Malta dibattiti tal-kamra tad-deputati (Rapport Uffiċjali u Rivedut)



Yüklə 0,58 Mb.
səhifə2/10
tarix21.12.2018
ölçüsü0,58 Mb.
#86384
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10

TQEGĦID TA’ KARTI



ONOR. TONIO FENECH (Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment): Mr Speaker, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 12 tal-2011 – Regolamenti tal-2011 li jemendaw ir-Regolamenti dwar iċ-Ċentri tas-Swieq tal-Prodotti tal-Biedja;
Avviż Legali Nru. 13 tal-2011 – Regoli tal-2011 dwar Tnaqqis (Vetturi Elettriċi);
Avviż Legali Nru. 14 tal-2011 – Ordni tal-2011 li jemenda l-Ordni dwar Eżenzjoni mill-Ħlas ta’ Taxxa Doppja fuq l-Income mar-Repubblika tal-Italja;
Lista ta’ uffiċċji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment li fihom saru xogħlijiet ta’ aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità, fl-2009 u 2010, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22130;
Tabella li turi l-għadd ta’ persuni li d-dħul tagħhom huwa skont diversi income brackets, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 22198;
Kopja ta’ żewġ kuntratti datati 13 ta’ Novembru 1990 u 3 ta’ Diċembru 2009 dwar l-għoti b’titlu ta’ ċens perpetwu u ta’ fidi tal-istess ċens tal-art li ntużat biex tinbena l-fabbrika Lowenbrau f’Ħal Qormi, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22953;
Tagħrif dwar sejħiet maħruġa mill-Malta Enterprise u mill-Malta Industrial Parks bejn l-4 ta’ Jannar 2004 u Jannar 2011 biex jimtlew vakanzi fi gradi mhux maniġerjali, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22958; u
Tagħrif dwar inkjesti, investigazzjonijiet u stħarriġ interni li saru fid-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, matul l-2009 u l-2010, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 22784.
MR SPEAKER: Grazzi. Is-Segretarju Parlamentari de Marco.

ONOR. MARIO DE MARCO: Mr Speaker, f’isem il-Prim Ministru nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Avviż Legali Nru. 15 tal-2011 – Twettiq tar-Regolamenti tal-2010 dwar l-Infurzar ta’ Sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iran;
Avviż Legali Nru. 16 tal-2011 – Regolamenti tal-2011 li jemendaw ir-Regolamenti dwar Pjan ta’ Azzjoni fil-Qasam tal-Politika tal-Ilma;
Tagħrif dwar impjegati ġodda mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bejn Marzu 2008 u Ottubru 2010, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 20413;
Tabella li turi l-fieri fir-Russja u f’pajjiżi oħra tar-reġjun li fihom kien hemm rappreżentanza tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fir-Russja, matul l-2010, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20832;
Tagħrif dwar multi mhux miġbura mill-kunsilli lokali bejn Jannar 2000 u Ottubru 2010 maqsuma skont il-kunsill, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 21044;
Tagħrif dwar uffiċċji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Prim Ministru li qegħdin fuq żewġ sulari jew aktar, u liema minnhom għandhom lift jaħdem, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22135; u
Lista ta’ tenders imħejjija fl-2008 għal xogħlijiet u studji fuq it-Tempji tal-Ġgantija, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien u l-Katakombi ta’ San Pawl fir-rigward tal-Grant Agreement ERDF032 – Archaeological Heritage Conservation Project ko-finanzjat mill-Fondi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 22876.
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Clyde Puli.


ONOR. CLYDE PULI (Segretarju Parlamentari): Mr Speaker, f’isem il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-għadd ta’ studenti li attendew l-iskola speċjali tal-Wardija fl-2010 maqsuma skont il-lokaliltà, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22733;
f’isem l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-fondi mhux utilizzati taħt kull item tal-voti approvati għas-sena 2010 għad-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22898.
f’isem il-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Kopja tar-rapport annwali tal-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta u Estimi Finanzjarji għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2009;
Tabella li turi l-fondi mhux utilizzati taħt kull item tal-voti approvati għas-sena 2010 għad-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 22902;
f’isem il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li turi l-għadd ta’ serqiet rappurtati minn ħwienet u stabbilimenti kummerċjali f’Ħaż Żebbuġ bejn l-2008 u l-2010 maqsuma xahar xahar, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 22872;
Tabella li turi l-għadd ta’ serqiet rappurtati minn residenzi f’Ħaż Żebbuġ bejn l-2008 u l-2010 maqsuma xahar xahar, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 22873; u
Tabella li turi l-fondi mhux utilizzati taħt kull item tal-voti approvati għas-sena 2010 għad-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22899.
u f’isem il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar id-dipartimenti tal-outpatients prinċipali fl-Isptar Mater Dei flimkien mal-għadd medju ta’ attendenzi kuljum fl-istess dipartimenti tal-outpatients matul l-2010, bi tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 22936; u
Lista ta’ mediċini li f’xi żmien matul l-2010 kienu out of stock fl-Isptar Mater Dei, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22981.
MR SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Ordnijiet tal-Ġurnata.

ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

ABBOZZ TA' LIĠI DWAR L-AWTORITÀ TA’ MALTA GĦALL-KOMPETIZZJONI U GĦALL-AFFARIJIET

TAL-KONSUMATUR

MALTA COMPETITION AND CONSUMERS AFFAIRS AUTHORITY BILL





    L-ordni għat-Tieni Qari ġie moqri.



Ikompli mid-19 ta’ Jannar, 2011.
Il-mistoqsija reġgħet tqiegħdet.
MR SPEAKER: Rimarki? L-Onor. Francis Zammit Dimech.
ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH: Mr Speaker, quddiem dan il-Parlament għandna abbozz ta’ liġi ieħor importanti ħafna għaliex qed nitkellmu dwar qasam li naturalment jolqotna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ilkoll kemm aħna, f’xi ħin jew ieħor, inkunu konsumaturi anke jekk inkunu fil-qasam tad-dinja tal-kummerċ. Dan ġie spjegat ukoll anke meta kien qed ikun hemm proċess ta’ konsultazzjoni dwar dan l-abbozz. Fil-verità f’ħin jew f’ieħor kulħadd ikun konsumatur.
Mr Speaker, naħseb li huwa importanti li filwaqt li qed nikkonsidraw dan l-abbozz, inżommu quddiem għajnejna mhux biss x’hemm fl-istess abbozz, imma anke d-direttivi rilevanti mill-Unjoni Ewropea fuq dan il-qasam u diversi kitbiet li hawn fuq suġġett daqshekk importanti. Dan għaliex iktar ma naġġornaw ruħna mal-aħjar prattiċi li hemm f’pajjiżi oħrajn iktar inkunu nistgħu nagħtu l-protezzjoni li jixraqlu l-konsumatur. Qed ngħid hekk għax għalija, jkollhiex suċċess jew le f’pajjiżna din l-awtorità, jiddependi minn kemm se jkun hemm impenn totali, u anke f’ċertu sens kreattiv, favur il-konsumatur minn min għad jikkomponiha u jaħdem fi ħdanha, b’mod partikolari fil-livell ta’ diversi diretturi ġenerali, b’mod li jinħoloq dak il-bilanċ ġust bejn min qiegħed fid-dinja tal-kummerċ u min qiegħed jirċievi l-prodotti jew is-servizzi. Mela bħal kull awtorità oħra t-test finali mhuwiex biss aħna x’niktbu fil-liġi, mhux biss x’jingħad f’dan il-Parlament jew kemm il-liġi tista’ tkun irfinuta fl-istadju ta’ kumitat, imma d-direzzjoni li tingħata minn min se jkun maħtur biex iħaddimha. Dak huwa prinċipju fundamentali.
Prinċipju ieħor li għalija huwa importanti ħafna f’dan il-qasam – u anke hawn naf li sar titjib kbir f’pajjiżna, però nistgħu nsegwu wkoll ħafna żviluppi li qed jiġru f’pajjiżi oħrajn Ewropej u anke dawk mhux Ewropej – hu li min qiegħed fid-dinja tal-kummerċ, minn jeddu, apparti minn kull awtorità, minn kull struttura, minn kull mekkaniżmu u minn kull proċedura oħra li jista’ ikun hemm, iqiegħed il-ħarsien tal-konsumatur bħala priorità tiegħu stess, u dan anke għall-ġid tiegħu stess. Qed nitkellmu fuq dinja fejn il-kompetizzjoni hija dejjem akbar, il-globalizzazzjoni għandha l-impatt tagħha, u aktar nies huma konxji mid-drittijiet li għandhom anke bħala konsumaturi u wieħed ma jistax jagħti priorità biss lill-mottiv tal-qligħ. Dan huwa importanti għal min hu fil-qasam kummerċjali, imma daqstant ieħor huwa importanti l-mottiv li tagħti l-aqwa ħarsien u l-aqwa servizz lill-konsumatur. F’dan ir-rigward għandu jkun hemm checklist li d-dinja tal-kummerċ, bla ebda dubju, kapaċi toħloq f’bażi individwali u anke kollettiva għaliha nnifisha, imma li jista’ wkoll bil-mod il-mod jiżviluppaw prattiċi tajbin ta’ kif dawn l-affarijiet jitmexxew.
Din tkun checklist li tinkludi elementi bħal kif tiggarantixxi l-kwalità tal-prodott li inti qed tbigħ u x’livell ta’ garanzija toffri lill-konsumatur. Tkun checklist li tinkludi kif inti ma tidħakx b’min qed jixtri jew qed jieħu servizz mingħandek. B’dan il-mod ikollok projbizzjoni anke fil-prattika kontra li wieħed jiżgwida lil dak li qiegħed fuq in-naħa li qed jirċievi s-servizz u l-prodott. Ikollok xi ħaġa kontra l-użu, pereżempju, tal-famużi klawsoli tal-ismall print fejn ħafna drabi jikkontradixxu kulma tkun qrajt qabel, inkluż anke f’reklami u f’pubbliċità pjuttost sensazzjonali. Din iċ-checklist tkun tinkludi prattiċi rigward after sales service, prattiċi rigward kif inti tittratta man-nies li għandhom bżonn ikellmuk, li jċemplulek u li jiktbulek. Sfortunatament hija prattika ta’ xi kumpaniji li messhom jafu aħjar f’pajjiżna, li jpoġġu lin-nies on hold għal ħin twil fuq it-telephone fejn iridu joqogħdu jisimgħu l-mużika, imbagħad biex jinsulentaw ftit aktar, iridu joqogħdu jisimgħu r-reklami tal-prodotti li joffru minflok ma jinqdew aktar malajr.
Mr Speaker, qed ngħid dan kollu għax il-liġi hija importanti u se tagħmel pass kbir ‘il quddiem. Bħalma l-liġi jrid ikollha l-persuni li jinfurzawha u jaraw li titwettaq fil-prattika, hekk ukoll il-qasam kummerċjali jista’ jagħti hu stess eżempji favur l-aqwa prattiċi bħalma jsir f’pajjiżi oħrajn. Il-qasam kummerċjali m’għandux iħares biss lejn il-kompetizzjoni li tista’ tirbaħ fuqu jekk hu ma jagħtix servizz tajjeb, imma għandu jħares lejn l-għoti ta’ servizz tajjeb anke bħala valur u bħala prinċipju fih innifsu, il-prinċipju li inti tieħu qligħ ġust tal-eżerċizzju tas-settur kummerċjali li tkun fih jew anke tas-servizz li tkun qed tagħti. Meta wieħed jagħmel hekk, ikun qed jagħti valur mhux biss lilu nnifsu imma anke lil min jiddependi minnu, u aktar ma nwasslu dawn il-prinċipji, aktar naraw titjib f’pajjiżna.
Sur President, fl-intervent qasir li rrid nagħmel nixtieq inħares lejn xi punti prinċipali li hawn f’dan l-abbozz, u naturalment norbot ma’ dak kollu li kont qed ngħid. L-ewwel nett hawn qed nitkellmu dwar erba’ entitajiet li huma kollha mmexxija minn direttur ġenerali. Dawn l-entitajiet huma dak responsabbli għar-regolamenti tekniċi, dak responsabbli għall-istandards u l-metroloġija, dak li huwa direttament responsabbli għall-affarijiet tal-konsumatur u dak li huwa responsabbli għall-uffiċċju tal-kompetizzjoni. Dawn huma entitajiet li jsegwu awtomatikament l-istess klassifika, jiġifieri fejn inti mbagħad għandek din is-sistema tat-tmexxija. Li żgur jolqtok dwar il-kompożizzjoni tal-bord tal-gvernaturi li se jinħatar huwa l-enfasi evidenti li qiegħda ssir anke biex fil-bord ikun hemm livell aktar għoli ta’ nies esperti u kompetenti li jirrappreżentaw professjonijiet differenti. Hemm anke r-regoli kif dawn il-persuni jkunu maħtura u hawn jiena ngħid li nispera li dan il-livell tat-tmexxija jsegwi mhux biss il-prinċipji li elenkajt jien imma anke l-aħjar prattika li llum tevolvi madwar id-dinja.
Il-funzjonijiet prinċipali tal-awtorità huma preċiżament li jippromwovu s-saħħa politika favur il-konsumatur, jimpromwovu standards volontarji, b’aċċenn għall-prinċipju li kont qed nirriferi għalih dwar li dawn l-istandards jinżammu anke fuq prinċipju min-naħa tad-dinja tal-kummerċ u tas-servizzi stess. L-awtorità għandha wkoll il-funzjoni li toħloq standards minn jeddha, apparti standards li jkunu mposti, li jkunu tal-ogħla kwalità u li jkun hemm servizzi relatati mal-għemil ta’ dawk l-istandards. Funzjoni oħra hi li jkollok strateġija nazzjonali ta’ metroloġija li tippromovi t-traspożizzjoni u l-addozzjoni mingħajr xkiel ta’ regolamenti tekniċi. F’dan is-sens, l-awtorità se jkollha rwol leġislattiv importanti ħafna għax se tkun qed tagħmel l-abbozzar ta’ regolamenti tekniċi u ta’ standards li jistgħu jinvolvu traspożizzjoni ta’ direttivi Ewropej. Dan huwa importanti għaliex fl-aħħar mill-aħħar, bħal kull settur ieħor, id-dettall huwa li jagħmel differenza bejn tkunx qed taqdi d-doveri tajjeb jew le. Kif ngħidu bl-Ingliż, the devil is in the detail u forsi f’dan is-settur dan jgħodd iktar milli f’oħrajn. Naturalment l-awtorità tkun tista’ tagħmel ukoll funzjoniet oħra li jkunu assenjati lilha.
Mr Speaker, jiena enfasizzajt il-prinċipju ta’ expertise li se jkun hemm fin-nies li se jkunu qed jikkomponu dan il-bord. Hemm seba’ membri li jirrappreżentaw kompetenzi varji u li jolqtok l-ewwel hu li l-kriterju li avukat irid ikollu minimu ta’ seba’ snin esperjenza biex ikun eliġibbli li jsir maġistrat, japplika hawnhekk ukoll. Hawnhekk irid ikollok avukat b’seba’ snin esperjenza, irid ikollok xi ħadd gradwat fl-ekonomija wkoll b’seba’ snin esperjenza, xi ħadd mid-dinja tal-inġinerija wkoll b’seba’ snin esperjenza, spiżjar minħabba n-natura marbuta mal-istandards minħabba l-qasam farmaċewtiku u anke accountant pubbliku u dejjem hemm dan il-bżonn minimu ta’ seba’ snin esperjenza. Mela b’hekk żgur li se jkollna bord ta’ nies li huma kompetenti, imbagħad sta għalihom, anke fil-prattika, li jagħtu l-gwida li qed nirriferu għaliha.
L-Abbozz ta’ Liġi huwa pjuttost dettaljat anke mil-lat ta’ responsabilitajiet ta’ diversi uffiċċji li se jitwaqqfu bis-saħħa ta’ din l-awtorità li hija awtorità li tikkonsolida flimkien strutturi li diġà jeżistu fil-pajjiż. Dawn se jkunu taħt struttura waħda biex ikun hemm sinerġija aħjar bejniethom ħalli ssir investigazzjoni li trażżan prattiċi ristrettivi, kompetizzjoni taparsi li ma tkun kompetizzjoni xejn, jew biex trażżan li min ikun irid jiddomina s-suq u li jaħseb li għax qed jiddomina s-suq jista’ jagħmel kull ma jrid bil-konsumatur. Dawn l-uffiċċji se jeżaminaw u jikkontrollaw l-effett ta’ konċentrazzjoni bejn intrapriżi fuq il-kompetizzjoni u se jaraw li jkun hemm it-traspożizzjoni tar-regolamenti Ewropej. Se jkollhom ukoll funzjoni li jirrevedu s-swieq u l-attivitajiet kummerċjali li għandhom x’jaqsmu mal-provvista ta’ oġġetti u servizzi u li jiġbru informazzjoni u evidenza sabiex jiġi aċċertat jekk xi swieq u attivitajiet jistgħux jeffettwaw b’mod ħazin l-interess tal-konsumatur. Jiena se nevita li naqra l-elenku kollu tal-funzjonijiet, però kollha kemm huma jfakkruni f’dak li jsir minn awtoritajiet simili barra minn Malta.

Mr Speaker, jekk wieħed jara l-aħbarijiet internazzjonali jsib li l-Istati Uniti tal-Amerika u anke l-Kummissjoni Ewropea għamlu investigazzjonijiet fuq intrapriżi kummerċjali ta’ saħħa kbira internazzjonali kummerċjali li ġew mitluba jirrestrinġu prattiċi li mhumiex ta’ ġid għall-konsumatur imma prattiċi ntiżi preċiżament biex joqtlu l-kompetizzjoni. Biex nagħti eżempju nista’ nsemmi każi fid-dinja tat-teknoloġija fejn min jipprovdi software jipprova jagħmel mezz biex dak li jkun jiġi jiddependi għal kollox minnu. F’ċerti cirkostanzi jiġi ordnat li jingħata aċċess lill-providers oħra fuq sistemi tiegħek, speċjalment jekk inti tkun qed tippromovi lilek innifsek bħala platform komuni. Jekk tkun qed tippromwovi lilek innifsek b’tali mod allura ma tistax imbagħad iżżomm lil ħaddieħor milli joffri s-servizz tiegħu wkoll.


M’hemmx għalfejn immorru wisq ‘il bogħod. Naħseb li llum kullħadd huwa aktar konxju mhux biss minn dak li jiġri ġewwa pajjiżna imma anke minn dak li qed jiġri fid-dinja kollha kemm hi, fejn għandek rivoluzzjonijiet varji li qed jiġru anke fl-livell politiku bħalissa f’pajjiżi viċin tagħna. Qed isiru rivoluzzjonijiet marbuta ma’ libertà ferm aktar fis-suq, ma’ libertà ferm aktar ta’ informazzjoni, ma libertà ferm aktar favur l-għażla. Dawn huma kollha kunċetti li fl-aħħar mill-aħħar jorbtu ma’ xulxin. Għalhekk irid ikollok strutturi li joħolqu l-bilanċ ġust u li jkunu kreattivi biżżejjed biex mhux biss jassiguraw li Malta ma taqax lura a paragun ta’ dak li qed jiġri bħala l-aħjar prattika f’pajjiżi oħrajn, imma anzi jassiguraw li aħna nkunu fost il-pajjiżi li joffru l-aħjar prattiċi f’dan il-rigward. Niġi issa għall-uffiċċju tal-affarijiet tal-konsumatur.
Waħda mill-funzjonijiet ta’ dan l-uffiċċju hi li dan irid jinkoraġġixxi lill-kummerċjanti sabiex iħarsu l-liġi tal-konsumatur. Il-verb “jinkoraġġixxi” jorbot mal-prinċipju li qed ngħid, li jridu jiġu żviluppati prattiċi anke b’mod volontarju. Jiena m’għandi ebda dubju li dan l-uffiċċju se jkollu ħafna sitwazzjonijiet fejn mhux biss jinkoraġġixxi imma anke jinforza ċerti prattiċi għax filwaqt li huwa tajjeb li jinkoraġġixxi, fejn l-inkoraġġiment ma jilħaqx l-iskop meħtieġ, irid ukoll jinforza.

Hawn ukoll ħsieb - u forsi nagħlaq b’dan il-punt, anki għaliex jorbot ma’ uffiċċji oħra - dwar l-għoti ta’ informazzjoni u l-għoti ta’ pariri kontinwi lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu. Jien, sal-ġurnata tal-lum, nimmeravilja ruħi kemm niltaqa’ ma’ persuni li ma jkunux jafu drittijiet li diġà jeżistu fil-liġi tagħna, bħal pereżempju, id-dritt tal-cooling off period li huwa applikabbli speċjalment fuq ċerta tip ta’ promozzjoni kummerċjali bħalma hija dik marbuta mat-teleshopping jew promozzjonijiet oħra. Il-konsumatur irid jkun hemm min ifakkru, min jiggwidah u min anke joffri servizz mhux biss ta’ informazzjoni imma anke ta’ edukazzjoni.


Meta nitkellmu fuq bilanċ bejn elementi varji f’pajjiżna, dan irid ifisser li billi l-qasam kummerċjali diġà jaf tajjeb ħafna għax għandu konsulenti li jaqdu d-dmirijet tagħhom u jagħtuh l-aqwa informazzjoni, hekk ukoll min qed jirċievi s-servizz irid ikollu min jagħti l-pariri lilu. Ħafna drabi huwa diffiċli ħafna li wieħed jagħti pariri fuq bażi individwali sakemm ma jkollokx ukoll information desks jew customer services u sistemi oħrajn anki fil-livell ta’ awtorità apparti fil-livell ta’ entitajiet kummerċjali ta’ ċertu kobor li dan mhux biss jistgħu jagħmluh imma għandhom jagħmluh. Mela apparti dak li jingħata f’livell individwali, għandu jkun hemm kampanji ta’ natura nazzjonali li preċiżament jippromwovu l-aħjar prattiċi billi aktar nies ikunu ta’ kuljum jafu iktar x’inhuma d-drittijiet li għandhom.
Naturalment fl-abbozz hemm riferenza għall-istandards u għall-prinċipji ta’ sigurezza li llum hija marbuta mal-oqsma kollha fil-ħajja tagħna għax qed issir fattur dejjem u dejjem iktar importanti. Hemm prodotti sħaħ li anke permezz ta’ direttivi Ewropej, jew direttivi ta’ pajjiżi oħrajn ġieli kellhom ikunu rtirati għax kienu ta’ periklu għal min hu ta’ età żgħira jew ta’ età vunerabbli. Trid titħares ukoll is-saħħa li huwa wieħed mill-ewwel prinċipji bażiċi ta’ kif wieħed iħares il-konsumatur.
Jiena għandi fiduċja li dan l-abbozz se jagħti gwida u direzzjoni tajba. It-twettiq tiegħu qiegħed f’idejn min eventwalment ikun maħtur, f’idejn il-persuni li jkunu fl-istrutturi kollha ta’ din l-awtorità u anke fil-qasam kummerċjali għall-parti volontarja tiegħu u fis-soċjetà b’mod ġenerali. Dawn għandhom il-kompitu li din l-informazzjoni jkattruha iktar u jgħinu biex ikun hemm it-tixrid tagħha sabiex dan il-bilanċ nippromovuh aħna lkoll. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? L-Onor. Anthony Zammit.

ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Mr Speaker, jien naqbel ma’ dak li kien qed jgħid l-Onor. Zammit Dimech, jiġifieri li din hija liġi mportanti mmens għax fil-fatt kull wieħed minna huwa konsumatur, kemm mil-lat li jixtri xi ħaġa jew inkella jagħmel użu minn xi servizz, kemm jekk huwa privat kif ukoll tal-gvern. Huwa importanti ħafna li l-gvern f’din il-liġi jissalvagwardja lill-konsumatur għax il-konsumatur stess xi darba jew oħra jista’ jiġi wkoll biex jilmenta fuq servizzi li qed jingħataw mill-istess gvern.
Mr Speaker, l-aspettattivi tan-nies huma għoljin għax huma għandhom esperjenza ta’ kemm hu b’saħħtu l-konsumatur fl-Unjoni Ewropea. Jien nista’ ngħid li naf min mar jivvota biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea għax kien konvint li b’Malta fl-Unjoni Ewropea l-konsumatur se jmur ħafna aħjar u kien se jkun f’pożizzjoni ħafna aqwa milli kien jinsab fiha fil-passat. Jekk morniex ‘il quddiem jew lura ma nafx, imma nispera li din il-liġi se sservi bħala pass ‘il quddiem biex il-konsumatur jieħu d-drittijiet li għandhom konsumaturi oħra li jgħixu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Mr Speaker, il-konsumatur huwa individwu, kumpanija, soċjetà li jew tixtri oġġett jew tagħmel użu minn servizz. Jien nara li din il-liġi għandha tliet għanijiet ewlenin u importanti, l-ewwel wieħed li ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur vis-à-vis l-business tal-privat. B’dan ma rridx ngħid li għandna nbaxxu l-prezzijiet imma għandna noqogodu attenti għax kulħadd jaf li l-business xi minn daqqiet jagħti lok għall-abbuż. Huwa veru li min għandu business irid li jkollu l-qligħ tiegħu b’mod sodisfaċenti, imma dan għandu jara wkoll li ma jpoġġix lill-konsumatur dahru mal-ħajt. Il-profitt irid ikun qiegħed hemm, imma għandu jkun wieħed ġust u l-konsumatur għandu jingħata garanzija ta’ ġenwinità dwar il-prodott li jkun qed jixtri jew juża.
It-tieni għan ta’ din il-liġi huwa li l-konsumatur jiġi protett u jingħata soluzzjonijiet effettivi u mmedjati għall-ilment tiegħu rigward użu ta’ servizz, kemm minn dak privat kif ukoll pubbliku. B’soluzzjonijiet effettivi u mmedjati nifhmu li dak li jkun ma joqgħodx jiġri minn post għall-ieħor biex jipprova jieħu dak li huwa tiegħu jew biex jieħu r-raġun. Fil-fatt hija xi ħaġa tajba li din il-liġi qed tipprova ġġib l-entitajiet flimkien, però ma narax li l-konsumatur se jiġi moqdi bħal meta jkollok a one-stop-shop, jiġifieri li dan se jmur hemmhekk u jinqeda malajr. Huwa importanti li dak li jkun mhux biss jinqeda malajr, imma li ma joqgħodx jiġri minn banda għall-oħra biex ikollu s-sodisfazzjon għall-ilmenti.
l-liġi għandha ġġib ukoll tibdil fil-mentalità tas-soċjetà, li huwa importanti ħafna. Irridu nqisu li kulħadd huwa konsumatur; illum immur nixtri xi ħaġa mingħand Ċikku, però mill-banda l-oħra, jien qed nagħti servizz. Allura meta jiena niftakar li nista’ nkun fuq iż-żewġ naħat tas-sitwazzjoni, awtomatikament għandha tmissni l-kuxjenza u rrid inkun ċert li fl-atteġġjament tiegħi, kemm bħala konsumatur kif ukoll bħala li qed noffri servizz, noqgħod pass lura milli nagħmel abbuż. Hemm bżonn li fis-soċjetà tidħol din il-mentalità ta’ self-regulation. Jien naħseb li soċjetà li għandha din it-tip ta’ mentalità hija soċjetà li timxi ‘l quddiem, tkun b’saħħitha, u tissalvagwarda lil kull individwu.
Mr Speaker, sfortunatament il-liġi ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar kif se jiġi protett il-konsumatur. Jien nara li f’dan il-każ il-gvern qed jagħti l-impressjoni li jrid ikun il-paladin tal-konsumatur imma ma jurix kif; qed jagħti l-impressjoni li qed jgħid ħafna imma se jagħmel ftit. Hemm impressjoni li dan il-gwardjan tal-konsumatur se jaqbeż għall-konsumatur u li l-konsumatur se jinqeda, però ddur fejn iddur, meta inti tieħu l-finezzi ta’ din il-liġi ssib li l-gvern kulma għamel kien li qabad l-entitajiet li huma diġà eżistenti u poġġihom taħt kappa ta’ awtorità waħda. Meta inti terġa’ tara dawn il-finezzi ssib li fil-fatt m’hemmx dawk il-bounderies li suppost ikun hemm bejn direttorat u ieħor u hemm ħafna overlapping. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk wieħed jara l-liġi jsib li d-deċiżjoni hija waħda li taqa’ taħt il-kappa tal-ministru. Jekk xi ħadd għandu lment fuq il-gvern, u din se tiġi għad-deċiżjoni minn entitajiet governattivi jew ministerjali, taħseb li hawnhekk se tittieħed deċiżjoni ġusta? Kif nista’ niddeċiedi fuq ilment dwar prodott jew servizz li qed noffri jien stess?!
Naħseb li hemmhekk m’hemmx kjarifikazzjoni biżżejjed. Għalija din hija trasparenza oskura li ma tantx iddoqqli. Xi minn daqqiet nipparagunha ma’ ameoba li tibda tiċċaqlaq u tieħu l-forma tagħha skont l-opportunitajiet li jiġuha, skont il-kwestjonijiet li jiġuha quddiemha u se tipprova timmaniġġja ‘l hawn u ‘l hemm, però xorta tibqa’ ameoba. L-ameoba hija l-awtorità u l-forma li tieħu hi li kif jgħid il-Malti, skont id-daqqa niżfnu. Mr Speaker, qed ngħid hekk għax m’hemmx tibdil fil-policies tal-gvern. Qed nitkellmu u nibqgħu nduru mal-istess ħaġa, però direttament minn din il-liġi ma joħroġx xi jrid jgħid eżattament il-gvern. Se nerġgħu naqgħu għall-istess nies f’dawk li huma diretturi u chairpersons tal-entitajiet u donnu m’hemmx dik ir-rieda li nagħmlu xi ħaġa ġdida.
L-Onor. Zammit Dimech semma wkoll l-istandards li huma importantissimi għax jekk ma nimponux standards u nisħqu dwar l-importanza tagħhom m’aħniex se nuru serjetà. Jekk inti taqbad qalziet u ġakketta bl-irqajja u tpoġġihom flimkien, dawn qatt m’huma se jagħmlu libsa tat-tieġ għall-għarus. Qisna qegħdin nippruvaw nuru li aħna se nkunu l-gwardjani tal-konsumatur imma mbagħad qed nieħdu naħa, nieħdu oħra u nippruvaw inraqqgħu minn hawn u minn hemm. Anke bħala finanzjament, jekk inti ma tipprovdix il-finanzi, din l-awtorità mhux se jkollha snien. Nisperaw ukoll li din l-awtorità tikber f’dawk li huma riżorsi umani. Din l-awtorità tant se tkun varja u espansiva li jekk ma nżidulhiex r-riżorsi umani fiha żgur li qatt m’hi se tasal għal dak li rridu forsi xi darba naslu għalih, u ċioè li nkunu bħall-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Jgħidu li the proof of the pudding is in the eating; nistennew u naraw. Xi minn daqqiet jien nieħu l-impressjoni li jista’ jkun li jkollna nistennew snin biex naraw jekk din l-awtorità hijiex se tiffunzjona u jekk hijiex se tkun verament il-paladin tal-konsumatur.
Mr Speaker, tan-naħa l-oħra jgħidu li ma tantx għandna inflazzjoni, imma meta jien immur nagħmel ix-xirja nara li l-prezzijiet qegħdin jogħlew; tixtri xi ħaġa llum, u meta terġa’ tmur tixtriha jumejn jew tlieta wara ssib li tkun għoliet. Huwa hemmhekk ukoll li għandu jiġi protett il-konsumatur għax il-prezzijiet qegħdin jogħlew imma l-pagi jibqgħu baxxi. Jiena ngħid li l-protezzjoni tal-konsumatur għandha tagħmel bħall-prezzijiet, għandha togħla, għaliex huwa importanti kemm se ssib flus fil-but u importanti aktar kemm se jibqgħalek.
Xi ħaġa li laqtitni f’din il-liġi hi li qisu s-settur tas-saħħa ntesa. Pereżempju, jiena stennejt li l-Awtorità dwar il-Mediċina tkun tagħmel parti minn din l-awtorità. L-Awtorità dwar il-Mediċina mhijiex qiegħda hemm minħabba l-istandards biss imma jien nara li din l-awtorità għandha wkoll futur minħabba l-periklu li hemm fix-xiri ta’ ċerti mediċini minn fuq l-internet. In-nies illum qed jixtru l-mediċini minn fuq l-internet għax il-prezz huwa irħas. Barra minn hekk, nafu li kien hemm kumpaniji li mpurtaw ċerti mediċini minn fuq l-internet, ħarġuha fuq is-suq bħala mediċina oriġinali meta fil-fatt kienet sub-standard. Ma jistax ikun li dawn l-affarijiet ma jiġux attakkati għax inkella jbati l-konsumatur. Nafu li huwa irħis biex tixtri ċerti affarijiet minn fuq l-internet, imma imbagħad, jien bħala konsumatur, għandi dritt li mmur għand l-Awtorità dwar il-Mediċina u nitlobha tanalizza l-mediċina li nkun xtrajt u tgħidli jekk hijiex ta’ standard tajjeb. Anke jekk inkun xtrajt mediċina mingħand kumpanija, jien għandi dritt neħodha għand l-Awtorità dwar il-Mediċina u nistaqsiha jekk hijiex ta’ ċertu standard. Bħalma għedt qabel, f’dan il-qasam hemm lok għall-abbuż u nafu l-problemi li qed joħolqu l-mediċini.
Hemm ukoll il-kwestjoni ta’ mediċini li l-konsumatur huwa ntitolat għalihom mingħand il-gvern imma dawn ikunu out of stock u dan joħloq problemi għal min ikun qed jieħu dawk il-mediċini. Fil-bidu ta’ din is-sena l-gvern ħareġ fuljett intitolat “129 cheaper medicines” u fih insibu li pereżempju, l-Lescol XL qiegħed imniżżel li kien jiswa €39.73 u issa suppost li qed jinbiegħ €33.29, jiġifieri suppost raħas. Jien nista’ ngħid li llum, il-25 ta’ Jannar 2011, mingħand il-wholesaler reġa’ ġie kkwotat bħala li jiswa €39.73. Meta l-ispiżjara ċemplet lil tal-Fair Competition qalulha li l-wholesaler għandu dritt juża dak il-prezz sakemm jispiċċalu l-istock. Sar stocktaking min-naħa tal-gvern ta’ x’għandhom dawn il-wholesalers? Jekk le kif se nkunu nafu kemm għad fadallu fl-istock tiegħu l-wholesaler? Il-Livial tablets, kaxxa ta’ 28 pillola kienet tinbiegħ €29.39 u issa suppost li roħsot b’€5.39. Illum il-wholesaler reġa’ ikkwotaha bl-istess prezz ta’ €29.39.
Għalkemm in-nies huma intitolati għal dawn il-mediċini, meta jmorru fl-ispiżerija tal-gvern jgħidulhom li qegħdin out of stock, imbagħad dawn in-nies, għax ma jistgħux joqogħdu mingħajr il-mediċini, imorru għand l-ispiżjara u jgħidulhom li dak huwa l-prezz li qed jikkwota l-gvern. In-nies qegħdin iċemplu l-ispiżeriji biex jaraw l-istat tal-prezzijiet u minn fejn se jiġbru l-mediċini meħtieġa bl-inqas prezz. Il-Correga Cream, li sa 15-il ġurnata ilu kien jinbiegħ bil-prezz ta’ €3.50, illum ogħla għal €3.90. U mhux imbilli noqogħdu noħorġu l-fuljetti u ngħidu li roħsu 129 mediċina, għax meta l-konsumatur imur jixtrihom qed isib li fil-fatt dawn għadhom jinbigħu bl-istess prezz li kienu qabel. Imbagħad noħorġu nagħmlu l-fanfarri li l-prezzijiet naqsu! Il-Proscar li suppost raħas b’€14, mill-Italja tixtrih b’€10 inqas. Jiena ma nistax nifhem kif ċerti mediċini roħsu imma xorta waħda għadhom ogħla minn dawk ta’ barra minn Malta fejn il-pagi huma ogħla.
Mr Speaker, kif tafu jien minn Tas-Sliema u għandi erbat iħbieb t’ommi li kull xahar jitilgħu Sqallija għand ħabiba tagħhom li għandha t-tifel tagħha tabib. Dawn imorru bil-catamaran, jagħmlu ikla, joħorġu ftit u kif ikunu hemmhekk jixtru l-mediċini li jkollhom bżonn bir-riċetta li jagħmlilhom it-tifel tal-ħabiba tagħhom. Lil dawn, il-ġita Sqallija bix-xiri tal-mediċina b’kollox, tiġihom inqas milli kieku xtraw il-mediċini minn Malta. Dan ifisser li somewhere along the line hemm xi ħaġa, hemm xi brimba u għalhekk jien ippretendejt li l-Awtorità dwar il-Mediċina tkun inkorporata f’din il-liġi. Bħalissa l-pensjonanti u dawk il-familji li għandhom tfal żgħar, minbarra l-ispejjeż li għandhom bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u anke bl-għoli tal-ħajja, mhumiex qed ilaħħqu mal-prezzijiet tal-mediċini. Dik hija l-problema li għandna u għalhekk hemm bżonn li jsiru ċerti investigazzjonijiet. Dan il-gvern li ilu hemmhekk 20 sena, issa qomos u qed jipprova jraħħas il-mediċini meta kulħadd kien ilu żmien jilmenta li l-prezzijiet tal-mediċini huma għoljin? Mela l-ewwel ħalla l-abbuż isir għal 20 sena sħaħ, bil-prezzijiet dejjem telgħin, u f’daqqa waħda għax beża’ li se jnaqqas il-voti għax kien hemm il-korla tal-votant minħabba li kulħadd kien qed jitkellem dwarhom, qed joħroġ dawn il-fuljetti jiftaħar li raħħas 129 prodott tal-mediċina li meta mbagħad tmur tixtrihom issib li għadhom ma roħsu xejn! Din il-lista ħarġet fil-bidu ta’ Jannar u llum, tliet ġimgħat wara, dawn il-prezzijiet għadhom l-istess kif kienu qabel.
Mr Speaker, irrid ngħid ukoll li back stage, jiġifieri n-naħa ta’ wara, b’din il-liġi se jkun hemm żieda fil-burokrazija li allura jkun ifisser introduzzjoni għall-ħlasijiet għal “dik” il-karta u għal “dak” is-servizz. Allura aħna qegħdin nagħmlu dawn l-affarijiet biex inżidu aktar taxxi fuq il-poplu u allura l-poplu jkollu joħroġ iktar flus mill-but? X’se jibqagħlu biex jiekol il-poplu? Difrejh? Imma ħalli mmoru iktar ‘il hinn fis-settur tas-saħħa u nitkellmu dwar il-polikliniċi.
Mr Speaker, il-bniedem marid ukoll huwa konsumatur, imma madankollu nagħlqulu l-polikliniċi fil-5:00 p.m u ma niftħuhomx fil-Ħdud u fil-festi. Il-kbira hi li mbagħad noħorġu niftaħru li qed nagħtu kas saħħet l-individwu u ngħidu li għandna s-saħħa tal-poplu għal qalbna! Kif jista’ ikun? Għaliex il-gvern m’għandux jibda taħdidiet mal-general practitioners u mat-tobba fis-servizz privat biex ikun hemm roster għal matul il-lejl? Illum ma ssibx tabib matul il-lejl jew nhar ta’ Ħadd jekk tinqalagħlek xi ħaġa. Allura għaliex il-gvern ma jibdiex taħdidiet biex ikun hemm roster ħalli jkun hemm tabib on call għal ċerti areas ta’ Malta għal ċertu ammont ta’ nies?
Għedna wkoll li huwa importanti li nħallu lill-anzjani tagħna jibqgħu jgħixu fi djarhom biex ma jkollhomx tibdil u spiċċajna biex anke meta jkunu morda nerġgħu nibagħtuhom lura d-dar! Lil dawn irridu nagħtuhom servizz adegwat għax wara kollox huma wkoll konsumaturi u rridu naraw li meta dawn in-nies imorru d-dar, iħossuhom protetti għax nafu l-kriminalità kif żdiedet. Pereżempju, tara anzjani ta’ 70 u 80 sena li jmorru għal ċerti testijiet tad-demm l-isptar għax ikunu fuq il-Warfarina u jkun jiddependi minn fuq joħroġ ir-riżultat biex jaraw l-ammont ta’ mediċina li għandhom jieħdu. Għaliex m’għandniex nagħmlulhom servizz li jmorru l-infermiera d-dar tagħhom jeħdulhom id-demm imbagħad iċemplulhom it-tobba biex jgħidulhom x’għandhom jieħdu bħala mediċini? Huwa b’hekk li nkunu qed naqbżu għall-konsumatur, għax wara kollox dawn huma konsumaturi. Dawn huma nies li fil-passat ħallsu minn buthom it-taxxa u l-bolla, ikkontribwew għas-soċjetà tagħna u allura rridu nibżgħu għalihom. Niġu issa għall-isptar.
Il-poplu, li huwa l-konsumatur, joħroġ €400 miljun minn butu u jieħu dak is-servizz medjokri mill-isptar. Morru l-emerġenza u taraw is-sitwazzjoni li jinsab fiha id-Dipartiment tal-Emerġenza. Dan mhux minħabba t-tobba u l-infermiera għax jien dejjem ngħid inneħħilhom il-kappell għax kieku ma kenux huma hemmhekk ma jimxix. In-nies li jiddaħħlu hemmhekk qed jispiċċaw jitilfu d-dinjità tagħhom għall-fatt li jagħmlu madwar 36 siegħa fuq stretcher jistennew biex jingħataw sodda u jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom personali quddiem kulħadd. Mela dawn mhux konsumaturi? Dawn fejn iridu jmorru jagħmlu l-ilment tagħhom? Jgħidulhom morru l-customer care u l-istaff tal-customer care jgħidulhom issa jaraw x’se jagħmlu! Ħmar kont u mija bqajt. Dan huwa s-servizz li qed joffri l-gvern minn but il-poplu. Kemm hemm bżonn nimxu aktar ‘il quddiem għall-konsumatur! Dawk li hemm fuq il-waiting lists għall-operazzjonijiet mhux konsumaturi wkoll? Lil dawn qed ngħidulhom li se nagħmluhielhom l-operazzjoni, imma jridu jistennew ħames snin oħra. Dawn huma konsumaturi li ħarġu l-flus biex inbena dak l-isptar li jiswa €400 miljun li jidher sabiħ imma li bih il-konsumatur mhuwiex moqdi. Għalhekk huwa importanti li din il-liġi tkun iktar aġġornata.
Mr Speaker, huwa importanti li l-gvern stess li qed jagħmel din il-liġi jagħmel idejh fuq sidru u jgħid li għandu r-responsabbiltà li jagħmel liġi adegwata li se tmexxi lill-konsumatur ‘il quddiem. Morru araw is-servizzi tal-outpatients! Tmur titlob appuntament għall-outpatients u jagħtuhulek għal sena wara! Mela dak il-pazjent mhux konsumatur ukoll? Morru araw is-servizzi tar-radjoloġija fejn l-x-rays joħorġu wara tliet xhur jew wara sitta, imbagħad biex tmur għar-riżultat għandek tliet xhur oħra għax l-outpatient list hija twila. Mela dak il-pazjent mhux konsumatur? Kif se nimxu aktar ‘il quddiem f’dan il-qasam? Meta tibgħat request għal x-ray tgħidilhom li huwa urġenti imma xi kultant ikun hemm technician li jgħid li mhux urġenti u joħroġ appuntament għal tliet xhur wara. Biex tipprova tieħu xi ħaġa urġenti trid tmur inti personali tittallab u titkarrab mal-kollegi tiegħek u tkun qed titlef il-ħin minn ma’ pazjenti oħra li wkoll huma konsumaturi.
Mr Speaker, jien dejjem ngħid li l-isptar mhuwiex lukanda, però l-gvern qiegħed jagħti kas tar-riabilitazzjoni mmedjata? Mela min huwa anzjan mhux konsumatur ukoll? Fi żmieni jekk ikollok aktar minn 60 sena l-bażwa tibqa’ biha. (Interruzzjonijiet) Le, għax kbir! Imma dan iż-żmien mhux hekk; dan iż-żmien anke xi ħadd ta’ 90 sena jiġi operat u tara kif tagħmlu tajjeb, imma mbagħad ma tistax tibagħtu l-għada d-dar, imma mill-banda l-oħra fl-isptar għandek bżonn is-sodod. Allura ma jidhirx li għandna bżonn an acute rehabilitation centre, a half-way house, biex l-isptar ikun aktar effiċjenti? Meta jien kont il-Ġermanja kuljum konna noperaw. F’liema sptar issib li kirurgu jkollu session waħda jew tnejn ta’ operazzjonijiet f’ġimgħa? Imbagħad inpoġġu l-pazjenti fuq il-waiting list u ngħidulhom forsi ħames snin oħra jmisshom! Rajna x’ġara fil-waiting list tal-ortopedija; bdew iċemplulhom u jistaqsuhom jekk għadhomx interessati biex jagħmlu l-operazzjoni. Hemm min qiegħed fuq żewġ listi, fuq il-lista ta’ Mr “X” u fuq il-lista ta’ Mr “Y”, u talbuhom jagħżlu wieħed minnhom. Għaliex il-pazjent mar għand Mr “X” u Mr “Y”? Għamel hekk biex jipprova jkollu żewġ ċansijiet minflok wieħed.

Mr Speaker, mhux billi noqogħdu niġu hawnhekk noħorġu l-pipe tal-angioplasty minn ġol-but. Lill-Prim Ministru stħajjiltu magician ħiereġ b’xi fenek minn ġol-kappell! B’dawn l-affarijiet irridu nimpressjonaw? Kemm għedna affarijiet qabel l-elezzjoni dwar kemm se naqbżu għall-konsumatur u kemm se jsolvilna problemi l-isptar il-ġdid! Aħna konna għednilu lill-gvern li fl-isptar Mater Dei se nieħdu l-problemi li kellna ġewwa l-isptar San Luqa u anzi se nżidu magħhom, u hekk kien. Jien ma nafx kif il-Prim Ministru kellu jaqa’ f’dawk il-bassezzi biex jimpressjona! Wasalna fis-sitwazzjoni li l-Prim Ministru jipprova jimpressjona biex jerġa’ jiġbor lura l-voti li tilef u li qed jitlef kuljum għax il-konsumatur mhuwiex moqdi. Qabel l-elezzjoni saru ħafna wegħdi u issa meta qed niġu għall-fatti qed nibqgħu l-istess. Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jaqsam. Wasalna għaż-żmien tal-karnival u jiddispjaċini ngħid, imma din il-liġi hija kważi karnivalata. U għalhekk nispiċċa kif jgħidu l-Maltin: Maskarat agħtini perlina għax warajk għandek xadina! Grazzi.


Yüklə 0,58 Mb.

Dostları ilə paylaş:
1   2   3   4   5   6   7   8   9   10




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin