħar hija iktar kummerċjalment orjentata għax ix-shareholder prinċipali tagħha huwa bank kummerċjali, li minn żmien għal żmien nisimgħu b'ħafna ftaħir kemm qed jaqla' flus. GĦalhekk nerġa' nistaqsi kemm huwa sewwa li l-kumpannija l-ġdida tieħu over dik il-proprjeta` kollha mingħajr ma tidħol f'diskussjonijiet mas-sidien. Naħseb li din hija domanda li qed jagħmlu ħafna nies, b'mod partikolari meta qed nitkellmu dwar titjib sostanzjali f'dak li huwa dħul tal-kumpannija l-ġdida.
Sur President, ladarba l-Gvern iddeċieda li jżarma dak li kien hemm qabel u jagħmel kumpannija oħra, l-awgurju tiegħi huwa li l-ħaddiema tal-kumpannija l-ġdida fil-fatt jingħataw kondizzjonijiet ta' xogħol aħjar milli kellhom. Għalkemm ingħad li diġa` ntlaħaq ftehim ma' din il-kumpannija, qegħdin nisimgħu b'dikjarazzjonijiet konfliġġenti dwar il-pożizzjoni li qed tittieħed min-naħa tal-gvern. Wieħed jawgura li l-kumpannija l-ġdida tkun serja u verament tagħti s-servizz b'mod effiċjenti u mhux tipprova tagħti l-impressjoni li f'daqqa waħda qed tagħmel il-mirakli, bħalma ġara fil-każ ta' diversi kumpanniji parastatali meta f'daqqa waħda bdejna nisimgħu li qegħdin jipprogredixxu b'passi ta' ġgant. Għax hawn ukoll, wara ħafna dikjarazzjonijiet li Posta Ltd kienet falluta, illum kulħadd qed jinduna, b'mod partikolari l-istess ħaddiema tal-Posta, li l-falliment li ssemma fix-xhur li għaddew ma kienx reali imma kien biss skuża biex il-Gvern Laburista jżarma ħaġa biex minflokha jarma xi ħaġa oħra. Fl-aħħar mill-aħħar dawn id-dikjarazzjonijiet ta' falliment matul ix-xhur li għaddew wasslu biss għal inċertezza fis-servizz b'mod ġenerali imma b'mod partikolari wasslu għal inċertezza kbira fost id-900 ħaddiem u l-familji tagħhom.
Jien nawgura li mil-lum 'il quddiem il-kumpannija l-ġdida, il-Maltapost, verament u mhux bil-kliem biss tagħti servizz mill-iktar tajjeb u l-ħaddiema li jagħtu dan is-servizz ikunu l-perm ta' dak kollu li jkun qed jiġri f'din il-kumpannija. Kif qal l-Onor. Claude Muscat, jien ma nifhimx għaliex il-Gvern iddeċieda li se jkun hemm 3% biss tax-shares riżervati għall-ħaddiema ta' din il-kumpannija. L-appell tiegħi huwa li din il-kumpannija tagħti indikazzjoni ċara lill-ħaddiema li tant batew u għexu b'inċertezzi matul ix-xhur li għaddew, li se tibda tistmahom b'mod differenti minn kif ġew stmati dan l-aħħar biex ikunu b'moħħhom iktar mistrieħ u jkunu kapaċi jagħtu servizz aħjar. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Jekk m'hawnx aktar rimarki nistieden lill-Ministru Debono Grech biex jgħaddi għall-winding-up. ONOR. JOE DEBONO GRECH: Sur President, ħalli nibda mill-aħħar punt li ssemma, dwar il-ħaddiema tal-Posta, li dejjem ngħidu li kellhom inċertezza. Veru li pprovaw jiżirgħu l-inċertezza pero' l-ebda ministru li kellu x'jaqsam mal-posta ma ltaqa' mal-ħaddiema daqskemm iltqajt jien kemm ilni ministru. Kien hemm ħaddiema individwali li ġew ikellmuni personalment u jien fehemthom x'kien qed isir u x'irridu nagħmlu. Kien hemm min kellu l-interess li jiżra' l-inċertezza pero' ma rnexxilux. Jien kont ħaddiem u naf x'jiġfieri meta jkun qed isir it-taqlib, pero' m'iniex se nitkellem fuq ċerti affarijiet li hemm kawża għaddejja dwarhom. Nista' nassigura lill-Onor. Ċensu Galea u lil kulħadd li qatt ma nasal biex nagħmel vendikazzjoni minħabba l-politika. Dan qed nixhdu hawn quddiem il-poplu u quddiem kulħadd. Ma nasalx biex nagħmel dawk l-affarijiet. Issa jekk kulħadd ikejjel b'xibru jien ma nistax nindaħal f'dawk l-affarijiet.
Rigward il-fatt li sar ftehim ma' union waħda, il-kollega tiegħi jaf li saru taħdidiiet maż-żewġ unions pero' fl-aħħar trid tasal ma' min jirrappreżenta l-maġġoranza tal-ħaddiema, u l-maġġoranza tal-ħaddiema tal-Posta - kemm meta kienet dipartiment tal-gvern u kemm meta saret Posta Ltd - dejjem kienu rappreżentati mill-GWU. M'huwiex veru li lill-ħaddiema tal-Posta tellifniehom il-flus li suppost ħadu bil-ftehim li kien hemm fil-bidu, kif qed tgħid in-naħa l-oħra, u se ngħid għaliex. Jekk veru kien hemm ftehim li l-ħaddiema jieħdu ż-żidiet, dak il-ftehim bilfors li sar qabel Ottubru 1996. Jiġifieri ma kien hemm xejn xi jżomm lill-kumpannija Posta Ltd jew lill-Gvern ta' dak iż-żmien li jagħti ż-żidiet u l-affarijiet l-oħra kollha. Dawn ħadd ma żammhom u setgħu tawhomlhom lill-ħaddiema qabel ma tela' Gvern Laburista. Meta riedu jagħtu l-eluf u l-miljuni ta' liri lil min dehrilhom, ma qagħdux jistennew li tiġi l-elezzjoni u lanqas stennew li jiffirmaw xi agreement imma qabdu u tawhomlhom. Pero' nerġa' ngħid li dak iż-żmien jien ma kelli l-ebda ftehim ma' Posta Ltd. (Interruzzjonijiet) Huwa mismanagement li toffri l-flus meta taf li m'għandekx. Illum jiġu jitħaddtu dwar it-trasperenza u jien niftakar li meta sar ix-xiri ta' l-art ġewwa Ħal Qormi ħadd min-naħa l-oħra ma ġie jinformana hawnhekk.
Il-kwestjoni kien qajjimha l-kollega tiegħi, l-Onor. Evarist Bartolo - kont semmejtha jien ukoll - u r-risposta tal-ministru li kellu x'jaqsam ma' Posta Ltd dak iż-żmien - u jiddispjaċini li f'dawn is-sentejn kull meta tkellimna fuq dan is-suġġett, l-Onor. Membru qatt ma kien hawn ġew biex jgħid kif saru l-affarijiet - kien qalilna li ħadd ma kellu dritt jindaħal għax dik kienet kumpannija privata. Meta ġejna biex nixtru l-art, li b'kollox kienet se tiġi tiswa 'l fuq minn Lm3 miljun biex nagħmlur-refurbishment u x-xogħol kollu, sibna li Posta Ltd ma kellhiex dawk il-flus. Jien bħala ministru responsabbli ridt inkun miġnun ladarba l-Posta kienet falluta ... U jgħid x'jgħid il-kollega tiegħi l-Onor. Ċensu Galea, il-Posta falluta kienet għaliex la kellha minn fejn tħallas u lanqas kellha kredituri. Posta Ltd mhux mal-Ġermanja biss għamlet agreement imma ma' ħafna organizzazzjonijiet oħra barranin u għadna qed inħallsu dak id-dejn li ma kienx tħallas għaliex l-agreements li saru dak iż-żmien kienu zopop. Ma kellhom l-ebda dritt jagħmlu agreement għax kulħadd jaf li biex traħħas jew tgħolli l-posta trid tmur bilfors għand il-ministru. Fil-fatt ħadd ma mar għand il-ministru u meta marru is-South Korea, għall-ewwel min kien responsabbli qal li mhux veru li kien tela' l-ministru imma li kien tela' ċ-chairman biss, pero' mbagħad meta aħna ppubblikajna r-ritratti u l-firem qalu li huma waqfu daqsxejn hemmhekk! X'jiġifieri, marru xalata minn fuq Posta Ltd? Dawn huma fatti li ġew rapportati fil-gazzetta u mhux min-naħa tagħna. Din kienet il-pożizzjoni li sibt jien. Jien ma ridtx nemmen meta ġibduli l-attenzjoni li Posta Ltd kellha agreement mal-Ġermanja li kien se jfarrakha. Kienu ġew jgħiduli b'din il-kwestjoni waqt il-funeral ta' ommi u meta staqsejt lil min kien responsabbli qalli li dan ma jistax ikun. Meta mbagħad dħalna fil-fond sibna dawn l-affarijiet, imma issa ma rridx noqgħod nitkellem aktar fuqhom. Jien naqbel ma' dak li qal l-Onor. Ċensu Galea li dawn m'humiex flusi, la flus l-oppożizzjoni u lanqas flus il-gvern imma flus il-poplu. Jiġifieri aħna hawnhekk għandna nkunu responsabbli u niġbdu l-attenzjoni ta' min iberbaq flus il-poplu.
Li kien għalija l-Posta kienet terġa' tmur lura mal-gvern. Permezz tal-unions tagħhom il-ħaddiema qalu li ma ridux imorru lura mal-gvern. Issa l-Gvern seta' jgħid li ladarba din il-kumpannija falliet se tmur lura mal-gvern u kienet issir emenda fil-liġi biex naraw x'jiġri minn dawk it-375 li kienu ġew impjegati direttament ma' Posta Ltd. U ma nipprovawx nimmiżlijdjaw lill-ħaddiema għax lil dawk li ġew impjegati ma' Posta Ltd, il-Gvern preċedenti qatt ma tahom il-possibbilta` li jmorru mal-gvern. Fl-ebda azjenda ma ngħataw din il-possibbilta`, la minn Gvern Laburista u lanqas minn Gvern Nazzjonalista. Per eżempju, jien niftakar li meta kont ministru u twaqqfet l-Enemalta, min kien mal-gvern dejjem kellu dritt imur lura mal-gvern, pero' dawk li ġew impjegati direttament ma' l-Enemalta qatt ma kellhom dritt li jmorru mal-gvern. Dan li rridu ngħidu lill-ħaddiema. Għalfejn nidħku bil-ħaddiem? Il-Gvern Nazzjonalista kien waqqaf Posta Ltd bħala azjenda privata, b'kondizzjonijiet aħjar minn dawk tal-ħaddiema tal-gvern, u l-azjenda telqet għal rasha u jekk għamlet qligħ tajjeb għaliha u jekk m'għamlitx affariha. M'huwiex floku li skrivan mal-gvern għandu Lm20 u skrivan mal-kumpannija parastatali għandu Lm26, imbagħad jippretendi li jrid jidħol il-gvern għalih meta l-azjenda tieħu d-daqqa.
Ġew ħafna nies għandi u kien hemm min ma kienx serju għax ried li l-acting postmaster general jagħtih liċenzja biex jagħmel kumpannija, bħalma hawn ħafna, fejn jerġa' jgħaddi l-liċenzja lil ħaddieħor u fl-istess ħin inaqqas il-ħaddiema. Kien hemm min ried li jingħalqu wħud mis-sub-post offices u l-posta tiġi bħala courier service, fejn int tmur tħallas biex tiġbor il-posta, jew inkella jibgħathielek bil-courier u jgħidlek kemm għandek tħallas. Aħna ma ridniex li jiġri hekk.
Kien hemm min ma kienx bona fide u qalilna: Jien neħodha pero' minn 900 nżomm 500 ħaddiem biss. Aħna għidnielhom li min jieħu l-posta jrid jagħti garanzija ta' dawk id-980 ħaddiem. Għaliex? Għaliex jien kont ħaddiem. Jien qiegħed ministru imma bħal ħafna minna hawn ġew tlajt minn isfel, ħdimt mal-privat u naf x'jiġifieri taħdem mal-privat. Naf x'jiġifieri trid tagħti l-ġurnata tax-xogħol tiegħek. Jien kont ħaddiem fejn ġieli batejt u ġieli gawdejt. Naf x'jiġifieri meta l-ħaddiem ibati u għalhekk mhux se nħalli lill-ħaddiem jgħaddi l-martirju li għaddejt minnu jien u ħaddiema oħra qabel ma kien hawn gvernijiet Laburisti. Jien kont wieħed li mort il-ħabs biex iġġelidt għall-ħaddiema, u ma jiddispjaċinix. U l-maġġoranza ta' hawn ġew, miż-żewġ naħat, jaħdmu biex il-ħaddiem ikun aħjar. Jien m'iniex se ngħid Ċikku u Peppu, jien ma nħarisx lejn l-individwu, jekk hemm individwu f'partit jew f'ieħor li jaħdem għalih personali, jien ma nħarisx lejn dak, jien inħares lejn il-maġġoranza li jifformaw il-partit. U meta ġejt biex inħares lejn il-ħaddiema tal-Posta, ħarist li dawn jimxu 'l quddiem.
Per eżempju, aktar għamiltha ta' segretarju ta' union milli għamiltha ta' ministru waqt id-diskussjonijiet biex il-ħaddiema nġibilhom l-aħjar kondizzjonijiet. U jien niftaħar bih dan il-fatt. Kien hemm min qalli: Isma', inti l-ministru jew is-segretarju ta' l-union? Jien kont segretarju ta' union u ġġelidt għall-ħaddiema. Jien żgur mhux se nħalli lill-ħaddiem ibati. U qabel ma ffirmajt ridt li l-ħaddiem ikollu s-saħħa. Waħda mill-klawsoli domna biex għamilniha għax jien dejjem ridt li l-ħaddiem fl-ewwel sena jkollu kumitat mal-management biex meta jsiru t-tibdiliet neċessarji, il-ħaddiem ikun jaf x'se jibdel u x'se jagħmel. Hekk dejjem ħdimt jien. U jien l-unur tiegħi huwa li bħala ministru, f'dawn is-sena u nofs iltqajt ma' l-unions, mal-ħaddiema u ma' associations aktar milli ltaqgħu f'disa' snin il-ministri Nazzjonalisti, u dan mhux bi ftaħir qed ngħidu. Staqsu lil min tridu. Veru jitlagħli imma mbagħad nasal biex il-ħaddiem irid ikollu l-aħjar kondizzjonijiet. U fil-Posta l-ħaddiem għandu l-aħjar kondizzjonijiet. U ma kienx tort tiegħi jew tort tal-Gvern li kien hemm l-ansjeta'. Kien hemm min kien qed ixewwex lill-ħaddiem u jgħidlu li issa se jitfarrak, issa sejjer barra, issa m'huwiex se jieħu l-paga. Posta Ltd. kienet falluta u kien il-Gvern li ħariġhom il-pagi tal-ħaddiema. U aħna bilfors kellna nagħtu sa xahrejn, għaliex skond l-Estacode il-Gvern sa xahrejn jista' jagħti paga lil impjegati li ma jkunux tiegħu, inkella jrid imur PSC. U aħna ma stajniex imorru l-PSC għaliex il-ħaddiema ma ridux imorru mal-gvern. Jien nibqa' nsostni li l-Gvern - u anke jien personali - xtaq li l-ħaddiema jmorru kollha mal-gvern, inklużi dawk li kienu mpjegati ma' Posta Ltd, imma l-ħaddiema dakinhar ma ridux. U kien hawn ukoll minn mar ixewwex lill-ħaddiema ta' Posta Ltd. - u jmissu jistħi - u jgħidilhom li issa mhux il-gvern jikkmanda imma huma, u fl-aħħar tax-xahar għal barra. Kieku keċċejtu lil dan it-tali kontu tiġu hawn u tgħiduli li qed nagħmel il-politika. Issa hawnhekk jien dejjem għidt li ħadd mill-ħaddiema m'hu se jitlef ħobżu u issa, l-kumpannija li daħlet, il-Maltapost, se tieħu l-ħaddiema kollha.
Tqajmet ukoll il-kwestjoni tat-3% shareholding lill-ħaddiema. Imma għax tipprovaw tidħku bil-ħaddiema? Kemm tajtuhom intkom lil ta' Posta Ltd? Xejn ma tajtuhom. Aħna l-ħaddiema tajnihom 3% tax-shareholding, bħalma tajnihom fil-Maltacom u bħalma tajna fi kwalunkwe azjenda li l-gvern għandu s-saħħa fiha. Barra minn hekk il-ħaddiema se jkollhom direttur jirrappreżentahom fuq il-Maltapost u se jkollu l-istess saħħa tad-diretturi l-oħrajn kollha. Lill-Maltapost irriduha timxi 'l quddiem. Mela xi ħadd se jagħmel xi ħaġa biex tmur lura! U jien naħseb li min daħal shareholder għandu sistema u għandu serjeta' biex imexxi l-Maltapost.
Intqal ukoll li lill-ħaddiema sraqniehom Lm5. Ma sraqniehom xejn! Dawn għaliex ma tajtuhomlhomx qabel? Stajtu tajtuhomlhom qabel. Ara l-Lm220,000 ta' l-awdemju li għamiltu fuq ix-xiri ta' l-art tajtuhomlu lil dak l-individwu! Ix-xiri kien li l-Gvern jintrabat b'awdemju ta' Lm220,000. Permessi mill-Planning Authority biex tinbena l-Posta ma kienx hemm u dawn il-Lm220,000 kienu jaslu sa ċertu data, li ma niftakarhiex off-hand. Jiġifieri jekk Posta Ltd ma jirnexxilhiex iġġib il-permessi tal-bini sa ċerta data, din l-art kellha terġa' tmur lura għand il-proprjetarju u l-gvern ikun tilef il-Lm220,000 deposit. Is-soltu min ibigħ l-art ikun marbut li jġib il-permessi imma f'dan il-każ sar bil-kontra u minħabba f'hekk il-gvern tilef Lm220,000 li marru down the drain. Kellna diġa' wkoll ordnata l-għamara imma ma laħqetx tħallset il-kapparra fuqha. Jiġifieri lanqas biss kien hemm il-permessi tal-bini u diġa' kienu saru l-kuntratti mal-mastrudaxxi għall-għamara. Imbagħad jien li stajt insalva salvajtu. Wara ġew għandi u riedu letter of comfort. Kont jien li tajt parir lill-Gvern biex ma jagħmilx letter of comfort. Jien nemmen li jekk kumpannija tkun privata din trid taqdef għal rasha. Issa lil dawn kienu offrewlhom l-istess post fejn illum hemm il-Posta, dak li qabel konna nsibuh bħala s-Central Supplies. Dwar dan hemm il-minuti tal-Kabinett u hemm korrispondenza oħra. Ic-chairman ta' Posta Ltd kien qal lill-Gvern ta' dak iż-żmien li kellhom biċċa art oħra u ma riedux imorru minflok is-Central Supplies. Issa taf kemm hemm bogħod mis-Central Supplies safejn qiegħda sitwata din l-art? Hemm forsi distanza tat-tul ta' din il-kamra. L-għada, f'daqqa waħda, b'data bil-lura, kien hemm l-offerta biex jixtru art, li fl-aħħar mill-aħħar kienet se tiġi tiswa' Lm3.5 miljun. U l-ministru tal-finanzi ta' dak iż-żmien ma approvax din it-transazzjoni imma huma baqgħu għaddejjin xorta. Dawn huma l-affarijiet li sibt jien u mela tiġi tgħidli bil-collective agreement!
Il-collective agreement kien l-aħħar ħaġa li kienet se ssir. Kienu dejjem itawlulhom imbagħad ġew fuqi u għidtilhom li jekk hemm il-flus allura jagħtuhom lill-ħaddiema. Dan lanqas biss kien iffirmat. Jien kont nippretendi li l-management għandu jiġi jgħidli li jekk nagħtu l-arretrati dawn jitilgħu mat-Lm30,000 b'kollox imma kont nippretendi li jgħidli wkoll li flus m'hemmx. Mhux tgħidli li dawn se jingħataw imbagħad issib li m'għandek provdut xejn għalihom! Din hija l-pożizzjoni. Kien hemm bżonn nitla' ministru jien biex jingħataw! Setgħu tawhomlhom huma, għax wara kollox fis-26 ta' Ottubru dawn għamlu kuntratt ta' Lm28 miljun biex jinbnew tliet vapuri tal-Gozo Channel u għamlu kuntratt biex jagħtu Lm1 miljun lix-shareholders tal-Gozo Channel. Possibbli dawn ma kenux kapaċi jagħtu daqqa ta' pinna fis-26 ta' Ottubru u l-arretrati tal-posta jagħtuhomlhom! Mela għall-privat u għas-sangisugi kien hemm flus pero' għall-ħaddiema ma kienx hemm. U meta ġejna biex nagħmlu l-agreement kemm jien u kemm il-Postmaster General għidna li se naraw kif se nsibu l-flus biex jingħataw l-arretrati. (Interruzzjonijiet) Ma tellifnihom xejn, għaliex iż-Lm2.50 fil-ġimgħa se nagħtuhomlhom fuq it-tliet snin li ġejjin. Se nagħtughom parti, sa dakinhar li ħadmu, ex-gratia, jiġifieri s-somma li kieku ħadu l-arretrati ta' dak iż-żmien. Din li għamel il-Gvern. Issa tiġux tgħidu li ma tafux kollox fuq dan agreement għaliex dan ippubblikajnieh fil-gazzetti. Dawn se jkollhom l-istess drittijiet li kellhom qabel il-ħaddiema u ħadd m'għandu jxerred dmugħ tal-kukkudrilli. Illum il-ħaddiema li se jmorru mal-Maltapost huma assigurati. U jekk jiddejqu dawk il-ħaddiema li kienu jaħdmu mal-gvern għandhom dritt li fi żmien stipulat jerġgħu jmorru lura mal-gvern. Dawk li ġew impjegati direttament ma' Posta Ltd. qatt ma kellhom id-dritt li jmorru mal-gvern - kieku l-Gvern Laburista ddeċieda li dawn il-ħaddiema jmorru mal-gvern u l-ħaddiema aċċettaw, kieku konna nsibu triq kif dawn inġibuhom mal-gvern - pero' rrid ngħid li xorta waħda ħadd minnhom ma kien se jitlef il-job.
Kien hawn min semma t-telf u qal li l-Posta dejjem tilfet. Jien nista' nikkonferma li f'għaxar snin il-Posta tilfet medja ta' Lm150,000 fis-sena, iżda nista' ngħid ukoll li fis-sena 1994 - meta d-dipartimenti tal-gvern bdew iħallsu tas-servizz - il-Posta għamlet qligħ ta' Lm900,000. Il-Posta mhux il-ħaddiema farrkuha, għax il-ħaddiema dejjem għamlu xogħolhom, imma tfarrket għax kien hemm mismanagement totali u ħadd ma kien responsabbli lejn xejn. Ejja nkunu rġiel magħna nfusna. Hawn xi ħadd miġnun ikollu l-business tiegħu u jkollu management fejn ħadd ma jaċċetta r-responsabbilta'? Dawn baqgħu sejrin hekk u spiċċajna li r-responsabbli kien il-qattus li kien hemm fil-Berga ta' l-Italja! Ma kienx hemm f'min twaħħal iktar. Din hi l-pożizzjoni li sibna.
Jien ħadt pjaċir nisma' lill-Onor. Censu Galea jirriferi għall-kwestjoni tal-kirjiet. Hemm kirjiet li ilhom ġejjin matul is-snin u dawn bilfors kellna ngħadduhom lill-kumpannija għaliex inkella l-kumpannija kienet titfarrak mill-ewwel. (Interruzzjonijiet) Anke intom hekk kontu għamiltu meta waqqaftu Posta Ltd. Dak kollu li kien hemm għaddejnih u, ngħiduha kif inhi, m'hemmx eluf ta' kirjiet. (Interruzzjonijiet) Jien m'inix qed niggarantixxi pero' naħseb li l-kumpannija l-ġdida se tasal f'taħdidiet mas-sidien, imma dik biċċa xogħol oħra; għad irridu nitkellmu fuq din il-kwestjoni u naħseb li naslu. Aħna għaddejna lill-kumpannija l-ġdida l-istess kondizzjonijiet li kellha l-Posta meta l-Gvern preċedenti kien għaddiha lil Posta Ltd u minħabba f'hekk qalu li din hija l-istess liġi li kien għamel il-Gvern Nazzjonalista. Jekk inti se tagħmel kumpannija privata mhux bilfors trid tgħaddi l-istess liġi li kien hemm qabel! Ġejna hawnhekk għaliex biex ngħaddu ċerta proprjeta' lil kumpannija privata bilfors irridu niġu hawn u niddiskutu.
Sur President, meta ġejna biex nallokaw ix-shares tal-Maltapost sibna li hemm liġi li tgħid li l-Bank Ċentrali jimpedixxi bank kummerċjali milli jkollu majority shareholding f'ċerti azjendi, u eventwalment tfaċċaw il-Maltacom li offrew li jixtru parti mix-shares. Mela l-Mid-Med Bank se jżomm 45%, 15% se nbiegħuhom lill-Maltacom u l-gvern se jżomm l-40% l-oħra, u b'hekk illum għandna kollox maqsum bejn il-ħaddiema, il-gvern, il-Maltacom u l-Mid-Med Bank.
Sur President, sieħbi qal ukoll li dehru ċerti affarijiet fil-gazzetti u jien ngħidlu li fil-gazzetti kulħadd iġib li jrid. Lili kienu jistaqsuni ċerti affarijiet u jien kont ngħidilhom li ma kienx prudenti nirrispondihom minħabba li jistgħu jiġu sfrattati t-taħdidiet. Ġieli wasalna f'estremita' li ma nkunux nistgħu niftehemu minħabba li wieħed mill-punti kardinali li jien dejjem żammejt quddiem għajnejja huwa li l-ħaddiema għandhom ikunu kuntenti li se jmorru jaħdmu mal-kumpannija l-ġdida. Wara kollox jekk ma jkollokx ħaddiema kuntenti ma jistax ikollok servizz tajjeb. U aħna niftakru li s-servizz tal-posta kien l-għira ta' ħafna dipartimenti oħra. Il-Posta tfarrket f'dawk is-sena u nofs li saret Posta Ltd għax ma kienx hemm is-serjeta'. Tant ma kienx hemm serjeta' li ma domtx wisq biex stajt inxomm li kien hemm it-teatrini.
Meta offrejtilhom is-Central Supplies, xewxulna lill-ħaddiema biex ma jinżlux. Riedu jwaqqgħu kollox u jibnu fuq l-istess pjanti li kellhom lesti għall-iżvilupp ta' dik il-biċċa art f'Hal Qormi. Taf għaliex riedu jagħmlu hekk? Għax bdew jistħu jgħiduli li kellhom iħallsu Lm57,000 tal-pjanti! Allura l-management, biex ikun covered, ried li nwaqqgħu u nużaw l-istess pjanti li kien hemm. U jien għidtilhom: Inwaqqgħu meta għandna bini għadu tajjeb!? L-aħħar intopp li għamluli kien għax, billi hemmhekk kienet fabbrika tal-birra u kien hemm is-sufri, qalulna li jekk taqa' sufra fuq il-ħaddiema toqtolhom! U jien għidtilhom biex ineħħu s-sufri. Hemmhekk jien kont ninżel mal-ħaddiema biex naraw l-ambjent flimkien. Jien kont ngħidilhom li ladarba se jaħdmu hemm għandhom jaraw l-affarijiet biex dawn isiru għall-aħjar kumdita' tagħhom. U kulmin jiġi hemm illum jista' jara li l-post dejjem qegħdin nipprovaw nirranġawh għall-aħjar. Għall-ewwel darba kemm ilha wieqfa l-Posta, illum hemm kollox miġbur taħt saqaf wieħed.
Per eżempju, minn ġol-Belt neħħejna xi ħames fergħat li kellna jiġru 'l hawn u 'l hemm. Illum tista' tinqeda minn banda waħda. Anke l-parcel post office irranġajna. Irranġajna wkoll il-bank fejn jinbiegħu l-bolli. Veru li l-Posta mhijiex perfetta imma wara kollox xejn m'hawn perfett fid-dinja. Kieku hawn kollox perfett konna noqogħdu bil-qiegħda nħarsu lejn xulxin! Din hija l-pożizzjoni, imma l-aktar importanti hu li l-ħaddiem se jkun tajjeb u se jimxi 'l quddiem. Dak li jinteresani lili u jien nitkellem ħafna mal-ħaddiema.
Anke ġewwa Għawdex kien hemm min ġie staqsieni dwar x'se jiġri u jien kont ngħidlilhom biex iserrħu moħħhom għax dment li jien ministru I won't let them down. Kif għidt fil-bidu jiena nħoss li l-ħaddiem għandu dritt għall-aqwa kondizzjonijiet. U fis-sitwazzjoni preżenti jien inħoss li l-unions, il-Gvern u l-kumpannija l-ġdida taw l-aħjar li setgħu lill-ħaddiem. Hawn nixtieq nirrangrazzja pubblikament lill-ħaddiema tas-sehem li taw biex f'dan iż-żmien inċert il-kumpannija baqgħet miexja. Nirringrazzja wkoll lill-sieħbi l-Postmaster General li ħadem ħafna, lis-Sur Farrugia li ħa over u għaddej tajjeb, lil dawk il-ħaddiema kollha li taw sehemhom u liż-żewġ unions li flimkien magħhom dejjem ħdimna għal interess wieħed, li l-ħaddiem ikun b'saħħtu. Lil dawn kollha jien nixtieq nirringrazzjahom.
Kulħadd jaf li l-Gvern preċedenti kien se jonfoq Lm3.2 miljun biex jagħmel Posta ġdida. Dak iż-żmien il-Gvern Nazzjonalista kien alloka Lm0.5 miljun u minn dawn il-Gvern preżenti nefaq biss Lm0.3 miljun. Dan għaliex sar xogħol bil-għaqal u sar xogħol min-naħa tan-nies tal-public works, li għamlu xogħol tajjeb - fil-fatt 90% tax-xogħol sar mill-ħaddiema tal-gvern - u sar xogħol mill-ħaddiema tal-Posta stess, membri taż-żewġ unions, li senza interessi marru, ħadmu u għenu biex il-main quarters tal-Posta jkun post adegwat u li jixraq lill-ħaddiema, li dejjem taw sehemhom u ħadmu biex il-Posta tkun waħda mid-dipartimenti qawwijin. Kien hemm xi nuqqasijiet u inċertezzi imma ibqgħu żguri li x-xogħol li għamilna minn Lulju tas-sena l-oħra se jagħti l-frott tiegħu.
Nawgura lill-kumpannija l-ġdida - bħalma awgurawlha sħabi l-Onor. Censu Galea u l-Onor. Claude Muscat - li timxi 'l quddiem. Lill-ħaddiema nixtieqilhom kull ġid. Jien ngħidilhom biex jibqgħu żguri li sakemm nibqa' ministru jien - u naħseb li dan jgħodd anke għal sieħbi x-shadow minister - jibqgħu jsibuni warajhom għall-ġid tagħhom, tal-familji tagħhom u anke tan-nazzjon Malti. Grazzi.
THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-mistoqsija hija li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Posta, Kap. 254" ikun moqria t-Tieni Darba. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.u l-Abbozz ta' Liġi ġie moqri t-Tieni Darba. THE DEPUTY SPEAKER: Il-Ministru Debono Grech.
ONOR. JOE DEBONO GRECH: Sur President, nipproponi li dan l-Abbozz ta’ Liġi jiġi ttrattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi maħtur skond il-Mozzjoni Nru 22 tad-9 ta' Diċembru 1996.
THE DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. JEFFREY PULLICINO ORLANDO: Nissekonda.
THE DEPUTY SPEAKER: Il-mistoqsija hija li l-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att biex jemenda l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Posta" jiġi trattat mill-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.