Flimkien mal-Bord tal-Koperattivi u mal-APEX tkun mistħarrġa il-possibilta ta’ emendi fil-liġi tal-kooperattivi bil-ħsieb li l-Kooperattivi jibqgħu ikunu negozji flessibli u kompetittivi fis-suq. Is-Segretarjat jippublika strateġija fil-ħidma tal-Bord tal-Koperattivi u l-APEX li ħija maħsuba biex tqajjem kultura ġdida lejn l-iżvilupp tal-koperattivi f’pajjiżna.
X’qed isir
Is-Segretarjat qed jistenna li l-APEX tagħmel il-konsultazzjoni mal-membri tagħha dwar dawn l-emendi.
Wara laqgħat preliminari ma’ diversi strutturi, li b’xi mod jew ieħor jirrappreżentaw il-Moviment Koperattiv, is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed ħadem sabiex iressaq flimkien il-koperattivi mal-Bord tal-Koperattivi, APEX (l-Organizzazjoni li tigbor il-koperattivi f’Malta), kif ukoll il-Fond Ċentrali tal-Koperattivi. F’żewġ seminars separati li ġew organizzati mis-Segretarjat, ġew diskussi diversi temi u proposti fir-reviżjoni tal-liġi l-ġdida għall-koperattivi. Dan qiegħed isir fid-dawl ta’ l-obbligazzjonijiet li Malta għandha ma’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma’ Federazzjonijiet u għaqdiet Internazzjonali.
Inizjattiva 33
Laqgħat konsultattivi fil-lokalitajiet flimkien mad-Diviżjoni għall-Kummerċ
Id-Divizjoni għal Kummerċ torganizza laqgħat konsultattivi f’lokalitajiet differenti bil-għan li persuni self-employed u sidien ta’ negozji żgħar ikollhom il-possibilta li jissuġġerixxu proċeduri burokratiċi li jistgħu jiġu emendati jew imneħħija sabiex in-negozju f’pajjiżna ikun aktar faċilitat.
X’qed isir
Din l-inizjattiva kienet fl-aġenda ta’ laqgħat ma’ sidien ta’ negozju f’diversi lokalitajiet.
Sa issa jidher li ma kien hemm ebda suġġeriment rigward it-tnaqqis ta’ aktar proċeduri burokratiċi, anzi l-ilment li aktar issemma’ kien li l-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji ġie simplifikat iż-żejjed
Bil-għan li s-Segretarjat jara li uffiċjali għolja f’dipartimenti li huma regolaturi fil-kummerċ ikunu aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-liċenzi tan-negozji, s-Segretarjat ser jorganizza żjajjar u laqgħat fejn l-istess uffiċjali għolja ikunu mgħejjuna jiltaqgħu, jitkellmu, jisimgħu u jifhmu l-isfidi ta’ min qiegħed regolat mill-istess dipartimenti. Minn dan l-eżerċizzju huwa mistenni li l-istess uffiċjali jidentifikaw proċeduri ineffiċenti li jistgħu jkunu emendati għal proċeduri iktar effiċjenti.
X’qed isir
Id-diretturi u uffiċjali għolja tad-Diviżjonijiet għall-Konsumatur u l-Kummerċ żaru l-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, Valletta, Raħal Ġdid, Rabat u San Pawl il-Baħar, u skond suġġerimenti u lmenti li semgħu minn sidien ta’ negozji nħareġ rapport ta’ ħtiġijiet li s-sidien qed iħossu. Dawn ir-rapporti tqassmu lil diversi Ministeri kkonċernati skond il-ħtieġa u kienet ippreparat ħidma mill-Ministeri sabiex jiġu mwieġba dawn il-ħtiġijiet.
Inizjattiva 35
Ikun skoraġġit il-kummerċ illiċitu
Tkompli il-koordinazzjoni bejn id-dipartimenti tad-Dwana, VAT, NSO u l-Ministeru għal l-Affarijiet Rurali u Ambjent, bil-għan li ikun skoraġġit kemm jista’ jkun l-kummerċ illiċitu (illicit trade).
X’qed isir
Matul din is-sena kien hemm kordinazzjoni sħiħa bejn id-Dipartiment tal-VAT, d-Dwana, il-Pulizija, NSO u l-Ministeru għal l-Affarijiet Rurali u Ambjent, bil-għan li ikun skoraġġit kemm jista’ jkun l-kummerċ illiċitu (illicit trade). Informazzjoni miġbura qiegħda kontinwament tiġi analizzata u tittieħed azzjoni fuqha sabiex jiġi żgurat li l-kummerċ illiċitu jonqos.
Saru wkoll emendi fil-liġijiet tal-VAT u Eko-Kontibuzzjoni li jgħinu fl-infurzar ta' dawn il-liġijiet.
Emenda importanti saret rigward spezzjonijiet ta’ merkanzija li tkun qed tinġarr fit-toroq.