AĠĠORNAMENT
ONOR. GUIDO DE MARCO (Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin): Nipproponi l-aġġornament tal-Kamra għal għada, is-Sibt, 30 ta' Lulju, fid-9.00 a.m. b'din l-agenda:
Abbozz ta' Liġi dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud - Kumitat (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta' Artijiet - it-Tieni Qari (Kont.);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar it-Tribunal għal Talbiet Żgħar - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ - it-Tielet Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni - Kumitat (Kont);
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kodiċi Ċivili (Emenda Nru 2) - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar is-Servizzi ta' Impieg u Taħriġ - it-Tieni
Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar il-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar l-GĦajnuna lill-Industriji - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Posta - it-Tieni Qari;
Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Massa Frumentarja - it-Tieni Qari; u
Abbozz ta' Liġi biex jemenda l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati - it-Tieni Qari.
MR SPEAKER: Grazzi. Skond il-Mozzjoni ta' Proċedura Nru. 166 tas-26 ta' Lulju, il-Kamra hija aġġornata għal għada, is-Sibt, 30 ta' Lulju, fid-9.00 a.m. bl-aġenda kif kommunikata mill-Viċi Prim Ministru.
Fl-10.40 p.m. il-Kamra aġġornat skond il-Mozzjoni ta' Proċedura Nru. 166 tas-26 ta' Lulju, 1994.
MISTOQSIJIET IMWIEĠBA BIL-MIKTUB
DIPARTIMENT TA' L-EDUKAZZJONI - "ENTRY REQUIREMENTS FOR 1993 TO COURSES AT POST SECONDARY LEVEL"
20302. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani: L-istudenti sekondarji jingħataw pubblikazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni jisimha "Entry requirements for 1993 to courses at Post Secondary level".
F'kuntatti ma' uffiċjali tad-Dipartiment qed jgħidulhom li hemm żbalji f'din il-pubblikazzjoni. X'inhuma dawn l-iżbalji? Meta se jiġu rranġati dawn l-iżbalji li qed jimmiżinformaw lill-istudenti?
ONOR. MICHAEL FALZON: Il-pubblikazzjoni taħt forma ta' prospectus imsejjaħ "Entry Requirements to Courses at Post Secondary Level" toħroġ kull sena bħala gwida għall-opportunitajiet ta' studju, korsijiet u karrieri fil-livell post-sekondarju.
Għalkemm ma neskludix il-possibbilta' ta' xi tibdiliet f'xi korsijiet u proċeduri tad-dħul minn meta jiġi ippubblikat il-prospectus, dan il-ktejjeb huwa meqjus bħala sors utli ta' informazzjoni. Il-prospectus huwa validu għal dik is-sena partikolari li tkun indikata fuqu. Bħalissa qiegħda titħejja l-edizzjoni ta' l-1994 li tkopri l-korsijiet għall-1994/95.
L-allegazzjoni dwar uffiċjali li qegħdin jgħidu li hemm xi żbalji ma tirriżultalix.
MALTIN MIŻMUMA F'ĦABSIJIET BARRANIN
20370. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin: Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hemmx Maltin li qed jinżammu f'ħabsijiet barranin jew biex jiskontaw sentenza jew għaliex qed jiġu nvestigati minħabba xi ksur ta' liġi tal-pajjiż konċernat?
X'inhuma l-akkużi?
F'liema pajjiżi qed jinżammu?
ONOR. GUIDO DE MARCO: L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tingabar.
Għaldaqstant risposta tingħata f'seduta oħra.
QRATI - LIĠI TA' L-ARTIJIET
20371. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja: Hemm xi ħsieb li tinbidel il-liġi ta' l-Artijiet billi dik li tissejjaħ "absolute ownership" li tintalab wara pussess ta' għaxar (10) snin titneħħa?
ONOR. JOE FENECH: Mhux ċar għal liema liġi qed jirreferi l-Onorevoli interpellant. Minn dak li wieħed jista jifhem jidher li r-referenza hi għal preskrizzjoni ta' 10 snin li topera f'ċertu każi fl-akkwist ta' artijiet. Ma hemmx ħsieb li din il-liġi tinbidel.
KORPORAZZJONI GĦAS-SERVIZZI TA' L-ILMA - SERQ TA' L-ILMA
20372. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Matul l-ewwel sitt xhur tas-sena kemm inqabdu nies jisirqu l-ilma?
Mil-liema lokalitajiet kienu?
Kien hemm każi fejn is-serq ma kienx minħabba tbagħbis fil-meter?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Mill-1 ta' Jannar 1994 sat-30 ta' Ġunju 1994 inqabdu 49 każ ta' abbuż tal-konsum ta' l-ilma.
Tmien każijiet kienu ta' konsumaturi b'pompa mqabbda direttament mal-kanen ta' l-ilma fid-dar.
Il-41 każ ieħor kienu ta' serq ta' l-ilma. F'kull każ minn dawn infetħet inkjesta kriminali u ddaħħlet minnufiħ il-Pulizija kif ukoll l-espert tal-Qorti.
Madwar nofs minn dawn il-każijiet kienu l-meter maqlugħ jew imkisser. Il-bqija kienu b'tapping jew b'bypass f'xi post qabel il-meter. Waqt li spettur tal-Korporazzjoni jinduna mill-ewwel b'meter imbagħbas, iridu jintużaw strumenti bħal pipe locator biex jinstab bypass qabel il-meter.
Il-41 każ huma mqassma f'dawn l-inħawi u kategoriji:
1) Konsumaturi Domestiċi li nqabdu jisirqu l-ilma:
LOKALITA' NUMRU TA' KAZIJIET
San Pawl 5
San Giljan 6
Sliema 4
Rahal Gdid 2
Mosta 2
Kappara 1
Floriana 1
B'Bugia 1
Swieqi 1
Paceville 1
Mellieha 1
Bugibba 1
Hamrun 1
Zebbuġ 1
M'Scala 1
---
TOTAL 29
---
2) Konsumaturi b'konnessjoni ma' attivitajiet Agrikoli li nqabdu jisirqu l-ilma:
(N.B. L-iżjed li jinqabdu każijiet huma minn Lulju sa Ottubru).
LOKALITA' NUMRU TA' KAZIJIET
Rabat 2
Ghajn Tuffieha 1
Maghtab 1
Siggiewi 1
---
TOTAL 5
---
3) Konsumaturi industrijali li nqabdu jisirqu l-ilma:
LOKALITA' NUMRU TA' KAZIJIET
Zejtun 1
Luqa 1
San Gwann 1
Mriehel 1
TOTAL ---
4
---
4) Konsumaturi turistiċi (i.e. Lukandi) li nqabdu jisirqu l-ilma:
LOKALITA' NUMRU TA' KAZIJIET
Sliema 1
Fort Rinella 1
Qawra 1
---
TOTAL 3
---
SANT'ANDRU/BUĠIBBA - DAWL
20373. L-ONOR. EVARIST BARTOLO staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Il-Gvern għandu xi pjan biex idawwal it-triq ta' madwar il-kosta li minn St. Andrews tagħti għal Buġibba?
Meta se tiddawwal din it-triq?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Korporazzjoni Enemalta.
KALKARA - ĦAXIX ĦAŻIN FI TRIQ IS-SIENJA
20753. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru għall-Ikel, Agrikoltura u Sajd: Peress li bejn l-iskola tal-Gvern tal-Kalkara u Triq is-Sienja hemm roqa ħamrija, jista' l-Ministru jara li din titnaddaf u jinżergħu xi siġar ħalli l-ambjent jisbieħ?
ONOR. ĊENSU GALEA: Il-bicca hamrija fi Triq is-Sienja, Kalkara, fuq ir-rih ta' l-iskola ser terga titnaddaf. Fix-xitwa li gejja bi hsibna nergghu nhawwlu s-sigar minkejja l-fatt li dawn qed jinqalghu minn xi hadd kull sena. L-ahhar rapport ghamilnih fl-Ghassa ta' Bormla fid-9 ta' Marzu 1993, meta l-istima tal-hsara telghet ghal Lm195.
KALKARA - ŻBIR TA' SIĠAR
20754. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru għall-Ikel, Agrikoltura u Sajd: Jista' l-Ministru jordna biex jinżabru s-siġar li hemm fil-ġenb tal-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara?
ONOR. ĊENSU GALEA: Is-sigar imsemmija ser jinzabru dalwaqt skond kif titlob is-sengha.
WIED GĦAMMIEQ - XOGĦOL TA' RESTAWR FIL-KAPPELLA TAS-SALVATUR
20755. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani: Jista' jsir xogħol ta' restawr fil-kappella tas-Salvatur u dik ta' Wied Għammieq biex il-kondizzjoni tagħhom ma teħżinx?
ONOR. MICHAEL FALZON: Ir-restawr m'għadux taħt il-kompetenza tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru taż-Żgħażagħ u l-Kultura.
BORMLA - SLEEPING POLICEMAN FUQ VERDALA
20756. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Peress li t-traffiku fuq Verdala żdied ħafna u qed ikun ta' periklu serju, speċjalment għat-tfal u l-anzjani, jista' l-Ministru jordna li ssir sleeping policeman biex b'xi mod tikkontrolla sewqan eċċessiv?
ONOR. LOUIS GALEA: Ġejt informat li t-talba ġiet milqugħa mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u mgħoddija lid-Direttur tax-Xogħolijiet għall-implimentazzjoni.
TRASPORT PUBBLIKU - ROTTA MILL-BELT GĦALL-ISLA
20757. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Qed tittieħed id-drawa li fuq il-karozza tal-linja mill-Belt għall-Isla jitla' kulħadd, bil-konsegwenza li nies residenti l-Isla ma jinqdewx kif kien maħsub. Jista' l-Ministru jieħu l-prekawzjonijiet kollha biex dan ma jkomplix isir?
ONOR. LOUIS GALEA: L-ilment imressaq mill-Onor. Interpellant jirrigwarda lill-Awtorita' għat-Trasport Pubbliku li taqa' taħt il-Ministeru għat-Trasport, Kommunikazzjoni u Teknoloġija.
PULIZIJA - ĦRUĠ TA' SKART DOMESTIKU BARRA T-TRIQ
20758. L-ONOR. MANUEL BORDA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Jistgħu l-Pulizija jagħtu struzzjonijiet biex ħadd ma joħroġ l-iskart domestiku tiegħu tard fil-għaxija meta t-trakk jgħaddi jiġbru fl-10.00 a.m., speċjalment f'toroq prinċipali?
Jidhirlu l-Ministru li għandha tinħoloq kuxjenza biex l-ebda persuna m'għandha toħloq inkonvenjenzi għall-ġirien?
Jistgħu għalhekk il-Pulizija jagħmlu kampanja fuq ir-Radju/TV biex kulħadd jifhem l-importanza li jirrispetta l-kumdita' ta' ħaddieħor?
Il-Pulizija għandhom jippenalizzaw lil min jabbuża u ma jimxix ma dawn l-istruzzjonijiet?
ONOR. LOUIS GALEA: Din il-Mistoqsija Parlamentari għandha ssir lill-Ministeru għall-Ambjent li hu mifhum li qed isegwi din il-materja flimkien mal-Kunsilli Lokali.
TELEPHONES - PHONE BOXES
20801. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Kommunikazzjoni u Teknologija: Jaf il-Ministru li mill-phone boxes ma tistax taqbad il-153 li jagħtu tagħrif dwar numri tat-telephones ta' Dipartimenti tal-Gvern?
Tista' s-sistema tiġi sinkronizzata mal-boxes biex n-nies jinqdew aħjar?
Jaf li lanqas meta tuża l-card xorta l-call fuq il-153 ma tidħolx?
ONOR. MICHAEL FRENDO: Jiena nfurmat li l-pubbliku issa jista' jċempel in-numru 153 mill-phoneboxes wara li l-Korporazzjoni Telemalta solviet xi diffikutajiet tekniċi li kien hemm.
BEACH CONCESSIONS
20802. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 20162?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: L-informazzjoni relattiva għadha qed tinġabar.
ŻURRIEQ - ASFALTAR TA' TRIQ ĠDIDA MA' VJAL INDIPENDENZA
20804. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Kommunikazzjoni u Teknologija: Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet biex tiġi asfaltata triq il-ġdida ma' Vjal Indipendenza li tmiss ma Triq Filippo Farrugia, fiż-Żurrieq?
ONOR. MICHAEL FRENDO: Jiena nfurmat li Triq il-Ġdida ma' Vjal l-Indipendenza li tmiss ma' Triq Filippo Farrugia fiż-Żurrieq, mhix inkluża fil-programm ta' l-asfaltar għal matul din is-sena.
Mis-sena d-dieħla l-programm u l-prijoritajiet ta' l-asfaltar tat-toroq fil-lokal jiġu diskussi mall-Kunsill Lokali.
BDIEWA - TIĠDID TA' ĊENS
20812. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-bdiewa li kellhom ċens mingħand il-Knisja u issa din l-art waqgħet f'idejn il-Gvern?
Jista' l-Ministru jagħti assigurazzjoni li ċ-ċens li jagħlaq se jiġi mġedded?
Jista' l-Ministru jgħid jekk meta jagħlaq iċ-ċens hux se jwaqqa' il-kirja fi qbiela?
Jista' jgħid li dawn iċ-ċnus u l-qbiela humiex se jogħlew?
Meta hemm sidien u sinjuri li għandhom art kbira f'beach concession" li għandhom ċens mhux rivedut, ma jidhirlux l-Ministru li l-bdiewa għandhom jingħataw l-istess trattament?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
ŻURRIEQ - KENNIES FIL-HOUSING ESTATE
20813. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-Housing Estate taż-Żurrieq, il-kennies imur biss darba kull 15-il ġurnata?
Kif tista' żżom l-indafa meta l-kennies imur darba kull 15-il ġurnata?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Huwa fatt li l-Housing Estate taż-Żurrieq jinkines darba kull ħmistax, u dana skond ma huwa regolat mill-kuntratt li s-Sezzjoni ta' l-Indafa Pubblika għandha mal-Kunsill Lokali.
Wieħed jista' jikkonsidra li meta jsir kuntratt ġdid il-frekwenza tkun aktar spissa.
PORT ĦIELES
20818. L-ONOR. RENO CALLEJA staqsa lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi: Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kumpannija li tmexxi l-Freeport ħadet b'eluf ta' liri mazkann u materjal għall-proġett tal-Freeport? Kemm ħalset il-Freeport għal dan il-materjal? Fejn ġie wżat dan il-materjal?
In vista li s-Sur Hili li jmexxi l-Freeport, huwa wkoll direttur ta' Joston Limited li ħadet f'ideja l-proġett tal-car park tal-Furjana, ma jidhirlux l-Ministru li dan hu konflitt ta' interess? Ma jidhirlux li l-prinċipji ta' l-etika u trasparenza għandhom japplikaw ukoll għal min imexxi l-kumpannija parastatali?
ONOR. GEORGE BONELLO DU PUIS: Ninsab infurmat li l-Malta Freeport, qatt ma rċeviet u lanqas qatt ħallset għal mazkann jew materjal ieħor għall-progett tal-Freeport. Ma nistax ma niddeplorax l-asserzjonijiet gratwiti u bla bazi li l-Onor. Membru jħobb jitfa.
SPTAR SAN RAFFAELE - IRREGOLARITAJIET KONNESSI MAL-KUNTRATT
20826. L-ONOR. LEO BRINCAT staqsa lill-Prim Ministru: Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-reazzjoni uffiċjali tiegħu għal dak li fl-idea tiegħi hu skandlu ta' l-Isptar San Raffaele wara li hu ġie mgħarraf bil-miktub mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni dwar irregolaritajiet konnessi mal-kuntratt ta' dan l-isptar?
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Nirreferi lill-Onorevoli Membru għar-risposta li tajt lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni fuq domanda li kien għamel wara l-mistoqsija numru 20686.
MSIDA - KAŻ TAS-SUR PAUL VELLA
20827. L-ONOR. ALFRED SANT staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Kommunikazz-joni u Teknologija: Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jinvestiga l-każ tas-Sur Paul Vella, ta' Casa Maria, Clarence Street, Msida, anzjan li spiċċa mingħajr servizz tat-telephone, skond l-ittra tiegħu mehmuża ma' din l-interpellanza?
ONOR. MICHAEL FRENDO: Jiena nfurmat li fis-27 ta' Lulju 1994, is-Sur Paul Vella reġa' ngħata s-servizz tat-telefon lura temporanjament għal raġunijiet umanitarji sakemm tiġi pproċessata l-applikazzjoni ġdida tiegħu bir-referenza numru AT 4159/94
SLIEMA - TISWIJA TAT-TELEPHONE BOX F'TOWER ROAD
20828. L-ONOR. SANDRO SCHEMBRI ADAMI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Kommunikazzjoni u Teknologija: Jista' l-Ministru jara li t-telephone box f'Torri Road, faċċata tal-Fortizza, Tas-Sliema tissewwa?
ONOR. MICHAEL FRENDO: Jiena nfurmat li l-cardphone li tinsab fi Triq it-Torri, faċċata tal-Fortizza, qed taħdem.
BORD TAL-FUNDAZZJONI TAX-XJENZI U SERVIZZI MEDIĊI - LAQGĦAT
20829. L-ONOR. EDWIN GRECH staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm laqgħat tal-Bord tal-Fundazzjoni tax-Xjenzi u Servizzi Mediċi (FMSS) f'dawn l-aħħar 12-il xahar? F'liema data saret kull laqgħa u fejn?
ONOR. LOUIS GALEA: It-tagħrif miltub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra biex jiġi kompletat it-tagħrif li diġa' ingħata għal din is-sena fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20729.
FONDAZZJONI TAX-XJENZI U SERVIZZI MEDIĊI - STATUT
20830. L-ONOR. EDWIN GRECH staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' l-istatut li jirregola t-tmexxija tal-Fondazzjoni tax-Xjenzi u Servizzi Mediċi (FMSS)?
ONOR. LOUIS GALEA: Nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13778 minn fejn jirriżulta li dan l-Istatut tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-15 ta' Diċembru, 1990.
DIPARTIMENT TA' L-ARTIJIET - ART MGĦODDIJA LILL-KUMPANNIJI PRIVATI
20831. L-ONOR. ALFRED SANT staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jwieġeb għall-interpellanza numru 20630 dwar każi fejn art jew proprjeta' mgħoddija lill-privat, b'riżoluzzjoni tal-Kamra wara ġiet trasferita lil privat ieħor bi qbil tad-Dipartiment ta' l-Artijiet?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Billi biex wieħed ikun jista' jagħti tweġiba għall-Interpellanza hemm bżonn li jiġu studjati l-files kollha tar-Riżoluzzjonijiet, l-Onor. Interpellant japprezza li jrid jgħaddi xi ftit tul ta' żmien biex tingħata tweġiba.
AWTORITA' TAD-DJAR - AKKOMODAZZJONI ALTERNATTIVA
20832. L-ONOR. ALFRED PORTELLI staqsa lill-Ministru għall-Ikel, Agrikoltura u Sajd: Peress li s-Sur Charles Zammit (ID 203157 (M), inkluż mara u ibnu ta' 12-il sena, huma "homeless" u qed jgħixu ġo vann misluf lilhom minn benefattur u ilhom f'dan l-istat għal dawn l-aħħar xahar u nofs - peress li sid il-furnished flat fejn kien joqgħod keċċietu għax riedet tbiegħu - meta mistenni d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jipprovdi post ta' abitazzjoni lil dawn in-nies? (Ref. No. H11725)?
ONOR. ĊENSU GALEA: Ma tezisti l-ebda applikazzjoni f'isem is-Sur Charles Zammit. Fil-fatt l-applikazzjoni Nru. H 11725 hija f'isem haddiehor. Madankollu l-persuna msemmija kellha applikazzjoni H 03239 li giet kancellata fis-17 ta' Dicembru 1991 wara li dan ma wegibx ghall-korrispondenza tad-Dipartiment tad-Djar.
SANTA VENERA - TISWIJA TA' TOROQ
20846. L-ONOR.CHARLES BUHAGIAR staqsa lill-Ministru għall-Ambjent: B'referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 20534, rigward aċċess għar-residenti ta' New Street, f'Santa Venera Road, Santa Venera, japprezza l-Ministru li din il-problema qamet peress li sar re-planning ta' din l-area u li ddaħħlet triq ġdida f'din l-area?
Ġaladarba din il-problema qamet b'dan il-mod, ma jħossx l-obbligu l-Ministru li jħaffef il-proċeduri ħalli din il-problema tissewwa malajr kemm jista' jkun?
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
SKEJJEL LI JGĦALLMU L-INGLIŻ - GĦALLIEMA BIL-WARRANT
20847. L-ONOR. JOE CILIA staqsa lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 20514, jaf il-Ministru li l-problema ta' dawn l-iskejjel mhux li d-dipartiment qed idum milli jipproċessa l-applikazzjonijiet iżda li hemm numru mhux ħażin li lanqas għandhom "A" level fl-Ingliż?
Jaf li ħafna minnhom qed isegwu korsijiet fl-Universita' fejn l-Ingliż mhux rikjest?
Japprezza l-Ministru li l-informazzjoni li għandu mill-uffiċjali tiegħu mhux eżatta?
Mill-1 ta' Lulju (jiġifieri f'dawn l-aħħar tliet ġimgħat) kemm saru żjarat minn dawn l-uffiċjali biex jaraw:-
a. jekk kienx hemm applikazzjonijiet għall-warrants; u
b. jekk iċċekkjawx mad-Dipartiment jekk fil-fatt sarux applikazzjonijiet?
Il-ġenituri daħlu fil-klassijiet li riedu huma u kellmu lill-għalliema waħedhom?
F'dawn it-tlett ġimgħat kemm saru żjarat f'dawn l-iskejjel:-
1. fl-iskola ta' Stella Maris li qed tintuża mill-NSTS;
2. fl-iskola ta' Triq Parision fil-Gżira;
3. fl-iskola ta' l-In Lingua, f'Tas-Sliema;
4. fl-iskola ta' ħdejn il-ġnien tal-Gżira, magħrufa bħala European Centre;
5. fl-iskola li hemm fi Triq Mattew Pulis, f'Tas-Sliema?
Instabu rregolaritajiet fl-impieg ta' għalliema fejn sabu li hemm lanqas jikkwalifikaw għall-warrant?
ONOR. MICHAEL FALZON: Jien infurmat li hemm xi għalliema fl-iskejjel imsemmija li ġew approvati biex jgħallmu l-Ingliż avolja m'għandhomx 'A' Level fl-Ingliż għax ġie ppruvat li għandhom "A Level equivalence" f'din il-lingwa, minħabba fil-livell ta' studju li jkunu laħqu. Normalment dawn ikollhom ċertifikat fit-"Teaching English as a Foreign Language" (TEFL).
L-informazzjoni li ngħatatli kienet ibbażata fuq iċ-ċifri li għandha d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u fuq l-informazzjoni miġbura waqt żjarat fl-iskejjel.
Mill-1 ta' Lulju 'l hawn saru żjarat għal għarrieda f'seba' minn dawn l-iskejjel. Instabu għadd ta' għalliema li applikaw għall-warrant u qegħdin jistennewh. Dan imbagħad ġie wkoll verifikat. Instabu wkoll ftit li ma kenux applikaw għall-warrant.
F'dawn it-tliet ġimgħat saru żjarat fl-iskola ta' Triq Parisio fil-Gżira, fl-iskola ta' Triq Mattew Pulis, f'Tas-Sliema u fl-iskola ta' l-Inlingua, fost skejjel oħra. Fi skola minnhom instabu għadd ta' għalliema li ma kellhomx l-approvazzjoni tad-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni. Il-każ qed ikun mistħarreġ.
POSTIJIET TA' DIVERTIMENT - TFAL TAĦT IS-16-IL SENA
20848. L-ONOR. JOE CILIA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Issa li daħal is-sajf sewwa u minbarra żgħażagħ Maltin hemm eluf kbar ta' żgħażagħ barranin li qed jiffrekwentaw id-discos speċjalment f'Paceville, jista' jgħid jekk mill-1 ta' Ġunju sal-lum kienx hemm każi fejn instabu żgħażagħ taħt is-16-il sena li kienu fid-discos?
Ittieħdu passi kontra s-sidien ta' dawn id-discos?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li ma kienx hemm każi fejn il-Pulizija ħadet passi bil-Qorti dwar żgħażagħ li daħlu f''discos' meta ma kienux għalqu s-16-il sena f'Paceville.
GROUND TA' PACE GRASSO - MANUTENZJONIJIET
20849. L-ONOR. JOE CILIA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: Nirreferi lill-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 20513.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-sottomissjonijiet li għamlet il-Pulizija lill-MFA qabel ma jiftaħ l-istaġun li jmiss u x'kienet it-tweġiba?
Kemm hemm "portable radios" disponibbli għall-għassa ta' Raħal Ġdid?
Kemm-il darba ittieħed dan l-"portable radio" is-sena li għaddiet (staġun tal-football) peress li meta kellhom bżonn xi ħaġa l-Pulziija għamlu użu mill-uniku telephone li hemm fil-ground jew minn dak li għandhom il-ġurnalisti?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li għalkemm l-istaġun preċedenti kienet saret talba għal tinda għaż-żwiemel u stallazjoni ta' 'telephone' għal użu tal-Pulizija f'każ ta' bżonn, din is-sena ma saret l-ebda talba s'issa.
Fl-Għassa tar-Raħal Ġdid hemm 2 'Portable Radios'. Fl-logħob ta' ċertu interess il-Pulizija dejjem użat il-'Portable Radios'.
PULIZIJA - ĦLAS TA' XOGĦLIJIET
20850. L-ONOR. JOE CILIA staqsa lill-Ministru ta' l-Intern u Żvilupp Soċjali: X'kien l-ammont ta' ħlasijiet "extra" li ħadu l-pulizija li għamlu xogħol:-
a) fil-ground tal-football ta' Pace Grasso;
b) fil-ground ta' l-Istadium Nazzjonali;
ċ) fil-ground ta' Kordin?
Dawn fil-fatt tħallsu kollha?
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm hu l-ħlas fis-siegħa għal kull rank fil-pulizija li jkun "extra" il-ground?
ONOR. LOUIS GALEA: Informat li matul din is-sena l-ħlasijiet li ħadu l-Pulizija għal xogħol 'extra duty' fil-postijiet imsemmija hu kif ser ngħid:
Ground ta' Pace Grasso Lm 1,417
Ground ta' Kordin Lm 3,543
Ground Nazzjonali ta' Ta' Qali Lm 11,432
Dawn fil-fatt tħallsu kollha.
Il-ħlas li jieħdu għal kull siegħa 'extra duty' kull membru skond ir-'rank' hu kif ser ngħid:
Assisentent Kummissarju Lm 4.34,0
Supretendent Lm 3.59,0
Spettur Lm 3.04,5
Surġent Maġġur Lm 2.59,0
Surġent Lm 2.43,5
Kuntistabbli Lm 2.17,0
Dostları ilə paylaş: |