Malta kamra tad-deputati kumitati permanenti għall-kunsiderazzjoni ta' abbozzi ta' liġI



Yüklə 0,56 Mb.
səhifə5/11
tarix15.01.2019
ölçüsü0,56 Mb.
#96755
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10   11

ONOR. OWEN BONNICI: X’imkien ieħor għidna, li jekk persuna ħadet żball - fis-sens li tat informazzjoni u wara rriżulta li ma kenitx minnha - jekk kienet in good faith, xorta protett. Imma jekk ma kenitx in good faith, imma apposta, bit-tpattija għax ma ngħatax promotion, dak għandu jkun reat.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jiena għandi din il-biża’. Dak li se jkun miktub, minnu nnifsu, tista’ tiġi interpretata b’żewġ direzzjonijiet. Għax min jikteb dawn l-ittri jew min jiżvela din l-informazzjoni, mhux neċessarjament mar l-iskola tad-diplomazija ta’ kif qalhom jew kitibhom. U allura dak li jinkiteb, tista’ issib lilek innifsek fil-junction illi xi ħadd li kien ġenwin biex jagħmilha jew xi ħadd li ma kienx ġenwin biex jagħmilha, dak li hu miktub m’għandekx mod ta’ kif tiddixxerni jekk hux veru kellu l-intenzjoni ħażina li jagħmel l-affarijiet.

DR. CAROLINE BENCINI: Din qed tirreplika ftit l-artikolu 101 tal-Calumnious Accusations tal-Criminal Code, għax hemm l-element ta’ publicity fiha. Jiġifieri jekk inti malizzjożament forsi tagħmel internal report, dik ukoll se titqies bħala criminal offence hemmhekk. Jekk ir-rapport jibqa’ fil-kumpanija, the damage from that report mhux se jkun daqshekk serju. Il-problema hi jekk inti tagħmel rapport malizzjuż barra mill-kumpanija. Tmur l-awtorità u b’intenzjoni .....
THE CHAIRMAN: Jekk tkun interna naħseb Article 101 ma nafx jekk japplikax per se.
DR DONATELLA FRENDO DIMECH: Le, article 101 huwa “before a competent authority”.
DR CAROLINE BENCINI: Eżatt. Jiġifieri hemm ċans li tidduplika l-affarijiet u l-iktar ħaġa serja hi jekk xi ħadd imur għand l-awtorità u jirrapporta xi ħaġa b’intenzjoni ħażina li jagħmel il-ħsara.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Huwa tajjeb li jkollok artikolu ta’ min jagħmel abbuż mil-liġi, imma tħallih ukoll li kull min, b’xi mod, jagħmel abbuż minn din il-liġi, għandu ċertu piena. Imma intom hawn – u rajt ir-reati, Avukat Ġenerali u Onor. Segretarju Parlamentari – meta taraw il-pieni li hemm taħt artikolu 101, u l-pieni li hemm f’din is-subklawsola (4), m’hemmx xi differenzi spettakolari. Għax hawnhekk għandek tliet xhur sa sitt xhur, u għandek multa ta’ €5,000.
Jiena kieku kont ngħid li fejn xi ħadd jagħmel abbuż minn din il-liġi, jeħel dak ir-reat. Imma hawnhekk qed tersqu viċin ħafna li toqtlu l-Whistleblower. Għax il-mod ta’ kif tiktibha ... U jien kif nista’ ngħid illi xi ħadd qiegħed.. Per eżempju “X” qed jieħu l-flus, allura inti qed takkużah li dak ikkommetta reat. Jew “X” mhux qed jieħu ħsieb ir-regoli tas-safety, u jista’ jkun qed jikteb il-għala għax qed jieħu l-flus jew mhux qed jaqbadhom lil dawk.
Allura f’dak il-każ x’se tgħid fuqha? U hemmhekk hemm “persuna li intenzjonalment tipprovdi informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa fl-intenzjoni li tagħmel, l-interpretazzjoni ta’ dak li hu miktub” .... Imbagħad araw intom.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Naqblu, li m’għandhiex tkun limitata “ħsara lill-prinċipal”?

ONOR. OWEN BONNICI: Iva, naqbel.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: U naturalment il-punt tal-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici dwar min se jiddeċiedi jekk hemmx .... Jien qed nifhem li jiddeċiedu l-qrati.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Le, imma minn dak li jinkiteb ....
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Dan, bħal meta jkollok kwerela ....
THE CHAIRMAN: Meta jkun akkużat, il-Qorti trid tiddeċiedi jekk dan kienx intenzjonalment jew le.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Però fil-kalunja għandek ferm iktar konfort minn dan. Għax dan huwa viċin tal-kalunja, però qisu kalunja speċifika għall-Whistleblower.
THE CHAIRMAN: Imma ma naħsibx li jikkwalifika għall-kalunja, jekk inti tmur tagħmel rapport l-awtorità.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Nagħtu kas xi ħadd jiġi għandek għal parir bħala avukat. u inti trid tiftaħlu għajnejh fuq is-subklawsola (4), allura b’hekk se tispiċċa toqtolha l-Whistleblower.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Ma nistax nifhem għalfejn.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ħalli ngħidlek għalfejn. Għax inti f’dak li qed tgħid ....
THE CHAIRMAN: Inti dak li qed tgħid, għal persuna li ġenwinament trid tikxef. Toqgħod lura għax tgħid mela issa niġi akkużat jien li għamilt il-qerq.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Inti qed tgħid ħaddieħor huwa ħalliel u inti hekk qed temmen ġenwinament li hu ħalliel. Il-Qorti mbagħad se tgħid dan mhux veru .....
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Imma inti tkun qed tagħmilha b’intenzjoni li taf li din mhijiex korretta.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma kif se tifred id-dixxerniment tal-intenzjonijiet fil-mod ta’ kif inhu miktub dan l-artikolu?
DR PETER GRECH: Nixtieq nispjega differenza żgħira bejn is-subklawsoli (3) u (4). Is-subklawsola (3) ma tintroduċix il-kalunja, imma tgħid li japplikaw il-pieni tal-kalunja għal min xjentement jipprovdi informazzjoni falza taħt dan l-Att. Jiġifieri dan huwa reat għal rasu. Dan mhux ir-reat tal-kalunja taħt il-Criminal Code. Il-pieni biss huma l-istess.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Is-subklawsola (3) tgħid:

“(3) Huwa reat punibbli skont l-artikolu 101 tal-Kodiċi Kriminali li persuna tipprovdi informazzjoni falza skont it-termini ta’ dan l-Att.”


DR PETER GRECH: Il-piena biss, mhux qed ngħidu l-kalunja. Il-kalunja baqgħet kif kienet.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma l-intenzjoni tagħna kienet – Dr. Bencini ikkoreġini – li nieħdu l-insenjament fuq il-kalunja biex napplikawh hawnhekk, ħalli jkollna ċertu konfort għal sitwazzjonijiet fejn xi ħadd verament jagħmel użu żbaljat mil-liġi, biex jagħmel ħsara lil ħaddieħor. Għax din hi li qegħdin inżommu aħna u l-kalunja dik li hi. Il-kalunja hi jiena naf li inti m’għamilthiex u allura l-intenzjoni tagħna kienet li .....
ONOR. OWEN BONNICI: Jiena nakkużak b’reat, li naf li inti innoċenti.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Hekk hu. Jekk, kif qed jgħid l-Avukat Ġenerali, is-subklawsola (3) ma kenitx ċara, allura trid tiġi ċċarata iktar.
Għax il-ħsieb tagħna kien li ma nitilqux nagħmlu sistema li fiha toqtol il-Whistleblower mill-possibilità li jagħmel il-kxif tal-affarijiet, għax jibża’ li jinqabad minn dan il-mekkaniżmu. Allura riedna nkunu ċerti li, dak li jkun, qiegħed jagħmel allegazzjonijiet għax jaf li mhumiex veri taħt l-insenjament, taħt il-101, taħt il-ġurisprudenza li hemm hemmhekk. U allura avukat li qed jagħti parir lil xi ħadd li huwa Whistleblower u li mar jieħu parir minn għandu fuq kif jagħmel il-kxif tal-informazzjoni, għandu moħħu mistrieħ li mhux se jerġa’ jinqabad iktar tard biha.
THE CHAIRMAN: Ma nafx jekk hux qed nagħmel interpretazzjoni ħażina jien. Is-subklawsola (3) qed jgħidlek “reat punibbli skont l-artikolu 101”, jiġifieri skont kif inhuma l-pieni.
Però imbagħad subklawsola (4) tgħid
“(4) Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (3) kull persuna li intenzjonalment tipprovdi informazzjoni...”
talli nstabet ħatja tar-reat, se teħel dawn il-pieni.
Jiġifieri s-subklawsola (4) qed jikkwalifika l-pieni ....
DR PETER GRECH: Is-sitwazzjoni tas-subklawsola (4) hi differenti. Subklawsola 4 mhux bilfors tkun informazzjoni falza, imma li tipprovdi informazzjoni li forsi tkun korretta, forsi hi tibqa’ u ma tkunx falza, imma l-mod kif tiġi ppreżentata huwa misleading. Qed inżommha għalina t-tnejn, biex inġibek ħati meta m’intix. Din hi d-distinzjoni bejn is-subklawsoli 3 u 4.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma dik tant hija finezza legali li jista’ jkun li toqtollok l-Att kollu kemm hu. Għax il-mod kif se tiktibha, ir-rappurtaġġ tagħha, tista’ toqtolhielek.
DR. CAROLINE BENCINI: Li kont se ngħid hu li hemm l-element tal-good faith ukoll bħal protective disclosure. Jiġifieri hawnhekk it is overlapping.
THE CHAIRMAN: Naħseb li dan l-artikolu anzi jneħħi kull dubju li forsi jista’ ikun hemm xi ħadd li jrid jagħmel deterrent b’mod qarrieqi u jmur jagħmel rapport.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Le, le. Jekk issegwi x’qal l-Avukat Ġenerali ..... (Interruzzjonijiet)
DR PETER GRECH: Forsi dak li jkun qal ikun veru, imma mbagħad fil-verità kollha, allura għax ġibtha hekk?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Mhux problema għalija.
DR PETER GRECH: Per eżempju li ħadt flus mingħajr ma kont awtorizzat. M’għidtilhomx li int kont awtorizzat tirċevihom.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma dik se toħroġ fl-investigazzjoni. Imma nagħtu kas jien ġenwinament naħseb, li int qed tieħu flus li m’għandekx tieħu. U jiena, bħala impjegat tal-kumpanija, inħoss li għandi nagħmel dan ir-rapport dwarek. U għamiltu dan ir-rapport. Imbagħad jien għandi niġi ppenalizzat għax għamiltu? Għax il-mod ta’ kif ktibtha, xi ħadd se jinterpretaha li jien kelli l-malizja biex nagħmel ħsara lil ħaddieħor?
Għax din inevitabbilment se tagħmel ħsara lil ħaddieħor. Għax dan trid tappunta subgħajk lejn xi ħadd. Hawnhekk se tippunta subgħajk lejn xi ħadd minn qabel. Għax fil-liġi tagħna m’għandniex klawsola - ħlief f’xi żewġ każijiet - li nimponu l-obbligu li jekk isir reat, tmur tirrapporta. M’għandniex dik il-klawsola ġenerali.
Imma hawnhekk, dak li għidt inti Avukat Ġenerali, qed ninkwieta ruħi aktar jiena. Għax jekk per eżempju, Dr. Schembri, jiġi xi ħadd għandek u jitolbok parir kif se jikteb ir-rapportaġġ fuq Whistleblower, lill-Unità Interna ta’ kumpanija. U trid toqgħod attent.... Jien bilfors irrid nallega, ngħid “X” qed jieħu l-flus.

Mela jekk inti tiġi fuqi u tgħidli li jiena qed nieħu l-flus bħala deputat. Jiena nieħu għalija, ngħidlek le, mhux veru, dik hija kalunja li qiegħda tgħid. Qed tifhem? Din hi l-problema. Allura jista’ jkun li dan l-artikolu se jżomm in-nies milli jersqu ‘il quddiem biex jagħmlu r-rapportaġġ.


THE CHAIRMAN: Imma inti ma tagħmilx rapport sempliċement ... Jiġifieri mhux kemm tgħid li “naħseb li qed jieħu l-flus”. Irid ikollok xi prova ta’ ċertezza, biex tagħmel akkuża simili fuq persuna.
ONOR DEBORAH SCHEMBRI: Jiena naħseb illi l-ħaġa li qed iddejjaqni fil-verità, forsi hija xi ħaġa oħra, mhux din. Hawnhekk għandna li inti “tipprovdi informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa”. U allura nieħu punt milli qal l-Attorney General, jiġifieri li mhux il-kalunja biss fis-sens ta’ falza, imma li mhux korretta jew qarrieqa.
Li ddejjaqni f’din is-section hi li “tagħmel ħsara lill-prinċipal”. Imbagħad jgħidlek li ma jkollu x’jaqsam xejn mal-ebda prattika mhux xierqa. Jiġifieri “li ma jkollu x’jaqsam xejn ma ebda prattika mhux xierqa” m’għandha x’taqsam xejn ma’ “mhux korretta jew qarrieqa”. Għax trid tkun falza, biex ma jkollu x’jaqsam xejn.
Jekk se tkun “mhux korretta jew qarrieqa”, se jkollu x’jaqsam, mhux to the extent li qed jgħid dan li suppost hu l-Whistleblower. Allura li ddejjaqni hi, li dawn it-tnejn qegħdin wara xulxin. Għax jiena naħseb it defeats the purpose.
ONOR. OWEN BONNICI: Ħalli nibdew minn hawnhekk: għandu jkun hawn reat ieħor jew le? Imbagħad niftehmu fuq id-diċitura.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Naqbel li jkun hawn reat ieħor rigward l-intenzjoni ....
ONOR. OWEN BONNICI: Għax fil-kalunja jien qed nakkużak li għamilt reat, meta naf li int innoċenti. Hawnhekk qed nagħmel xi ħaġa, qed ngħaddi messaġġ, apposta biex inkisser lilek. U dik il-vendikazzjoni riedna nipproteġuha.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Xorta hija kalunja.
THE CHAIRMAN: Ma naħsibx li għandha element ta’ kalunja. Tista’ tirrapporta lill-awtorità konċernata.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Għaliex mhuwiex rapport falz! Jiena nista’ inkun qed nirrapporta, li inti ħadt €500,000.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma inti akkużajtni fil-Parlament li jien għamilt liġi akkademika, u għamiltha għall-anġli. B’din inti qed iġġibha għall-anġli biss.
ONOR. OWEN BONNICI: Assolutament le.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ħalli ngħidilkom għaliex. Għax jekk intom qegħdin tgħidu li l-mod ta’ kif xi ħadd se jiktibha din, irid ikun kitibha b’mod ġenwin ....
M’aħniex qegħdin niftehmu. Jista’ ikun li m’iniex qed nispjega ruħi tajjeb biżżejjed.
ONOR. OWEN BONNICI: Jekk wieħed jgħid xi ħaġa li mingħalih li kienet minnha, però wara jirriżulta li le, huwa protett.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma attent għax għandek żewġ affarijiet. Għandek mhux biss l-intenzjoni tal-malizja, għandek ukoll l-inkorrettezza. Hawnhekk, min se jiddeċiedi fuq l-intenzjoni ta’ dak li jkun? Għax dan biex żvela, jew tkellem jew inkella kitibha. Mela min se jiġġudika, se jħares lejn x’kiteb u lejn x’qal jew x’suppost qal. U dik hija very unfair. Għaliex? Għaliex kif se niktibha din u se ngħid li xi ħadd korrettement jew inkorrettement għamel din il-ħaġa, I’m defeating the law.
Għax il-ħsieb tal-Whistleblower Act x’inhu? Il-ħsieb tal-Whistleblower huwa mekkaniżmu intern fil-bidu, biex inti tagħmel iċ-checks and balances interni li l-affarijiet qed isiru tajjeb. Allura jekk jien allegajt - biex ngħid hekk f’termini legali - li “X” mhux qed jieħu ħsieb iżomm il-proċedura normali fuq il-health and safety ta’ xi ħaġa u kelli l-kuraġġ li niktibha u intenzjonalment għamiltha b’din tajba, però kif inhi miktuba ...
Għax meta tikteb kontra ħaddieħor trid bilfors tattakkah. Trid bilfors tiġi tidher li qiegħed tagħmillu azzjoni ħażina lil dak il-bniedem. Ma kellekx dik l-intenzjoni, imma bilfors tiġi f’dik il-junction.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Onor. Mifsud Bonnici, qed nipprova nifhem dak li qed tgħid int u qed nifhem x’qed tgħid. Nistgħu f’dan il-punt naqilbu l-oneru tal-prova .... Ejja ngħidu xi ħadd taf li għandu għalik, m’għandux grazzja miegħek u għamillek dan ir-rapport u taf li qed jesaġera. U int ikollok l-oneru li tipprova li dan għamililek b’malizja? Biex b’hekk nibbilanċjaw dak li qed tgħid int .....
THE CHAIRMAN: L-oneru tal-prova jkun fuq min qiegħed jirrapporta li m’għamilhiex b’malizja?
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Il-problema tagħna hi li appena xi ħadd li se jikteb jew se jersaq biex jiżvela, se jsib lilu nnifsu f’din il-junction, se jibża’. Hawnhekk qed tibgħatulu messaġġ lil xi ħadd li jibża’.
Ara fil-każ ta’ kalunja hemm l-elementi esterni, eċċ. u hija ċara. Imma hawnhekk inti trid tħalli ftit grey area għaliha s-sitwazzjoni.
Jien qed nipproponi li subklawsola (4) titneħħa kompletament.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Intom qed tgħiduli għax il-prosekuzzjoni. Biex dan ikun reat, trid tkun qed tagħmel prosekuzzjoni kontra dan li suppost kien Whistleblower. Jiġifieri mhux fil-kuntest tal-prosekuzzjoni tal-ieħor.
Il-prosekuzzjoni hi kontra dan li suppost kien Whistleblower għax inti qed tgħidlu għamilt reat li tajt informazzjoni qarrieqa.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ħu l-każ ta’ Snowden.
THE CHAIRMAN: Tajt informazzjoni skorretta jew qarrieqa kontra xi ħadd li ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dak l-att.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Jekk fis-subklawsola (3) indaħħlu l-kelma intenzjonalment. “Huwa reat punibbli skont l-artikolu 101 tal-Kodiċi Kriminali li persuni intenzjonalment ipprovdew informazzjoni falza skont it-termini ta’ dan l-Att.”
THE CHAIRMAN: Imma, hemm l-intenzjoni. Lanqas hemm għalfejn, għax il-kalunja diġà hemm l-intenzjoni fiha.
ONOR. OWEN BONNICI: L-għażla hi li jew inneħħu subklawsola (4) jew inħalluha.
DR PETER GRECH: Jekk aħniex se nidħlu fil-finezza mhux biss falza, imma skorretta u qarrieqa.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Għax hi tista’ tkun falza u intenzjonata. Għax aħna nipproteġuh. Tista’ tkun informazzjoni falza - not true - but not intentional.
THE CHAIRMAN: Hawnhekk l-elementi huma doppji. Trid tkun skorretta jew qarrieqa u jkun hemm l-intenzjoni li jagħmel il-ħsara.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Il-problema hi kif se tipprova l-intenzjoni. Fil-kalunja mhux xorta trid tipprova l-intenzjoni? Għax li inti tgħidlu li qed tgħid li huwa falz, xorta reat.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma hemmhekk qed takkużah li kkommetta reat.
ONOR. OWEN BONNICI: Bil-kalunja int qed takkużah li għamel reat meta taf li m’għamlux.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Mentri hawn le.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Imma tkun kalunja għax inti tkun taf illi veru m’għamlux. Allura mhux inti trid tipprovaha l-intenzjoni ħażina tiegħu? Jekk se tkun diffiċli biex tipprovaha, se tkun diffiċli wkoll biex tipprova li jagħmel statement ....
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma hawnhekk għal min irid jikxef għandek żvantaġġ kbir. Għax min se jikxef, se jibża’ għal din il-ħaġa. Jien qed nagħmilha biex insalva l-liġi. Għax inkella se jkollok nies li se jiġu għand avukat u jgħidlu tagħmilhiex għax għandek dan li jista’ jkun li tinstab ħati. Għax ma tafx kif idawwruhielek.
ONOR. OWEN BONNICI: Il-messaġġ tal-Gvern huwa dak, jiġifieri min xjentement irid jagħmel il-ħsara lil ħaddieħor għandu jerfa’ ....(Interruzzjonijiet)
Issa jekk tibqa’ subklawsola (3), il-kalunja se tikkaverjah?
THE CHAIRMAN: Nistgħu ngħidu li l-kalunja qed tapplika għal dan ukoll.
DR PETER GRECH: Jiġifieri qalu xi ħaġa mhux veru fuqek. Jekk dak li għidt huwa veru, però jien m’għidtx kollox u allura ħallejt barra xi element essenzjali u lilek ġibtek li għamilt xi ħaġa ħażina meta fil-fatt m’għamilthiex, ma taqax taħt subklawsola 3. Jiġifieri ma nafx jekk mal-false inżidu l-misleading.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma inti trid tara x’inhu l-iskop tal-liġi. L-iskop tal-liġi huwa li xi ħadd iħossu fil-kunfidenza li għandu żona li jista’ jikxef informazzjoni li jista’ ikun li ma tirriżultax, imma qed iħossu safe li jista’ jagħmilha.
Per eżempju jiena dħalt il-Belt u mort f’dipartiment partikolari u għokrietni għajnejja u għidt dik mhux tajba u rrid nikteb fuqha din. Allura jista’ ikun li jiena niġi hawnhekk għax jiena ma tajtx l-informazzjoni korretta?
DR CAROLINE BENCINI: Ma tridx li l-Whistleblower jiġi f’pożizzjoni fejn joqgħod jagħrbel u jipprova jara l-informazzjoni hu.
THE CHAIRMAN: L-Onor. Deborah Schembri.

ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Jekk aħna fil-“prattiċi mhux xierqa” qed indaħħlu affarijiet bħal “x’aktarx ser tonqos milli tħares kull obbligu legali li tkun soġġetta għalih”, dak fih innifsu li “x’aktarx ser tonqos”, mhux reat. (Interruzzjoni) Mela allura jekk inħallu l-kalunja biss, u xi ħadd jikteb kontrik li inti x’aktarx mhux se tonqos, tkun inti liable taħt din u ma tkunx protett.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Ippermettuli ftit. In-natura tal-Whistleblower - l-ispeċjalità tagħha - hija li inti qed toħloq żona free. Fejn xi ħadd jista’ jersaq ‘il quddiem biex jiġbed l-attenzjoni l-ewwel tal-kumpanija internament, imbagħad jekk il-kumpanija ma tagħtix kas, jesternaha barra biex hi żżomm mar-regoli u l-affarijiet it-tajbin. Jekk hemm xi ħadd li qed jaħseb ħażin fil-kumpanija għat-tielet parti u jgħid jiena qed nipprevedi li dawn ir-regoli mhux se jiġu miżmuma, ma nara xejn ħażin li ssir. Imma jien irrid noħloqlu l-arja naturali li tagħtih il-liġi, l-umbrella li tagħtih il-liġi .....
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Imma inti tkun qed tgħid li dan il-persuna se jikkommetti “prattika mhux xierqa”.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Meta fil-prattika xierqa daħħalna li tista’ issir ukoll, għamilniha apposta biex tista’ tkopri kwalunkwe eventwalità. Kif inti hawnhekk iddaħħal li jiena għax ktibt jew tajt informazzjoni .... (Interruzzjonijiet)
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Imma b’malizja.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Agħti ċans. Għandi r-riskju li dak li għamilt jista’ jiġi interpretat li qed nagħmlu b’malizja, it defeats the whole law.
Ħalli ngħidlek din, “A” u “B”. Mela jiena nikteb u ngħid illi “B” qed jagħmel l-affarijiet ħżiena. “B” jgħid dażgur, dak imqabbad miegħi! Dak dejjem kien imqabbad miegħi! Mela għax dejjem imqabbad miegħi, allura kellu l-intenzjoni ħażina biex lili jagħmilli l-ħsara.
THE CHAIRMAN: Imma mhux biss, Onor. Mifsud Bonnici, għax naħseb we’re missing the point li l-ewwel trid tkun intenzjonalment qed tipprovdi informazzjoni li taf li mhux korretta jew qarrieqa, imbagħad għandek l-intenzjoni li tagħmel ħsara biha din, li mhux ġenwinament qed tara xi ħaġa, qed togħrkok għajnejk ... Għax intenzjonalment ma tafx jekk hijiex tajba jew ħażina.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Jekk tridu agħmluha, biha qegħdin toqtlu l-liġi.
ONOR. OWEN BONNICI: Fis-subklawsola 3 nistgħu nagħmlu huwa reat punibbli skont l-artikolu 101 tal-Kodiċi Kriminali li persuna tipprovdi informazzjoni falza u/jew qarrieqa.
DR PETER GRECH: Għax falza, min ikun malizzjuż ikun jaf kif ma jgħid xejn falz, imma xorta jagħmillek frame-up.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Hawnhekk x’inhu l-isfond li qed nitkellmu fuqu? Qed nitkellmu fuq l-isfond tal-mekkaniżmu tal-liġi biex tgħin biex jinqabdu affarijiet oħrajn. Jekk jien m’għandix il-libertà li nikteb lil xi ħadd internament, fejn mhux qed niżvelalu l-identità tiegħu u qed tiġi investigata. Allura hawnhekk kulma qed tagħmlu hi li toqtlu l-liġi u ġġibu lil kulħadd jagħmel biss ittri anonimi.
Għax b’ittra anonima, skont il-liġi, l-unità trid bilfors tinvestiga. Imbagħad Alla m’għamlu. Mela iktar u iktar jiena minflok se nagħmel inċentiv għal ċittadin onest li jrid jara l-affarijiet tajbin, se nagħti aktar inċentiv biex kulħadd jagħmel l-ittra anonima.
ONOR. DEBORAH SCHEMBRI: Imma mbagħad jekk inti jkollok x’taqsam, ma tistax tmur wara u tgħid jiena ktibtha dik l-ittra, imbagħad tieħu l-benefiċċju tal-liġi.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Imma allura ma jitkellimx u you’ll be defeating the law.
THE CHAIRMAN: Le, ma naqbilx miegħek. Għax inti biex ma titkellimx, trid tkun taf li l-informazzjoni hija ħażina. U jkun hemm il-prova għall-prosekuzzjoni, li inti kont taf li l-informazzjoni hija ħażina u skorretta.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Il-problema tiegħek hija altru kif you divulge the information u altru mbagħad how the divulsion ta’ dik l-informazzjoni se tkun. Għax mhux inti se tagħmilha. U hemm xi ħadd se jitla’ jgħidlek iva, għamiltha b’intenzjoni biex nagħmillu l-ħsara!
Tajba! Jiena nagħmilha b’intenzjoni tajba biex ma jkomplux jagħmlu xi ħaġa, imbagħad immur il-Qorti u jgħiduli le, inti kellek .....
ONOR. OWEN BONNICI: Jiena qed nifhmu l-punt. U rridu nieħdu deċiżjoni. Jekk hemm dan id-dubju li jista’ jkun li din il-klawsola tista’ twassal biex nifgaw il-Whistleblower milli jsaffar, jiena naħseb l-obbligu tagħna huwa - jekk hemm dan il-periklu, li qed nifhmu - din mhix kwestjoni ta’ ħajja jew mewt, jiġifieri mhux qed ninsistu fuqha.
ONOR. BEPPE FENECH ADAMI: Tirtiraha jiġifieri?
ONOR. OWEN BONNICI: Aħna disposti li s-subklawsola 4 nikkanċellawha, u hemm ir-reat tal-kalunja. Però irrid nibgħat il-messaġġ anke għall-posterità. Ir-reat tal-kalunja qiegħed hemm. Jiġifieri min se juża l-Whistleblower Act biex iweġġa’, jivvinta u jagħmel il-ħsara, għax ma ħax li ried,..... (Interruzzjonijiet)

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Tieħdux għalikom, jien inħobb nagħmel l-affarijiet kemm jista’ ikun preċiżi. Għax imbagħad fl-aħħar tal-ġurnata, tiġu l-Qorti fuq l-affarijiet u n-nies jibilgħuhom. U din hija liġi importanti ħafna.
THE CHAIRMAN: Bir-rispett kollu Onor. Mifsud Bonnici, qed jirtira sub--klawsola biex jaqbel miegħek.
ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Le, agħti ċans żgħir. L-Avukat Ġenerali interpreta subklawsola 3 bil-kuntrarju ta’ kif jiena kont qed ninterpretah. U ġabni fid-dubju għax meta għamilna subklawsola 3 aħna għidna “Huwa reat punibbli skont l-artikolu 101 tal-Kodiċi Kriminali”. Jiġifieri li qegħdin nifhmu mhux għall-piena biss, imma anke għas-sustanza tar-reat. Mela nispeċifikawha li għas-sustanza tar-reat trid tidħol għax hemmhekk tagħlaqha kompletament. Jiġifieri “Huwa reat punibbli skont l-artikolu 101 tal-Kodiċi Kriminali li persuna tipprovdi informazzjoni falza skont it-termini ta’ dan l-Att.
Yüklə 0,56 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10   11




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin