Malta debates tal-kamra tad-deputati (Rapport Ufficjali u Rivedut)



Yüklə 407,14 Kb.
səhifə3/5
tarix11.09.2018
ölçüsü407,14 Kb.
#80963
1   2   3   4   5

THE CHAIRMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. NINU ZAMMIT: Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabelli li juru l-effetti tat-tariffi l-ġodda ta' l-elettriku u l-ilma fuq diversi setturi.
Issa hawnhekk kont qed nitkellem fuq il-konsum domestiku biss. Ħalli nieħdu l-każ ta' raħħal li għandu 700 jew 750 majjal fir-razzett tiegħu, jiġiifieri mhux xi raħħal li għandu razzett kbir ħafna, imma ta' daqs mezzan. Filwaqt li qabel dan ir-raħħal kien iħallas madwar Lm30 kull erba' xhur għall-ilma li juża biex jisqi u jaħsel il-bhejjem li għandu fir-razzett, illum dan il-miskin - għax hekk huwa xieraq li jissejjaħ - se jibda jħallas Lm791 kull erba' xhur. Dan huwa ġenn! Daqshekk iħobbu liż-żgħir, lill-ħaddiem u lill-batut dan il-Gvern! Jekk imbagħad dan ir-raħħal jikkonsma madwar 8,000 unit ta' l-elettriku kull sena fir-razzett tiegħu, il-kont tad-dawl se jiżdiedlu b'Lm56 fis-sena, jiġifieri b'madwar 18%.
Imbagħad xi ngħidu għall-gass? Aħna nafu li ħafna mir-raħħala jużaw il-gass biex fix-xitwa jżommu l-irziezet tagħhom sħan. Allura r-raħħal li jkun irid jixtri l-gass għal 14-il ġimgħa sħaħ, jiġifieri għall-iktar tliet xhur kesħin, se jkollu spiża ta' madwar Lm42 fis-sena f'gass. Jekk wieħed jagħmel rendikont ta' kif ir-raħħal iż-żgħir se jiġi affettwat biż-żieda fit-tariffi għall-konsum tad-dawl, ta' l-ilma u tal-gass fid-dar u fir-razzett tiegħu jsib li dan, minħabba t-tariffi mħabbra minn dan il-Gvern fl-aħħar budget, kull sena se jibda joħroġ spiża extra ta' Lm2,550. Tafu xi tfisser li r-raħħal se jibda joħroġ spiża extra ta' Lm2,550 fis-sena? Li kull filgħodu, mar-radd tas-salib, ir-raħħal se jkollu joħroġ Lm7 minn butu!. Daqshekk se jkollu joħroġ extra kull filgħodu r-raħħal minħabba t-tariffi inġusti u sproporzjonati li għoġbu jdaħħal dan il-Gvern! Issa għaliex f'pajjiżna ddaħħlu dawn it-tariffi kiefra, inġusti u sproporzjonati li l-iktar li se jagħmlu ħsara huwa liż-żgħir u lill-batut?
Bħalma diġa' spjegajt, fattur minnhom huwa t-tneħħija tal-VAT. Bl-eżempji li tajt jien ipprovajt li l-prodotti għall-bdiewa, għas-sajjieda u għar-raħħala għolew minħabba l-fatt li tneħħiet il-VAT u ddaħħlet liġi mbażwra, liema liġi hija marbuta mal-ħajja personali tal-Prim Ministru għax tant kien ried idaħħalha li wasal biex qal li jekk ma jneħħix il-VAT jirriżenja. Minħabba r-ras iebsa li għandu l-Prim Ministru llum qed ibati l-poplu kollu, partikolarment il-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala.
Sur President, fattur ieħor li kien il-kaġun tad-dħul ta' dawn it-tip ta' tariffi kien l-iffriżar ta' l-applikazzjoni għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Min gawda minn dan il-pass? Min jaf kemm irsistew l-Onor. Ċensu Galea u l-Perit Lawrence Gatt biex pajjiżna jkun iktar effiċjenti fil-qasam agrikolu! Fil-fatt meta dan il-pajjiż irnexxielu jkabbar l-effiċjenza f'dan il-qasam, żdiedet il-produzzjoni bil-konsegwenza li bilfors kellna bżonn suq ikbar. Allura kif meta kellna l-bieb tas-suq Ewropew imbexxaq, suq li huwa elf darba ikbar minna, ġie l-Prim Ministru u sabbtu ġo wiċċ l-industrija Maltija, b'mod partikolari ġo wiċċ l-oqsma tal-biedja u s-sajd! Dawn huma l-fatturi li kkawżaw kriżi finanzjarja lil pajjiżna u li ġiegħlu lil dan il-Gvern jirrikorri għal dawn it-tariffi għoljin.
Sur President, il-Gvern Laburista pprova jiġġustifika din il-kriżi li hawn f'pajjiżna billi beda jirrakkonta l-ħrafa tal-ħofor, liema ħrafa kkawżat iktar inċertezza u sfiduċja fil-pajjiż. Ir-realta' hi li minħabba l-kriżi li l-Gvern Laburista ġab fil-pajjiż inħoloq falliment kolossali u għalhekk issa biex jagħmel tajjeb għal dan kollu l-Prim Ministru kellu jintroduċi dawn it-tariffi ġodda, liema tariffi se jkissru l-qasam industrijali, il-qasam domestiku u fuq kollox liż-żgħir u lill-batut.
Sur President, nixtieq nagħlaq billi ngħid li waqt li kont qed inniżżel il-ħames pedamenti li rriferejt għalihom iktar kmieni jien u nipprepara dan id-diskors, kif wasalt fil-ħames pedament bi żball ktibt ''il-ħames kmandament''. Kif indunajt b'dan l-iżball ftakart li l-ħames kmandament jgħid la toqtolx. Minn banda dan il-kmandament jgħodd għall-Gvern Soċjalista - u mhux veru lli dan hu Gvern Laburista ġdid imma għadu l-istess Gvern Soċjalista - għax jiddispjaċini ngħid li bil-miżuri li ħa u bil-politika diżastruża li mexa biha matul din l-ewwel sena fil-gvern mhux biss wera li għadu jobgħod lill-fqir, liż-żgħir u lill-ħaddiem imma wkoll li se joqtol lill-oqsma kollha ta' l-industrija ta' pajjiżna. Grazzi, Sur President.
THE CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Iktar rimarki, jekk jogħġobkom? L-Onor. Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, nixtieq nitkellem fid-dettall fuq diversi punti li joħorġu mill-Estimi, naturalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-qasam tal-biedja u s-sajd, pero' l-ewwel xtaqt nikkwota x'kien qal l-ex-Ministru Lino Spiteri, meta f'Jannar li għadda kien qed jippreżenta l-budget għall-1997, u x'qal l-Ministru Leo Brincat, meta ftit ġranet ilu ressaq il-budget għall-1998. Fid-diskors tal-budget għall-1997, l-Onor. Spiteri ta spjega kif kien mar dan is-settur matul l-1996 u qal preċiżament dawn il-kliem:
''Is-settur tal-biedja u s-sajd jikkontribwixxi madwar 2.9% tal-prodott gross domestiku. Il-bejgħ ta' ħxejjex u frott fis-suq hu stmat li kiber bi 17.7% filwaqt li kien hemm żieda fin-numru ta' bhejjem li ġew maqtula l-biċċerija".''
L-Onor. Spiteri qal ukoll li:
''L-esportazzjoni tal-ħut, li l-aktar li tmur hi lejn l-Italja u l-Ġappun, żdiedet xi ftit, filwaqt li l-pajjiż xtara 27.7% aktar ħut minn barra.''.
Issa fid-diskors tal-budget għas-sena 1988 il-Ministru Brincat qalilna li:
''Matul l-aħħar sena ħadna diversi miżuri sabiex insostnu s-settur ta' l-agrikoltura u sajd, li jikkontribwixxi madwar 3.0% tal-prodott gross domestiku. Il-ħidma sabiex insibu swieq ġodda għall-prodotti tagħna ħalliet il-frott. Matul is-sena li għaddiet l-esportazzjoni tal-ħut żdiedet għal Lm1.58 miljun, waqt li l-valur tal-patata esportata tela' minn Lm0.65 miljun għall Lm1.44 miljun.''.
L-ewwelnett ta' min jgħid li fl-1996 id-dħul mill-esportazzjoni tal-ħut kien ta' Lm1.5 miljun, jiġifieri prattikament nistgħu ngħidu li matul l-1997 ftit li xejn kien hemm żieda, minbarra li wieħed irid jara wkoll kemm huwa verament l-ammont ta' ħut li qed jiġi esportat.
Sur President, issa ħalli naraw x'kien qal il-Ministru Noel Farrugia fl-14 ta' Frar ta' din is-sena meta din il-Kamra kienet qed tiddiskuti l-budget ta' l-1997. Fil-fatt l-Onor. Membru qal hekk:
"Mr Chairman, kif wieħed seta' jinnota, il-kelliema ta' l-Oppożizzjoni donnhom m'humiex jirrealizzaw kemm matul dawn l-aħħar tliet xhur ikkummentajna u tkellimna dwar id-diffikultajiet kbar li din l-amministrazzjoni wirtet mill-Gvern preċedenti. Jien kont nistenna mill-kollegi sħabi li għadhom kemm tkellmu li, ġaladarba l-poplu issa ta mandat lill-Partit Laburista sabiex imexxi pajjiżna, għandhom iħallu spazju għal din in-naħa sabiex twettaq dawk il-ħidmiet li tant huma importanti sabiex is-settur tal-biedja u s-sajd jimxi 'l quddiem fiċ-ċirkostanzi tal-lum.".
Issa għaddiet sena oħra u forsi jkun aħjar li minflok ma nitkellmu aħna - qed nirriferi għall-Onor. Noel Farrugia, għall-Onor. Ninu Zammit u għalija nnifsi, għaliex le! - naraw x'għandhom x'jgħidu l-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala Maltin. Fil-fatt meta wieħed jitkellem ma' dawn in-nies, kollha kemm huma, irrispettivament mill-opinjoni politika tagħhom, jgħidulek li matul is-sena li għaddiet kellhom jiffaċċjaw diffikultajiet kbar minħabba ż-żieda li kien hemm fil-prezzijiet tal-prodotti li huma jużaw fix-xogħol tagħhom.
Sur President, sa mill-bidu tas-sena kien jidher li l-bidwi kien se jkollu inqas dħul mill-pitkalija. Imma dan xorta ma żammx lill-Ministru milli joħroġ jgħidilna, fil-ħerqa tiegħu biex jirranġa dawk l-affarijiet li skond hu kienu ħżiena, li l-bidwi mhux biss kien se jkollu l-opportunita' li jaqla' kemm għandu bżonn imma jaqla' ferm iktar. Għaddew ix-xhur u mhux talli ma sar xejn biex il-bdiewa jkabbru l-qligħ, talli dawn bl-intelliġenza tagħhom setgħu jagħrfu li s-sena 1997 kienet se tkun waħda mill-agħar għalihom. Kellu raġun il-Ministru Brincat fid-diskors tal-budget ma jsemmi ebda żieda fid-dħul tal-bdiewa, tar-raħħala u tas-sajjieda għal matul is-sena 1997. Kellu raġun ma jsemmi ebda żieda fuq is-sena ta' qabel, kif kien għamel l-ex-Ministru Spiteri fid-diskors tal-budget għall-1997. Il-verita' hi li għall-ewwel darba, wara numru kbir ta' snin, il-bidwi mhux talli ma kellux żieda fid-dħul tiegħu imma talli kellu tnaqqis u, kuntrarjament għal dak li kien qalilna l-Ministru Farrugia fil-bidu tas-sena, l-ispejjeż tal-bidwi Malti f'dawn l-aħħar xhur żdiedu bil-kbir. Min jista' jgħid li llum il-bidwi qed iħallas inqas għaż-żerriegħa? Min jista' jgħid li llum il-bidwi qed iħallas inqas għall-fertilizzant? Min jista' jgħid li llum il-bidwi qed iħallas inqas għall-pestiċidi, għall-funguċidi u għal diversi affarijiet oħra li jkollu bżonn jixtri biex ikabbar l-prodotti tiegħu? Jekk kemm-il darba wieħed jasal biex jgħid li dawn il-prodotti raħsu, jien persważ li l-bdiewa jgħidulu li qed jgħid il-ħmerijiet.
Sur President, issa nixtieq nagħmel parentesi żgħira. F'ġurnal lokali l-ministeru tal-biedja u s-sajd ġie rrapportat li qal li matul is-sena li qegħdin fiha ntnefqu Lm12 miljun f'pestiċidi. Jien nispera li min joħroġ b'ċifri bħal dawn ...
ONOR. NOEL FARRUGIA: Point of order!
THE DEPUTY CHAIRMAN (Onor. Anġlu Farrugia) : Il-Ministru.

ONOR. NOEL FARRUGIA: Sur President, is-somma ta' Lm12 miljun ntnefqet matul dawn l-aħħar snin u mhux matul is-sena li qegħdin fiha.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Tista' tkompli bid-diskors tiegħek, Onor. Galea.
ONOR. ĊENSU GALEA: Sur President, jien nistaqsi: Kien hawn xi prodott agrikolu li juża l-bidwi fix-xogħol tiegħu li raħas? Ir-risposta żgur li hi fin-negattiv u dan jgħiduhulek il-bdiewa kollha, bħalma jgħidulek - dwar dan nitkellmu iktar 'il quddiem - li ma kienx hemm kontroll fuq l-importazzjoni tal-prodotti agrikoli, minkejja li qabel lill-bdiewa kienu jgħidulhom li jekk kemm-il darba pajjiżna jidħol fl-Unjoni Ewropea, il-prodotti lokali se jkunu f'kompetizzjoni kontinwa ma' prodotti ta' barra. Lill-bidwi kienu jgħidulu qabel l-elezzjoni li bil-Partit Laburista fil-gvern, il-prodotti li juża' hu kellhom jorħsu. Dan it-tip ta' diskors il-Ministru wasal anke biex qalu fi Frar li għadda meta konna qed niddiskutu l-budget. Ma neħodhiex bi kbira li kien hawn min kien għadu jittama li sa Mejju 1997, meta kellha titneħħa l-VAT, hekk kien se jiġri - għax dak iż-żmien kien jingħad li l-VAT se titneħħa f'Mejju u mhux f'Lulju 1997 - imma llum il-bidwi f'liema sitwazzjoni jinsab?
L-ewwelnett irrid nagħmilha ċara li kulmin jgħid li qabel kien ikun hawn bdiewa li jdaħħlu l-flus tal-VAT għalihom infushom, ikun qed jgħid ħrafa mill-kbar nett. Assolutament m'huwiex minnu li 3,000 bidwi kienu qed idaħħlu l-VAT għalihom infushom. Għall-kuntrarju, qabel il-bidwi kellu d-dritt li jieħu lura t-taxxa tal-VAT kollha li jkun ħallas u kulma ried jagħmel kien li sempliċement jimla formola u jeħodha għand id-dipartiment tal-VAT. Imma sfortunatament ma nistgħux ngħidu l-istess ħaġa llum għax preżentement il-bdiewa qed jiltaqgħu ma' komplikazzjonijiet kbar biex jieħdu flushom lura . Fil-fatt mhux wieħed u tnejn ġew ikellmuni u jgħiduli li meta jmorru bil-karti meħtieġa biex jieħdu flushom lura jitolbuhom karti oħrajn u jispiċċaw imorru għal darbtejn, tlieta, erbgħa u jibqgħu ma jinqdewx. Jiġifieri issa l-bidwi mhux talli jrid joqgħod jaħli l-ħin biex jimla l-formola ħalli jingħata flusu lura imma talli ħafna drabi hu u l-mara tiegħu qed jaħlu nofs ta' nhari sħaħ jiġru minn uffiċċju għal ieħor mingħajr ma jingħataw ebda sodisfazzjon. Dawn huma problemi li llum il-bidwi Malti qed jiltaqa' magħhom kontinwament.
Ta' min isemmi wkoll li m'huwiex minnu li l-bidwi qed jieħu refund tat-taxxi kollha li jkun ħallas fuq il-prodotti agrikoli kollha li jkun xtara. Dawn huma fatti li jmisshom b'idejh kull bidwi, kull raħħal u kull sajjied Malti. Il-verita' hi li qabel din is-sistema kienet waħda mill-iktar sempliċi imma minflok ma ħallejnieha kif kienet, ikkomplikajnieha u ħawwadnieha bil-konsegwenza li, kif għidt diġa', illum il-bidwi qed ikollu jaħli ħafna iktar ħin u jiffaċċja ħafna iktar problemi biex jiġbor dak li hu tiegħu bi dritt. Sur President, issa xtaqt nagħmel aċċenn għal xi aspetti oħra, ngħidu aħna l-famużi swieq li għandu l-bidwi llum.
Meta fi Frar li għadda konna qed niddiskutu l-budget li ġie allokat għal dan il-ministeru, il-Ministru qalilna li kien hemm il-possibbilta' li sa April 1997 jiġu esportati 70 tunnellata ta' prodotti agrikoli. Jien nifhem u nista' nimmaġina d-diffikultajiet u l-problemi kbar li wieħed jiltaqa' magħhom biex isib swieq ġodda u naf li meta tipprova tagħti l-impressjoni li huwa faċli li jiġu esportati 70 tunnellata ta' prodotti agrikoli, anke sa l-aħħar tas-sena, ikollok tiffaċċja l-konsegwenzi. Fil-fatt matul is-sena li għaddiet ġew esportati 20 tunnellata ta' prodotti agrikoli, li 13-il tunnellata minnhom kienu qargħa aħmar, imma mbagħad prattikament dawn il-prodotti spiċċaw mis-suq lokali għax biex jiġu esportati kien ilhom li nqatgħu madwar għaxar xhur. Ta' min jgħid ukoll li sa ftit ġranet ilu l-bdiewa kien għadhom ma tħallsux tal-prodotti li ġew esportati. (Interruzzjonijiet)
Il-Ministru qed jgħidli li dan huwa kollu gideb imma l-bdiewa jafu li din hija r-realta'. Lill-Ministru ngħidlu biex naqtgħu l-fanfarunati u mmiddu għonqna għax-xogħol. Il-mission statement li għandu dan il-ministeru huwa li jmexxi 'l quddiem il-biedja u s-sajd, u għalhekk l-affarijiet l-oħra kollha li qed jidher fihom u li qed jipparteċipa fihom l-Onor. Noel Farrugia, huma affarijiet sekondarji għall-qasam ta' l-agrikoltura u s-sajd. Għalhekk nappella lill-Ministru sabiex jikkonċentra iktar fuq ir-responsabbiltajiet, fuq id-doveri u fuq l-għanijiet tal-ministeru tiegħu u mhux fuq affarijiet li huma responsabbli minnhom ministeri oħra. Issa ħalli naraw kif qed jiġi ttrattat dan il-ministeru.
Sur President, il-kollega tiegħi l-Onor. Ninu Zammit qal li mhux se jidħol fid-dettall fil-budget li hemm ivvotat għas-sena d-dieħla, iżda jien min-naħa tiegħi xtaqt nikkonċentra proprju fuq il-budget, għax dan juri biċ-ċar kemm il-Gvern preżenti mhux qed jagħti importanza biżżejjed lil dan is-settur tal-biedja u s-sajd. Nieħdu l-vot kapitali, fejn il-Gvern qed jistma' li se jonfoq Lm890,000. Dan ifisser Lm0.5 miljun anqas mis-somma budgeted għas-sena kurrenti, li kienet tlaħħaq Lm1.5 miljun - minn din is-somma qed naqta Lm150,000 li ntużaw biex infetaħ il-ġnien Ċiniż f'Sta Luċija. Fil-verita', jekk tifli kull vot li hemm budgeted għal dan il-ministeru għas-sena d-dieħla, tibda tgħid: Kif jista' jkun li l-Gvern, li jgħid li jagħti importanza kbira lil dan is-settur, qed inaqqas il-voti ta' dan il-ministeru?
Per eżempju, fuq faċilitajiet ta' marketing, li bażikament huma l-pitkalija u l-pixkerija, l-ammont ivvotat huwa ta' Lm8,000 inqas fuq dak ta' din is-sena. Fejn jidħlu servizzi veterinarji, minn somma ta' Lm422,000 huwa stmat li għas-sena li ġejja se jintnefqu Lm140,000, jiġifieri terz ta' dak li kien stmat li kellu jintnefaq għal din is-sena. Jien naħseb li ma nistgħux ngħidu li qegħdin nittrattaw il-problemi tal-pixkerija u tas-servizzi veterinarji b'mod "tajjeb u konkret", jekk kemm-il darba qed ngħidu li għal kull Lm3 li l-Parlament approva f'nefqa għall-1997 issa se ninżlu għal Lm1. Nista' nibqa' sejjer insemmi dawn il-qabziet sostanzjali l-isfel f'settur wara ieħor.
Per eżempju, għall-investiment li għandu jsir fl-Għammieri ġew ivvotati Lm50,000; għall-investiment li għandu jsir fis-section tal-pomology ġew ivvotati Lm80,000, u għall-fisheries and aquaculture ġew ivvotati Lm30,000. Issa jista' xi ħadd jgħidli x'investiment tista' tagħmel b'dawn il-ftit eluf? L-Onor. Ninu Zammit għamel riferenza għall-bżonn li f'Marsaxlokk ikun hemm slipway. Jien nista' ngħid li sentejn ilu saret applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tinbena slipway ġdida f'Marsaxlokk - dak iż-żmien kienet stmata li tiġi tqum Lm90,000 - u sena wara ħareġ il-permess meħtieġ mill-Planning Authority. Imma issa x'insibu? Li għas-sena d-dieħla m'hemm ivvotat l-ebda sold għal dan il-proġett.
L-Onor. Ninu Zammit għamel riferenza wkoll għat-toroq rurali. Fil-fatt matul din is-sena ma nafx kemm-il bidwi ġie jgħidli li filwaqt li aħna dejjem nikkritikaw lill-Gvern Laburista minħabba li mhux qed jagħmel dawn it-toroq, fil-laqgħat li jkollhom ma' l-uffiċjali tal-ministeru, l-Onor. Noel Farrugia jgħidilhom li l-ministru ta' qablu ma ħallielux flus x'jonfoq. Il-verita' hi li l-ministeru tal-biedja u s-sajd spiċċa s-sena 1996 b'bilanċ ta' Lm200,000. Naturalment kien għad baqa' x'jitħallas, pero' ġaladarba kien hemm il-flus ivvotati biex jitħallsu kontijiet pendenti, u ġaladarba kien hemm ftehim mal-ministeru tal-finanzi li jkun hemm il-virements meħtieġa, f'każ li jkun hemm bżonn, ħalli aktar flus ikunu jistgħu jgħaddu fuq il-vot tat-toroq rurali, żgur li ebda ministru ma jista' jgħid li l-ministru ta' qablu ma nefaqx il-flus ta' dan il-ministeru b'mod tajjeb. Wieħed irid jagħti spjegazzjoni għaliex dawn il-Lm200,000 baqgħu ma ntnefqux. Min jaf! Forsi biex il-fallimenti tal-lum inwaħħluhom fuq dawk li kien hemm qabel! Li nista' ngħid huwa li ż-żmien ma jgħaddix biss għall-Oppożizzjoni imma jgħaddi anke għall-Gvern.
Ta' min jgħid ukoll li filwaqt li għal din is-sena kienet ġiet ivvotata s-somma ta' Lm440,000 għall-guidance and guarantee scheme taċ-ċanga, għas-sena d-dieħla s-somma vvotata mhijiex se teċċedi l-Lm120,000. (Interruzzjonijiet) Il-Ministru qiegħed il-ħin kollu jikkummenta li qed nigdeb. Lill-Ministru ngħidlu li se jkollu biżżejjed ċans jirrispondi u jipprova li jien qed nigdeb. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY CHAIRMAN: Onor. Galea, l-Ministru ma kienx qed jirriferi għalik.
ONOR. ĊENSU GALEA: Jien naħseb li widnejja għadhom iwasslu s'hawn, Sur President, imma ma jimportax! Ħalli nkompli nitkellem fuq il-guidance and guarantee scheme taċ-ċanga. Kont qed ngħid li għal din is-sena l-vot għal din l-iskema kien ta' Lm440,000 u għalkemm ma nafx realment kemm intnefqu minnhom, li naf huwa li għas-sena d-dieħla l-vot se jkun ta' Lm120,000. Jiġifieri anke hawn qed naraw li l-vot naqas b'mod drastiku ħafna.
Ta' min jgħid ukoll li għandna vot ta' Lm300,000 għal dak li huwa żvilupp ta' art u water resources. Il-proġett ta' Wied il-Qlejgħa fih innifsu m'huwiex ħażin, apparti l-kontradizzjonijiet u l-problemi li nħolqu minħabba kwestjonijiet ta' permessi. Pero' l-Ministru u finalment il-Gvern Laburista x'jippreferu? Li lira minn kull tliet liri tal-vot kapitali tintuża biex jitranġa Wied il-Qlejgħa, jew li inkella tintuża biex jiġu mgħejuna l-bdiewa Maltin? Illum il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin qed jitolbu lill-Gvern biex jgħinhom għax dan il-qasam huwa bżonjuż u importanti ferm għall-ekonomija ta' pajjiżna. Bis-sistema ta' tassazzjoni l-ġdida llum il-bidwi jinsab f'sitwazzjoni agħar minn dik li kien jinsab fiha sitt xhur ilu għax illum qed ikollu jħallas diversi taxxi li qabel ma kienx iħallashom.
Sur President, ma nistax ma nsemmix wkoll li matul is-snin li għaddew l-investiment fil-biċċerija kien jiżdied sena wara aħna b'ammonti kbar, pero' għas-sena li ġejja kulma hemm ivvotat f'dan ir-rigward huwa Lm120,000. Issa jien nista' niggarantilu lill-Ministru li dan l-ammont lanqas biss se jservi biex jagħmel il-maintenance li dan il-post għandu bżonn ta' kuljum, aħseb u ara kemm se jservi biex il-laboratorju jiġi mgħammar b'dak li hemm bżonn u biex isiru testijiet ġodda!
Nixtieq issa ngħaddi kumment rigward il-Malta Dairy Products Ltd. Sentejn ilu kienet ittieħdet deċiżjoni li din il-kumpannija titlaq mill-post fejn qiegħda, jiġifieri mill-Ħamrun, għal post bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa. Minkejja li l-Ministru jista' jgħid li din id-deċiżjoni ma kenitx waħda formali, hu jaf daqsi li kienet ittieħdet deċiżjoni f'dan ir-rigward. Pero' jiddispjaċini ngħid li sal-lum mhux talli ma sar xejn, talli s-sitwazzjoni ta' l-MDP fil-Ħamrun kompliet tmur għall-agħar minkejja l-flus li ntnefqu riċentement.
Issa nixtieq nitkellem fuq settur li l-Ministru Farrugia jħobb isemmi ħafna, jiġifieri t-trobbija tan-naħal. Sur President, minn domanda parlamentari li jien għamilt, fejn staqsejt meta sar l-aħħar survey dwar dan is-settur mid-dipartiment ta' l-agrikoltura, il-Ministru weġibni li l-aħħar survey sar f'Awissu ta' 1996, proprjament taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Imbagħad tisma' lill-Onor. Farrugia jgħidlek kemm hemm bżonn li nsolvu d-diffikultajiet li għandu dan is-settur!
Mr Chairman, bażikament paġni 329, 330 u 331 ta' l-Estimi 1998 jittrattaw dawk li suppost huma inizjattivi ġodda f'dan is-settur pero' l-verita' hi li dawn huma kontinwazzjoni ta' dak li kien diġa' nbeda . Jien kont nistenna li meta l-Estimi jsemmi li għaddejjin surveys dwar is-serer, dwar il-bee-keepers u dwar diversi setturi oħra, jagħtina indikazzjoni li dawn huma kontinwazzjoni ta' l-affarijiet li kienu nbdew qabel, ħalli b'hekk inkunu nistgħu nkomplu mmexxu dawn l-affarijiet flimkien. Madankollu dan il-punt lill-Gvern tal-lum ma jinteressahx għax, bħal gvernijiet Soċjalisti oħra, jitkellem b'tali mod li jagħti l-impressjoni li Malta twieldet fit-28 ta' Ottubru, 1996. Imma l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin ma jimpressjonawx ruħhom b'dan it-tip ta' diskors għax li jinteressahom hu l-għajxien tagħhom ta' kuljum.
Sur President, hawn nixtieq nagħmel parentesi żgħira u ngħid li għadna ma nafux għal kemm se jammontaw il-ħlasijiet għas-servizz tad-drenaġġ. Illum smajna li xi wħud se jiġu eżentati minn dan il-ħlas. Wieħed irid josserva li prattikament il-bdiewa kollha joqogħdu f'inħawi fejn m'hemmx sistemi tad-drenaġġ u għalhekk jien nistenna li l-Ministru tal-Biedja u Sajd jinsisti mal-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni li min ma jużax dan is-servizz m'għandux għalfejn iħallas għalih, minkejja li m'għandux il-karta r-roża, is-safra jew il-ħadra. Jien nispera li tibqa' ssir insistenza mal-Ministru Buħagiar biex dawn in-nies ma jħallsux għal servizz li ma jużawx għax inkella, kif qal l-Onor. Zammit, dawn se jkomplu jissallbu.
Jien ċert li llum il-bidwi Malti qed jinduna li kien qiegħed f'pożizzjoni ferm aħjar sa Ottubru ta' l-1996 u li seta' kompla miexi 'l quddiem kieku l-pajjiż ma ħax id-direzzjoni li ħa. Ċertament pajjiżna żgur li ma jistax jibqa' miexi fuq il-policies li qabad wara Ottubru ta' l-1996, liema policies minflok iħarsu l-oqsma tal-biedja u s-sajd qed iħarsu lejn tlellix li ma jagħmillux il-veru ġid lil dan is-settur. Grazzi, Sur President.
THE DEPUTY CHAIRMAN: Nirringrazzjak. Il-Ministru Farrugia.
ONOR. NOEL FARRUGIA: Sur President, jien naħseb li jkun tajjeb jekk l-ewwelnett wieħed jagħmel naqra ta' riflessjoni dwar x'kienet tgħid din in-naħa ftit tax-xhur ilu meta konna nokkupaw il-bankijiet ta' l-oppożizzjoni. Aħna kemm-il darba ddikjarajna li ġaladarba nkunu fil-gvern se nagħmlu dak kollu possibbli sabiex f'pajjiżna noħolqu mekkaniżmu li permezz tiegħu jkun jista' jiġi sostnut kemm qligħ ġust, kif ukoll spazju lill-bdiewa, lis-sajjieda u lir-raħħala. Aħna konna ngħidu dan kollu għal raġunijiet prattiċi, ċioe' għaliex il-ħidma tal-bdiewa, tas-sajjieda u tar-raħħala kienet qed titnaqqar u dejjem nieżla fl-agħar livelli tagħha, mil-lat ta' importazzjoni, b'detriment għall-ispazju u d-dħul ta' dawn il-ħaddiema li kien qed ikun mhedded.
Jien ma nixtieqx nieħu fit-tul biex nispjega s-sitwazzjoni finanzjarja diżastruża li writna mill-Gvern preċedenti u għalhekk nixtieq ngħid biss x'kienu l-ħsibijiet tagħna biex flimkien nerġgħu nagħtu nifs ġdid lil pajjiżna u nkunu nistgħu nsostnu l-għanijiet tagħna li nassiguraw li terġa' tinħoloq atmosfera li permezz tagħha l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda jkollhom l-ispazju meħtieġ. Aħna rrealizzajna li jkun pass importanti, meqjus u matur jekk l-ewwelnett insaħħu r-rabta bejn il-konsumatur, l-ekoloġist u l-produttur. Issa meta ngħid "ekoloġist" inkun qed nirriferi għall-ambjentalisti u għax-xjenza kollha kemm hi; meta ngħid "konsumatur" inkun qed nirriferi għall-mara tad-dar, għall-morda u għall-anzjani; u meta ngħid "produttur" inkun qed nirriferi għall-bidwi, għar-raħħal,

għas-sajjied, għall-bejjiegħ tal-laħam, eċċ. Dawn iridu jikkordinaw ħidmiethom iktar sabiex ikunu ta' għajnuna għal xulxin.


Per eżempju, minkejja li l-Gvern preċedenti kien ilu jgħid li huwa impenjat li jnaqqas l-użu tal-bexx, minħabba li dan mhux biss jgħolli l-prezz tal-ħaxix u tal-frott imma jhedded l-ambjent naturali, dan il-konsum mhux talli ma naqasx talli baqa' dejjem jogħla. Peress li l-bidwi kien jonfoq ħafna flus fil-bexx, naturalment kien ikollu jgħolli l-prezzijiet tal-prodotti li jbigħ, bir-riżultat li l-mara tad-dar ma tantx kienet tieħu pjaċir bil-prezzijiet ta' dawn il-prodotti. GĦalhekk, kif għidt diġa', jeħtieġ li r-rabta bejn il-konsumatur, l-ekoloġist u l-produttur tissaħħaħ iktar u tiġi kkordinata aħjar ħalli nagħrfu naslu għal żvilupp tabilħaqq sostenibbli għall-ġid ta' l-industrija tal-biedja u s-sajd.
Sur President, jiddispjaċini ngħid li jien ma naqbel xejn mal-figuri li semmew sħabi l-Onor. Ninu Zammit u l-Onor. Ċensu Galea biex jipprovaw mingħalihom juru l-falliment li ħoloq Gvern Laburista. Ma nistax nifhem kif dawn jiġu jgħidu li l-Gvern Laburista ħoloq sitwazzjoni li ma tiggarantixxix dħul tajjeb għall-bdiewa, għas-sajjieda u għar-raħħala tagħna. Kif jistgħu dawn l-Onor. Membri jiġu jgħidu li l-Gvern Laburista m'għamel xejn għal dawn il-ħaddiema u li m'għandniex politika li tabilħaqq tindirizza dak li huwa meħtieġ biex il-produzzjoni f'dawn is-setturi tissaħħaħ? Forsi l-kollegi tagħna f'din il-Kamra jinteressahom ikunu jafu li minn Settembru ta' l-1996 sa Settembru ta' din is-sena, it-tbatijiet li jġarrbu, is-sagrifiċċji li jagħmlu u r-riskji li jieħdu dawn in-nies, irriflettew ruħhom f'żieda ta' 6.8% fil-prodott gross domestiku u f'żieda ta' Lm1.6 miljun fid-dħul. U sa l-aħħar tas-sena dan id-dħul se jkompli jiżdied. GĦalhekk ma naħsibx li huwa ġust li l-kelliema ta' l-Oppożizzjoni jipprovaw jagħtu stampa differenti mir-realta' tal-fatti; u dawn il-fatti joħorġu mill-Economic Survey u mhux qed nivvintahom jien.
Jien naħseb li l-Onor. Membri ta' l-Oppożizzjoni li tkellmu fuq dan il-qasam bħali għandhom aċċess għal din l-informazzjoni u bla ebda dubju akkademikament huma ta' livell aħjar minn tiegħi, għax it-tnejn huma periti, filwaqt li jien ġej minn familja tal-ħaddiema u ma kellix l-istess opportunita' li nirfes l-għatba ta' l-Universita'. Madankollu jien nista' niddikjara li dejjem għidt il-verita', dejjem qdejt dmiri u dejjem kont leali lejn il-ġurament li ħadt bħala ministru. GĦalhekk jiddispjaċini meta xi ħadd jipprova jagħti stampa differenti mir-realta'. Ċerti diffikultajiet li jolqtu lill-bdiewa, lis-sajjieda u lir-raħħala la jkunu tort ta' din in-naħa u lanqas tan-naħa l-oħra. Jekk nieħdu, per eżempju, l-istaġun tal-lampuki naraw li dan daqqa jkun tajjeb u daqqa jkun ħażin. GĦalhekk jekk kemm-il darba s-sajjieda ma jagħmlux qligħ daqs snin oħra għax is-suq ma jkunx daqstant tajjeb, ħadd m'għandu jitfa' dell ikrah u jaqbad u jivvinta storja li meta tiżinha ma tkun tfisser xejn. Meta nimxu b'dan il-mod inkunu qed inġibu ruħna bħal dak it-tifel żgħir li joqgħod isaffar hu u qed jaqsam minn xi kuridur mudlam biex taparsi juri li m'huwiex beżgħan.
Sur President, meta tlajna fil-gvern aħna sibna sitwazzjoni fejn il-majjal konna nimportawh, biex ma nsemmix ukoll li din l-importazzjoni kienet qed toħloq diffikultajiet kbar, diffikultajiet li ma kenux qed jiġu kkaġunati biss minħabba d-direzzjoni li kien miexi fiha l-Gvern preċedenti. Għalkemm tan-naħa l-oħra dan qatt ma kienu jsemmuh, ir-raħħala kienu jafu li jekk kemm-il darba Malta tidħol membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea ma kienx se jkun hemm żmien transitorju biex jitneħħew il-levies u l-miżuri protettivi. Ir-raħħala kienu jafu wkoll - naturalment dan saru jafuh mingħandna u mhux mingħand l-Onor. Membri tan-naħa l-oħra, għax dawn qatt ma jgħidu l-verita' - li fl-1990 l-Unjoni Ewropea ċediet tnaqqis ta' 60% fuq id-dazju li jħallsu pajjiżi li m'humiex imsieħba fl-Unjoni, meta jesportaw il-majjal lejn l-Unjoni Ewropea, u li minn dan is-sussidju gawdew numru ta' pajjiżi, fosthom il-Polonja. Imma, kif diġa' għidt, l-Onor. Membri tan-naħa l-oħra lir-raħħala u lill-produtturi tal-majjal ma kienu jgħidulhom xejn minn dan, anzi kienu jżommuhom fid-dlam u kienu jżommu lill-produtturi u lill-istess koperativa 'l bogħod milli jrawmu u jsaħħu sisien sodi għal din l-industrija. Aħna mhux hekk għamilna imma fissirna lir-raħħala li dan huwa gvern serju u trasparenti, gvern tal-Maltin u l-GĦawdxin kollha, li ma jimpika u jwebbes rasu ma' ħadd u li dejjem jgħid il-verita'.
Fil-fatt, meta tlajna fil-gvern, jien u sħabi mill-ewwel bdejna nitkellmu fuq kif għandna mmexxu din l-industrija 'l quddiem u għamilna erba' xhur nitkellmu mal-Federazzjoni ta' l-Industrija u mal-koperativa ta' dawk li jrabbu l-majjali minħabba li ma kienx hemm suq fejn jinbiegħu l-majjali. Issa wieħed irid jikkonsidra li dak iż-żmien aħna konna għadna kif nieħdu l-gvern f'idejna. Dawn huma l-fatti. Imma aħna x'għamilna? Bl-għajnuna ta' kulħadd - għax lanqas hu sewwa li xi ħadd joqgħod jinsisti li aħna għandna ras iebsa u li nieħdu pjaċir inwebbsu rasna ma' xi ħadd - għall-ewwel darba rnexxielna nagħmlu kuntratt biex nesportaw l-10,000 majjal żejjed li kien hawn fis-suq. Hekk talbuna biex nagħmlu l-produtturi u r-rappreżentanti ta' din l-industrija fi ħdan l-FOI. Madankollu jien niddikjara b'sodisfazzjon li dan il-Gvern, b'serjeta' kbira, ma kellux bżonn jagħmel din l-esportazzjoni għax sibna l-bejgħ ta' dawn il-majjali lokalment. Fil-fatt sa l-aħħar ta' din is-sena se jkunu nbiegħu 'l fuq minn 15,000 majjal iktar f'pajjiżna. U jekk wieħed irid ikun sinċier u prattiku bilfors ikollu jgħid li dan huwa record. Pero' aħna mhux se nieqfu hawn u se nipprovaw naraw fejn huma tabilħaqq il-weak points ta' l-industrija tal-majjal f'pajjiżna. Sħabi tan-naħa l-oħra jafu li ma ħallewlniex rapporti li jagħtu indikazzjoni ta' kif tabilħaqq nistgħu nqajmu din l-industrija fuq saqajha. Kulma sibna meta tlajna fil-gvern kienet sitwazzjoni fejn li kieku l-Gvern preċedenti daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea ma kienx se jkun hemm żmien transitorju biex jitneħħew il-levies ħalli l-produtturi tagħna jkunu jistgħu jikkombattu l-isfidi li wieħed għandu jistenna min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Gvern preċedenti tant kien dgħajjef li m'għarafx jagħmel kisbiet importanti u jagħmel ix-xogħol tiegħu sewwa.
Issa filwaqt li ngħidu dan, ikun tajjeb jekk wieħed jikkonsidra l-fatt li l-kollegi tan-naħa l-oħra kienu ġejjin u sejrin l-Ewropa minn flus il-poplu! Għax issa sieħbi l-Onor. Ninu Zammit qed jikkritika lill-Prim Ministru għax lili ma tanix flus biżżejjed filwaqt li nefaq il-flus f'reklami għas-sistema ġdida ta' tassazzjoni. L-ewwelnett dan m'hu veru xejn.
Yüklə 407,14 Kb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin