Malta debates tal-kamra tad-deputati



Yüklə 386,33 Kb.
səhifə1/7
tarix12.01.2019
ölçüsü386,33 Kb.
#94934
  1   2   3   4   5   6   7

MALTA

DEBATES TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
(Rapport Ufficjali u Rivedut)


IT-TMIEN PARLAMENT

Seduta Nru. 202


L-Erbgħa, 18 ta' Marzu, 1998

Stampat fl-Uffiċċju ta' l-Iskrivan

Kamra tad-Deputati

MALTA

Prezz Lm1


IT-TMIEN PARLAMENT


Seduta Nru. 202


L-Erbgħa, 18 ta' Marzu, 1998

Il-Kamra tad-Deputati ltaqghet fil-Kamra tal-Parlament,

il-Palazz, il-Belt Valletta, fid-6.01 p.m.

Talba

SEDUTA NRU. 202
L-Erbgħa, 18 ta' Marzu, 1998


WERREJ

MINUTI 54

TQEGĦID TA' KARTI 54

MOZZJONIJIET 55

MOZZJONI TA’ SFIDUĊJA FIL-GVERN 55

AĠĠORNAMENT 95

MISTOQSIJIET GĦAL TWEĠIBIET ORALI MWIEĠBA BIL-MIKTUB 96





MINUTI



Il-Minuti tas-Seduta Numru 201 li saret fis-17 ta' Marzu, 1988 ġew konfermati.
MADAM SPEAKER: Onor. Membri, kif tafu llum il-ħin tal-mistoqsijiet mhux se jittieħed - u dan skond il-ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat - u qed tingħata risposta bil-miktub għal kull mistoqsija parlamentari li tidher fuq l-order paper. Ngħaddu għaldaqstant għal Tqegħid ta' Karti.
Il-Ministru Mizzi.

TQEGĦID TA' KARTI



ONOR. JOE MIZZI (Ministru mingħajr Portafoll fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru): Madam Speaker, f’isem il-Prim Ministru, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Lista ta’ uffiċjali taċ-Ċivil fil-gradi minn wieħed sa ħamsa, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13035;
f’isem il-Ministru tas-Saħħa, Kura ta’ l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tagħrif dwar impjegati fuq bażi każwali fil-Ministeru tas-Saħħa, Kura ta’ l-Anzjani u Affarijiet tal-Familja, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13046; u
f’isem il-Ministru tal-Ħarsien Soċjali nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Tabella li tindika l-għadd ta’ nies li waqfu jirreġistraw minn jeddhom bejn Jannar 1992 u Diċembru 1997, bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12588.
MADAM SPEAKER: Grazzi. Stqarrijiet Ministerjali? Mozzjonijiet? Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.

MOZZJONIJIET

MOZZJONI TA’ SFIDUĊJA FIL-GVERN



ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Kap ta' l-Oppożizzjoni): Madam Speaker, nipproponi din il-mozzjoni:
Din il-Kamra tinnota li:
1. Fil-programm elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tas-26 ta’ Ottubru, 1996 jingħad illi “l-Partit Laburista jemmen li Malta m’għandhiex issir membru ta’ l-Unjoni Ewropea għax bħala membru jkollha taċċetta u tħaddem il-politika kollha ta’ l-Unjoni. Parti ġmielha minn din il-politika tfasslet għall-pajjiżi kbar tal-kontinent Ewropew u ma tgħoddx għal gżejjer ċkejknin bħal Malta u Għawdex bix-xejriet ekonomiċi u soċjali speċifiċi tagħhom”.
2. Nhar is-Sibt, 7 ta’ Frar, 1998 ġie ppubblikat f’Malta - mhux mill-Gvern - id-dokument “Communication from the Commission to the Council”, preparat mill-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea bħala l-bażi ta’ proposta ta’ ftehim ma’ Malta skond ix-xewqat tal-Gvern.
3. Id-dokument jipproponi li Malta effettivament terfa’ l-piżijiet ekonomiċi u soċjali tas-sħubija mingħajr ma tgawdi l-vantaġġi sostanzjali finanzjarji u politiċi li ġġib magħha s-sħubija.
4. Il-Gvern laqa’ dan id-dokument bħala pożittiv ħafna u bħala konformi mal-politika tiegħu.
Il-Kamra tqis, għall-kuntrarju, li fl-interess nazzjonali l-proposti tal-Kummissjoni għandhom ikunu marbutin ma’ negozjati simultanji għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u li l-politika tal-Gvern tmur kontra l-interessi nazzjonali ekonomiċi, soċjali, finanzjarji u politiċi ta’ Malta.

Għaldaqstant din il-Kamra m’għandhiex fiduċja fil-Gvern.


MADAM SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. GUIDO de MARCO: Nissekonda.
MADAM SPEAKER: Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Membri li l-ħin ta' l-interruzzjoni tax-xogħol għas-seduta tal-lum se jkun fl-10.00 p.m., biex b'hekk kull naħa tkun ħadet sagħtejn, bil-kelliema jalternaw. Il-ħin ta' l-Aġġornament ma jitteħidx u l-votazzjonijiet kollha li jistgħu jintalbu jittieħdu meta tispiċċa d-diskussjoni, bl-ewwel votazzjoni tittieħed 20 minuta wara li tintalab, dejjem fil-ħin ta' l-interruzzjoni tax-xogħol; waqt li l-votazzjonijiet l-oħra, jekk ikun hemm, jittieħdu immedjatament wara.
Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.
ONOR. EDDIE FENECH ADAMI: Madam Speaker, infakkar li din il-Kamra għandha quddiemha riżoluzzjoni oħra proposta minni, ukoll dwar ir-relazzjonijiet li Malta għandu jkollha ma' l-Unjoni Ewropea. Dik il-mozzjoni kienet bdiet tiġi dibattuta f'din il-Kamra iżda fil-15 ta' Ottubru, 1997 id-diskussjoni ġiet aġġornata u ma tkomplietx. Bil-permess tal-Kamra se nitkellem ftit fuqha - għalkemm skond l-iStanding Orders ma nistax nagħmel hekk għax għadha tidher fuq l-agenda - għax dik ir-riżoluzzjoni li kont ipproponejt kienet telenka fatturi ġodda li kienu żviluppaw mill-elezzjoni ta' Ottubru 1996 sad-data tad-dibattitu tal-15 ta' Ottubru, 1997. Il-konklużjoni ta' dik il-mozzjoni kienet tgħid, u se nikkwota:
"li l-Kamra tirriżolvi li l-Gvern għandu jwaqqaf immedjatament kummissjoni biex tirrapporta fi żmien xahar jekk huwiex fl-interess nazzjonali li f'dawn iċ-ċirkostanzi ġodda Malta terġa' tinsisti fuq it-talba tagħha għal sħubija."
Huwa d-dmir ta' l-Oppożizzjoni li tfittex l-interess nazzjonali.
L-iskop tal-mozzjoni tal-lum, għalkemm tikkonkludi bil-kliem: "Għaldaqstant din il-Karma m'għandhiex fiduċja fil-Gvern.", m'huwiex ħaġa oħra għajr l-espressjoni tal-ħsieb ta' l-Oppożizzjoni li għandha tgħin lill-Gvern biex ifittex tabilħaqq l-interessi nazzjonali. Hekk konna għidna f'dik ir-riżoluzzjoni, li l-Gvern għandu jfittex x'inhu l-aħjar interess ta' Malta. Illum reġgħu tbiddlu radikalment iċ-ċirkostanzi li għandhom iwassluna, bħala deputati tal-poplu, biex niddeċiedu x'inhu l-aħjar interess ta' Malta. Meta ngħid niddeċiedu skond iċ-ċirkostanzi, aħna ma nistgħux immorru fuq iċ-ċirkostanzi ta' 20 sena ilu jew ta' għaxar snin ilu. Lanqas nistgħu mmorru fuq x'kienu ċ-ċirkostanzi f'Ottubru ta' l-1996. Dawk iċ-ċirkostanzi wasslu liż-żewġ partiti biex jieħdu pożizzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea. Jien issottomettejt fir-riżoluzzjoni l-oħra li ċ-ċirkostanzi kienu tbiddlu u llum nerġa' nsostni li reġgħu tbiddlu radikalment.
Il-Prim Ministru, kemm bħala kap tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni, u b'mod iżjed espliċitu anke wara, dejjem qal li huwa jrid ifittex relazzjoni speċjali bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Nikkwota eżattament mill-emenda, li wkoll għadha quddiem din il-Kamra, li kien ressaq il-Prim Ministru stess għall-mozzjoni tiegħi fis-seduta tal-15 ta' Ottubru fejn kien qal hekk, u nikkwota:
''Tisħaq..."
- u hawn qed jirriferi għall-Kamra tar-Rappreżentanti -
"...li fl-ewwel fażi u għall-futur prevedibbli, din l-aħjar relazzjoni għandha tieħu l-forma ta' ftehim speċjali bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.''
Is-soluzzjoni li l-Prim Ministru qies l-aħjar fil-15 ta' Ottubru tas-sena l-oħra kienet relazzjoni f'forma ta' ftehim speċjali bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Minn dak iż-żmien kellna żviluppi importanti u l-aktar żvilupp importanti huwa dak li qed nirriferi għalih fit-tieni paragrafu tal-mozzjoni, ċioe' li fis-7 ta' Frar ġie ppubblikat id-dokument imsejjaħ "Communication from the Commission to the Council." F'dan id-dokument hemm il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea fuq it-talba li kien għamel il-Gvern Malti rigward relazzjonijiet futuri bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.
Huwa magħruf li meta l-Kummissjoni tiddeċiedi fuq ħaġa bħal din hija kważi formalita' li l-Kunsill tal-Ministri jadotta dik ir-rakkmandazzjoni u jimxi fuqha, u huwa żgur li anke fil-każ ta' Malta hekk se jiġri. Allura l-fatt ġdid huwa li l-poplu tagħna u dan il-Parlament u kull deputat minna hawn ġew issa għandu mhux ix-xewqat tal-Prim Ministru, kif espressi f'Ottubru li għadda, imma l-fatt ta' x'sejjer jinnegozja l-Prim Ministru. Din il-komunikazzjoni nistgħu ngħidu li tagħmel tliet punti ta' importanza fundamentali. L-ewwelnett teskludi kull possibbilta' ta' forma ta' relazzjoni speċjali bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Din hija ħolma tal-Prim Ministru li ma tistax - u dan konna nafuh - tavvera ruħha. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea titkellem ċar li hija qiegħda tirreaġixxi pożittivament għal dak li talab il-Gvern Malti u tgħid li dak li qed jitlob ifisser żewġ affarijiet. Iffisser li għandu jkun hemm l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Assoċjazzjoni, li kien ġie ffirmat fil-5 ta' Diċembru, 1970. Peress li Malta hija pajjiż Mediterranju wkoll, ikun hemm fil-konfront ta' Malta it-twettiq tal-politika Ewro-Mediterranja, l-Euro-Mediterranean partnership, li Malta wkoll taċċetta. Mela r-risposta uffiċjali tal-Kummissjoni hija li l-Gvern Malti nagħtuh dak li jixtieq, u dak li jixtieq mhuwiex xi ħaġa speċjali.
Naturalment jeżistu kategoriji ta' relazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea għall-membri, għal dawk li jridu jsiru membri, għal dawk li ma jridux isiru membri u għall-pajjiżi li magħhom għandhom relazzjoni għax jinsabu fil-viċinanzi. Fil-każ partikolari tagħna se nkunu fiz-zona Ewro-Mediterranja u dawn qed igħidulna li se jittrattawna b'dan il-mod. Skond id-dikjarazzjonijiet uffiċjali li saru, partikolarment mill-Ministru George Vella, jirriżulta li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea hija pożittiva ħafna għall-Gvern - hekk iddeskreviha hu - u konformi mal-politika tiegħu. Il-proposta tal-Gvern li qed tiġi aċċettata mill-Unjoni Ewropea se tfisser li l-poplu Malti se jaċċetta t-tbatija kollha li tista' ġġib sħubija mingħajr ma jieħu kważi xejn mill-vantaġġi ta' l-istess sħubija. Il-Kummissjoni tispeċifika b'mod ċar u telenka f'numru ta' paragrafi twal x'għandha tfisser din ir-relazzjoni. Fil-qosor ħafna, Madam Speaker, tajjeb li nfakkru kif żviluppat ir-relazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.
Jien niftakar li qabel l-indipendenza l-Parlament kien iddibatta dwar kif setgħet tiżviluppa r-relazzjoni ta' Malta mal-Komunita' Ewropea kieku r-Renju Unit kellu jsir membru tal-Komunita'. Ġara li kien hemm il-veto Franċiż kontra l-Ingilterra u kollox spiċċa fix-xejn. Immedjatament wara l-indipendenza, minħabba l-pożizzjoni ġeografika strateġika ekonomika politika tagħna, il-Gvern Malti kellu bilfors jiżviluppa relazzjonijiet bħala Stat sovran mal-Komunita' Ewropea. Bdew id-diskussjonijiet kmieni fl-1966 biex ikollna trattat ta' assoċjazzjoni. Dan kien ġie ffirmat fil-5 ta' Diċembru u sar effettiv mill-1 ta' April ta' l-1971. X'kien dak il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni? Kien l-ewwelnett jirrispekkja l-bżonnijiet ta' pajjiżna f'dak il-mument. Dak iż-żmien l-akbar trading partner tagħna kienet l-Ingilterra u l-Ingilterra kienet diġa' ddeċidiet li tidħol fl-Unjoni Ewropea u effettivament daħlet fl-1972. Kellna bżonn assolut li jkollna trattat ta' assoċjazzjoni li jgħinna biex nirristrutturaw biex il-kummerċ tagħna ma jinħonoqx, biex il-kummerċ tagħna nżommuh u jekk jista' jkun jikber. Għalhekk ġie mfassal trattat ta' assoċjazzjoni li kien maqsum f'żewġ stadji. L-ewwel stadju kien intiż proprju għal perijodu ta' ħames snin, fejn l-ekonomija tagħna kienet għaddejja minn trasformazzjonijiet kbar, fejn ridna nsibu attivita' ekonomika ġdida, fejn ma setgħux jingħalqulna kompletament il-bibien għall-esportazzjoni tagħna, u l-miżura prinċipali kienet li tagħti l-possibbilta' li l-esportazzjoni tagħna tkompli sejra lejn il-pajjiżi tal-Komunita' Ekonomika Ewropea, billi tneħħewilna d-dazji prattikament kollha fuq dak li kien jiġi mill-manifattura industrijali lokali.
It-tieni stadju kien stadju fejn suppost kellu jkompli jgħin lil Malta biex tagħmel ristrutturazzjoni ta' l-ekonomija tagħha u jwassal wara ħames snin oħra għal free trade area, dik il-famuża espressjoni li issa qiegħda f'ħalq il-Gvern. Meta tispiċċa t-tieni fażi, jiġifieri wara għaxar snin, suppost li kellna naslu għal unjoni doganali, jiġifieri jitneħħew id-dazji, jitneħħew il-barrieri għall-kummerċ u li jkollna wkoll tariffi komuni għal pajjiżi li m'humiex fl-Unjoni Ewropea. Il-Gvern Malti ta' l-1976 fil-fehma tiegħi kien għaqli. Dak iż-żmien il-Gvern qal li se jispiċċaw l-ewwel ħames snin tat-Trattat ta' Assoċjazzjoni, għal diversi raġunijiet ir-ristrutturazzjoni ta' l-ekonomija Maltija kien għad fadlilha ħafna x'timxi 'l quddiem biex pajjiżna seta' ekonomikament ikun vijabbli, u minflok ma daħal għat-tieni perijodu ta' ħames snin li jwassal bilfors għal free trade area - dak li jrid il-Gvern illum - il-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien b'mod għaqli qal: Le, ma ngħaddix għat-tieni fażi ta' dak il-ftehim. U bi ftehim l-ewwel stadju ta' ħames snin kien ġie estiż għal sena oħra. Id-dokument uffiċjali kien jgħid li l-ewwel fażi kienet qed tiġi estiża għal perijodu ta' sena, mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju, 1977.
Wara kien ġara li kemm il-Gvern Laburista, kif ukoll l-ewwel snin ta' Gvern immexxi minni bqajna nġeddu - anzi kien jiġġedded unilateralment mill-Unjoni Ewropea - il-perijodu ta' l-ewwel stadju ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Kien isir hekk għax dak iż-żmien Malta ma kienx jaqblilha tgħaddi għal zona ta' kummerċ ħieles. Dik kienet id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista u kienet ukoll id-deċiżjoni tal-Gvern immexxi minni. Meta fis-16 ta' Lulju, 1990 aħna għamilna t-talba formali biex Malta ssir membru konna nsistejna li l-Unjoni Ewropea taqbel magħna li dak il-perijodu jiġi mtawwal indefinittivament sakemm Malta tissieħeb ma' l-Unjoni Ewropea. Allura aħna rbatna b'mod definittiv iz-zona ta' kummerċ ħieles mad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. L-għaqal favur pajjiżna, dak li jaqbel lil pajjiżna, huwa eżattament li ma nitgħabbewx bil-piżijiet ta' zoni ta' kummerċ ħieles mingħajr ma nkunu dħalna jew wasalna biex nidħlu membri biex nieħdu l-vantaġġi wkoll ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dik kienet manifestament l-istrateġija li mexa biha l-Gvern immexxi minni, Madam Speaker.
Aħna fhimna li m'għandniex nitgħabbew bil-piżijiet ta' zona ta' kummerċ ħieles, ekwivalenti prattikament għall-piżijiet ta' sħubija, jekk ma jkollniex ukoll il-vantaġġi ta' sħubija. Insistejna dejjem li Malta tgħaġġel kemm jista' jkun. Jien mhux se nidħol fir-raġunijiet għaliex ma rnexxilniex imma aħna għamilna dak li konna kapaċi nagħmlu. Sfortunatament ma rnexxilniex li ndaħħlu lil Malta pero' rnexxielna li fis-16 ta April, 1995 l-Unjoni Ewropea ntrabtet li jibdew in-negozjati biex Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea sitt xhur wara l-Konferenza Inter-Governattiva, li spiċċat is-sena l-oħra. Skond id-deċiżjoni tas-16 ta' April, 1995 id-diskussjonijiet ma' Malta kellhom jibdew proprju l-ġimgħa d-dieħla. Il-ġimgħa d-dieħla jew il-ġimgħa ta' wara - għall-aħħar ta' dan ix-xahar - suppost li kellhom jinfetħu n-negozjati ma' Malta, kif se jinfetħu n-negozjati ma' Ċipru u ma' ħames pajjiżi oħra.
Madam Speaker, ikolli ngħid u nirripeti imma bis-serjeta' u mhux b'xi polemika li dan il-Gvern huwa inkompetenti. Dan il-Gvern ċeda l-bargaining power tiegħu proprju fil-bidunett. Bilkemm kienu tgħallmu jimxu bħala gvern - ma rridx noffendi imma dik hi l-espressjoni li nużaw bil-Malti - li ma kitbux ittra lill-Unjoni Ewropea u qalulha li huma jridu li jkollna żona ta' kummerċ ħieles. Semmew ukoll - u naturalment ikkwotawhielhom lura - li l-Gvern Malti jrid li jkollna:
"A close relationship with the Union as is compatible with Malta's particular economic and geopolitical circumstances while mindful of the Union's acquis and it's framework of operations."
Il-Gvern Malti nesa kollox. Mar quddiem l-Unjoni Ewropea u qalilhom li naturalment se jara x'jaqbillu minħabba l-pożizzjoni ekonomika pero' se jirrispetta ''the Unions' acquis and it's framework of operations.'' U issa din fakkruhielu fil-komunikazzjoni uffiċjali. Hawn il-Gvern Malti ntrabat li kull forma ta' relazzjoni li se jasal għaliha ma' l-Unjoni Ewropea se tirrispetta l-acquis ta' l-Unjoni u l-framework of operations. Il-Gvern Malti għażel li jitgħabba b'piżijiet enormi mingħajr ma jieħu ebda vantaġġi. Madam Speaker, din il-mozzjoni tiegħi hija marbuta ma' dan il-fatt li ħadd ma jista' jinnegah.
Il-Parlament illum għandu quddiemu t-talba tal-Gvern Malti u r-risposta tal-Kummissjoni li tgħid li se jagħtuh dak li jrid. L-ewwelnett f'paġna 2 ta' dan ir-rapport hemm miktub:
''In this regard it is particularly important that Malta eliminates its customs duties or taxes having an equivalent effect on imports of industrial products from the EU.''
Qalulu biex ma joqgħodx jilgħab bil-kliem, bħalma għamel fl-Att dwar Customs and Excise Tax, fejn il-kelma "customs" teżisti biss fit-titlu u fil-core tal-liġi flok "customs" - għax mingħalina li bravi ħafna - użajna l-kliem "excise duty". Hawn qed jgħidulu li l-ewwel ħaġa li jrid jagħmel hi li jneħħi dawn il-barrieri li ħoloq.
Imbagħad qalulu wkoll li free trade area tfisser li int trid tinkludi kollox. F'paragrafu 12 jgħidulu:
"In order to be compatible with the World Trade Organisation..."
- diġa' qed jgħidu li huma marbutin daqs Malta bit-GATT regulations u issa bir-regolamenti tal-WTO -
"...such a free trade area should cover substantially all trade, no sector excluded.''
Mela qed jgħidulu li se jagħtuh free trade area imma qed jgħidulu wkoll li din tfisser li ma tista' teskludi ebda settur. U jkomplu jgħidulu li fl-1970 Malta kienet ftehmet li jkollha free trade area fi żmien għaxar snin, illum qegħdin fl-1998 u din il-free trade area għadha ma waslitx. La l-Gvern tiegħi u lanqas il-Gvern ta' l-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici u ta' l-Onor. Perit Mintoff ma riedu jimxu għal free trade area imma l-Gvern ta' l-Onor. Alfred Sant irid jimxi għal free trade area. Qalulu li din il-free trade area
"...should come fully into force within three years at the most."
Naturalment il-Gvern qed jgħid li se jinnegozja. Jien persważ li jinnegozja u Allaħares ma jinnegozjax! Jekk it-tliet snin ma jibdewx f'Jannar tas-sena d-dieħla, jibdew f'Jannar ta' wara u minflok tliet snin ikunu erba' snin, imma l-Gvern jaf x'qed jagħmel? Il-Gvern jaf li skond it-talba tiegħu stess dan rabat idejh biex jieħu biss it-tbatija?
Imbagħad l-istess paragrafu jkompli li:
"Agricultural trade should be progressively liberalised."
Il-Gvern u l-Prim Ministru kienu dejjem isemmu industrial free trade zone. Issa dawn qalulu li industrial free trade zone ma teżistix u teżisti biss free trade area. Qalulu li jekk iridha jrid jeħodha kollha. Qalulu li anke l-agrikoltura trid tkun liberalizzata. Jien naf li l-Prim Ministru se jmur jinnegozja u jgħid "progressively liberalised" tista' tfisser li din issir fuq perijodu ta' żmien, pero' se jkollu jintrabat li jagħmilha. Allura huwa għaqli li l-Prim Ministru jintrabat li jagħmilha mingħajr ma jieħu xejn in return? Dan il-pajjiż sar qisu pajjiż floridu meta dan pajjiż bi problemi kbar, kif jgħidilna l-Prim Ministru, u għandna ħofor li qed inkomplu nħaffruhom, u Alla jbierek dan il-Gvern jagħti kollox qisu m'hu xejn! Inkompli, Madam Speaker, għax din il-komunikazzjoni ta' l-għaġeb, miktuba proprju biex tagħsar.
Dawn ikomplu jgħidulna:
"Most importantly Malta should take the necessary steps to bring its customs and excise tax which entered into force on the 1st July in conformity with the Association Agreement and other international commitments."
Lill-Gvern Malti qed jgħidulu: Taf x'int tagħmel? Taf x'int tgħid? Int marbut bi ftehim magħna, ftehim internazzjonali, u trid tneħħi dik il-liġi li int daħħalt fil-pajjiż proprju fl-1 ta' Lulju minflok is-sistema ta' tassazzjoni li kellna. U jgħidulu iktar. Dawn igħidulu wkoll:
"Therefore the Commission attaches particular importance to the removal of existing obstacles to trade which contravene the Association Agreement and the GATT\WTO provisions."
Imma l-Gvern jaf x'qed jagħmel? Jien ma nistax nifhem kif il-Gvern jiġi u jagħmel dikjarazzjoni li din il-komunikazzjoni hija xi ħaġa favorevoli għal Malta u li hija skond dak li jixtieq hu għal pajjiżna.
Madam Speaker, il-kwestjoni ta' free trade area tinkludi jew ma tinkludix is-servizzi? U dawn kitbulu b'mod ċar li l-free trade area li qed jitlob il-Gvern trid tinkludi wkoll is-servizzi. Mhux hekk biss imma jsemmulu wkoll il-competition rules. Qed jgħidulu li hu għamel riferenza li jaf x'inhuma l-acquis tal-Komunita', u l-Komunita' għandha r-regoli rigward il-kompetizzjoni. Dawn jgħidulu li:
"These rules should cover the following matters: anti-trust merger state aids."

Dawn jgħidulu li jekk irid jikkonforma ma' l-acquis tal-Komunita', il-Gvern irid jara kemm jagħti flus lit-Tarzna. Skond l-acquis tal-Komunita' tista' tibqa' tagħtihom dawk il-flus lit-Tarzna? Taħt ir-regola ta' "Undertakings and State Monopolies of a Commercial Character", tista' żżomm l-Enemalta tiffunzjona kif inhi? U kif għidt diġa' hemm riferenza ċara għal "market access in services." Qalulu li ma jistax ikollok free trade area skond ir-regoli internazzjonali u teskludi s-servizzi. Issa meta tinkludi s-servizzi l-Bambin jaf x'mare magnum tidħol fih, Madam Speaker! Suppost li l-Gvern dieħel b'għajnejh miftuħa għax kien hu li talab biex ikollu dawn ir-relazzjonijiet li hu sejjaħ "speċjali" u li effettivament m'huma speċjali xejn.


Dawn jgħidulu wkoll li biex ikollok free trade area fil-framework ta' l-acquis tal-Komunita':
"As far as public procurement is concerned, liberalisation should be achieved not only in the area of services but in trade in general."
Dan ifisser li meta jiġi biex jixtri jew biex jagħti l-kuntratti, il-Gvern irid jimxi bir-regoli tagħhom. It-tenders ma jistax jillimitahom għall-Maltin biss. Hekk hi definita zona ta' kummerċ ħieles. Madam Speaker, jien nerġa' nistaqsi: Jaf dan il-Gvern fiex daħal? Dan il-Gvern ħaseb qabel ma fattarha? Dan kiteb l-ittri u beda jgħidilna kemm hu kuntent u sodisfatt bir-risposta li qed jagħtuh l-Unjoni Ewropea! Issa mhux fl-ajru qed nitkellmu imma għandna dokument li se jservi bħala l-bażi tad-diskussjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.
F'paġna 6, paragrafu 28, insibu l-kwestjoni ta' l-environment. Hawnhekk jgħidu:
"One of the key objectives of this process should be to support convergence between the Maltese energy policy and that of the Union, notably as far as particular EU priorities are concerned, including security of supply, competitiveness and the environment."
Qed jgħidulu li jrid jikkonforma. Qed igħidulu li biex ikollu din il-free trade area, objective primarju u ta' prijorita' hu li jkun hemm energy policy li tinkludi l-problemi ta' l-ambjent. Hemm punt ieħor li huwa vitali.
B'insistenza qawwija aħna konna bdejna trattattivi biex nassiguraw li l-Air Malta tibqa' b'saħħitha. Ridna li Malta tkun f'pożizzjoni li tikkompeti u allura bdejna diskussjonijiet biex possibbilment - issa dan mhux faċli - lil Malta jingħatawlha dawk li jissejħu third package rights. Għall-ewwel sibna l-bibien magħluqin u kienu jitfgħulna ma' wiċċna l-kwestjonijiet marittimi, partikolarment ir-reġistrazzjoni tal-vapuri f'pajjiżna. Dawn riedu dejjem jorbtu ż-żewġ affarijiet flimkien, sakemm aħna wassalnihom li jiddiskutu magħna l-possibbilta' li Malta tingħata ċerti drittijiet għar-rigward ta' l-avjazzjoni ċivili. Issa x'għamlulu hawn? Lill-Gvern qalulu:
"While Malta is interested in establishing closer cooperation with the Community on market access in aviation independently of progress made in other sectors, the EC considers that cooperation in this area should proceed in parallel with progress made in other sectors, such as maritime transport."
Din tirriferi għal third package rights. Aħna ridna li jekk l-Air Malta tmur Ruma u minn hemm tmur Milan, tkun tista' tieħu passiġġieri minn Ruma għal Milan u minn Milan għal Londra, ħaġa li bħalissa l-Air Malta ma tistax tagħmel. Dan hu vitali jekk l-Air Malta trid tissopravvivi. Issa dawn qalulu li l-Gvern Malti mmexxi minni kien talab għal third package rights imma huma din mhumiex se jagħtuhielu u rridu nimxu paralleli mal-maritime transport. Issa nafu li l-kwestjoni tal-bandiera tagħti fastidju lil ħafna pajjiżi oħrajn, għax aħna għandna tunnellaġġ relattivament kbir reġistrat hawn Malta. Issa dawn reġgħu qed jorbtu ż-żewġ affarijiet flimkien, mentri qabel kienet li aħna rridu nimxu separatament fuq is-civil aviation, għaliex hemmhekk ma kienx hemm problemi, u bil-koperazzjoni u bil-goodwill ta' l-Ewropa konna naslu. Fuq il-kwestjonijiet l-oħra konna naslu wkoll imma dawn konna nidħlu għalihom waqt li nkunu għaddejjin bin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea, man mano li nkunu resqin.
Madam Speaker, punt ieħor importanti li huwa ta' interess għal kulħadd hija l-parteċipazzjoni ta' Malta fid-diversi programmi li għandha l-Unjoni Ewropea - li jissejħu "The Community programmes" - dwar il-kultura, dwar small and medium-sized enterprises, dwar l-environment u dwar suġġetti oħrajn. Hawn qalulna li ladarba biddilna r-rotta u m'għadniex fit-triq li twassal għall-Ewropa, mhux se nibqgħu nieħdu t-trattament li kien jingħata lil pajjiżi li beħsiebhom jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Huma kienu mexjin f'dak li kien jissejjaħ l-istructured dialogue ma' kull pajjiż, inkluż ma' Malta, u vis-a-vis Malta veru li kien hemm ftehim speċjali. Lilna kienu jgħinuna u jwiżnuna fejn l-iktar li kellna bżonn u skond ma jidhrilna aħna wkoll. Minn dan kollu issa spiċċa kollox. Bl-aktar mod ċar fil-paragrafi 49, 50, 52 u oħrajn, dawn jgħidu lill-Gvern Malti li issa Malta hija a European third country. Bħala a European third country ma nistgħux nipparteċipaw f'ħafna programmi li diġa' konna bdejna nipparteċipaw fihom. Bħala a European third country hemm possibbilta' li nipparteċipaw biss meta jkun hemm xi programmi għall-pajjiżi tal-Mediterran, bħalma huwa l-MEDA. Aħna nitkellmu dwar kemm hemm bżonn li niżviluppaw l-industrija. Aħna konna ftehimna li nipparteċipaw fir-research technology developement framework programme li għandha l-Unjoni Ewropea. Issa x'qalulna? Qalulna biex din ninsewha. Issa sirna bħall-pajjiżi l-oħra kollha li m'humiex interessati fl-Ewropa u ma nistgħux nipparteċipaw kif konna qed naħsbu li se nipparteċipaw qabel Madam Speaker, għalkemm hemm ħafna aktar x'wieħed jgħid, jien ma rridx intawwal pero' rrid nagħmel dak li hu rilevanti għall-mozzjoni, għax illum għandna fattur ġdid. Illum nafu xi tfisser din li l-Prim Ministru kien isejħilha "relazzjoni speċjali" bejn Malta u l-Unjoni. M'hijiex relazzjoni speċjali imma hija relazzjoni ta' pajjiż li mhux se jissieħeb. Hija relazzjoni li se tfisser li se nitgħabbew b'piżijiet u tbatija mingħajr il-vantaġġi ta' sħubijia.
Issa jien qed nitkellem hawn mhux biex nagħti, kif il-mozzjoni tgħid, sfiduċja fil-Gvern. Jien ngħid li l-Gvern tela' hemm u j'Alla jkompli l-ħames snin, għax hekk tgħid id-demokrazija. Jien ġejt hawn biex ngħid li dan il-Gvern huwa inkompetenti. Dan il-Gvern qed jagħmel xi ħaġa li hi ħażina għax mhijiex fl-interess ta' pajjiżna u jien nistenna li l-Gvern jirreaġixxi. Il-Gvern għandu jgħid li hu kien jaħseb li din se tkun l-aħjar triq imma m'hijiex l-aħjar triq. Illum il-fatti jippruvaw li dak li qed jipproponi l-Gvern mhuwiex fl-interess ta' pajjiżna. Dak li qed jgħid il-Gvern, kif tgħid il-mozzjoni li ressaqt, imur kontra l-interessi nazzjonali ekonomiċi. Mnejn se nġibu l-għajnuna li għandna bżonn, Madam Speaker? Mhux se nitkellem dwar dan issa, għax hemm xi tgħid ukoll dwar l-għajnuna ekonomika u finanzjarja, imma kemm se ndumu mmeru l-fatti? X'inhuma l-fatti? Il-fatti ssibhom jekk taqra d-dokumenti, taqra l-ġurnali jew taqra l-magazines. Il-fatti huma li l-pajjiżi li huma membri jkollhom għajnuna finanzjarja enormi.
L-avis stess, li kien ġie ippubblikat fl-1993, jikkwantifika li dak iż-żmien, fl-1993, Malta kienet tkun intitolata għal ECU 70 miljun gross. Meta tnaqqas il-kontribuzzjoni jistmaw li Malta kienet tieħu ECU 45 miljun fis-sena. Dan il-Gvern qed jarmi dawn il-flus. Dawn huma l-fatti. Malta għad għandna GDP per capita li huwa inqas minn 40% ta' l-average ta' l-Unjoni Ewropea. Ergo bir-regoli ta' l-Unjoni Ewropea għandna dritt li nużufruwixxu mill-istructure funds ta' l-Unjoni Ewropea li bħalissa, bħala minimu, iwasslu għal madwar Lm30 miljun fis-sena. Il-Gvern Malti qed igħid li dawn ma jinteressawniex. Il-Gvern Malti jippreferi jitgħabba bil-piżijiet biss. Issa din l-għajnuna tingħata biex il-pajjiż jirristruttura ruħu, biex l-ekonomija tqum fuq saqajha u tkun tista' timxi 'l quddiem, biex nimmodernizzaw it-Tarzna u l-industrija tal-manifattura u biex nimmodernizzaw il-mezzi tat-trasport u t-toroq tagħna. Għalhekk tingħata r-regional structural aid pero' l-Prim Ministru qed jagħlaq għajnejh u jgħidilna li hekk wiegħed fil-programm elettorali. Jien ngħidlu li dan mhux veru, għax il-fatti tbiddlu. Ejja ngħidu li kellu raġun jaħsibha hekk dakinhar imma llum m'għandux aktar raġun. U m'għandux raġun fuq il-fatti. Allura jien nistenna li din il-Kamra tieħu konjizzjoni ta' dawn l-affarijiet kollha u bi spirtu nazzjonali u fl-interess veru ta' pajjiżna ngħidu: Ejjew inkunu għaqlin u naraw x'għandna nagħmlu. Żgur li m'għandniex inkomplu fit-triq tal-Gvern fejn qed ngħabbu lil pajjiżna b'dawn il-piżijiet li huma ekwivalenti għal dawk ta' sħubija mingħajr ma nieħdu l-vantaġġi li jiġu mis-sħubija.

Madam Speaker, jien nittama li din il-Kamra tasal biex tiddeċiedi favur dak li għandu bżonn dan il-pajjiż. Imbagħad minflok li ngħaddu vot ta' sfiduċja fil-Gvern inkunu nistgħu ngħidu li din il-Kamra għarblet is-sitwazzjoni, waslet għall-konklużjoni u wasalna għal xi miżura ta' consensus. M'hemmx għalfejn li naqblu bil-punto e virgola fuq kollox imma għandna naqblu fuq dak li jinteressa lil pajjiżna. Dak li qed jipproponi l-Gvern huwa anti-nazzjonali u mhux fl-interess ta' pajjiżna. Jien nittama li jkollna konklużjoni tajba. Jekk ma jkollniex konklużjoni tajba, naturalment jien għamilt il-mozzjoni biex tiġi vvotata u approvata minn din il-Kamra. Grazzi.


Yüklə 386,33 Kb.

Dostları ilə paylaş:
  1   2   3   4   5   6   7




Verilənlər bazası müəlliflik hüququ ilə müdafiə olunur ©muhaz.org 2024
rəhbərliyinə müraciət

gir | qeydiyyatdan keç
    Ana səhifə


yükləyin