ONOR. OWEN BONNICI: Effettivament qed jiġi enfasizzat li m’għandhomx jinkixfu assolutament ...
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Altru l-identità u altru l-kontentut tal-affarijiet! Għax inti l-informazzjoni għandek bżonn. Li jekk xi ħadd kixef din l-informazzjoni, allura jittieħdu l-investigazzjonijiet mal-unitajiet varji.
ONOR. OWEN BONNICI: Anke l-informazzjoni.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Il-kontenut tagħha jrid jiġi investigat. Inkella x’inhu l-iskop tal-Whistleblower?
DR CAROLINE BENCINI: L-intenzjoni kienet, li jiġi kkomunikat wara li jkun investigat, u l-investigazzjoni tkun ikkonkludiet li hemm lok li jittieħdu passi ....
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Jiena għandi t-test tal-Abbozz ta’ Liġi kif kienet proposta oriġinarjament mill-gvern preċedenti. Issa huwa evidenti li t-text inbidel. Tista’ tispjegalna r-raġuni u x’inhuma t-tibdiliet li qed jiġu proposti? Jekk trid nagħmililek faċli, Dr. Grech, jien għandi t-test l-antik tal-ewwel proposta.
THE CHAIRMAN: Jiġifieri qed tistaqsi x’inhi r-raġuni għaliex inbidel it-test mill-antik u daħlet din?
ONOR. OWEN BONNICI: L-idea hi li qabel ma tagħmel l-investigazzjoni, hi ma tikkomunikax l-informazzjoni nnifisha. Jiġifieri jekk jiena dħalt fl-Internal Whistleblowing Unit u saret l-investigazzjoni, imbagħad nista’ nikkomunika dik l-informazzjoni. Imma qabel inlesti l-investigazzjoni - għax issa fakkritni Dott Bencini - jiena m’għandix niżvelaha dik l-informazzjoni. U naħseb dik hija ħaġa tajba.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Fl-abbozz preċedenti kienet qegħda hekk:
“6. (2) L-unità dwar min jiżvela informazzjoni li tkun protetta m’għandhiex tikkomunika l-iżvelar lil dipartimenti oħra fi ħdan l-awtorità li l-unità tkun tagħmel parti minnha, sakemm ma tkunx investigat debitament l-iżvelar u stabbiliet illi huwa neċessarju jew xieraq għat-twettiq ta’ aktar investigazzjoni minn dawk id-dipartimenti.”
Hawnhekk però laħħamtuha iktar. Imbagħad għamiltu speċi ta’ proviso fejn jgħid:
“Minkejja xi dispożizzjoni taħt liġi oħra, l-awtorità m’għandhiex tkun ristretta b’xi mod biex tiżvela informazzjoni mal-unità dwar min jiżvela informazzjoni protetta dwar l-investigazzjoni tagħha, minn żmien għal żmien sabiex l-unità tiddetermina jekk għandhiex kull informazzjoni relevanti dwar il-każ li jkun taħt investigazzjoni.”.
Għaliex għamiltuha daqshekk top heavy din? Kienet streamlined, iktar ċara.
DR CAROLINE BENCINI: L-idea kienet li jekk per eżempju jsir disclosure mal-Whistleblowing Unit u fl-istess ħin inzerta jkun sar xi rapport ieħor lill-awtorità fuq l-istess ħaġa, ikun hemm speċi ta’ sharing of information biex l-informazzjoni kollha li qed tirċievi l-awtorità tgħin fl-investigazzjoni ta’ dak l-aġir. L-ideja kienet din. Issa forsi fid-drafting ma tantx ....
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Mhijiex ċara.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Mhijiex ċara. Trid tkun avukat biex tifhimha din.
ONOR. CLAUDIOGRECH: Jiena fhimtha li jekk inti għandek a whistleblower li għamel disclosure lill-awtorità mhux lill-unit, m’hemm xejn milli jżomm lill-awtorità milli tgħaddi dik l-informazzjoni lill-unit. Filwaqt li jekk xi ħadd jagħmilha lill-unit u l-unit għadha ma lestietx l-investigazzjoni tagħha, il-unit ma tistax taqsam dik l-informazzjoni ma’ ħaddieħor. Jien hekk fhimtha.
ONOR OWEN BONNICI: Hekk hu.
DR CAROLINE BENCINI: Fil-fatt il-verżjoni bl-Ingliż tinftiehem iktar. Għax bl-Ingliż qiegħda
“....the authority shall not be restriced in any manner in sharing information with the whistleblowing reports unit about its investigations from time to time for the whistleblowing reports unit to determine whether it has any relevant information on the subject...”
Jiġifieri l-idea kienet li jekk kumbinazzjoni hemm informazzjoni għand il-Whistleblowing Unit ukoll, ikunu jistgħu jaqsmuha din. Mhux l-informazzjoni tmur fil-Whistleblowing Unit u tintilef hemm. Dik kienet l-idea. L-idea kienet ta’ Dr. Ganado.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Fi klawsola 6(b) tal-oriġinali konna għidna hekk
“(b) l-imsemmi uffiċjal li jirrapporta dwar min jiżvela informazzjoni li tkun protetta jew unità dwar min jiżvela informazzjoni li tkun protetta, ma jkunx jemmen b’mod raġjonevoli illi l-iżvelar tal-identità tal-persuna li tagħmel l-iżvelar:
(i) huwa essenzjali għall-investigazzjoni effettiva tal-allegazzjonijiet fl-iżvelar.
Inti taf biha. Dan tħalla qisu kompletament barra issa? Għaliex?
DR CAROLINE BENCINI: Kienet deċiżjoni, li naħseb kienet ittieħdet mill-Gvern, li riedu akkost ta’ kollox il-kunfidenzjalità.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Aħna hawnhekk konna daħħalna “huwa essenzjali biex jipprevjeni riskji serji għas-saħħa jew għas-sigurtà pubblika jew għall-ambjent.”
Hawnhekk konna daħħalna numru ta’ punti li qisu hemm il-ksur tal-corporate bail. Jiġifieri li jagħtuk il-possibilità li tintervjeni, għax min qed jirċievi l-informazzjoni jħoss li tant hi potenzjalment qawwija li għandu jikser dik il-kunfidenzjalità. Għax inti titla’ fuq skala iktar importanti.
Issa dik l-għodda qed taqilgħuha ‘il barra. Jiġifieri xi ħadd li għandu xi ħaġa li hija potenzjalment qawwija f’idejh, li taħraq, u toħroġ ‘l barra mill-ottika sempliċement ta’ bribery, ma’ xi ħadd li jaf per eżempju li xi ħadd iddepożita xi ħadd atomika jew plutonju x’imkien. Jiġifieri hawnhekk inti neħħejtlu l-poter li qabel kellu biex jidħol fiha u jiftaħha.
Jiena naħseb hemmhekk qegħdin tissugraw. Tridu tagħmlu bilanċ bejn il-kunfidenzjalità u affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ natura nazzjonali. Għax jien waqt li qed narahom dawn, ifakkruni f’dibattiti li kellna u d-deċiżjonijiet li sussegwentement ħadna fuq kull waħda minnhom. Allura hawnhekk jien kont ħassejt .... (Interruzzjonijiet)
Inti għandek l-abbozz ta’ qabel. Ara ftit l-abbozz kif kien qabel. Aħna qed ngħidu għall-Klawsola 6(1)(b), aqra biss klawsola 6(1)(b) imbagħad iddeċiedu intom.
DR PETER GRECH: Fl-abbozz l-ieħor kien kondizzjonat. Jiġifieri hemm ċirkostanzi fejn xi ħadd ġie kixef u jista’ jinkixef. F’din - ibbażata fuq dokument li bħalissa hemm quddiem il-Kunsill tal-Ewropa – biex wieħed jikxef isem il-Whistleblower, irid jagħti l-kunsens tiegħu.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jiġifieri anke fejn għandek sitwazzjoni, fejn għandek riskju serju għas-saħħa jew għas-sigurtà pubblika jew għall-ambjent? Anke hekk? Possibbli?
DR PETER GRECH: Għax hu ġie tak dik l-informazzjoni taħt kopertura ....
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Tajjeb, jgħidlek għada xi ħadd se jagħmel din il-ħaġa tossika. U inti ma tista’ tagħmel xejn.
DR PETER GRECH: Le le, mhux ma tista’ tagħmel xejn, ma tistax tikxef lilu.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jien fl-opinjoni tiegħi għandu jkollok dan il-poter. Għax dan huwa dejjem bilanċ f’soċjetà demokratika bejn l-interess tal-individwu u l-interess ġenerali. Jiġifieri issa għamlu intom. Għax dawn huma poteri eċċezzjonali.
DR PETER GRECH: Bħal informer tal-pulizija. Normalment ma jiġix mikxuf.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Eżempju klassiku huwa fejn jiġi xi ħadd u jgħidlek għada taħt il-Bridge ta’ San Ġiljan se jkun hemm xi ħadd and he’s going to detonate whatever. Allura inti ma tistax tikxef min tak l-informazzjoni u jiskattaw all the measures that be, biex tevita .... (Interruzzjonijiet) Hekk qed ngħidu? (Interruzzjoni)
DR PETER GRECH: Imma m’hemmx għalfejn tikxef min tkellem, sakemm ma takx il-kunsens tiegħu.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Għax meta tgħid “tikxef min tkellem” mhux għall-gost u l-pjaċir li kxiftu, imma għall-utilità li mbagħad tista’ tibgħat għalih.
THE CHAIRMAN: Imma persuna li taf li xorta f’dawk il-każi partikolari, eċċezjonali isimha se jinkixef, ma tikxef xejn, għax jista’ ikollha ritaljazzjoni mill-persuna li tikxef.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma l-problema hi, li jekk inti ddaħħal din, ikollok ukoll protezzjoni għal min qed jirċievi l-informazzjoni. Għax hawnhekk trid ukoll taħseb f’min qed jirċievi l-informazzjoni u r-responsabbiltà li se jieħu meta jirċievi dik l-informazzjoni.
Jekk xi ħadd, meta kont Ministru, ġie jgħidli li għada se jagħmlu hekk, hekk u hekk, jiena ngħid le, ma nistax nagħmel din il-ħaġa, ma nistax niżvelaha, ma nistax naqbad it-telephone u nċempel lill-Kummissarju tal-Pulizija u ngħidlu ġie t-tali u qalli hekk, hekk u hekk u se jagħmel hekk, hekk u hekk? Le. (Interruzzjonijiet)
ONOR. OWEN BONNICI: Mhux kwistjoni ta’ prinċipju, jekk taħsbu li hu aħjar...
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Le, intom tafu, għax intom neħħejtuha. Jiġifieri xi raġuni kien hemm għalfejn neħħejtuha.
Aħna qed nistaqsu umilment l-ewwel fuq sub-klawsola (2) biex ikun ftit iktar spjegat aħjar. Għalkemm issa irid jiġi approvat, imma mhuwiex spjegat biżżejjed.
ONOR. OWEN BONNICI: Is-subklawsola (2) kienet “L-unità dwar min jiżvela informazzjoni li tkun protetta ...”
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Il-1(b) ta’ klawsola 6 tal-abbozz li konna ppreżentajna aħna.
ONOR. OWEN BONNICI: Klawsola 6 (2) tgħid hekk:
“L-unità dwar min jiżvela informazzjoni protetta m’għandhiex tikkomunika l-kontenut tal-iżvelar lil dipartimenti oħra fi ħdan l-awtorità li l-unità tkun tagħmel parti minnha sakemm ma tkunx investigata debitament l-iżvelar u stabbiliet illi huwa neċessarju jew xieraq fl-interess pubbliku għat-twettiq ta’ aktar investigazzjoni minn dawk id-dipartimenti l-oħra ....”.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Għax imbagħad intom daħħaltu Klawsola 6 (4) li tgħid hekk:
“(4) Il-protezzjoni pprovduta f’dan l-artikolu ma għandhiex tkun soġġetta għal xi eċċezzjonijiet u l-ebda qorti ma tista’ tordna l-iżvelar tal-identità ta’ xi informatur mingħajr il-kunsens tiegħu.”.
Jiġifieri ebda eċċezzjoni. Fil-(b) aħna tajna xi eċċezzjonijiet, fl-interess tas-sigurtà nazzjonali, fl-interess tas-saħħa nazzjonali. Għalhekk konna ksirna din il-kwestjoni ta’ kunfidenzjalità. Għax on a balance ... Issa min jirċievi l-informazzjoni, se jġorr ir-responsabbiltà tagħha, x’se jagħmel biha, kif se jiċċaqlaq, kif se jimxi ‘il quddiem. Jiġifieri altru xi ħadd jiġi jikxef, imbagħad altru min jirċeviha x’se jagħmel biha.
ONOR. OWEN BONNICI: Hawnhekk l-idea hi, li l-informazzjoni ma tistax tiżvelaha akkost ta’ kollox, biex ngħidu hekk. Però jekk hija kwestjoni ta’ investigazzjoni, l-awtorità mhix ristretta milli tikxifha għal skopijiet .... Klawsola 6(2) tgħid hekk:
“Minkejja xi dispożizzjoni taħt liġi oħra, l-awtorità ma għandhiex tkun ristretta b’xi mod biex tiżvela informazzjoni mal-unità dwar min jiżvela informazzjoni protetta dwar l-investigazzjonijiet tagħha minn żmien għal żmien sabiex l-unità tiddetermina jekk għandhiex kull informazzjoni relevanti dwar il-każ li jkun taħt investigazzjoni.”.
Naħseb hawn il-bilanċ qiegħed jintlaħaq.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jien ma naqbilx miegħek li qiegħed jintlaħaq u tista’ tiġi f’sitwazzjonijiet fejn tigdem idejk.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi l-Emenda “G” kif imressqa u moqrija mill-Onor. Segretarju Parlamentari. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
L-Emenda “G” għaddiet.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi Klawsola 6 kif emendata. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? (Onor. Membri: No) Carried.
Klawsola 6, kif emendata, għaddiet u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 7 – Rikors lill-Qorti Ċivili.
Clause 7 - Application to the Civil Court.
THE CHAIRMAN: Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Mr Chairman, nipproponi din l-emenda:
“H” Il-klawsola 7 għandha tiġi emendata kif ġej:
(a) fis-subartikolu (1) il-kelma “imminentement” għandha tidħol wara l-kliem “kontra tagħha”;
-
fil-paragrafu (a) tas-subartikolu (3) il-kliem “jew bi ħsiebha tieħu” għandhom jitħassru.
“H’’ Clause 7 of the Maltese version shall be amended as follows:
(a) in subarticle (1) the word “imminentement” shall be inserted immediately after the words “kontra tagħha”;
(b) in paragraph (a) of subarticle (3) the words “jew bi ħsiebha tieħu” shall be deleted.
THE CHAIRMAN: Rimarki? L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ejja niddiskutuha. Għalfejn ħassejt li għandek iddaħħal il-kelma “imminentement’’?
ONOR. OWEN BONNICI: Biex ikun hemm element ta’ .....
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Forsi l-ħaġa ma tiġix a konjizzjoni tiegħu mill-ewwel. Hawn Malta għandna d-drawwa ngħidu u le, m’aħniex se nagħmluhielek! U le, u le u le, imbagħad f’daqqa waħda ssibha ma’ wiċċek. Imbagħad jgħidulu mhux imminentement għax inti ilek li kont taf, ilek xahrejn jew tliet xhur li kont taf.
ONOR BEPPE FENECH ADAMI: Ma taqbilx mal-emenda?
ONOR DEBORAH SCHEMBRI: Ma naqbilx magħha.
THE CHAIRMAN: Naħseb hawnhekk għandha raġun. Nagħtuk darba raġun.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Agħmlu li tridu.
THE CHAIRMAN: Le le, għandek raġun.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jiena nikkumbatti għal-liġijiet biex il-liġijiet ikunu tajbin. Għax żommu f’moħħkom li dak li qegħdin nagħmlu aħna, se jiġi interpretat mill-Qorti. Jiġifieri din dejjem żommuha f’moħħkom.
ONOR. OWEN BONNICI: Għal klawsola 7 m’għandix emendi.
THE CHAIRMAN: U rigward paragrafu (a)?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Issa jmissna 3(a).
THE CHAIRMAN: Fi Klawsola 7 (3) (a) il-kliem “jew beħsiebha tieħu” għandhom jitħassru.
ONOR. OWEN BONNICI: Mr Chairman, nitlob il-permess tal-Kumitat biex l-emenda “H” għal klawsola 7 tiġi rtirata.
THE CHAIRMAN: Hawn permess? (Onor. Membri: Iva)
Il-permess ingħata.
ONOR. OWEN BONNICI: Ejja naraw x’inhi. Jekk se nneħħu l-kelma “imminentement”, ....
ONOR DEBORAH SCHEMBRI: Titneħħa kollha.
ONOR. OWEN BONNICI: Ħalli nfehemkom ftit. Biex inġibu l-Malti u l-Ingliż in line riedna ndaħħlu l-kelma “imminentement”. Jiena kont se nipproponi emenda bl-Ingliż biex inneħħu l-kelma “imminentement”.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Hawnhekk tajjeb li ngħidu għar-record illi qed indaħħlu mandat, li huwa mandat li m’għandux bżonn jiġi segwit b’kawża. Dan huwa mandat uniku, qed jieħu l-istess poteri li hemm fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, u allura huwa uniku u qatt ma jista’ jintalab li ssir ir-revoka tiegħu abbażi tal-fatt li dak li jkun ma segwiehx b’kawża l-Qorti.
U hawnhekk qegħdin ngħidu wkoll li d-Dritt tar-Reġistru ma jitħallasx lanqas mill-ħaddiem involut fiha. Din saret u qed issir apposta, biex tagħmilha kemm jista’ jkun faċli għall-ħaddiem biex jipproteġi l-interessi tiegħu fuq il-post tax-xogħol meta jiġi biex jiżvela ċerti affarijiet. U din hija protezzjoni li tidher, issa mbagħad naraw x’jiġri fil-ħajja.
F’pajjiżi oħrajn m’hemmx hekk. F’pajjiżi oħrajn, li hemm huma ċerti poteri u għandek imbagħad ċerti mandati li aħna m’għandniex. Allura kif inti ssib id-differenza bejn il-mandati tagħhom u l-mandati tagħna, biex iġibu l-istess effett tal-mandati tagħhom ħloqna dan il-mandat. Għax dawk għandhom is-certiorari u dawn il-ħafna mandati oħrajn.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Jiġifieri l-kunċett jeżisti.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jeżisti, imma mhux miktub preċiż, kif inhu miktub hawnhekk.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Bħalma l-kunċett l-ieħor jeżisti wkoll u fil-liġi tagħna.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Din teżisti fil-Whistleblower Act. U tkellimt biex jekk għada pitgħada jkun hemm xi ħadd li jaqrahom dawn fil-Qorti, hi tkun qiegħda mniżżla.
THE CHAIRMAN: Se titressaq emenda biex fil-verżjoni Ingliża tiġi kkanċellata l-kelma “imminentement”.
Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Mr Chairman, nipproponi din l-Emenda:
“I’’ Fit-test Ingliż tas-sub-klawsola (1) tal-klawsola 7 il-kelma “imminently” għandha titħassar.
“I” In the English text of sub-clause (1) of clause 7 the word “imminently” shall be deleted.
THE CHAIRMAN: Hawn aktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hija l-emenda "I" kif imressqa u moqrija mill-Onor. Segretarju Parlamentari. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
L-Emenda “I” għaddiet nem.con.
THE CHAIRMAN: Il-mistoqsija hi Klawsola 7 kif emendata. ”. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 7, kif emendata, għaddiet nem. con u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 8 - Dritt għal kumpens wara azzjoni ta’ detriment.
Clause 8 - Right to compensation after detrimental action.
THE CHAIRMAN: Is-Segretarju Parlamentari, l-Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: Fi Klawsola 8 jingħad li jkollha dritt għal kumpens tad-danni sofferti jekk sofriet azzjoni ta’ detriment bħala riżultat li tkun għamlet żvelar protett. Prinċipji li baqa’ kostanti.
THE CHAIRMAN: Hawn rimarki? L-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Konna daħħalna l-kunċett tad-danni morali. Ma nafx jekk hux hawn jew iktar tard.
ONOR. OWEN BONNICI: Dik qiegħda Klawsola 7(3) (a).
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: U rridu ngħidu li hawnhekk id-danni morali li daħħalna fi Klawsola 7 mhumiex non-pecuniary damages, huma danni morali puri.
THE CHAIRMAN: Hawn iktar rimarki? (Onor. Membri: No) Il-mistoqsija hi Klawsola 8. Dawk favur? (Onor. Membri: Aye) Dawk kontra? Agreed.
Klawsola 8 għaddiet nem.con u ġiet ordnata biex issir parti mill-Abbozz ta’ Liġi.
Klawsola 9 - Żvelar protett.
Clause 9 - Protected disclosure.
THE CHAIRMAN: Is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Owen Bonnici.
ONOR. OWEN BONNICI: L-emenda hija għal din il-parti bejn subklawsoli (2) u (3), qabel tibda jibda subartikolu (3), page 212. Il-proviso għall-Klawsola 9(2) hawn indikat hekk:
“Iżda dak ir-rimedju għandu jkun disponibbli biss jekk l-identità tal-informatur ġie magħruf ....”.
Il-kelma mhux tajba. Trid tiġi “ġiet miksuba”.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Skużani, mhux qed insegwik.
ONOR. OWEN BONNICI: Fi Klawsola 9(2) fejn hemm il-provvediment “Iżda dak ir-rimedju ...
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Nikkwota:
“Iżda dak ir-rimedju għandu jkun disponibbli biss jekk l-identità tal-informatur ġie magħruf jew b’mod ieħor ġie żvelat skont id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att.”.
ONOR. OWEN BONNICI: Issa aħna qed ngħidu li għandha tiġi taqra hekk minħabba l-verżjoni tal-Malti:
“Iżda dak ir-rimedju għandu jkun disponibbli biss jekk l-identità tal-informatur ġiet miksuba jew b’mod ieħor ġiet żvelata skont id-dispożizzjoni ta’ dan l-Att.”
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: M’għandiex diffikultà.
Id-diffikultà tiegħi hija fuq ħaġa oħra.
THE CHAIRMAN: Pleasures yet to come?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Le le, fuq subklawsola (4). Nixtieq li l-Avukat Ġenerali jispjegali x’qegħdin ngħidu.
ONOR. OWEN BONNICI: Mela tridux napprovaw l-emenda?
THE CHAIRMAN: Ħalli niddiskutuha, imbagħad napprovaw kollox f’daqqa.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Hawnhekk qed jinħoloq reat ġdid.
ONOR. OWEN BONNICI: Iva. Ħloqna reat min jagħmel il-whistleblowing intenzjonalment biex jagħmel ħsara lill-prinċipal. Aħna dehrilna - fuq deċiżjoni tal-Kabinett - li waqt li nagħtu l-protezzjonijiet kollha lil min hu onest – u din kelli l-opportunità niddiskutiha mal-Onor. Grech – min jagħmel informazzjoni apposta biex iweġġa’....
THE CHAIRMAN: Jagħmel vendikazzjoni .....
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma hu mhux diġà ma jieħux il-benefiċċju tal-liġi, għax mhux qiegħed in bona fede hawn?
ONOR. OWEN BONNICI: Ma jkollux il-benefiċċju tal-liġi u minn fuq .....
THE CHAIRMAN: Trid tagħmel deterrent għal xi ħadd li jipprova jaqla’ xi ħaġa kontra xi ħadd malizzjożament.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ħalli nkunu qed niċċaraw il-kunċetti legali. Għandek l-artikolu 101 huwa kalunja. Is-subklawsola (4) x’qiegħda toħloq differenti mill-kalunja? L-artikolu 101 jagħti ħafna poter u hemm ġurisprudenza fuqu ta’ kif tinterpretaha. Hawnhekk x’qegħdin noħolqu, jiġifieri sempliċement huwa reat ta’ min jabbuża minnu, allura. Tagħmilx prinċipal. Jiġifieri hawnhekk “prinċipal”, an employer qed tgħid?
ONOR. OWEN BONNICI: Min jagħmel att ta’ vendikazzjoni lill-employer tiegħu.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Qed takkużah b’reat.
THE CHAIRMAN: Rapport falz ....
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Hawnhekk xi ħadd qed jabbuża mil-liġi. Imma torbothiex biss għall-prinċipal. Allura jekk ikun qed jagħmilha wkoll fil-konfront ta’ ħaddiem ieħor, ta’ direttur jew ta’ manager f’kumpanija, allura dan ma jlaqqathiex? U min hu l-prinċipal? Iċ-chairman, ix-shareholder?
DR PETER GRECH: Il-Whistleblowing mhux kontra l-employer biss?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Le, kontra l-kumpanija, qed tiżvela ġol-kumpanija. Nagħtu kas l-accountant tal-kumpanija mhux qed iżomm l-affarijiet tajbin, ....
THE CHAIRMAN: Naħseb irridu naraw id-definizzjonijiet.
““prinċipal” tfisser kull persuna fiżika, organizzazzjoni ġuridika jew korp imwaqqaf bil-liġi sew jekk jifforma parti mill-amministrazzjoni pubblika jew mis-settur privat illi jissodisfa l-kriterji elenkati fit-Tieni Skeda u li:
-
jkun għamel kuntratt ta’ servizz ma’ impjegat; jew
-
jimpjega jew jingaġġa jew jippermetti kull persuna oħra, b’kull mod sabiex tgħin fil-qadi ta’ jew twettiq tan-negozju tiegħu; jew
-
jkun jixtieq jimpjega iktar nies...”
Imma impjegat per se ....
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Imma hawnhekk qegħdin naqblu li l-Whistleblowing mhux neċessarjament ikun fil-konfront tal-prinċipal.
THE CHAIRMAN: Mhux hekk!
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jien hawnhekk qed nipproponi - u forsi nistgħu naqblu – li dan l-artikolu jkun intenzjonat għal kwalunkwe forma ta’ abbuż tal-użu ta’ dan l-Att. Hekk tagħmel sens, għax inkella inti se tillimitaha din. Inti se tillimitaha li “persuna li intenzjonalment tipprovdi informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa bl-intenzjoni li tagħmel ħsara lil prinċipal”.
THE CHAIRMAN: Imma “lil prinċipal” xorta nħalluha, minħabba d-definizzjoni tagħha u nżidu magħha “jew persuna oħra”.
Għall-prinċipal se titneħħa l-emenda? Għax importanti niċċarawha din għax hemm it-Tieni Skeda li trid tiġi emendata u rridu narawha wkoll.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Klawsola 9(1)(b)(ii) tgħid hekk:
“(ii) the information disclosed tends to show an improper practice being committed by his employer, another employee of his employer or by persons acting in the employer’s name and interests;”
Jew tidħol sħiħa, biex inkunu qegħdin eżatti mal-liġi, jew nirreferu għal din il-parti tal-liġi.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: F’dan l-artikolu, għalkemm intenzjonat tajjeb, se jkun hemm problema fil-prattika. Għaliex? Għaliex nagħtu kas jiena ġenwinament daħħalt f’rasi li xi ħadd fil-kumpanija qiegħed jieħu l-flus minn taħt. Jien ktibt ittra li fiha qiegħed ngħid din il-ħaġa.
Issa hawnhekk inti qed tgħid “kull persuna li intenzjonalment tipprovdi informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa bl-intenzjoni li tagħmel ħsara lill-prinċipal”. Min se jinterpreta .... (Interruzzjonijiet) Mhux qed nispjega ruħi tajjeb.
Dostları ilə paylaş: |